Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1337

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1337 tat-28 ta’ Lulju 2022 li tistabbilixxi l-mudell għall-għoti ta’ informazzjoni lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi dwar l-ipproċessar tad-data personali fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ

C/2022/5314

ĠU L 201, 1.8.2022, p. 48–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1337/oj

1.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/48


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1337

tat-28 ta’ Lulju 2022

li tistabbilixxi l-mudell għall-għoti ta’ informazzjoni lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi dwar l-ipproċessar tad-data personali fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolament (KE) Nru 767/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(4) u (5) l-ewwel paragrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 stabbilixxa s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (Entry/Exit System, EES) bħala sistema li tirreġistra elettronikament il-ħin u l-post tad-dħul u l-ħruġ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitħallew jidħlu għal soġġorn qasir fit-territorju tal-Istati Membri u li tikkalkula t-tul ta’ żmien tas-soġġorn awtorizzat tagħhom.

(2)

Skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li d-data tagħhom għandha tiġi rreġistrata fl-EES għandhom jiġu infurmati dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tagħhom. Skont l-Artikolu 50(5) tar-Regolament (UE) 2017/2226, dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fil-forma ta’ mudell.

(3)

Fejn meħtieġ biex jikkonformaw mal-liġijiet nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jimlew il-mudell bl-informazzjoni nazzjonali rilevanti. Bil-ħsieb li titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u jingħataw aktar kjarifiki, jenħtieġ li l-Istati Membri jżidu, b’mod partikolari, informazzjoni relatata mal-konsegwenzi li persuna b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta ġġarrab, id-drittijiet tas-suġġett tad-data, il-possibbiltà ta’ assistenza mill-awtoritajiet superviżorji, id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet rilevanti għall-protezzjoni tad-data u t-tressiq tal-ilmenti.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li jiġi stabbilit il-mudell imsemmi fl-Artikolu 50(5) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

(5)

Peress li r-Regolament (UE) 2017/2226 jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, fit-30 ta’ Mejju 2018 id-Danimarka nnotifikat id-deċiżjoni tagħha li timplimenta r-Regolament (UE) 2017/2226 fil-liġi nazzjonali tagħha, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka hija għalhekk marbuta b’din id-Deċiżjoni.

(6)

Fir-rigward tal-Irlanda, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem (2); Għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(7)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar dawk l-Istati assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (3), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (4).

(8)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (6).

(9)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi tal-Artikolu 1, il-punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (8).

(10)

Fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija, peress li l-verifika skont il-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli tlestiet b’suċċess, kif ikkonfermat mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 u l-10 ta’ Ġunju 2011, id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen iddaħħlu fis-seħħ bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/934 (9) u d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża ddaħħlu fis-seħħ bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1908 (10), il-kundizzjonijiet kollha għat-tħaddim tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ stabbiliti fl-Artikolu 66(2)(b) tar-Regolament (UE) 2017/2226 ġew ssodisfati u dawk l-Istati Membri għalhekk jenħtieġ li joperaw is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ mill-bidu tal-operazzjonijiet.

(11)

Fir-rigward ta’ Ċipru u l-Kroazja, it-tħaddim tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ jirrikjedi l-għoti ta’ aċċess passiv għas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen f’konformità mad-Deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill. Dawk il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu ssodisfati biss ladarba l-verifika skont il-proċedura ta’ evalwazzjoni applikabbli ta’ Schengen tkun tlestiet b’suċċess. Jenħtieġ li s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ titħaddem biss minn dawk l-Istati Membri li jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet fil-bidu tat-tħaddim tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ. L-Istati Membri li ma joperawx is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ mill-bidu tal-operazzjonijiet jenħtieġ li jiġu konnessi mas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ, f’konformità mal-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) 2017/2226, malli jiġu ssodisfati dawk il-kundizzjonijiet kollha.

(12)

Il-kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u ta opinjoni fil-11 ta’ Marzu 2022.

(13)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Fruntieri Intelliġenti, stabbilit bl-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2017/2226.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 50(4) u l-mudell imsemmi fl-Artikolu 50(5) tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20.

(2)  Din id-Deċiżjoni ma taqax fl-ambitu tal-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(3)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(5)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(7)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2018/934/UE tal-25 ta’ Ġunju 2018 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta’ Schengen marbuta mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija (ĠU L 165, 2.7.2018, p. 37).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2017/1908/UE tat-12 ta’ Ottubru 2017 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li jirrigwardaw is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 269, 19.10.2017, p. 39).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Mudell għall-għoti ta’ informazzjoni lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi dwar l-ipproċessar ta’ data personali fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ

Is-sistema ta’ Dħul/Ħruġ (1) fiha rekords ta’ data personali dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu deħlin fit-territorju tal-Istati Membri (2) għal soġġorn qasir (massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum). Is-sistema bdiet topera fi [data]. Minn din id-data, l-informazzjoni dwar id-dħul u l-ħruġ tiegħek mit-territorju tal-Istati Membri, u, jekk applikabbli, informazzjoni dwar jekk iċċaħħadtx minn dħul, tiġi rreġistrata fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ.

