Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0997

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/997 tas-7 ta’ April 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fl-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes fir-rigward tal-proposta għall-emendi tal-Anness A għal dik il-Konvenzjoni

    ST/7009/2022/INIT

    ĠU L 168, 27.6.2022, p. 63–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/997/oj

    27.6.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 168/63


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/997

    tas-7 ta’ April 2022

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fl-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes fir-rigward tal-proposta għall-emendi tal-Anness A għal dik il-Konvenzjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (“il-Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2004 u ġiet konkluża f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE (1).

    (2)

    Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jimplimenta l-Konvenzjoni fi ħdan l-Unjoni.

    (3)

    Skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tista’ telenka prodotti kimiċi fl-Annessi A, B u/jew C għall-Konvenzjoni kif ukoll tispeċifika miżuri ta’ kontroll marbuta ma’ tali prodotti kimiċi.

    (4)

    Fl-għaxar laqgħa tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni hija mistennija tadotta deċiżjoni biex telenka aktar prodotti kimiċi fl-Anness A għall-Konvenzjoni.

    (5)

    Biex jiġu mħarsa saħħet il-bniedem u l-ambjent minn aktar rilaxxi ta’ aċidu sulfoniku perfluworoeżan (PFHxS), tal-imlieħ tiegħu u tal-komposti relatati mal-PFHxS, hemm bżonn li jitnaqqsu jew jiġu eliminati l-produzzjoni u l-użu ta’ dawk il-prodotti kimiċi fil-livell globali u li jiġi appoġġat l-elenkar tagħhom fl-Annessi rilevanti għall-Konvenzjoni.

    (6)

    Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fl-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fir-rigward tal-emendi għall-Anness A għall-Konvenzjoni, billi dawk l-emendi ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes għandha tkun, li jiġi appoġġat l-elenkar tal-aċidu sulfoniku perfluworoeżan (PFHxS), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFHxS fl-Anness A tal-Konvenzjoni, b’kont meħud tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kumitat għall-Analiżi tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes mingħajr eżenzjonijiet speċifiċi.

    Artikolu 2

    L-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1, fid-dawl tal-iżviluppi fl-għaxar laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni, jista’ jintlaħaq ftehim dwaru mir-rappreżentanti tal-Unjoni, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, waqt laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, is-7 ta’ April 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. DENORMANDIE


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE tal-14 ta’ Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (ĠU L 209, 31.7.2006, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45).


    Top