Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1981

Deċiżjoni (UE) 2022/1981 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta’ Ottubru 2022 dwar l-użu tas-servizzi tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali mill-awtoritajiet kompetenti (BĊE/2022/33)

ECB/2022/33

ĠU L 272, 20.10.2022, pp. 22–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/06/2025

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1981/oj

20.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 272/22


DEĊIŻJONI (UE) 2022/1981 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-10 ta’ Ottubru 2022

dwar l-użu tas-servizzi tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali mill-awtoritajiet kompetenti (BĊE/2022/33)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(6) u l-Artikolu 132 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 34 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) flimkien mal-Artikolu 6(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-servizzi tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) huma pprovduti lill-banek ċentrali fi ħdan is-SEBĊ biex jappoġġaw indirettament it-twettiq tal-kompiti tagħhom. Is-servizzi tas-SEBĊ huma żviluppati, immexxija u miżmuma minn bank ċentrali wieħed jew aktar (minn issa ’l quddiem il-‘banek ċentrali li jipprovdu’) u mmexxija minn Kumitat tas-SEBĊ. Is-servizzi tas-SEBĊ huma ffinanzjati minn banek ċentrali parteċipanti (minn issa ’l quddiem il-‘banek ċentrali parteċipanti’), li l-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom huma definiti f’pakketti finanzjarji approvati mill-Kunsill Governattiv. Id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-banek ċentrali parteċipanti huma stabbiliti fl-atti legali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), kif inhu l-każ għall-infrastruttura tal-infrastruttura pubblika ewlenija tas-SEBĊ (SEBĊ-PKI), u/jew fi ftehimiet bejn il-banek ċentrali parteċipanti.

(2)

Huwa neċessarju għall-funzjonament bla xkiel, effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) li l-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) fi ħdan l-MSU jkunu jinkludu arranġamenti għall-użu mill-ANK ta’ servizzi tas-SEBĊ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom taħt ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(3)

Skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/34) (2), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jużaw is-servizzi tas-SEBĊ għall-fini ta’ kooperazzjoni mas-SEBĊ u ma’ xulxin sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(4)

Is-servizzi tas-SEBĊ li jenħtieġ li jsiru disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jiġu definiti b’referenza għal-listi eżawrjenti ta’ (a) servizzi tas-SEBĊ li l-awtoritajiet kompetenti kollha għandhom ikunu meħtieġa jużaw fit-twettiq tal-kompiti tal-MSU tagħhom biex jiżguraw l-effiċjenza u l-konsistenza fil-funzjonament tal-MSU u (b) is-servizzi tas-SEBĊ li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jużaw fuq bażi volontarja għall-fini tat-twettiq tal-kompiti tal-MSU tagħhom.

(5)

L-awtoritajiet kompetenti li jużaw is-servizzi tas-SEBĊ meta jwettqu l-kompiti tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 għandhom jikkonformaw mal-qafas legali li jirregola kull servizz tas-SEBĊ, filwaqt li jqisu li l-awtoritajiet kompetenti mhumiex parti mill-qafas ta’ governanza tas-SEBĊ. B’mod partikolari, tali awtoritajiet kompetenti għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-iżvilupp u l-operat tas-servizzi tas-SEBĊ ikkonċernati skont qafas ta’ rimborż definit, li għandu jkun ibbażat fuq skema tal-allokazzjoni tal-kost. Awtoritajiet kompetenti m’għandhomx għalfejn jissottomettu dikjarazzjoni ta’ parteċipazzjoni fir-rigward tas-servizzi tas-SEBĊ li huma meħtieġa jużaw, imma għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar tali servizzi kif stabbiliti f’din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘awtorità kompetenti’ tfisser jew awtorità nazzjonali kompetenti jew il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE);

(2)

‘awtorità nazzjonali kompetenti’ (ANK) tfisser awtorità nazzjonali kompetenti kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, tinkludi ukoll, fir-rigward tal-kompiti superviżorji assenjati lilhom, banek ċentrali nazzjonali li ġew assenjati ċerti kompiti superviżorji skont il-liġi nazzjonali u li mhumiex maħtura bħala ANK;

(3)

‘Servizzi tas-SEBĊ’ tfisser waħda jew aktar mill-applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi, bażijiet tad-data u servizzi elenkati fl-Anness I u l-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni;

(4)

‘bank ċentrali li jipprovdi’ tfisser bank ċentrali li jiżviluppa, imexxi u jżomm servizz tas-SEBĊ.

