Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1333

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1333 tat-28 ta’ Lulju 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 dwar il-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA)

    ST/9385/2022/INIT

    ĠU L 201, 1.8.2022, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1333/oj

    1.8.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 201/25


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/1333

    tat-28 ta’ Lulju 2022

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 dwar il-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fid-9 ta' Diċembru 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 (1), li stabbiliet il-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA), b'mandat inizjali sat-8 ta' Awwissu 2022, sentejn mit-tnedija tal-EUAM RCA.

    (2)

    Fit-12 ta' April 2022, abbażi tar-Rieżami Strateġiku Olistiku tal-Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-UE fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) u tal-EUAM RCA, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) irrakkomanda li l-mandat tal-EUAM RCA jiġi estiż sad-9 ta' Awwissu 2024. Fil-11 ta' Mejju 2022, il-KPS qabel li l-mandat tal-EUAM RCA jenħtieġ li jiġi aġġustat għas-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

    (3)

    Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 tiġi emendata skont dan.

    (4)

    Il-EUAM RCA ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif deskritti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 hija emendata kif ġej;

    (1)

    fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.   L-objettivi strateġiċi tal-EUAM RCA għandhom ikunu:

    (a)

    l-appoġġ għall-bini ta’ kapaċitajiet ta’ governanza u ġestjoni bbażati fuq ir-regoli fi ħdan il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Pubblika tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-bini u l-monitoraġġ tal-kategoriji ta’ ppjanar rilevanti kollha;

    (b)

    l-appoġġ għat-trasformazzjoni sostenibbli tal-Forzi tas-Sigurtà Interna tar-Repubblika Ċentru-Afrikana u l-funzjonament u l-iskjerament operazzjonali effikaċi tagħhom;

    (c)

    l-assistenza fl-iżvilupp ta’ appoġġ integrat għall-Forzi tas-Sigurtà Interna tar-Repubblika Ċentru-Afrikana permezz ta’ koordinazzjoni mill-qrib, filwaqt li tiġi żgurata l-unità fl-azzjoni u l-komplementarjetà tal-isforzi mal-atturi rilevanti;

    (d)

    li tiġi stabbilita stampa tas-sitwazzjoni komprensiva permezz ta’ Kapaċità Analitika ddedikata, inkluż f’oqsma bħall-komunikazzjonijiet strateġiċi u l-iżviluppi fis-sigurtà u politiċi;

    (e)

    li jiġu appoġġati l-isforzi għal komunikazzjoni strateġika biex trawwem il-valuri tal-Unjoni, tippromwovi l-azzjoni tal-Unjoni u tikxef il-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali minn forzi barranin fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.”;

    (2)

    fl-Artikolu 13, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM RCA għall-perjodu mid-9 ta' Diċembru 2019 sat-8 ta' Awwissu 2022 għandu jkun ta' EUR 30 352 481,10.

    L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM RCA għall-perjodu mid-9 ta' Awwissu 2022 sad-9 ta' Awwissu 2024 għandu jkun ta' EUR 28 400 000,00.”;

    (3)

    fl-Artikolu 17, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Hija għandha tiskadi fid-9 ta' Awwissu 2024.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmula fi Brussell, it-28 ta’ Lulju 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. BEK


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/2110 tad-9 ta’ Diċembru 2019 dwar il-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA) (ĠU L 318, 10.12.2019, p. 141).


    Top