EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0696

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/696 tad-29 ta’ April 2022 li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata bid-dokument C(2022) 2596) (it-testi bl-Ingliż u bl-Irlandiż biss huma awtentiċi)

C/2022/2596

ĠU L 129, 3.5.2022, p. 37–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/696/oj

3.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 129/37


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/696

tad-29 ta’ April 2022

li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

(notifikata bid-dokument C(2022) 2596)

(it-testi bl-Ingliż u bl-Irlandiż biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1), u b’mod partikolari paragrafu 2, it-tielet subparagrafu, tal-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tistipula r-regoli dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli.

(2)

Il-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE jistabbilixxi li l-Istati Membri li beħsiebhom japplikaw aktar demel tal-bhejjem minn 170 kg nitroġenu għal kull ettaru (ha) jridu jiffissaw dawn l-ammonti b’mod li ma jippreġudikawx il-kisba tal-miri speċifikati fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva. Dawn l-ammonti għandhom jiġu ġġustifikati fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi.

(3)

Fit-22 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/697/KE (2) li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva 91/676/KEE biex tawtorizza l-applikazzjoni ta’ demel tal-bhejjem sa limitu ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, skont ċerti kundizzjonijiet, f’azjendi agrikoli b’tal-anqas 80 % ta’ art bil-mergħat, fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż kif implimentat mill-Irlanda permezz tar-Regolamenti tal-Komunitajiet Ewropej tal-2006 (Metodi ta’ Biedja Għaqlija għall-Ħarsien tal-Ilmijiet) (3).

(4)

Fl-24 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/127/UE (4), li temenda d-Deċiżjoni 2007/697/KE u li testendi d-deroga sal-31 ta’ Diċembru 2013, fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż kif implimentat mill-Irlanda permezz tar-Regolamenti tal-Komunitajiet Ewropej tal-2010 (Metodi ta’ Biedja Għaqlija għall-Ħarsien tal-Ilmijiet) (5).

(5)

Fis-27 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/112/UE (6) dwar l-għoti ta’ deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva 91/676/KEE biex tawtorizza l-applikazzjoni ta’ demel tal-bhejjem sa limitu ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, skont ċerti kundizzjonijiet, għal irzizet b’tal-anqas 80 % ta’ bwar, fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż kif implimentat mill-Irlanda permezz tar-Regolamenti tal-Komunitajiet Ewropej tal-2014 (Metodi ta’ Biedja Għaqlija għall-Ħarsien tal-Ilmijiet) (7).

(6)

Fit-8 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/209 (8) dwar l-għoti ta’ deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva 91/676/KEE biex tawtorizza l-applikazzjoni ta’ demel tal-bhejjem sa limitu ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, skont ċerti kundizzjonijiet, f’azjendi agrikoli b’tal-anqas 80 % ta’ bwar, fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż kif implimentat mill-Irlanda permezz tar-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea tal-2017 (Metodi ta’ Biedja Għaqlija għall-Ħarsien tal-Ilmijiet) (9). Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/209 skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2021.

(7)

Id-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/209 kienet tikkonċerna 6 016 azjenda agrikola fl-2020, li jikkorrispondu għal madwar 4,9 % tal-għadd totali ta’ azjendi b’annimali li jirgħu, 15,9 % tal-għadd totali ta’ unitajiet ta’ bhejjem u 9,6 % tat-total nett ta’ żoni agrikoli fl-Irlanda.

(8)

Fl-14 ta’ Ottubru 2021, l-Irlanda ressqet talba lill-Kummissjoni għal estensjoni tad-deroga skont il-paragrafu (2), it-tielet subparagrafu, tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE.

(9)

F’konformità mar-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea tal-2022 (Prattika Agrikola Tajba għall-Protezzjoni tal-Ilmijiet) (10), l-Irlanda adottat programm ta’ azzjoni ġdid b’miżuri addizzjonali u msaħħa biex tikkonforma mal-objettivi tad-Direttiva 91/676/KEE.

(10)

F’konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 91/676/KEE, l-Irlanda timplimenta programm ta’ azzjoni fit-territorju kollu tagħha.