Artikolu 2

L-użu tas-servizzi tas-SEBĊ mill-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw is-servizzi tas-SEBĊ elenkati fl-Anness I għall-fini li jwettqu l-kompiti tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

2.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jużaw is-servizzi tas-SEBĊ elenkati fl-Anness II għall-fini li jwettqu l-kompiti tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

3.   L-awtoritajiet kompetenti li jiddeċidew li jużaw is-servizzi tas-SEBĊ stabbiliti fl-Anness II għandhom jippreżentaw dikjarazzjoni lill-Kunsill Governattiv li biha jikkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom u jaċċettaw il-konformità mal-obbligi relatati, inkluż l-obbligu li jħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom direttament lill-bank ċentrali li jipprovdi skont l-Artikolu 3.

4.   L-awtoritajiet kompetenti li jużaw is-servizzi tas-SEBĊ għandhom jikkonformaw mal-qafas legali li jirregola kull servizz tas-SEBĊ, inklużi l-ftehimiet bejn il-banek ċentrali parteċipanti u dawk li jipprovdu. Il-ftehimiet bejn il-partijiet jistgħu jistabbilixxu relazzjonijiet kuntrattwali diretti bejn il-banek ċentrali li jipprovdu u l-awtoritajiet kompetenti.

5.   Meta jużaw is-servizzi elenkati fl-Anness I l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III.

Artikolu 3

Arranġamenti finanzjarji

L-awtoritajiet kompetenti li jużaw is-servizzi tas-SEBĊ għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-iżvilupp u l-operat tas-servizz rispettiv tas-SEBĊ skont qafas ta’ rimborż definit, li huwa bbażat fuq skema tal-allokazzjoni tal-kost, kif speċifikat aktar fil-pakketti finanzjarji rispettivi skont ir-regoli applikabbli għar-rimborż.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-10 ta’ Ottubru 2022.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Deċiżjoni (UE) 2022/1982 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta’ Ottubru 2022 dwar l-użu tas-servizzi tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali mill-awtoritajiet kompetenti u mill-awtoritajiet li jikkooperaw, u li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/1 (ara paġna 29 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS I

Servizzi tas-SEBĊ li l-awtoritajiet kompetenti huma meħtieġa jużaw

CoreNet3

Enterprise Service Bus (ESB)

Identity and Access Management Service (IAM)


ANNESS II

Servizzi tas-SEBĊ li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jużaw

ESCB Teleconference System

Secure ESCB Email (SEE)

ESCB public key infrastructure (ESCB PKI)

ESCB Performing Survey Initiative LimeSurvey-based Solution (EPSILON)

ENTM Modelling tool and repository (ENTM)


ANNESS III

Rekwiżiti għas-servizzi tas-SEBĊ li l-awtoritajiet kompetenti huma meħtieġa jużaw

(1)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-kompiti u jassumu r-responsabbiltajiet li jikkorrispondu għar-rwol tagħhom fis-servizz tas-SEBĊ rilevanti.

(2)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaġġustaw is-sistemi interni u l-interfaċċi tagħhom biex joperaw mingħajr xkiel mas-servizz tas-SEBĊ.

(3)

L-awtoritajiet kompetenti se jkunu responsabbli għal kwalunkwe telf jew ħsara mġarrba bħala riżultat ta’ kwalunkwe azzjoni deliberata jew negliġenti u/jew ommissjoni fit-twettiq tal-obbligi tagħhom. Il-limitazzjonijiet tar-responsabbiltà stabbiliti fil-Ftehim tal-Livell 2 — Livell 3 se japplikaw kif xieraq.

(4)

L-awtoritajiet kompetenti se jerfgħu l-oneru tal-prova li juru li ma kisrux id-dmir tagħhom ta’ diliġenza raġonevoli fit-twettiq tal-obbligi tagħhom, inkluż fl-operat tal-faċilitajiet tekniċi.

