Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1910

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1910 tad-29 ta’ Settembru 2022 dwar il-konklużjoni tal-emendi għall-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

    ST/7978/2022/INIT

    ĠU L 261, 7.10.2022, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1910/oj

    7.10.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 261/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1910

    tad-29 ta’ Settembru 2022

    dwar il-konklużjoni tal-emendi għall-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v), tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni hija Parti għall-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (“il-Ftehim”), li ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE (1), u hija membru tal-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor (“ISO”).

    (2)

    Abbażi tal-awtorizzazzjoni mogħtija bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2017/2242 (2) u (UE) 2019/2136 (3), il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, fetħet in-negozjati ma’ Membri oħra tal-ISO biex temenda l-Ftehim, taħt il-gwida tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp.

    (3)

    In-negozjati dwar l-emendi għall-Ftehim tlestew u l-formulazzjoni ta’ dawk l-emendi ġiet approvata mill-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor (“ISC”) matul is-57 sessjoni tiegħu f’Novembru 2020 u t-58 sessjoni tiegħu f’Ġunju 2021.

    (4)

    Kwalunkwe emenda għall-Ftehim miftiehma matul in-negozjati tista’ tiġi rrakkomandata lill-Membri tal-ISO mill-ISC f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 44 tal-Ftehim.

    (5)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1851 (4) awtorizzat lill-Kummissjoni biex tivvota favur ir-rakkomandazzjoni li l-Membri tal-ISO jemendaw il-Ftehim matul il-votazzjoni speċjali li saret fid-59 sessjoni tal-ISC f’Novembru 2021. L-ISC ivvota unanimament favur tal-emendi għall-Ftehim.

    (6)

    Skont l-Artikolu 44(1) tal-Ftehim, kull Membru tal-ISO jrid jinnotifika lid-depożitarju dwar l-aċċettazzjoni tiegħu tal-emendi għall-Ftehim.

    (7)

    Jenħtieġ li l-emendi għall-Ftehim jiġu approvati,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-emendi għall-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (“il-Ftehim”), huma b’dan approvati f’isem l-Unjoni.

    It-test tal-emendi għall-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 44(1) tal-Ftehim, bil-għan li jesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bil-Ftehim emendat.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Settembru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. SÍKELA


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE tat-13 ta’ Novembru 1992 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 15).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2242 tat-30 ta’ Novembru 2017 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għall-emendar tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 322, 7.12.2017, p. 29).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2136 tal-5 ta’ Diċembru 2019 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati biex jiġi emendat il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 324, 13.12.2019, p. 3).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1851 tal-15 ta’ Ottubru 2021 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor fir-rigward tal-emendi tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 u l-iskeda taż-żmien għall-implimentazzjoni tagħhom (ĠU L 374, 22.10.2021, p. 49).


    ANNESS

    Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (“il-Ftehim”) huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu

    Objettivi

    L-objettivi tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “dan il-Ftehim”), fid-dawl tat-termini tar-riżoluzzjoni 93 (IV) adottati mill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp, huma:

    (a)

    li tiġi żgurata kooperazzjoni internazzjonali msaħħa dwar il-kwistjonijiet dinjija taz-zokkor u tal-prodotti dolċifikanti kif ukoll dwar il-kwistjonijiet relatati, inkluż il-bijoenerġija u l-produzzjoni tal-fjuwil tal-etanol abbażi ta’ għelejjel taz-zokkor;

    (b)

    li jiġi pprovdut qafas għall-konsultazzjonijiet intergovernattivi dwar is-swieq taz-zokkor u tal-prodotti dolċifikanti, kif ukoll dwar il-prodotti sekondarji tal-industrija taz-zokkor u l-fjuwil tal-etanol abbażi ta’ għelejjel taz-zokkor;

    (c)

    li jiġi ffaċilitat in-negozjar billi tinġabar u tiġi pprovduta l-informazzjoni dwar is-suq dinji taz-zokkor u ta’ prodotti dolċifikanti oħra, kif ukoll dwar il-bijoenerġija u l-fjuwil tal-etanol abbażi ta’ għelejjel taz-zokkor;