(11)

Id-data pprovduta mill-Irlanda fil-kuntest tal-obbligu ta’ rappurtar kif rikjest mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/676/KEE turi li, għall-perjodu 2016-2019, l-ilmijiet huma ġeneralment ta’ kwalità tajba. 98,5 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ kollha għall-ilma tal-pjan fl-Irlanda kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-50 mg/l, u 81,5 % minn dawk l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-25 mg/l. L-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ kollha għall-ilma tal-wiċċ fl-Irlanda kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt l-50 mg/l, u 99,2 % minn dawk l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-25 mg/l. Barra minn hekk, 14 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-ilma tal-wiċċ irrappurtaw ewtrofikazzjoni u 10 % minnhom irrappurataw riskju ta’ ewtrofikazzjoni. Fir-rigward tax-xejriet, l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ għall-37,5 % tal-ilma tal-pjan irrappurtaw żieda fil-konċentrazzjonijiet tan-nitrati, 45,5 % irrappurtaw xejriet stabbli u 17 % rrappurtaw xejriet ta’ tnaqqis. Fir-rigward tal-ilma tal-wiċċ, 11,1 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ irrappurtaw żieda fil-konċentrazzjonijiet tan-nitrati, 86,2 % irrappurtaw xejriet stabbli u 2,8 % irrappurtaw xejriet ta’ tnaqqis.

(12)

F’dawn l-aħħar snin, l-għadd ta’ bhejjem fl-Irlanda żdied. L-għadd ta’ bhejjem tal-ifrat, ħnieżer u nagħaġ żdied rispettivament b 4,78 %, 2,81 % u 0,54 % mill-perjodu 2012-2015 sal-perjodu 2016-2019; jkomplu maż-żieda ta’ xejriet tal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti. Il-piż medju ta’ nitroġenu mid-demel tal-bhejjem fil-perjodu 2016-2018 kien ta’ 117 kg ta’ nitroġenu/ha, meta mqabbel mal-104 kg nitroġenu/ha f’dak tal-perjodu 2012-2015. Il-piż medju ta’ fosforu mid-demel tal-bhejjem fil-perjodu 2016-2018 kien ta’ 14 kg ta’ fosforu/ha, meta mqabbel mal-15 kg fosforu/ha f’dak tal-perjodu 2012-2015. L-użu medju tal-fertilizzant kimiku nitroġenu żied b’13 % fil-perjodu 2016-2019 meta mqabbel mal-perjodu 2012-2015. L-użu medju tal-fertilizzant kimiku fosforu żied b’24 % fil-perjodu 2016-2019 meta mqabbel mal-perjodu 2012-2015. Is-surplus medju tal-fosforu fil-perjodu 2016-2018 kien ta’ 23,1 kg ta’ fosforu/ettaru meta mqabbel ma’ 20 kg ta’ fosforu/ettaru fil-perjodu 2012-2015. Is-surplus medju ta’ nitroġenu fil-perjodu 2016-2018 kien ta’ 62,3 kg ta’ nitroġenu/ettaru meta mqabbel ma’ 44,8 kg ta’ nitroġenu/ettaru fil-perjodu 2012-2015.

(13)

Fl-Irlanda, 92 % tal-art agrikola hija ddedikata għall-bwar. B’mod ġenerali, 67 % tal-art hija maħduma b’mod estensiv u għaldaqstant għandha densità tal-għelejjel u użu ta’ fertilizzanti relattivament baxxi, 33 % tinħadem skont il-programmi agroambjentali, u 14 % biss tinħadem b’mod intensiv. 6,6 % tintuża bħala raba’ maħdum. L-użu medju tal-fertilizzant kimiku fil-bwar hu 78,3 kg/ha ta’ nitroġenu u 8,6 kg/ha ta’ fosforu.

(14)

Il-klima Irlandiża, li hija kkaratterizzata minn kwantità annwali ta’ xita mqassma b’mod indaqs matul is-sena u varjazzjoni relattivament żgħira fit-temperatura annwali, tiffavorixxi staġun twil ta’ tkabbir tal-bwar li jvarja minn 330 jum fis-sena fil-parti tal-Lbiċ sa madwar 250 jum fis-sena fil-parti tal-Grigal (11).

(15)

It-tagħrif ta’ sostenn ippreżentat mill-Irlanda juri li l-ammont propost ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għal azjendi agrikoli b’tal-anqas 80 % ta’ bwar huwa ġġustifikat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bħal staġuni twal ta’ tkabbir jew il-produttività għolja ta’ ħaxix b’assorbiment għoli tan-nitroġenu.

(16)

Wara li eżaminat it-talba mill-Irlanda skont il-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu, tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE, u fid-dawl tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż u tal-esperjenza miksuba mid-deroga prevista fid-Deċiżjoniji 2007/697/KE u d-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2014/112/UE u (UE) 2018/209, il-Kummissjoni tqis li l-ammont ta’ demel propost mill-Irlanda, li jikkorrispondi għal 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, mhux se jkun ta’ ħsara għall-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, sakemm ikunu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet individwali stretti li jenħtieġ li japplikaw għall-bdiewa koperti mill-awtorizzazzjoni.