(5)

L-esternalizzazzjoni, id-delega jew is-sottokuntrattar minn awtorità kompetenti lil partijiet terzi se jkunu mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta’ dik l-awtorità kompetenti.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jesternalizzaw, jiddelegaw jew jissottokuntrattaw biss lil parti terza kompiti li għandhom jew li jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Anness sal-punt li jkunu kisbu l-kunsens espliċitu, minn qabel u bil-miktub (jew kunsens preżunt kif previst fil-paragrafu (6)) tal-banek ċentrali tal-Eurosistema, jew tal-banek ċentrali tas-SEBĊ, skont il-każ. Ma jkun meħtieġ l-ebda kunsens bħal dan jekk il-parti terza tkun affiljata konġunta tal-awtorità kompetenti rilevanti u jekk id-drittijiet u l-obbligi ta’ dik l-awtorità kompetenti jibqgħu materjalment l-istess.

(6)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu avviż raġonevoli minn qabel ta’ kwalunkwe esternalizzazzjoni, delega jew sottokuntrattar ippjanat kif imsemmi fil-paragrafu 5 u għandhom jipprovdu dettalji tar-rekwiżiti li huma proposti li japplikaw għal tali esternalizzazzjoni, delega jew sottokuntrattar.

Il-Kumitat tas-SEBĊ kompetenti għandu jwieġeb għal kwalunkwe talba għal kunsens skont il-paragrafu 5 fi żmien xahrejn minn meta jiġi nnotifikat dwar l-esternalizzazzjoni, id-delega jew is-sottokuntrattar ippjanat. Kwalunkwe rifjut għall-għoti ta’ kunsens għandu jkun akkumpanjat bir-raġunijiet għal tali rifjut. Jekk l-awtorità kompetenti ma tirċievi l-ebda tweġiba fi żmien l-iskadenza ta’ xahrejn, hija tista’ tinnotifika mill-ġdid lill-Kumitat tas-SEBĊ kompetenti bit-talba tagħha. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema, jew il-banek ċentrali tas-SEBĊ, skont il-każ, ikollhom xahar ieħor li fih jirrispondu għat-tieni notifika. Jekk ma jkunx hemm tweġiba f’dak il-perjodu ta’ żmien, l-awtorità kompetenti titqies li tkun irċeviet il-kunsens biex tipproċedi bl-esternalizzazzjoni, bid-delega jew bis-sottokuntrattar.

(7)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu kunfidenzjali kull informazzjoni u għarfien sensittiv, sigriet jew kunfidenzjali (kemm jekk tali informazzjoni tkun ta’ natura kummerċjali, finanzjarja, regolatorja, teknika jew ta’ natura oħra) li tkun immarkata bħala tali u tappartjeni għall-bank ċentrali li jipprovdi u/jew lil banek ċentrali oħrajn tas-SEBĊ/Eurosistema, u ma jistgħux jiżvelaw tali informazzjoni lil xi parti terza mingħajr il-kunsens espliċitu, minn qabel u bil-miktub tal-bank/banek ċentrali kkonċernat/i.

(8)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrestrinġu l-aċċess għall-informazzjoni jew l-għarfien imsemmi fil-paragrafu 7 għall-persunal tekniku rilevanti tagħhom, u tali aċċess jista’ jiġi eżerċitat biss f’każijiet ta’ ħtieġa operattiva ċara.

(9)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu miżuri xierqa biex jipprevjenu l-aċċess għal tali informazzjoni kunfidenzjali jew għarfien minn persuni għajr il-persunal tekniku rilevanti.

(10)

Fil-każ eċċezzjonali li l-użu tas-servizz tas-SEBĊ jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali mill-awtorità kompetenti, l-awtorità kompetenti għandha tikkonforma mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema, jew il-banek ċentrali tas-SEBĊ, skont il-każ, għandhom jiddeterminaw l-għanijiet li għalihom u l-mezzi li bihom tista’ tiġi pproċessata d-data personali. Fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, l-awtorità kompetenti u l-banek ċentrali tal-Eurosistema, jew il-banek ċentrali tas-SEBĊ, skont il-każ, għandhom ifittxu li jikkonkludu kuntratt li jiċċara l-aspetti neċessarji tar-relazzjoni bejn il-kontrollur u l-proċessur.

L-awtorità kompetenti għandha tiddikjara lill-awtoritajiet kompetenti għall-protezzjoni tad-data, jekk dan ikun meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għall-ipproċessar tagħha ta’ data personali, l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tas-servizz rilevanti tas-SEBĊ.

(11)

L-aċċess għad-data personali jista’ jingħata biss lil dawk li jkollhom bżonn li jkunu jafu sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom u jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tas-servizz rilevanti tas-SEBĊ.

Top