    (d)

    li titħeġġeġ żieda fid-domanda għaz-zokkor u għall-għelejjel taz-zokkor, b’mod partikolari għal użi mhux tal-ikel.";

    (2)

    fl-Artikolu 23, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-Kunsill għandu jaħtar id-Direttur Eżekuttiv permezz ta’ votazzjoni speċjali għal perjodu ta’ erba’ snin. Il-ħatra mill-Kunsill għandha sseħħ mill-inqas sitt xhur qabel il-bidu tal-mandat tad-Direttur Eżekuttiv. Il-Kunsill jista’ jaħtar mill-ġdid lid-Direttur Eżekuttiv permezz ta’ votazzjoni speċjali għal perjodu ieħor ta’ erba’ snin. Id-Direttur Eżekuttiv ma għandux jinħatar għal aktar minn żewġ mandati. It-termini speċifiċi tal-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv għandhom jiġu deċiżi mill-Kunsill.";

    (3)

    l-Artikolu 25 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 25

    Adozzjoni tal-baġit amministrattiv u kontribuzzjonijiet tal-Membri

    1.   Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, il-Membri għandu jkollhom 2 000 vot.

    2.

    (a)

    Kull Membru għandu jkollu għadd ta’ voti, li għandhom jiġu ddeterminati f’konformità mal-paragrafu 3 hawn taħt.

    (b)

    L-ebda Membru ma għandu jkollu inqas minn sitt voti.

    (c)

    Ma għandu jkun hemm l-ebda vot frazzjonat. L-ittondjar għandu jkun permess fil-proċess tal-kalkolu u biex jiġi żgurat li jiġi allokat l-għadd ta’ voti totali.

    3.   Il-voti għandhom jiġu ddeterminati annwalment skont il-proċedura li ġejja: kull sena mill-2023 ’il quddiem, fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-Annwarju taz-Zokkor mill-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor, l-għadd ta’ voti għal kull Membru għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-indikaturi li ġejjin u l-ponderazzjoni relattiva tagħhom:

    għal 20 % tal-voti, l-attribuzzjoni tkun pro rata tas-sehem ta’ dak il-membru fuq it-total tal-esportazzjonijiet tal-membri, flimkien ma’

    għal 20 % tal-voti, l-attribuzzjoni tkun pro rata tas-sehem ta’ dak il-membru fuq it-total tal-importazzjonijiet tal-membri, flimkien ma’

    għal 20 % tal-voti, l-attribuzzjoni tkun pro rata tas-sehem ta’ dak il-membru fuq it-total tal-produzzjoni tal-membri, flimkien ma’

    għal 20 % tal-voti, l-attribuzzjoni tkun pro rata tas-sehem ta’ dak il-membru fuq it-total tal-konsum tal-membri, flimkien ma’

    għal 20 % tal-voti, l-attribuzzjoni tkun pro rata tas-sehem ta’ dak il-membru fuq it-total tal-Fattur tal-Kapaċità ta’ Ħlas (APF) tal-membri. L-APF huwa ekwivalenti għall-aħħar valutazzjonijiet ippubblikati dwar it-tqassim tal-ispejjeż tan-Nazzjonijiet Uniti.

    L-għadd ta’ voti ta’ kull Membri għandu jiġi kkalkulat, għal kull wieħed mill-indikaturi ta’ hawn fuq, bl-użu tal-medja ta’ dak l-indikatur għall-aħħar ħames snin ippubblikata fl-aktar edizzjoni reċenti tal-Annwarju taz-Zokkor tal-Organizzazzjoni. Is-sehem ta’ kull Membru fit-total tal-Membri kollha għall-indikaturi msemmija hawn fuq għandu jiġi kkalkulat mid-Direttur Eżekuttiv. Id-data kollha ta’ hawn fuq ser tiġi ddistribwita lill-Membri fil-ħin li fih isiru l-kalkoli.