(17)

Fid-dawl tad-data msemmija fil-premessi 11 sa 13, il-kundizzjonijiet previsti f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jissaħħu meta mqabbla ma’ dawk previsti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/209. Il-kundizzjonijiet stabbiliti kif ukoll is-sistemi ta’ monitoraġġ u kontroll jenħtieġ li jkunu biżżejjed biex jiżguraw li din id-deroga tkun koerenti mal-miri legalment vinkolanti tad-Direttiva Qafas tal-Ilma (12), l-ambizzjoni dejjem akbar tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (13) kif ukoll l-objettivi ta’ aspirazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew dwar it-tniġġis tan-nutrijenti.

(18)

Jenħtieġ li jittieħdu miżuri addizzjonali fir-rigward tal-applikazzjoni tad-demel u fertilizzanti oħra. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jikkontribwixxu għat-titjib fil-ġestjoni tan-nutrijenti permezz ta’ fertilizzazzjoni ottimizzata u użu limitat tal-fertilizzanti. Il-miżuri elenkati f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li ikunu addizzjonali għall-miżuri li diġà qed jiġu applikati permezz tal-Kodiċi ta’ Prattiki Agrikoli Tajbin.

(19)

Il-kontrolli amministrattivi annwali u l-ispezzjonijiet fuq il-post jenħtieġ li jiżdiedu għal 10 % tal-azjendi agrikoli li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni. L-ispezzjonijiet fuq il-post jenħtieġ li ikunu bbażati fuq metodoloġija soda, inklużi valutazzjoni tar-riskju, kontrolli każwali u r-riżultati tal-kontrolli tas-snin preċedenti. L-awtoritajiet nazzjonali jenħtieġ li jirrevedu l-programm ta’ spezzjoni agrikola mwettaq mill-awtoritajiet lokali kif ukoll ir-riżorsi meħtieġa biex jitwettqu l-ispezzjonijiet. Jenħtieġ li jiġu applikati sanzjonijiet dissważivi (inklużi dawk ekonomiċi). Jenħtieġ li jiġu segwiti ilmenti jew rapporti ta’ nuqqas ta’ konformità minn ċittadini, organizzazzjonijiet mhux governattivi jew informaturi.

(20)

Fl-2023, l-awtoritajiet Irlandiżi jenħtieġ li iwettqu reviżjoni ta’ sentejn tal-kwalità tal-ilma, inklużi l-konċentrazzjoni tan-nitrat u l-istatus trofiku. F’żoni fejn id-data ta’ monitoraġġ tiżvela jew xejriet li sejrin għall-agħar jew sitwazzjoni ta’ tniġġis jew riskju ta’ tniġġis fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitrati jew l-ewtrofikazzjoni, mill-2024, l-ammont massimu ta’ demel applikabbli li jista’ jiġi applikat jenħtieġ li jitnaqqas għal 220 kg ta’ nitroġenu/ha.

(21)

F’konformità mad-Direttiva 91/676/KEE ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ tal-konċentrazzjoni tan-nitrat u tal-istatus trofiku jibqgħu japplikaw. Ir-reviżjoni ta’ sentejn jenħtieġ li tkun ibbażata fuq data minn dan il-monitoraġġ. Se jkunu meħtieġa monitoraġġ addizzjonali u rappurtar annwali fl-oqsma koperti mid-deroga.

(22)

Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) tistabbilixxi regoli ġenerali maħsuba għall-istabbiliment tal-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Unjoni għall-finijiet tal-politiki ambjentali tal-Unjoni u tal-politiki jew tal-attivitajiet li jista’ jkollhom impatt fuq l-ambjent. Meta applikabbli, jenħtieġ li l-informazzjoni spazjali miġbura skont din id-Deċiżjoni għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dik id-Direttiva. Sabiex jonqos il-piż amministrattiv u tiżdied il-koerenza tad-data, l-Irlanda, meta tiġbor id-data neċessarja skont din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li tuża l-informazzjoni ġġenerata skont is-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll stabbilita skont it-Titolu V, Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(23)

Id-deroga prevista f’din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Irlanda li tapplika d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (16), inkluża s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-293/17 Coöperatie Mobiliation for the Environment u Vereniging Leefmilieu (17), b’mod partikolari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) ta’ dik id-Direttiva.