Għal dan il-għan, id-data tiegħek tinġabar u tiġi pproċessata f’isem [Awtorità tal-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar] (kontrollur(i)). Jekk jogħġbok ara hawn taħt id-dettalji ta’ kuntatt. Id-data personali tiegħek tiġi pproċessata għall-finijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri, il-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari u l-iffaċilitar tal-ġestjoni tal-flussi migratorji. Dan huwa meħtieġ skont ir-Regolament (UE) 2017/2226 (3), speċifikament l-Artikoli 14, 16 sa 19 u 23 tal-Kapitolu II u l-Kapitolu III tar-Regolament.

Liema data tinġabar, tiġi rreġistrata u pproċessata?

Matul il-kontrolli fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri, il-ġbir tad-data personali tiegħek huwa obbligatorju għall-eżami tal-kundizzjonijiet tad-dħul. Tinġabar u tiġi rreġistrata d-data personali li ġejja:

(1)

id-data elenkata fid-dokument tal-ivvjaġġar tiegħek; kif ukoll

(2)

id-data bijometrika: mix-xbieha tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’ tiegħek (4).

Id-data dwarek tinġabar ukoll minn sorsi oħra, skont is-sitwazzjoni tiegħek:

(1)

is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża; id-data li tinsab fil-fajl personali tiegħek; kif ukoll

(2)

is-sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar, b’mod partikolari l-istatus tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tiegħek u l-istatus ta’ membru tal-familja tiegħek, jekk applikabbli.

X’jiġri jekk ma tipprovdix id-data bijometrika mitluba?

Jekk ma tipprovdix id-data bijometrika mitluba għar-reġistrazzjoni, il-verifika jew l-identifikazzjoni fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ, ma titħalliex tidħol fil-fruntieri esterni.

Min għandu aċċess għad-data tiegħek?

L-Istati Membri jistgħu jaċċessaw id-data tiegħek għall-finijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri, il-faċilitazzjoni tal-qsim tal-fruntieri, l-immigrazzjoni, u l-infurzar tal-liġi. L-Europol jista’ jaċċessa wkoll id-data tiegħek għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi. Taħt kundizzjonijiet stretti, id-data tiegħek tista’ tiġi ttrasferita wkoll lil Stat Membru, pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali elenkata fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/2226 (5) għall-finijiet ta’ ritorn (6) jew infurzar tal-liġi (7).

Id-data tiegħek se tinħażen fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ għat-tul ta’ żmien li ġej, u wara dan titħassar awtomatikament  (8):

(1)

ir-rekords ta’ kull rekord ta’ dħul, ħruġ jew ċaħda ta’ dħul jinħażnu għal tliet snin li jibdew mid-data tar-rekord tad-dħul, tal-ħruġ, taċ-ċaħda tad-dħul (9);

(2)

il-fajl individwali li fih id-data personali tiegħek jinħażen għal tliet snin u jum wieħed li jibda mid-data tal-aħħar rekord tal-ħruġ jew tar-rekord taċ-ċaħda tad-dħul fejn ma jiġi rreġistrat l-ebda dħul matul dak il-perjodu;

(3)

meta ma jkunx hemm rekord tal-ħruġ, id-data tiegħek tinħażen għal ħames snin li jibdew mid-data tal-iskadenza tas-soġġorn awtorizzat tiegħek.

Is-soġġorn awtorizzat li jifdal u s-soġġorn b’awtorizzazzjoni skaduta

Għandek id-dritt li tirċievi mingħand il-gwardja tal-fruntiera informazzjoni dwar it-tul massimu li jifdal tas-soġġorn awtorizzat tiegħek fit-territorju tal-Istati Membri. Tista’ tikkonsulta wkoll is-sit web li ġej [link għas-sit web pubbliku tal-EES] jew, fejn disponibbli, it-tagħmir installat fil-fruntieri biex tivverifika int stess kemm fadallek soġġorn awtorizzat.

