Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1286

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1286 tal-15 ta’ Lulju 2022 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-għoti ta’ kuntratti biex tiġi segwita l-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lil klijenti żgħar fin-Netherlands (notifikata bid-dokument C(2022) 4872) (It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/4872

    ĠU L 195, 22.7.2022, p. 95–103 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1286/oj

    22.7.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 195/95


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1286

    tal-15 ta’ Lulju 2022

    dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-għoti ta’ kuntratti biex tiġi segwita l-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lil klijenti żgħar fin-Netherlands

    (notifikata bid-dokument C(2022) 4872)

    (It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 35(3) tagħha,

    Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwist Pubbliku,

    Billi:

    1.   FATTI

    (1)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwist Pubbliku.

    (2)

    Fit-30 ta’ Jannar 2017, Eneco B.V. (“Eneco”) u N.V. Nuon Energy (“Nuon”) issottomettew talba lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2014/25/UE (“it-talba”). It-talba tikkonforma mar-rekwiżiti formali stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1804 (2) u fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

    (3)

    L-ishma f’Nuon huma miżmuma kollha kemm huma minn Vattenfall AB, kumpanija mhux elenkata proprjetà tal-Istat Żvediż. B’riżultat ta’ dan, Nuon titqies bħala entità kontraenti skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/25/UE. Wara bidla fis-sjieda f’Marzu 2020 (il-kumpanija, li qabel kienet proprjetà tal-gvernijiet lokali fin-Netherlands, inbiegħet lil impriża konġunta magħmula minn Mitsubishi Corporation u Chubu Electric Power), Eneco ma għadhiex titqies bħala entità kontraenti.

    (4)

    It-talba tikkonċerna l-attivitajiet tal-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti żgħar (unitajiet domestiċi kif ukoll utenti industrijali u kummerċjali żgħar konnessi mal-grilja b’vultaġġ baxx b’konnessjoni b’kapaċità massima ta’ konnessjoni ta’ mhux aktar minn 3 * 80 A) u l-provvista bl-imnut tal-gass lil klijenti żgħar (unitajiet domestiċi u negozji żgħar konnessi man-network tal-gass b’kapaċità massima ta’ konnessjoni ta’ mhux aktar minn 40 m3).

    (5)

    F’konformità mal-punt 1(a) tal-Anness IV tad-Direttiva 2014/25/UE, peress li l-aċċess liberu għas-suq jista’ jiġi preżunt abbażi tal-Artikolu 34(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dik id-Direttiva, il-Kummissjoni trid tadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni dwar it-talba fi żmien 90 jum ta’ xogħol. Billi t-talba ma kinitx akkumpanjata minn pożizzjoni raġunata u sostanzjata minn awtorità nazzjonali indipendenti fis-sens tal-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2014/25/UE, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Netherlandiżi dwar it-talba u talbet informazzjoni addizzjonali fl-24 ta’ Marzu 2017. It-tweġiba għal din it-talba għall-informazzjoni ntbagħtet mill-awtoritajiet Netherlandiżi permezz ta’ email, fid-19 ta’ Ġunju 2017. It-tweġiba kienet meqjusa bħala mhux kompluta u wasslet lill-Kummissjoni biex titlob għal aktar kjarifiki fis-27 ta’ Lulju 2017, li l-awtoritajiet Netherlandiżi pprovdew fil-25 ta’ Settembru 2017.

    (6)

    Peress li l-informazzjoni disponibbli kienet għadha insuffiċjenti biex il-Kummissjoni tifforma l-opinjoni tagħha dwar l-esponiment tal-attivitajiet għall-kompetizzjoni, intbagħtu aktar talbiet għal informazzjoni lill-awtoritajiet Netherlandiżi fil-21 ta’ Diċembru 2017 u fit-2 ta’ Marzu 2018. L-awtoritajiet Netherlandiżi bagħtu tweġiba fil-11 ta’ Ottubru 2021.

    (7)

    Nuon issottomettiet talba sostanzjalment modifikata fl-24 ta’ Jannar 2022. Il-Kummissjoni u l-applikant qablu li jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni sal-15 ta’ Lulju 2022.

    2.   QAFAS ĠURIDIKU

    (8)

    Id-Direttiva 2014/25/UE tapplika għall-għoti ta’ kuntratti maħsuba biex jippermettu attivitajiet relatati mal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass [kif imsemmi fl-Artikolu 9(1)(a) ta’ dik id-Direttiva], sakemm dawk l-attivitajiet ma jkunux eżentati skont l-Artikolu 34 ta’ dik id-Direttiva.

    (9)

    L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE jipprevedi li kuntratti intiżi sabiex jippermettu t-twettiq ta’ attività li għaliha tapplika d-Direttiva ma għandhomx ikunu soġġetti għal dik id-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn titwettaq l-attività, l-attività tkun esposta direttament għall-kompetizzjoni fi swieq li għalihom l-aċċess ma huwiex ristrett. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni jrid jiġi vvalutat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat.