    4.   Fil-każ ta’ adeżjoni ta’ Membru jew Membri wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-voti tagħhom għandhom jiġu ddeterminati skont il-kjavi tal-kalkolu skont il-paragrafi 2 u 3 hawn fuq. Il-voti tal-Membri eżistenti għandhom jiġu kkalkulati mill-ġdid kif xieraq sabiex it-total tal-voti jibqa’ ta’ 2 000.

    5.   Fil-każ tal-ħruġ ta’ Membru jew Membri, il-voti tal-Membru jew il-Membri li joħorġu għandhom jitqassmu mill-ġdid lill-Membri li jibqgħu, abbażi tal-ishma kkalkulati mill-ġdid tal-ħames indikaturi tal-Membri sabiex it-total tal-voti tal-Membri kollha jibqa’ 2 000.

    6.   Arranġament tranżitorju:

    (a)

    Għall-fini li jiġi stabbilit punt tat-tluq għall-kalkolu tal-aġġustamenti, is-Sħubija u s-sitwazzjoni tal-votazzjoni fis-sena 2022 ser ikunu punt ta’ referenza.

    (b)

    Matul l-ewwel ħames snin tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-għadd ta’ voti ta’ kull Membru ma jistax ikun aktar minn 15 % ogħla jew inqas minn dak miftiehem għas-sena preċedenti, u, fit-tieni ħames snin tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-għadd ta’ voti ta’ kull Membru ma jistax ikun aktar minn 20 % ogħla jew inqas minn dawk miftiehma għas-sena preċedenti. Iċ-ċifri jistgħu jiġu ttondjati ħlief f’każijiet fejn l-ittondjar tal-għadd ta’ voti allokati lil Membru, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2(c), iwassal biex jinqabżu l-persentaġġi miftiehma.

    (c)

    Għall-finijiet li tiġi stabbilita l-kontribuzzjoni għal kull vot, il-voti li ma jiġux allokati minħabba l-applikazzjoni tal-paragrafu 6(b) hawn fuq ma għandhomx jitqassmu fost il-Membri l-oħra. Għalhekk, il-kontribuzzjoni għal kull vot se tiġi ddeterminata abbażi tal-għadd ta’ voti ġenerali kkalkulati mill-ġdid, dment li dawn ma jaqbżux l-2 000 vot.

    (d)

    L-arranġament tranżitorju ser jitlesta fi żmien 10 snin.

    7.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26, il-paragrafu 2, dwar is-sospensjoni mid-dritt għall-vot minħabba n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi, ma għandhomx japplikaw għal dan l-Artikolu.

    8.   Matul it-tieni nofs ta’ kull sena, il-Kunsill għandu jadotta l-baġit amministrattiv tal-Organizzazzjoni għas-sena ta’ wara u għandu jiddetermina l-kontribuzzjoni għal kull vot tal-Membri meħtieġa biex jintlaħaq dak il-baġit, wara li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

    9.   Il-kontribuzzjoni ta’ kull Membru għall-baġit amministrattiv għandha tiġi kkalkulata billi l-kontribuzzjoni għal kull vot tiġi mmultiplikata bl-għadd ta’ voti li jkollu skont dan l-Artikolu, kif ġej:

    (a)

    Għal dawk li jkunu Membri fiż-żmien tal-adozzjoni finali tal-baġit amministrattiv, l-għadd ta’ voti li jkollhom dakinhar; u

    (b)

    Għal dawk li jsiru Membri wara l-adozzjoni tal-baġit amministrattiv, l-għadd ta’ voti li jirċievu meta jissieħbu, aġġustat skont il-bqija tal-perjodu kopert mill-baġit jew mill-baġits; il-valutazzjonijiet li jsiru fir-rigward ta’ Membri oħra ma għandhomx jinbidlu.

    10.   Il-Kunsill jista’, permezz ta’ votazzjoni speċjali, jieħu dik il-miżura li jqis xierqa sabiex jimmitiga l-effetti fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Membri li jirriżultaw minn sħubija possibbilment limitata fiż-żmien tal-adozzjoni tal-baġit amministrattiv għall-2024 jew minn kwalunkwe tnaqqis kbir fis-sħubija minn hemm ’il quddiem.";

    (4)

    l-Artikolu 32 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 32

    Informazzjoni u studji

    1.   L-Organizzazzjoni għandha taġixxi bħala ċentru għall-ġbir u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni statistika u studji dwar il-prezzijiet, l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet, il-konsum u l-istokkijiet tal-prodotti taz-zokkor, kif ukoll it-taxxi fuq il-prodotti taz-zokkor u l-produzzjoni dinjija.