(24)

Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 9 ta’ din id-Deċiżjoni huma kundizzjonijiet obbligatorji għall-azjendi agrikoli tal-bwar kollha li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni skont id-deroga. Għalhekk, dawn il-kundizzjonijiet jitqiesu bħala standards u rekwiżiti obbligatorji stabbiliti fil-liġi nazzjonali għal dawn l-entitajiet skont it-tifsira tal-Artikolu 12 u 13 tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

(25)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati mwaqqaf skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Deroga

Id-deroga mitluba mill-Irlanda permezz tal-ittra tal-14 ta’ Ottubru 2021, bil-għan li jiġi awtorizzat l-użu fuq l-art ta’ ammont ta’ nitroġenu mid-demel tal-bhejjem ogħla minn dak previst fil-paragrafu 2, tat-tieni subparagrafu, tal-ewwel sentenza, tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE, 170 kg ta’ nitroġenu, qed tingħata soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 12 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“ħaxix” tfisser bwar permanenti jew bwar temporanji ta’ anqas minn erba’ snin;

(b)

“azjendi agrikoli tal-bwar” tfisser azjendi agrikoli fejn 80 % jew aktar taż-żoni agrikoli disponibbli għall-applikazzjoni tad-demel tkun ħaxix;

(c)

“bhejjem li jirgħu” tfisser bhejjem tal-ifrat (għajr għall-għoġġiela tal-vitella), nagħaġ, ċriev, mogħoż u żwiemel;

(d)

“roqgħa” tfisser għalqa individwali jew grupp ta’ għelieqi, li huma omoġenji fir-rigward tal-kultivazzjoni, it-tip ta’ ħamrija u l-prattiki ta’ fertilizzazzjoni;

(e)

“pjan ta’ fertilizzazzjoni” tfisser kalkolu minn qabel dwar l-użu ppjanat u d-disponibbiltà tan-nutrijenti;

(f)

“kont tal-fertilizzazzjoni” tfisser il-bilanċ tan-nutrijenti abbażi tal-użu reali u l-assorbiment tan-nutrijenti;

(g)

“art komuni” tfisser roqgħa art li tkun miżmuma minn żewġ persuni jew aktar f’ishma speċifikati jew b’mod konġunt u oriġinarjament mixtrija mill-Kummissjoni tal-Art Irlandiża skont l-Atti dwar ix-Xiri tal-Art, inkluża art li fuqha żewġ persuni jew aktar ikollhom drittijiet għall-mergħat jew id-dritt li jieħdu t-turf.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-deroga skont l-Artikolu 1 għandha tapplika għall-azjendi agrikoli tal-bwar li għalihom ingħatat awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 5 (“l-awtorizzazzjoni”).

Artikolu 4

Applikazzjoni u impenn annwali

1.   Il-bdiewa tal-azjendi tal-bwar li jixtiequ jibbenefikaw minn deroga għandhom, kull sena, iressqu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti għal awtorizzazzjoni biex japplikaw demel tal-bhejjem li jkun fih sa 250 kg ta’ nitroġenu/ha fis-sena. L-applikazzjoni għandha tinkludi dikjarazzjoni li tistqarr li l-bidwi tal-azjenda tal-bwar jissottometti ruħu għall-kontrolli kollha previsti fl-Artikolu 11.

2.   Fl-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-applikant għandu jintrabat ruħu bil-miktub li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli minn 6 sa 9.

Artikolu 5

L-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet

L-awtorizzazzjonijiet biex jiġi applikat ammont ta’ demel tal-bhejjem fl-azjendi agrikoli tal-bwar li fih sa 250 kg ta’ nitroġenu/ha fis-sena għandhom jingħataw soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli minn 6 sa 9.

Artikolu 6

Kundizzjonijiet rigward l-applikazzjoni tad-demel u fertilizzanti oħra

1.   L-ammont ta’ demel tal-bhejjem li jirgħu li jiġi applikat fuq l-art kull sena fl-azjendi agrikoli tal-bwar, inkluż dak mill-bhejjem stess, ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ demel li jkun fih 250 kg ta’ nitroġenu/ha fis-sena soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi minn 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu. Mill-2024, bħala konsegwenza tar-reviżjoni ta’ sentejn, dan l-ammont massimu ma għandux jaqbeż il-220 kg ta’ nitroġenu/ha fis-sena fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 12.