    3.   VALUTAZZJONI

    3.1.   Aċċess liberu għas-suq

    (10)

    L-aċċess għas-suq jitqies mhux ristrett jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun implimenta u applika l-atti legali rilevanti tal-Unjoni li jiftħu settur partikolari jew parti minnu. Dawk l-atti legali huma elenkati fid-Direttiva 2014/25/UE, Anness III. Id-Direttiva 2019/944/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li tħassar id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), hija applikabbli għas-settur tal-elettriku, filwaqt li d-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) hija applikabbli għas-settur tal-gass.

    (11)

    In-Netherlands ittrasponiet id-Direttivi 2019/944/UE u 2009/73/KE fil-liġi nazzjonali permezz tal-Att dwar l-Elettriku tan-Netherlands (6) (Elektriciteitswet) u l-Att dwar il-Gass tan-Netherlands (7) (Gaswet). Konsegwentement, u f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tad-Direttiva 2014/25/UE, l-aċċess għas-suq jitqies bħala mhux ristrett għat-territorju kollu tan-Netherlands.

    3.2.   Esponiment dirett għall-kompetizzjoni

    (12)

    L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni jrid jiġi evalwat abbażi ta’ bosta indikaturi, li l-ebda wieħed minnhom ma huwa deċiżiv per se. Fir-rigward tas-swieq ikkonċernati minn din id-deċiżjoni, is-sehem mis-suq tal-atturi prinċipali f’suq partikolari jikkostitwixxi kriterju wieħed, li jenħtieġ li jiġi kkunsidrat. Minħabba l-karatteristiċi tas-swieq ikkonċernati, jenħtieġ li jitqiesu wkoll kriterji ulterjuri, bħan-numru ta’ atturi tas-suq, il-likwidità tas-swieq bl-ingrossa, ir-rati ta’ qlib tal-klijenti jew l-eżistenza ta’ regolamentazzjoni tal-prezzijiet.

    (13)

    Din id-Deċiżjoni hija mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u d-dispożizzjonijiet f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, filwaqt li l-kriterji u l-metodoloġija użati għall-valutazzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE jridu jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni tat-Trattat, mhux neċessarjament għandhom ikunu identiċi għal dawk użati biex titwettaq valutazzjoni skont l-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 tat-Trattat jew skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (8), kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali (9).

    (14)

    L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tistabbilixxi jekk l-attivitajiet ikkonċernati mit-talba, fis-swieq li għalihom l-aċċess ma huwiex ristrett skont it-tifsira tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, humiex esposti għal livell ta’ kompetizzjoni li jiżgura li, anke fin-nuqqas tad-dixxiplina tal-akkwist miġjuba mir-regoli dettaljati dwar l-akkwist stabbiliti fid-Direttiva 2014/25/UE, l-akkwist għall-insegwiment tal-attivitajiet ikkonċernati jitwettaq b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi tal-kriterji li jippermettu lill-akkwirenti jidentifikaw is-soluzzjoni li b’mod ġenerali tkun l-aktar waħda ekonomikament vantaġġuża.

    (15)

    F’dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li, fis-swieq ikkonċernati, mhux l-atturi kollha tas-suq huma soġġetti għar-regoli tal-akkwist pubbliku. F’dan il-każ, Nuon biss titqies bħala entità kontraenti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/25/UE u għalhekk hija soġġetta għal regoli dwar l-akkwist pubbliku.

    3.2.1.   Swieq tal-prodotti relevanti

    (16)

    Skont il-preċedenti tal-Kummissjoni (10), is-swieq tal-prodotti rilevanti li ġejjin jistgħu jiġu distinti fis-settur tal-elettriku: (i) il-ġenerazzjoni u l-provvista bl-ingrossa; (ii) it-trażmissjoni; (iii) id-distribuzzjoni u (iv) il-provvista bl-imnut lill-klijenti finali (11). Fis-settur tal-gass, tista’ ssir distinzjoni bejn is-swieq tal-prodotti li ġejjin: (i) is-suq upstream (esplorazzjoni għaż-żejt mhux maħdum u għall-gass naturali); (ii) is-swieq bl-ingrossa (upstream u downstream); (iii) is-suq bl-imnut, li jista’ jiġi definit bħala l-bejgħ, il-kummerċjalizzazzjoni u d-distribuzzjoni tal-gass lill-klijenti finali (12).

    (17)

    Hemm tmien kumpaniji ta’ distribuzzjoni reġjonali jew Operaturi tas-Sistemi ta’ Distribuzzjoni (“DSOs”) fis-settur tal-elettriku u tal-gass fin-Netherlands: Cogas Infra & Beheer, Enduris, Enexis, Liander, Endinet, RENDO Netbeheer, Stedin Netbeheer u Westland Infra Netbeheer. Iż-żoni li fihom id-DSOs jittrasportaw l-elettriku jistgħu jvarjaw miż-żoni li fihom jittrasportaw il-gass. Sa mil-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-enerġija, l-operat indipendenti tad-DSOs ġie żgurat b’serje ta’ regoli f’konformità mal-leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni. Il-leġiżlatur Netherlandiż ta mandat għal separazzjoni sħiħa tas-sjieda fil-livell tad-DSO. L-awtoritajiet Netherlandiżi kkonfermaw (13) li, bħalissa, id-DSOs kollha huma separati legalment u għandhom sjieda separata mill-ġeneraturi u mill-fornituri.