    2.   Il-membri jimpenjaw ruħhom li jipprovdu, fiż-żmien mogħti lilhom mir-regoli ta’ proċedura, l-istatistika u l-informazzjoni kollha disponibbli li jkunu meħtieġa biex l-Organizzazzjoni tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha skont dan il-ftehim. Jekk dan ikun meħtieġ, l-Organizzazzjoni għandha tuża dik l-informazzjoni rilevanti li tista’ tkun disponibbli għaliha minn sorsi oħra. L-Organizzazzjoni ma għandha tippubblika l-ebda informazzjoni li tista’ sservi biex jiġu identifikati l-operazzjonijiet tal-persuni jew tal-kumpaniji li jipproduċu, jipproċessaw jew jikkummerċjalizzaw il-prodotti taz-zokkor.";

    (5)

    l-Artikolu 33 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 33

    Evalwazzjoni tas-suq, konsum u statistika

    1.   Il-Kunsill għandu jistabbilixxi Kumitat dwar l-Evalwazzjoni tas-Suq tal-Prodotti taz-Zokkor, il-Konsum u l-Istatistika, magħmul mill-Membri kollha, taħt il-Presidenza tad-Direttur Eżekuttiv.

    2.   Il-Kumitat għandu jżomm il-kwistjonijiet relatati mal-ekonomija dinjija tal-prodotti taz-zokkor taħt rieżami kontinwa u għandu jinforma lill-Membri dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu, għal liema skop għandu jorganizza laqgħat, normalment darbtejn fis-sena. Fir-rieżami tiegħu, il-Kumitat għandu jqis l-informazzjoni rilevanti kollha miġbura mill-Organizzazzjoni skont l-Artikolu 32.

    3.   Il-Kumitat għandu jwettaq il-ħidma fl-oqsma li ġejjin:

    (a)

    It-tħejjija tal-istatistika dwar il-prodotti taz-zokkor u l-analiżi statistika tal-produzzjoni, il-konsum, l-istokkijiet, il-kummerċ internazzjonali u l-prezzijiet tal-prodotti taz-zokkor;

    (b)

    L-analiżi tal-imġiba tas-suq u l-fatturi li jaffettwawha, b’referenza speċjali għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kummerċ dinji;

    (c)

    L-analiżi tad-domanda għall-prodotti taz-zokkor, inklużi l-effetti tal-użu ta’ kwalunkwe forma ta’ sostituti naturali u artifiċjali għall-prodotti taz-zokkor fuq il-kummerċ dinji, u l-konsum tal-prodotti taz-zokkor;

    (d)

    Kwistjonijiet oħra kif approvati mill-Kunsill.

    4.   Kull sena, il-Kunsill għandu jikkunsidra abbozz ta’ programm ta’ ħidma bil-quddiem, akkumpanjat mill-istimi tar-riżorsi meħtieġa, imħejji mid-Direttur Eżekuttiv.";

    (6)

    l-Artikolu 34 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 34

    Riċerka u żvilupp

    Sabiex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1, il-Kunsill jista’ jassisti kemm fir-riċerka xjentifika u l-iżvilupp fl-ekonomiji tal-prodotti taz-zokkor kif ukoll fit-tixrid tar-riżultati miksuba f’dan il-qasam. Għal dan il-għan, il-Kunsill jista’ jikkoopera mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-istituzzjonijiet tar-riċerka bil-kundizzjoni li ma jkun hemm l-ebda obbligu finanzjarju addizzjonali min-naħa tal-Kunsill.";

    (7)

    it-titolu tal-Anness għall-Ftehim huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Allokazzjoni tal-voti miftiehma oriġinarjament fl-1992”.


    Top