2.   Il-kontributi totali ta’ nitroġenu la għandhom jaqbżu d-domanda prevedibbli ta’ nutrijenti tal-għalla kkonċernata, u lanqas ma għandhom jaqbżu r-rata massima ta’ fertilizzazzjoni applikabbli għall-azjendi agrikoli tal-bwar, kif stabbilit fil-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati, u għandhom iqisu l-provvista mill-ħamrija. L-applikazzjoni totali tan-nitroġenu għandha tkun differenzjata abbażi tar-rata tal-irjus u l-produttività tal-bwar.

3.   Għal kull azjenda agrikola tal-bwar għandu jitħejja u jinżamm pjan tal-fertilizzazzjoni. Dan il-pjan tal-fertilizzazzjoni għandu jiddeskrivi n-newba tal-għelejjel tal-art agrikola, u l-applikazzjoni ppjanata tad-demel u fertilizzanti oħra. Dak il-pjan ta’ fertilizzazzjoni għandu jkun disponibbli fuq l-azjenda agrikola tal-bwar għal kull sena kalendarja qabel l-1 ta’ Marzu tas-sena li tkun. Dak il-pjan għandu jinkludi tal-anqas dan li ġej:

(a)

il-pjan tan-newba tal-għelejjel li jispeċifika dan li ġej:

(i)

d-daqs tal-irqajja’ bil-ħaxix;

(ii)

d-daqs tal-irqajja’ bl-għelejjel li mhumiex ħaxix;

(iii)

s-skizz ta’ mappa li tindika l-lok tal-irqajja’ individwali;

(b)

l-għadd ta’ bhejjem fl-azjendi agrikola tal-bwar;

(c)

id-deskrizzjoni tal-post fejn jinżammu u tas-sistema tal-ħżin tad-demel, inkluż il-volum tal-ħżin tad-demel disponibbli;

(d)

il-kalkolu tan-nitroġenu u tal-fosforu fid-demel prodotti fuq l-azjenda agrikola tal-bwar;

(e)

l-ammont, it-tip u l-karatteristiki tad-demel imwassal barra tal-azjenda agrikola tal-bwar jew lejn l-azjenda agrikola tal-bwar;

(f)

ir-rekwiżiti prevedibbli għall-għelejjel tan-nitroġenu u tal-fosforu għal kull roqgħa;

(g)

ir-riżultati tal-analiżi tal-ħamrija b’rabta mal-istatus tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija, jekk ikunu disponibbli;

(h)

in-natura tal-fertilizzant li jkun se jintuża;

(i)

il-kalkolu tal-użu tan-nitroġenu u tal-fosforu mid-demel għal kull roqgħa;

(j)

il-kalkolu tal-użu tan-nitroġenu u tal-fosforu minn fertilizzanti kimiċi u fertilizzanti oħrajn għal kull.

Il-pjan ta’ fertilizzazzjoni għandu jiġi rivedut mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli fl-azjenda agrikola tal-bwar.

Għal kull azjenda agrikola tal-bwar, għandhom jitħejjew u jinżammu kontijiet tal-fertilizzazzjoni, li jinkludu informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-kontributi tan-nitroġenu u tal-fosforu u dwar il-ġestjoni tal-ilma maħmuġ. Dawn għandhom jiġu sottomessi lill-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja sal-31 ta’ Marzu tas-sena kalendarja sussegwenti.

Għandu jiġi adottat programm għat-trattament bil-ġir ibbażat fuq pjan ta’ ġestjoni tan-nutrijenti u assoċjat mar-riżultati tal-analiżi tal-ħamrija.

4.   Id-demel tal-bhejjem ma għandux jitferrex fil-ħarifa, qabel il-kultivazzjoni tal-ħaxix.

5.   Tal-inqas 50 % tad-demel likwidu prodott fl-azjenda agrikola tal-bwar għandu jiġi applikat sal-15 ta’ Ġunju. Għandu jintuża tagħmir għat-tifrix tad-demel likwidu b’emissjonijiet baxxi għall-applikazzjonijiet kollha tad-demel likwidu.

6.   Il-provvediment tar-rata tal-irjus f’żoni komuni m’għandux jaqbeż 50 kg ta’ nitroġenu/ha. Fertilizzant kimiku m’għandux ikun permess f’art komuni.

Artikolu 7

Kundizzjonijiet rigward it-teħid ta’ kampjuni mill-ħamrija u l-analiżi tal-ħamrija

1.   Għal kull azjenda agrikola tal-bwar, għandha ssir analiżi perjodika tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija.

2.   Il-kampjunar u l-analiżi għandhom isiru tal-inqas darba kull erba’ snin għal kull żona b’karatteristiċi simili fir-rigward tan-newba tal-għelejjel u tal-karatteristiċi tal-ħamrija.