    Provvista bl-imnut tal-elettriku

    (18)

    Fir-rigward tal-provvista tal-elettriku lill-klijenti finali, fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn il-provvista lil klijenti żgħar (unitajiet domestiċi u negozji żgħar) konnessi ma’ grilji tad-distribuzzjoni b’vultaġġ baxx u l-provvista lil klijenti industrijali kbar tipikament konnessi mal-grilja b’vultaġġ għoli u medju (konsumaturi industrijali u kummerċjali kbar) (14). Din id-distinzjoni hija relatata mar-rekwiżiti u l-profili differenti fuq in-naħa tad-domanda u s-servizzi u t-teknoloġiji differenti fuq in-naħa tal-provvista (15).

    (19)

    Fid-deċiżjonijiet preċedenti, l-Awtorità Netherlandiża għall-Konsumaturi u s-Swieq (Autoriteit Consument & Markt – “ACM”) għamlet ukoll distinzjoni bejn il-provvista lil klijenti fuq skala żgħira (16) u l-provvista lil klijenti fuq skala kbira (17). L-ACM osservat li d-differenzi fil-bejgħ u fil-kummerċjalizzazzjoni, fit-termini tal-ipprezzar u tal-konsenja, fix-xejriet differenti tal-qlib, fid-differenzi fuq in-naħa tad-domanda u fil-liċenzja separata meħtieġa għal kull tip ta’ klijent jiġġustifikaw tali distinzjoni.

    (20)

    Din it-talba tikkonċerna lil klijenti żgħar, jiġifieri lill-unitajiet domestiċi kif ukoll lill-utenti industrijali u kummerċjali żgħar konnessi mal-grilja b’vultaġġ baxx b’kapaċità massima ta’ konnessjoni ta’ mhux aktar minn 3 * 80 A.

    Provvista bl-imnut tal-gass

    (21)

    Fid-Deċiżjonijiet preċedenti tagħha, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn is-swieq li ġejjin: provvista ta’ gass naturali lil: (i) impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass (18); (ii) klijenti industrijali kbar (19) u (iii) klijenti żgħar (20). L-aħħar kategorija, ibbażata fuq analiżi każ b’każ, tista’ tkompli tinqasam fil-provvista tal-gass naturali lil: (i) unitajiet domestiċi u (ii) klijenti kummerċjali (21).

    (22)

    Fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, l-ACM għamlet distinzjoni bejn il-provvista tal-gass naturali lil klijenti żgħar u l-provvista lil klijenti kbar u lil impjanti tal-enerġija (22). L-ACM sostniet li l-kundizzjonijiet kompetittivi kienu differenti fiż-żewġt iswieq fir-rigward tal-profil tax-xiri, tal-prezzijiet u tal-qlib. Bħal fil-każ tal-provvista bl-imnut tal-elettriku, kienet meħtieġa liċenzja speċifika għal kull tip ta’ konsumatur.

    (23)

    L-ACM indikat ukoll li tista’ ssir suddiviżjoni ulterjuri possibbli tas-suq għall-provvista tal-gass naturali abbażi tal-kwalità tal-gass (23), bejn il-gass b’valur kalorifiku baxx (“gass L”) użat tipikament minn klijenti żgħar u gass b’valur kalorifiku għoli (“gass H”) użat kemm minn klijenti kbar kif ukoll minn dawk żgħar.

    (24)

    Din it-talba tikkonċerna klijenti żgħar, jiġifieri unitajiet domestiċi u negozji żgħar b’kapaċità massima ta’ konnessjoni ta’ mhux aktar minn 40 m3.

    Konklużjoni

    (25)

    Fid-dawl tal-fatturi eżaminati fil-premessi 15 sa 23, għall-finijiet tal-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE humiex issodisfati, u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ liġi oħra tal-Unjoni, il-Kummissjoni tqis li s-swieq tal-prodotti rilevanti huma s-swieq għall-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti żgħar u l-provvista bl-imnut tal-gass lil klijenti żgħar.

    3.2.2.   Swieq ġeografiċi rilevanti

    Provvista bl-imnut tal-elettriku

    (26)

    Il-Kummissjoni preċedentement sabet (24) li s-swieq għall-provvista bl-imnut tal-elettriku fin-Netherlands kienu nazzjonali fl-ambitu tagħhom.

    (27)

    Mill-perspettiva ġeografika, fil-prattika preċedenti tagħha (25), l-ACM iddefiniet is-swieq tal-prodotti rilevanti fis-settur tal-provvista bl-imnut tal-elettriku bħala nazzjonali fl-ambitu tagħhom.

    (28)

    Skont l-informazzjoni li waslet mill-awtoritajiet Netherlandiżi (26), hemm madwar 55 fornitur attiv tal-elettriku fin-Netherlands u dawn huma kollha attivi fil-livell nazzjonali.

    (29)

    Għall-finijiet tal-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE humiex issodisfati, u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ liġijiet oħra tal-Unjoni, il-Kummissjoni tqis li s-suq ġeografiku rilevanti għall-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti żgħar huwa nazzjonali fl-ambitu tiegħu.