Jekk taqbeż il-perjodu tas-soġġorn awtorizzat tiegħek, id-data tiegħek tiżdied awtomatikament ma’ lista ta’ persuni identifikati (lista ta’ persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta). Il-lista tista’ tiġi aċċessata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Jekk tinsab fuq din il-lista ta’ persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta [il-konsegwenzi ta’ persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta għandhom jiżdiedu mill-Istati Membri(10). Madankollu, jekk tista’ tipprovdi evidenza kredibbli lill-awtoritajiet kompetenti li inti qbiżt it-tul awtorizzat tas-soġġorn tiegħek minħabba ċirkostanzi imprevedibbli u serji, id-data personali tiegħek tista’ tiġi rettifikata jew ikkompletata fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ u tista’ titneħħa mil-lista ta’ persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta.

Id-drittijiet tiegħek fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali

Inti għandek id-drittijiet li ġejjin:

(1)

li titlob mingħand il-kontrollur aċċess għal data relatata miegħek;

(2)

li titlob li data mhux preċiża jew mhux kompluta relatata miegħek tiġi rettifikata jew tkun kompluta; kif ukoll

(3)

biex titlob li data personali pproċessata illegalment li tikkonċernak titħassar jew li l-ipproċessar tagħha jkun ristrett.

Jekk tixtieq teżerċita xi wieħed minn dawn id-drittijiet elenkati fil-punti minn (1) sa (3), għandek tikkuntattja lill-kontrollur tad-data jew lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data indikat hawn taħt.

Dettalji ta’ kuntatt

Kontrollur(i) tad-data: [l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt għandhom jimtlew mill-Istat Membru – il-kontrollur tad-data].

Uffiċjal(i) tal-protezzjoni tad-data: [l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt għandhom jimtlew mill-Istat Membru].

F’konformità mat-tqassim tal-kompiti bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-aġenziji Ewropej involuti, tista’ tressaq ilment quddiem:

Awtorità superviżorja tal-[Istat Membru] li hija responsabbli mill-ipproċessar tad-data tiegħek (eż. jekk inti tallega li rreġistraw id-data tiegħek b’mod skorrett):

[Informazzjoni speċifika għall-Istat Membru li għandha tiġi speċifikata – l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt]

Il-kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għal kwistjonijiet ta’ pproċessar tad-data mill-Aġenziji Ewropej:

[id-dettalji ta’ kuntatt għandhom jiġu speċifikati – l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt]

[Aktar informazzjoni mill-Istati Membri dwar id-drittijiet tas-suġġetti tad-data jew il-possibbiltà ta’ assistenza mill-awtoritajiet superviżorji]. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta s-sit web pubbliku tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ [żid il-link/l-isem].


(1)  Ir-Regolament (UE) 2017/2226 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011

(2)  L-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, u l-Iżvizzera.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).

(4)  Jekk jogħġbok innota li d-data tal-marki tas-swaba’ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma għandhomx bżonn viża biex jidħlu fiż-żona Schengen u d-detenturi ta’ Dokumenti ta’ Tranżitu Faċilitati se tinħażen ukoll fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ. Jekk teħtieġ viża biex tidħol fiż-żona Schengen, il-marki tas-swaba’ tiegħek diġà se jinħażnu fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża bħala parti mill-fajl tiegħek hemmhekk u mhux se jerġgħu jinħażnu fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ.

(5)  L-organizzazzjoni tan-NU, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (Organization for Migration, IOM) jew il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar.

(6)  L-Artikolu 41(1) u (2) u l-Artikolu 42

(7)  L-Artikolu 41(6).

(8)  Jekk int soġġett għal ħtieġa ta’ viża, il-marki tas-swaba’ tiegħek ma jinħażnux fis-sistema ta’ Dħul/Ħruġ peress li huma diġà maħżuna fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża.

(9)  Fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadini mobbli tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera (jiġifieri ċittadini tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeri li jivvjaġġaw lejn Stat li mhuwiex l-Istat tan-nazzjonalità tagħhom jew li diġà jirrisjedu fih), u li qed jakkumpanjaw jew jingħaqdu ma’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera, kull rekord ta’ dħul, ħruġ jew ċaħda tad-dħul jinħażen għal sena wara d-data tar-rekord tal-ħruġ jew tar-rekord taċ-ċaħda tad-dħul.

(10)  Il-kalkolu tat-tul tas-soġġorn awtorizzat u l-ħolqien ta’ twissijiet lill-Istati Membri meta jkun skada s-soġġorn awtorizzat ma japplikawx għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadini mobbli tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera (jiġifieri ċittadini tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeri li jivvjaġġaw lejn Stat ieħor li ma jkunx l-Istat tan-nazzjonalità tagħhom jew li diġà jirrisjedu fih) u qed jakkumpanjaw jew jingħaqdu ma’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeru


Top