3.   Tal-inqas għandha ssir analiżi waħda għal kull ħames ettari ta’ azjenda agrikola tal-bwar.

4.   Ir-riżultati tal-analiżi tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija għandhom ikunu disponibbli fl-azjenda agrikola tal-bwar.

Artikolu 8

Kundizzjonijiet rigward il-ġestjoni tal-art

1.   Il-bdiewa li jixtiequ jaħartu l-bwar għandhom jagħmlu dan bejn l-1 ta’ Marzu u l-31 ta’ Mejju.

2.   Il-ħaxix maħrut fuq it-tipi kollha ta’ ħamrija għandu jiġi segwit minn għalla b’domanda għolja ta’ nitroġenu immedjatament u mhux aktar tard minn tliet ġimgħat wara l-ħrit tal-ħaxix.

3.   In-newba tal-għelejjel ma għandhiex tinkludi pjanti leguminużi jew pjanti oħra li jiffissaw in-nitroġenu atmosferiku. Madankollu, dan ma għandux japplika għas-silla fil bwar b’anqas minn 50 % ta’ silla, jew għal pjanti leguminużi oħra li jinżergħu flimkien mal-ħaxix.

4.   Iż-żrigħ mill-ġdid tal-ħaxix kollu fl-azjenda agrikola tal-bwar għandu jkun fih mill-inqas 1,5 kg/ha ta’ żerriegħa tas-silla mikxufa jew mill-inqas 2,5 kg/ha ta’ silla f’forma ta’ gerbub.

5.   L-irqajja’ għandhom ikunu mgħammra b’lqugħ li jiżgura distanza minima ta’ 1,5 metru bejn il-bhejjem u l-korsiji tal-ilma, u l-punti tax-xorb għandhom jiġu installati f’distanza minima ta’ 20 metru minn korsija tal-ilma.

Artikolu 9

Kundizzjoni għall-għalf tal-bhejjem

Massimu ta’ 15 % ta’ proteina mhux raffinata f’għalf konċentrat għall-bhejjem li jirgħu għandu jkun permess kull sena bejn l-15 ta’ April u t-30 ta’ Settembru.

Artikolu 10

Monitoraġġ

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kull sena jitfasslu l-mapep biex juru dan li ġej:

(a)

il-perċentwal tal-azjendi agrikoli tal-bwar f’kull pajjiż li huma koperti mill-awtorizzazzjonijiet;

(b)

il-perċentwal tal-bhejjem f’kull pajjiż li huma koperti mill-awtorizzazzjonijiet;

(c)

il-perċentwal tal-art agrikola f’kull pajjiż li hija koperta mill-awtorizzazzjonijiet;

(d)

l-użu lokali tal-art.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jimmonitorjaw l-ilma fiż-żona tal-għeruq, l-ilma tal-wiċċ u l-ilma tal-pjan. Huma għandhom ukoll, kemm taħt kundizzjonijiet ta’ deroga kif ukoll mingħajr deroga, jipprovdu lill-Kummissjoni b’data dwar il-konċentrazzjonijiet ta’ nitroġenu u tal-fosforu fiż-żona tal-għeruq u l-konċentrazzjonijiet tan-nitrati fl-ilma tal-wiċċ u tal-pjan.

3.   Il-monitoraġġ għandu jitwettaq fuq l-iskala tal-għalqa tal-azjenda agrikola, u fiż-żoni ta’ qbid agrikoli għall-monitoraġġ. Is-siti tal-monitoraġġ għandhom ikunu rappreżentattivi tat-tipi ta’ ħamrija u l-livelli ta’ intensità ewlenin, tal-prattiki l-iktar komuni ta’ fertilizzazzjoni, u tal-għelejjel ewlenin.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu monitoraġġ msaħħaħ tal-ilma fiż-żoni ta’ qbid agrikoli li jinsabu qrib l-iktar korpi tal-ilma vulnerabbli.

5.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu stħarriġ tal-użu lokali tal-art, tan-newba tal-għelejjel u tal-prattiki agrikoli għall-azjendi agrikoli tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet.

6.   L-informazzjoni u d-data miġbura mill-analiżi tan-nutrijenti msemmija fl-Artikolu 7(1), (2) u (3) għandhom jintużaw għal kalkoli ibbażati fuq mudelli ta’ kemm hu kbir it-telf tan-nitrati u l-fosforu minn azjendi agrikoli tal-bwar li jibbenefikaw minn awtorizzazzjonijiet.