    Provvista bl-imnut tal-gass

    (30)

    Il-Kummissjoni b’mod ġenerali ddefiniet is-swieq għall-provvista bl-imnut tal-gass, inklużi suddiviżjonijiet ulterjuri possibbli, bħala nazzjonali fl-ambitu, dment li dawn ikunu kompletament illiberalizzati (27).

    (31)

    Mill-perspettiva ġeografika, fil-prattika preċedenti tagħha (28), l-ACM iddefiniet is-swieq tal-prodotti rilevanti fis-settur tal-provvista bl-imnut tal-gass bħala nazzjonali fl-ambitu.

    (32)

    Skont l-informazzjoni li waslet mill-awtoritajiet Netherlandiżi (29), hemm 55 fornitur attiv tal-gass fin-Netherlands u kollha huma attivi fil-livell nazzjonali.

    (33)

    Għall-finijiet tal-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE humiex issodisfati, u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ liġijiet oħra tal-Unjoni, il-Kummissjoni tqis li s-suq ġeografiku rilevanti għall-provvista bl-imnut tal-gass lil klijenti żgħar huwa nazzjonali fl-ambitu tiegħu.

    3.2.3.   Analiżi tas-suq

    (34)

    Il-Kummissjoni diġà adottat diversi deċiżjonijiet (30) li jeżentaw il-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass f’għadd ta’ Stati Membri mill-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku. Il-Kummissjoni se tibbaża l-valutazzjoni tagħha b’mod partikolari fuq il-kriterji li ġejjin: l-għadd ta’ parteċipanti fis-suq, is-sehem mis-suq ikkombinat tal-akbar impriżi, ir-rata tal-qlib tal-konsumaturi finali, il-likwidità tas-swieq bl-ingrossa u r-regolamentazzjoni tal-prezzijiet.

    3.2.3.1.   Għadd ta’ atturi tas-suq u ishma tas-suq tal-akbar impriżi

    (35)

    Skont l-awtoritajiet Netherlandiżi (31), hemm 55 fornitur attiv fil-livell nazzjonali kemm fis-suq tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku kif ukoll fis-suq tal-bejgħ bl-imnut tal-gass.

    (36)

    Skont din it-talba (32), il-kost totali tad-dħul fis-suq għall-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass huwa baxx u ma jikkostitwix ostaklu għad-dħul.

    (37)

    F’deċiżjonijiet preċedenti (33), il-Kummissjoni qieset li, fir-rigward tas-suq tal-provvista bl-imnut, is-sehem totali mis-suq tal-akbar tliet impriżi kien rilevanti. Jistgħu jitqiesu rilevanti wkoll miżuri ta’ konċentrazzjoni oħrajn. Karatteristika partikolari kienet li attur wieħed biss fis-suq kien soġġett għar-regoli dwar l-akkwist pubbliku.

    Il-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti żgħar

    (38)

    Nuon hija soġġetta għar-regoli dwar l-akkwist pubbliku, filwaqt li l-akbar żewġ kompetituri tagħha, Essent u Eneco ma humiex. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Netherlandiżi (34), l-ishma mis-suq tal-fornituri ewlenin baqgħu pjuttost stabbli matul il-perjodu ta’ bejn l-2017 u l-2020: Is-sehem mis-suq ta’ Nuon naqas minn 27 % għal 25 %, is-sehem mis-suq ta’ Eneco naqas minn 25 % għal 22 % u s-sehem mis-suq ta’ Essent naqas minn 27 % għal 26 %.

    (39)

    B’mod ġenerali, is-sehem tas-suq konsolidat tal-akbar tliet bejjiegħa bl-imnut fis-suq Netherlandiż għall-provvista bl-imnut tal-elettriku naqas minn 79 % fl-2017 għal 73 % fl-2020.

    Il-provvista bl-imnut tal-gass lil klijenti żgħar

    (40)

    Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Netherlandiżi (35), l-ishma mis-suq tal-fornituri ewlenin baqgħu pjuttost stabbli matul il-perjodu ta’ bejn l-2017 u l-2020: Is-sehem mis-suq ta’ Nuon naqas minn 27 % għal 25 %, is-sehem mis-suq ta’ Eneco naqas minn 25 % għal 22 % u s-sehem mis-suq ta’ Essent baqa’ l-istess, jiġifieri 27 %.

    (41)

    B’mod ġenerali, is-sehem mis-suq konsolidat tal-akbar tliet bejjiegħa bl-imnut fis-suq Netherlandiż għall-provvista bl-imnut tal-gass naqas minn 79 % fl-2017 għal 74 % fl-2020.

    3.2.3.2.   Rati ta’ qlib tal-konsumaturi finali

    (42)

    L-għadd ta’ klijenti li jaqilbu għal fornitur ieħor (bdil estern) jew għal tariffa jew kuntratt ieħor mal-istess fornitur (qlib intern) jitqies bħala indikatur rilevanti tal-effettività tal-kompetizzjoni. F’deċiżjoni preċedenti (36), il-Kummissjoni analizzat l-aktar il-qlib estern.

