Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0628

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/628 tat-13 ta’ April 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/266 dwar miżuri restrittivi b'reazzjoni għar-rikonoxximent taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk u d-deċiżjoni li jintbagħtu l-forzi armati Russi f’dawk iż-żoni

    ST/8110/2022/INIT

    ĠU L 116, 13.4.2022, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/628/oj

    13.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 116/8


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/628

    tat-13 ta’ April 2022

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/266 dwar miżuri restrittivi b'reazzjoni għar-rikonoxximent taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk u d-deċiżjoni li jintbagħtu l-forzi armati Russi f’dawk iż-żoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-23 ta' Frar 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/266 (1).

    (2)

    Fl-24 ta' Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk kontra l-Ukrajna.

    (3)

    Bl-azzjonijiet militari illegali tagħha, ir-Russja qed tikser bil-kbir l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll id-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (4)

    Fid-dawl tal-kriżi umanitarja li tirriżulta mill-invażjoni mhux provokata tal-Ukrajna mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa, il-Kunsill iqis li, f’konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, l-azzjoni umanitarja bi prinċipju minn atturi umanitarji imparzjali li jindirizzaw il-ħtiġijiet umanitarji tal-popolazzjoni ċivili tal-Ukrajna jenħtieġ li tkompli fl-Ukrajna, inkluż fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk.

    (5)

    Il-Kunsill għalhekk iqis li ċerti kategoriji definiti b’mod ċar ta’ korpi, persuni, entitajiet, organizzazzjonijiet u aġenziji jenħtieġ li jiġu eżentati mir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ f’oġġetti u teknoloġija għall-użu f’ċerti setturi, fuq il-forniment ta’ ċerti servizzi u assistenza relatati ma’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, u fuq il-forniment ta’ servizzi relatati mal-infrastruttura f’ċerti setturi, fejn meħtieġ għal finijiet esklużivament umanitarji fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk.

    (6)

    Barra minn hekk, u għall-istess fini, il-Kunsill iqis ukoll li jenħtieġ li jiġi introdott mekkaniżmu ta’ deroga għal attivitajiet umanitarji mhux koperti mill-eżenzjoni msemmija hawn fuq.

    (7)

    Għalhekk id-Deċiżjoni (PESK) 2022/266 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/266 hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 6, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

    “2a.   Il-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal:

    (a)

    korpi pubbliċi jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jirċievu finanzjament pubbliku mill-Unjoni jew mill-Istati Membri, dment li l-oġġetti, it-teknoloġija, is-servizzi u l-assistenza msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ikunu meħtieġa għal finijiet esklużivament umanitarji fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk;

    (b)

    organizzazzjonijiet u aġenziji li huma vvalutati skont il-pilastru mill-Unjoni u li magħhom l-Unjoni ffirmat ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja li abbażi tiegħu l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji jaġixxu bħala sħab umanitarji tal-Unjoni, dment li l-oġġetti, it-teknoloġija, is-servizzi u l-assistenza msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ikunu meħtieġa għal finijiet esklużivament umanitarji fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk;

    (c)

    organizzazzjonijiet u aġenziji li lilhom l-Unjoni tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja jew li huma ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru skont il-proċeduri nazzjonali, dment li l-oġġetti, it-teknoloġija, is-servizzi u l-assistenza msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ikunu meħtieġa għal finijiet esklużivament umanitarji fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk; jew

    (d)

    aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri, dment li l-oġġetti, it-teknoloġija, is-servizzi u l-assistenza msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ikunu meħtieġa għal finijiet esklużivament umanitarji fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk.

    2b.   F’każijiet mhux koperti mill-paragrafu 2a u b’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet ġenerali jew speċifiċi, taħt tali termini u kondizzjonijiet ġenerali u speċifiċi li huma jqisu xierqa, għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti jew teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u l-għoti ta’ servizzi u assistenza msemmija fil-paragrafu 2, wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti, teknoloġija, servizzi u assistenza huma meħtieġa għal finijiet esklużivament umanitarji fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta' Donetsk u Luhansk.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn minn kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija.”;

    (2)

    fl-Artikolu 7, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

    “1a.   Il-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal:

    (a)

    korpi pubbliċi jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jirċievu finanzjament pubbliku mill-Unjoni jew mill-Istati Membri, dment li l-assistenza u s-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 ikunu meħtieġa għal finijiet esklużivament umanitarji fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk;

    (b)

    organizzazzjonijiet u aġenziji li huma vvalutati skont il-pilastru mill-Unjoni u li magħhom l-Unjoni ffirmat ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja li abbażi tiegħu l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji jaġixxu bħala sħab umanitarji tal-Unjoni, dment li l-assistenza u s-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 ikunu meħtieġa għal finijiet esklużivament umanitarji fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk;

    (c)

    organizzazzjonijiet u aġenziji li lilhom l-Unjoni tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja jew li huma ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru skont il-proċeduri nazzjonali, dment li l-assistenza u s-servizzi msemmija fil-paragrafi 1 ikunu meħtieġa għal finijiet esklużivament umanitarji fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk; jew

    (d)

    aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri, dment li l-assistenza u s-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 ikunu meħtieġa għal finijiet esklużivament umanitarji fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk.

    1b.   F’każijiet mhux koperti mill-paragrafu 1a, u b’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet ġenerali jew speċifiċi, taħt tali termini u kondizzjonijiet ġenerali u speċifiċi li huma jqisu xierqa, għall-għoti tal-assistenza u s-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 wara li jkunu ddeterminaw li tali assistenza u servizzi huma meħtieġa għal finijiet esklużivament umanitarji fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta' Donetsk u Luhansk.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn minn kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ April 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.-Y. LE DRIAN


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/266 tat-23 ta’ Frar 2022 dwar miżuri restrittivi b'reazzjoni għar-rikonoxximent taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk u d-deċiżjoni li jintbagħtu l-forzi armati Russi f’dawk iż-żoni (ĠU L 42I, 23.2.2022, p. 109).


    Top