Artikolu 11

Kontrolli

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli amministrattivi tal-applikazzjonijiet kollha għal awtorizzazzjoni li jivvalutaw il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli minn 6 sa 9. Jekk jintwera li dawk il-kundizzjonijiet mhumiex issodisfati, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda u l-applikant għandu jiġi mgħarraf bir-raġunijiet għar-rifjut. Kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli amministrattivi għal mill-inqas 10 % mill-azjendi agrikoli tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet fir-rigward tal-użu tal-art, tal-għadd ta’ bhejjem u t-tip u l-produzzjoni u l-esportazzjoni tad-demel.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu programm ta’ spezzjonijiet fuq il-post tal-azjendi agrikoli tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet abbażi tar-riskju u bi frekwenza xierqa, li jkunu jikkunsidraw ir-riżultati tal-kontrolli tas-snin ta’ qabel u r-riżultati tal-kontrolli każwali ġenerali tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 91/676/KEE u kull informazzjoni li tista’ tindika nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 9. Kull sena, għandhom isiru spezzjonijiet fuq il-post f’mill-anqas 10 % tal-azjendi agrikoli tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet biex tiġi vvalutata l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 9.

3.   Meta f’xi sena jiġi stabbilit li azjenda agrikola tal-bwar koperta minn awtorizzazzjoni ma tkunx tissodisfa il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 sad-9, id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiġi sanzjonat f’konformità mar-regoli nazzjonali, u s-sena ta’ wara ma għandux ikun eliġibbli għal awtorizzazzjoni.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni mogħtija skont din id-Deċiżjoni biex jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli minn 6 sa 9 qabel u wara li jagħtu awtorizzazzjoni skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 12

Reviżjoni ta’ sentejn

1.   Sat-30 ta’ Ġunju 2023, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iressqu, flimkien mar-rapport deskritt fl-Artikolu 13, li jikkorrispondi għas-sena 2022, l-anness li jkun fih ir-riżultati tal-monitoraġġ fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitrati tal-ilma tal-pjan u tal-wiċċ u l-istat trofiku tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ, ibbażat fuq in-network ta’ monitoraġġ u r-rekwiżiti tad-Direttiva 91/676/KEE dwar in-Nitrati u li jinkludu mill-inqas mapep li juru dawk iż-żoni li jiskulaw fl-ilmijiet fejn id-data tal-monitoraġġ turi:

(a)

valuri medji tal-konċentrazzjonijiet tan-nitrati ogħla minn 50 mg/l jew xejriet dejjem jiżdiedu tal-konċentrazzjoni tan-nitrati meta mqabbla mal-2021;

(b)

Stat “ewtrofiku” jew stat li “jista’ jsir ewtrofiku” b’xejra stabbli jew li sejra għall-agħar meta mqabbla mal-2021.

L-ilmijiet identifikati mill-punt (a) jew (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom jitqiesu bħala mniġġsa, f’riskju ta’ tniġġis jew li juru xejriet li sejrin għall-agħar. Id-data għall-istima tal-valuri medji għandha tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2022. Għall-valutazzjoni tax-xejriet, għandha titqabbel id-data mill-2021 u l-2022.

2.   Għall-elaborazzjoni tal-anness imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, id-data użata għandha tittieħed min-network ta’ monitoraġġ stabbilit skont id-Direttiva 91/676/KEE.

3.   Mill-1 ta’ Jannar 2024, f’żoni li jiskulaw f’ilmijiet imniġġsa jew f’riskju ta’ tniġġis jew li jippreżentaw xejriet li sejrin għall-agħar, għandhom jiġu applikati miżuri addizzjonali taħt il-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati. Għall-azjendi agrikoli li ngħataw awtorizzazzjoni skont din id-Deċiżjoni u li jinsabu f’żoni bħal dawn, l-ammont ta’ demel li jista’ jiġi applikat fuq l-art ma għandux jaqbeż il-220 kg ta’ nitroġenu/ha fis-sena.

4.   Sat-30 ta’ Settembru 2023, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, bir-riżultati ta’ din ir-reviżjoni ta’ sentejn, u b’mod partikolari dwar iż-żoni u l-azjendi agrikoli b’awtorizzazzjoni fejn l-ammont massimu ta’ demel li għandu jiġi applikat huwa ta’ 220 kg ta’ nitroġenu/ha fis-sena u tal-miżuri addizzjonali li għandhom jiġu applikati fi ħdan il-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati.