    (43)

    Il-biċċa l-kbira tal-klijenti żgħar fin-Netherlands huma fornuti permezz ta’ kuntratti b’żewġ tipi ta’ fjuwil li jimplika li jirċievu kemm gass kif ukoll elettriku minn fornitur wieħed.

    (44)

    Ir-rata tal-qlib estern għall-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass fin-Netherlands kienet dejjem aktar għolja, minn 17 % fl-2017 għal 21 % fl-2020 (37).

    (45)

    Skont l-informazzjoni pubblika disponibbli (38), ir-rati interni tal-qlib għall-klijenti żgħar jammontaw għal 8 % għall-elettriku u għall-gass fl-2020.

    (46)

    Dawk ir-rati ta’ qlib jindikaw li klijenti żgħar huma lesti li jaqilbu u li hemm alternattivi validi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom relatati mal-provvista tal-elettriku u tal-gass.

    3.2.3.3 .   Likwidità tas-swieq tal-elettriku u tal-gass bl-ingrossa

    (47)

    L-elettriku u l-gass jistgħu jiġu nnegozjati fuq tipi differenti ta’ swieq bl-ingrossa: fi swieq tal-kambju tal-enerġija jew pjattaformi multilaterali tan-negozjar u/jew f’negozjar bilaterali barra l-borża (OTC). Is-swieq tal-kambju tal-enerġija huma pjattaformi użati mill-atturi tas-suq biex jinnegozjaw ix-xiri u l-bejgħ tal-elettriku. Il-gass jiġi nnegozjat ukoll f’ċentri tal-gass likwidu. Dawn l-arranġamenti jipprovdu suq miftuħ, jorganizzaw il-kompetizzjoni u jistabbilixxu prezz ta’ referenza trasparenti għall-parteċipanti fis-suq.

    (48)

    Is-suq bl-ingrossa huwa suq li huwa direttament upstream għas-suq bl-imnut. Filwaqt li xi bejjiegħa bl-imnut jappartjenu għal gruppi integrati vertikalment, ħafna bejjiegħa bl-imnut tal-elettriku ma għandhomx l-assi ta’ ġenerazzjoni tagħhom stess. Dawn il-bejjiegħa bl-imnut jiksbu l-elettriku fis-suq bl-ingrossa bil-għan li jerġgħu jbigħuh fis-suq bl-imnut f’kompetizzjoni mal-bejjiegħa bl-imnut integrati vertikalment. Swieq kompetittivi tal-bejgħ bl-ingrossa likwidi u li jiffunzjonaw tajjeb, fejn il-bejjiegħa bl-imnut mingħajr assi ta’ ġenerazzjoni jistgħu jakkwistaw faċilment l-elettriku bi prezzijiet kompetittivi, huma għaldaqstant kundizzjoni ewlenija għal swieq kompetittivi tal-bejgħ bl-imnut fejn il-bejjiegħa bl-imnut integrati vertikalment u mhux vertikalment jikkompetu b’kundizzjonijiet ekwi. Iċ-ċentri tal-gass likwidi jirfdu l-funzjonament tas-suq b’ħafna modi u jiżguraw li l-parteċipanti l-ġodda jkunu jistgħu jiżguraw aċċess għall-gass fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa.

    (49)

    Fir-rapport tal-likwidità tagħha (39), l-ACM ikkonkludiet li l-likwidità tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa tan-Netherlands (eż. volumi nnegozjati ogħla, volatilità aktar baxxa tal-prezzijiet u firxa iżgħar bejn it-talba u l-offerta) żdiedet matul il-perjodu ta’ bejn l-2009 u l-2013. Volumi ogħla u likwidità mtejba jgħinu lis-swieq bl-ingrossa jiffunzjonaw aħjar, u jippermettu lill-parteċipanti fis-suq jieħdu deċiżjonijiet effiċjenti meta jixtru jew ibigħu l-elettriku. Fl-2020, is-suq bl-ingrossa tal-elettriku Netherlandiż kien madwar 3 darbiet akbar mill-konsum nazzjonali, meta mqabbel ma’ darba u nofs fl-2015 (40).

    (50)

    Il-Kummissjoni tqis li l-likwidità tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa tan-Netherlands laħqet livell li huwa suffiċjenti sabiex ma jikkostitwix ostaklu għall-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti domestiċi li tkun soġġetta għal esponiment dirett għall-kompetizzjoni.

    (51)

    Il-livell ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-gass bl-ingrossa tan-Netherlands jintwera b’mod partikolari mill-funzjonament tal-Faċilità għat-Trasferiment tat-Titoli (TTF), iċ-ċentru tan-negozjar tal-gass bl-ingrossa tan-Netherlands. L-aħħar rapport annwali tal-ACER dwar il-funzjonament tas-suq bl-ingrossa tal-gass (41) (“ir-rapport tal-ACER”) juri li t-TTF għandha likwidità għolja u li l-likwidità żdiedet f’dawn l-aħħar snin (42). Ir-rapport juri wkoll il-proċess effiċjenti u trasparenti għall-iffissar tal-prezzijiet fit-TTF, li jwassal għal firxiet baxxi bejn it-talba u l-offerta (43).

