Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1620

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1620 tad-19 ta’ Settembru 2022 li tistabbilixxi miżuri ta’ kontinġenza mudell għal każijiet ta’ impossibbiltà teknika ta’ aċċess għad-data fil-fruntieri esterni, inklużi proċeduri ta’ riżerva li għandhom jiġu segwiti mill-awtoritajiet tal-fruntieri skont l-Artikolu 48(4) tar-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2022/6591

ĠU L 243, 20.9.2022, pp. 144–147 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1620/oj

20.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 243/144


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1620

tad-19 ta’ Settembru 2022

li tistabbilixxi miżuri ta’ kontinġenza mudell għal każijiet ta’ impossibbiltà teknika ta’ aċċess għad-data fil-fruntieri esterni, inklużi proċeduri ta’ riżerva li għandhom jiġu segwiti mill-awtoritajiet tal-fruntieri skont l-Artikolu 48(4) tar-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 48(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/1240 jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (European Travel Information and Authorisation System, “ETIAS”) għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma eżenti mir-rekwiżit li jkollhom viża fil-pussess tagħhom għall-finijiet tad-dħul u s-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri.

(2)

Skont l-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240, l-awtoritajiet tal-fruntieri kompetenti biex iwettqu verifiki fil-fruntieri fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għandhom l-obbligu li jikkonsultaw is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS bl-użu tad-data li tinsab fil-parti tad-dokument tal-ivvjaġġar li tinqara minn magna. Jista’ jkun hemm ċirkostanzi minħabba ħsara teknika li sseħħ fi kwalunkwe parti tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS jew minħabba ħsara fl-infrastruttura tal-fruntieri nazzjonali fi Stat Membru li fih awtorità tal-fruntiera jaf ma tkunx tista’ tipproċedi bil-konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240.

(3)

L-iskop ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tistabbilixxi miżuri ta’ kontinġenza mudell, inklużi proċeduri ta’ riżerva li għandhom jiġu segwiti mill-awtoritajiet tal-fruntieri fil-fruntieri esterni f’ċirkostanzi li fihom awtorità tal-fruntiera jaf ma tkunx tista’ tipproċedi b’tali konsultazzjoni tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS.

(4)

Il-miżuri ta’ kontinġenza mudell għandhom l-għan li jintużaw kemm bħala linji gwida kif ukoll bħala bażi, aġġustata kif meħtieġ, għall-iżvilupp u l-adozzjoni mill-Istati Membri tal-pjanijiet ta’ kontinġenza nazzjonali tagħhom għall-każijiet fejn awtorità tal-fruntiera ma tkunx tista’ tipproċedi bil-konsultazzjoni tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS meta twettaq verifiki fil-fruntieri fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/399.

(5)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-fruntieri jkollhom il-possibbiltà li jidderogaw temporanjament, f’każ ta’ ħsara teknika, mill-obbligu li jikkonsultaw is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, u li jivverifikaw l-istatus tal-awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar permezz tal-għodda ta’ verifika msemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1240. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit il-kontenut tan-notifiki mill-awtoritajiet tal-fruntieri fil-każ ta’ impossibbiltà teknika li ssir il-konsultazzjoni tas-Sistema Ċentrali tal-ETIAS minħabba ħsara fl-infrastruttura tal-fruntieri nazzjonali fi Stat Membru.

(6)

Ġaladarba r-Regolament (UE) 2018/1240 jimxi fuq il-passi tal-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, innotifikat l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1240 fil-liġi nazzjonali tagħha. Għalhekk id-Danimarka hija marbuta b’din id-Deċiżjoni.

(7)

Din id-Deċiżjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3). Tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom; għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(8)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (4), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (5).

(9)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (6) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (7).

(10)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (9).

(11)

Fir-rigward ta’ Ċipru, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jimxi fuq il-passi tal-acquis ta’ Schengen, jew huwa altrimenti marbut miegħu, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, l-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 u l-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011, rispettivament.

(12)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u ta l-opinjoni tiegħu fit-18 ta’ Frar 2022.

(13)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fruntieri Intelliġenti (ETIAS),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Miżuri ta’ kontinġenza mudell inklużi proċeduri ta’ riżerva għall-każijiet ta’ impossibbiltà teknika ta’ aċċess għad- data fil-fruntieri esterni

1.   Meta jkun teknikament impossibbli li wieħed jipproċedi bil-konsultazzjoni jew bit-tfittxija msemmija fl-Artikolu 48(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2018/1240, l-awtoritajiet tal-fruntieri jistgħu:

(a)

jitolbu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jipprovdu l-istatus tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tagħhom (valida, miċħuda, annullata jew revokata) u l-perjodu ta’ validità; għal dan il-għan, l-awtoritajiet tal-fruntieri jistgħu jistabbilixxu konnessjoni mal-Internet jew jagħtu aċċess għal tagħmir installat f’punti ta’ qsim tal-fruntiera għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jaqbdu mal-għodda ta’ verifika msemmija fid-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/970 (11);

(b)

jaħżnu lokalment informazzjoni relatata mal-entrati, bħal data dwar l-identità jew data dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar, għall-fini ta’ verifika sussegwenti tal-istatus tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu daħlu matul il-perjodu ta’ impossibbiltà teknika; L-awtoritajiet tal-fruntieri jistgħu jaħżnu din l-informazzjoni biss għall-perjodu tal-impossibbiltà teknika u l-verifika sussegwenti; jew

(c)

jista’ jitneħħielhom, b’mod temporanju, l-obbligu li jikkonsultaw is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS.

2.   In-notifiki previsti fl-Artikolu 48(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2018/1240 għandhom isiru mingħajr dewmien permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni kondiviżi mill-awtoritajiet tal-fruntieri, l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS u l-Unità Ċentrali tal-ETIAS.

3.   In-notifiki previsti fl-Artikolu 48(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240, li għandhom jiġu kkomunikati mill-awtoritajiet tal-fruntieri lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS u lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS rispettiva tagħhom għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-punt(i) tal-qsim tal-fruntiera affettwat(i) mill-ħsara u l-awtorità li ma tistax twettaq il-konsultazzjoni; u

(b)

d-data u l-ħin meta tkun seħħet il-ħsara;

(c)

fejn possibbli, id-deskrizzjoni tal-ħsara u l-ħin tar-rispons għar-riżoluzzjoni.

L-unità Ċentrali tal-ETIAS għandha, meta tinforma lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 48(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240, tipprovdi l-istess informazzjoni li tirċievi mill-awtoritajiet tal-fruntieri.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 077, 23.3.2016, p. 1)

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(4)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(6)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(8)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(11)  Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/970 tat-22 ta’ Frar 2019 dwar l-għodda li l-applikanti jistgħu jiċċekkjaw l-istatus tal-applikazzjonijiet tagħhom kif ukoll il-perjodu ta’ validità u l-istatus tal-awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar tagħhom biha, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 156, 13.6.2019, p. 15).


Top