Artikolu 13

Rappurtar

Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iressqu rapport lill-Kummissjoni li jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-mapep li juru l-perċentwal ta’ azjendi tal-bwar, il-perċentwal ta’ bhejjem u l-perċentwal ta’ art agrikola koperta minn awtorizzazzjonijiet għal kull kontea, kif ukoll mapep dwar l-użu lokali tal-art, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1);

(b)

ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma tal-pjan u tal-wiċċ, fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitrati u tal-fosforu, inkluż informazzjoni dwar ix-xejriet fil-kwalità tal-ilma, kemm taħt kundizzjonijiet ta’ deroga u kemm mingħajr kundizzjonijiet ta’ deroga, flimkien mal-impatt tad-deroga mogħtija f’din id-Deċiżjoni fuq il-kwalità tal-ilma, kif imsemmi fl-Artikolu 10(2);

(c)

ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ħamrija fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitroġenu u tal-fosforu fl-ilma tal-ħamrija u fir-rigward tan-nitroġenu minerali fil-profil tal-ħamrija, kemm taħt kundizzjonijiet ta’ deroga u kemm mingħajr kundizzjonijiet ta’ deroga, kif imsemmi fl-Artikolu 10(2);

(d)

is-sommarju u l-evalwazzjoni tad-data miksuba mill-monitoraġġ imsaħħaħ tal-ilma, kif imsemmi fl-Artikolu 10(4);

(e)

ir-riżultati tal-istħarriġiet dwar l-użu tal-art lokali, in-newba tal-għelejjel u l-prattiki agrikoli, kif imsemmi fl-Artikolu 10(5);

(f)

ir-riżultati tal-kalkoli abbażi ta’ mudelli ta’ kemm hu kbir it-telf tan-nitroġenu u tal-fosforu, kif imsemmi fl-Artikolu 10(6);

(g)

l-evalwazzjoni tal-kontrolli amministrattivi u tal-ispezzjonijiet fuq il-post, kif imsemmija fl-Artikolu 11(1) u (2);

(h)

ix-xejriet fl-għadd ta’ bhejjem u fil-produzzjoni tad-demel għal kull kategorija ta’ bhejjem u azjendi agrikoli tal-bwar li għandhom awtorizzazzjoni;

(i)

l-analiżi komparattiva tal-kontrolli tal-azjendi agrikoli tal-bwar koperti minn awtorizzazzjonijiet u mill-azjendi agrikoli tal-bwar mhux koperti mill-awtorizzazzjonijiet, inkluża data dwar dawn li ġejjin:

l-ispezzjonijiet fuq il-post;

il-kontrolli amministrattivi;

l-ispezzjonijiet agrikoli fil-kuntest tal-arranġamenti ta’ kundizzjonalità;

l-istatistika dwar in-nuqqas ta’ konformità.

L-informazzjoni spazjali li hemm fir-rapport għandha, fejn japplika, tikkonforma mad-Direttiva 2007/2/KE. Fejn jixraq, fil-ġbir tad-data meħtieġa, l-Irlanda fejn meħtieġ għandha tuża l-informazzjoni ġġenerata skont is-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll stabbilita f’konformità mal-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Artikolu 14

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż kif implimentat fl-Istrument Statutorju Nru 113 tal-2022, ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea (Prattika Agrikola Tajba għall-Protezzjoni tal-Ilmijiet) tal-2022.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2025.

Artikolu 15

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Magħmul fi Brussell, it-29 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/697/KE tat-22 ta’ Ottubru 2007 li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 284, 30.10.2007, p. 27).

(3)  L-Istrument Statutorju Nru 378 tal-2006.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/127/UE tal-24 ta’ Frar 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2007/697/KE li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 51, 25.2.2011, p. 19).

(5)  L-Istrument Statutorju Nru 610 tal-2010.

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/112/UE tas-27 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 61, 1.3.2014, p. 7).

(7)  L-Istrument Statutorju Nru 31 tal-2014.

(8)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/209 tat-8 ta’ Frar 2018 dwar l-għoti ta’ deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 39, 13.2.2018, p. 5).

(9)  L-Istrument Statutorju Nru 605 tal-2017.

(10)  L-Istrument Statutorju Nru 113 tal-2022.

(11)  Teagasc — the Agriculture and Food Development Authority, l-Irlanda.

(12)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).

(14)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(16)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal- 21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(17)  Il-Kawża C-293/17 Coöperatie Mobilisation for the Environment and Vereniging Leefmilieu (ECLI:EU:C:2018:882).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew iu tal-Kunsill ta’ 2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).


Top