    (52)

    Ir-Rapport tal-ACER jidentifika s-suq bl-ingrossa tal-gass Netherlandiż bħala eżempju tajjeb (44), fit-termini li ġejjin: “It-TTF fin-Netherlands u l-NBP fir-Renju Unit għadhom l-aktar żewġ ċentri kummerċjali likwidi u kompetittivi, li huma responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-attività ta’ negozjar bil-quddiem tal-gass fl-UE.”

    (53)

    Minħabba l-karatteristiċi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-likwidità tas-suq tal-gass bl-ingrossa tan-Netherlands hija biżżejjed biex tippermetti lil fornituri ġodda jidħlu fis-suq u ma tikkostitwix ostaklu għall-provvista bl-imnut tal-gass lil klijenti żgħar li jkunu soġġetti għal esponiment dirett għall-kompetizzjoni.

    3.2.3.4.   Regolazzjoni tal-prezzijiet

    Provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lil klijenti żgħar

    (54)

    Il-prezz tal-provvista tal-elettriku u tal-gass lill-klijenti finali huwa magħmul minn 1) taxxa fuq l-enerġija, 2) kost tan-network, 3) il-kiri tal-miter, 4) il-VAT u 5) l-kost tal-provvista (45). Filwaqt li l-ewwel erba’ elementi huma regolati, il-kost tal-provvista ma huwiex regolat.

    3.2.3.5.   Elementi oħrajn

    (55)

    Nuon hija integrata vertikalment fis-settur tal-elettriku u hija attiva fis-suq Netherlandiż għall-produzzjoni u għall-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku (sehem mis-suq ta’ 16,8 %) u fis-suq Netherlandiż għall-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass.

    (56)

    Fost l-operaturi li ma humiex soġġetti għar-regoli dwar l-akkwist pubbliku, Eneco u Essent huma integrati vertikalment ukoll, b’ishma mis-suq ta’ 4,6 % u 13 % f’termini ta’ kapaċità installata fis-suq għall-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa (46).

    (57)

    Minkejja l-integrazzjoni vertikali fis-settur tal-elettriku, il-pożizzjoni tas-suq ta’ Nuon kemm fil-livell tal-produzzjoni kif ukoll fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa ma tikkostitwix ostaklu għall-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti żgħar biex ikunu esposti direttament għall-kompetizzjoni. Bl-istess mod, minħabba fis-swieq bl-ingrossa tal-gass likwidu, ma hemm l-ebda ostaklu sinifikanti għall-provvista bl-imnut tal-gass lil klijenti żgħar domestiċi biex ikunu esposti direttament għall-kompetizzjoni.

    4.   KONKLUŻJONIJIET

    (58)

    Fir-rigward tal-provvista bl-imnut tal-elettriku lil klijenti żgħar fin-Netherlands, is-sitwazzjoni tista’ tinġabar fil-qosor kif ġej: is-sehem mis-suq tal-akbar tliet atturi tas-suq qiegħed jonqos; ir-rata tal-qlib hija għolja u qiegħda tiżdied; ma hemm l-ebda kontroll tal-prezzijiet għall-utenti finali u l-funzjonament tas-suq bl-ingrossa ma jikkostitwixxix ostaklu għas-suq bl-imnut sabiex il-klijenti żgħar ikunu esposti għall-kompetizzjoni.

    (59)

    Fir-rigward tal-provvista bl-imnut tal-gass lil klijenti żgħar fin-Netherlands, is-sitwazzjoni tista’ b’hekk tinġabar fil-qosor kif ġej: is-sehem mis-suq tal-akbar tliet atturi tas-suq qiegħed jonqos; ir-rata tal-qlib hija għolja; ma hemm l-ebda kontroll tal-prezzijiet għall-utenti finali u l-likwidità fis-suq hija għolja.

    (60)

    Fid-dawl tal-fatturi eżaminati fil-premessi 34 sa 57, il-kundizzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li titqies li ġiet issodisfata fir-rigward tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u l-gass lil klijenti żgħar fin-Netherlands.

    (61)

    Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni legali u fattwali minn Jannar 2017 sa Ottubru 2021 kif jidher mill-informazzjoni sottomessa minn Nuon u mill-Awtoritajiet Netherlandiżi. Din tista’ tiġi rieżaminata, bħala riżultat ta’ bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni ġuridika jew fattwali, il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE ma jibqgħux issodisfati.

    (62)

    Peress li wħud mis-servizzi relatati mal-provvista bl-imnut tal-elettriku u l-gass għadhom soġġetti għad-Direttiva 2014/25/UE, qiegħed jiġi mfakkar li l-kuntratti tal-akkwist li jkopru bosta attivitajiet jenħtieġ li jiġu trattati f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ dik id-Direttiva. Dan ifisser li, meta entità kontraenti tkun involuta f’akkwist “imħallat”, jiġifieri akkwist użat biex jappoġġa l-prestazzjoni kemm ta’ attivitajiet eżentati mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE kif ukoll ta’ attivitajiet li ma humiex eżentati minnha, iridu jitqiesu l-attivitajiet li għalihom huwa intenzjonat prinċipalment il-kuntratt. F’każ ta’ tali akkwist imħallat, fejn l-għan ikun primarjament l-appoġġ tal-attivitajiet li ma humiex eżentati, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/25/UE. Meta jkun oġġettivament impossibbli li wieħed jiddetermina għal liema attività jkun primarjament intiż il-kuntratt, il-kuntratt għandu jingħata f’konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2014/25/UE.

    (63)

    Huwa mfakkar li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (47) dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni jipprevedi eżenzjoni mill-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva għal konċessjonijiet mogħtija minn entitajiet kontraenti fejn, għall-Istat Membru li fih ikunu se jitwettqu l-konċessjonijiet, ikun ġie stabbilit skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/25/UE li l-attività hija esposta direttament għall-kompetizzjoni f’konformità mal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE. Billi ġie konkluż li l-attivitajiet tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lil klijenti żgħar huma direttament soġġetti għall-kompetizzjoni, il-kuntratti ta’ konċessjoni maħsubin biex jippermettu t-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet fin-Netherlands se jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23/UE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2014/25/UE ma għandhiex tapplika għall-kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u maħsubin biex jippermettu l-provvista bl-imnut tal-elettriku u l-gass lil klijenti żgħar fin-Netherlands.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Thierry BRETON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1804 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar ir-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 34 u 35 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 275, 12.10.2016, p. 39).

    (3)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

    (4)  Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).

    (5)  Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).

    (6)  Wet van 12-7-2012, Stb. 2012, 334 en Inwerkingtredingsbesluit van 12-7-2012, Stb. 2012, 336.

    (7)  Wet van 12-7-2012, Stb. 2012, 334 en Inwerkingtredingsbesluit van 12-7-2012, Stb. 2012, 336.

    (8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.).

    (9)  Is-Sentenza tas-27 ta’ April 2016, Österreichische Post AG vs il-Kummissjoni, T-463/14, ECLI:EU:T:2016:243, il-paragrafu 28.

    (10)  Il-kawża COMP M. 4110 E.ON – ENDESA, 25.4.2006, paragrafi 10 u 11; Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1674 tal-15 ta’ Settembru 2016 li teżenta l-provvista bl-imnut ta’ elettriku u gass fil-Ġermanja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 253, 17.9.2016, p. 6).

    (11)  M.3440 — EDP/ENI/GDP, 9.12.2004, paragrafu 56.

    (12)  M. 4180 Gaz de France/Suez, 14.11.2006, paragrafu 63; M.3868 — DONG/Elsam/Energi E2, 14.3.2006, paragrafu 193 et seq.; M. 3440 — EDP/ENI/GDP,9.12.2004, paragrafu 215 et seq.; M.5740 — Gazprom/A2 A/JOF,16.6.2010, paragrafu 17 et seq.

    (13)  Ittra tal-awtoritajiet Netherlandiżi lill-Kummissjoni tal-25 ta’ Settembru 2017.

    (14)  M.3440 — EDP/ENI/GDP tad-9.12.2004, paragrafu 73; M.2947 — Verbund/EnergieAllianz, tal-11.6.2003, paragrafu 35.

    (15)  M.5496 — VATTENFALL/NUON ENERGY, 22.6.2009, il-paragrafu 12.

    (16)  Klijenti fuq skala żgħira jinkludu kemm unitajiet domestiċi kif ukoll klijenti kummerċjali żgħar.

    (17)  Id-Deċiżjoni tal-ACM il-Kawża 6017 Nuon/Essent tal-21 ta’ Mejju 2007, il-paragrafu 53. F’din id-deċiżjoni (negattiva), l-ACM ikkonkludiet li jkun hemm konċentrazzjoni f’diversi swieq, inkluż il-provvista lill-konsumaturi bl-imnut.

    (18)  Il-Kawża COMP/M.4180 GDF/Suez, 14.11.2006, il-paragrafi 362-367.

    (19)  Il-Kawża COMP/M.4180 GDF/Suez, 14.11.2006, il-paragrafi 78-81.

    (20)  Il-Kawża COMP/M.3440 EDP/GDP/ENI, 9.12.2004.

    (21)  Il-Kawża COMP/M.4180 GDF/Suez, 14.11.2006, il-paragrafi 78-81, u l-kawża COMP/M.3696 E.ON/MOL21.12.2005, il-paragrafi 122-124.

    (22)  Id-Deċiżjoni tal-ACM Kawża 5975 Essent/Westland 13.3.2007, il-paragrafu 18 u d-Deċiżjoni tal-ACM il-Kawża 6017 Nuon/Essent, 21.5.2007, il-paragrafu 56.

    (23)  Id-Deċiżjoni tal-ACM, il-Kawża 5724/Electrabel – Rendo, il-paragrafi 25 en 26 u d-Deċiżjoni tal-ACM, il-Kawża 5975/Essent – Westland, 13.3.2007, il-paragrafu 19. Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-ACM, Nuon/Essent, 21.5.2007, il-paragrafu 61.

    (24)  M. 5467 — RWE/Essent, 23.6.2009, il-paragrafu 61.

    (25)  Id-Deċiżjoni tal-ACM il-Kawża Nuon/Essent, 21.5.2007, il-paragrafu 107.

    (26)  L-ittra tal-awtoritajiet Netherlandiżi lill-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 2017.

    (27)  M.5224 – EDF/British Energy, 22.12.2008; COMP/M.4180 – Gaz de France/Suez, 14.11.2006 u COMP/M.3696 – E.ON/MOL, 21.12.2005.

    (28)  Id-Deċiżjoni tal-ACM il-Kawża 5975 Essent/Westland, tat-13.3.2007, il-paragrafu 26.

    (29)  L-ittra tal-awtoritajiet Netherlandiżi tad-19 ta’ Ġunju 2017.

    (30)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1674 tal-15 ta’ Settembru 2016 li teżenta l-provvista bl-imnut ta’ elettriku u gass fil-Ġermanja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 253, 17.9.2016, p. 6); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/403/KE tal-14 ta’ Lulju 2010 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Makro Żona Tramuntana fl-Italja u l-bejgħ bl-imnut tal-elettriku lil klijenti finali mqabbdin mal-grid ta’ vultaġġ medju, għoli u għoli ħafna fl-Italja, mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 186, 20.7.2010, p. 44).

    (31)  L-ittra tal-awtoritajiet Netherlandiżi tad-19 ta’ Ġunju 2017.

    (32)  It-Taqsima 5.3.3 tat-talba.

    (33)  L-ittra tal-awtoritajiet Netherlandiżi tad-19 ta’ Ġunju 2017.

    (34)  Ittra tal-awtoritajiet Netherlandiżi lill-Kummissjoni tal-11 ta’ Ottubru 2021.

    (35)  Ir-Rapport tal-ACER dwar il-funzjonament tas-suq bl-ingrossa tal-gass tal-2020 https://documents.acer.europa.eu/en/Electricity/Market%20monitoring/Documents/MMR%202020%20Summary%20-%20Final.pdf

    (36)  Ir-Rapport tal-ACER dwar il-funzjonament tas-suq bl-ingrossa tal-gass tal-2020 https://documents.acer.europa.eu/en/Electricity/Market%20monitoring/Documents/MMR%202020%20Summary%20-%20Final.pdf

    (37)  Ir-Rapport Annwali tal-ACER dwar ir-Riżultati tal-Monitoraġġ tas-Swieq Interni tal-Elettriku u tal-Gass fl-2020- Energy retail markets and consumer protection volume, p. 44.

    (38)  Ir-Rapport Annwali tal-ACER dwar ir-Riżultati tal-Monitoraġġ tas-Swieq Interni tal-Elettriku u tal-Gass fl-2020- Energy retail markets and consumer protection volume, p. 45.

    (39)  ACM, 2014 Liquidity Report, wholesale markets for natural gas and electricity, https://www.acm.nl/en/publications/publication/13483/2014-Liquidity-Report-wholesale-markets-for-natural-gas-and-electricity

    (40)  Il-volum totali nnegozjat fin-Netherlands fl-2015 kien jammonta għal 175 TWh. Din kienet is-somma ta’ 44 TWh (spot) + 61 TWh (futuri permezz tal-iskambju) + 70 TWh (ftehimiet OTC oħrajn). Il-konsum totali tal-elettriku kien ta’ 113 TWh. Għalhekk, il-proporzjon bejn il-volum totali nnegozjat u l-konsum totali kien ta’ madwar 1,5 (175 TWh/113 TWh). Id-data tal-2020 ġejja mir-rapport ta’ kull trimestru tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-swieq tal-elettriku Ewropej, ir-raba’ trimestru tal-2020, p. 20 https://ec.europa.eu/energy/sites/default/files/quarterly_report_on_european_electricity_markets_q4_2020.pdf

    (41)  Ir-Rapport tal-ACER dwar il-funzjonament tas-suq bl-ingrossa tal-gass tal-2020 https://documents.acer.europa.eu/en/Electricity/Market%20monitoring/Documents/MMR%202020%20Summary%20-%20Final.pdf

    (42)  Ir-Rapport tal-ACER dwar il-funzjonament tas-suq bl-ingrossa tal-gass tal-2016, p. 24, il-paragrafu 83.

    (43)  Ir-Rapport tal-ACER dwar il-funzjonament tas-suq bl-ingrossa tal-gass tal-2016, p. 30, il-paragrafu 94.

    (44)  Ir-Rapport tal-ACER dwar il-funzjonament tas-suq bl-ingrossa tal-gass tal-2016, p. 5, il-paragrafu 5.

    (45)  Ir-Rapporti tal-ACM dwar ix-xejriet tal-operat tas-suq u tal-fiduċja tal-konsumatur fis-suq tal-enerġija għat-tieni nofs tal-2015, p. 22.

    (46)  Dan is-suq ġie analizzat għall-finijiet tat-talba għal eżenzjoni għall-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fin-Netherlands imsemmija fin-nota f’qiegħ il-paġna 2.

    (47)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).


    Top