Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0549

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/549 tas-17 ta’ Marzu 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tieni segment tar-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li temenda l-Annessi A u B ta’ dik il-Konvenzjoni

ST/6421/2022/REV/1

ĠU L 107, 6.4.2022, p. 78–79 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/549/oj

6.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/78


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/549

tas-17 ta’ Marzu 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tieni segment tar-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li temenda l-Annessi A u B ta’ dik il-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (il-“Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 (1) u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 2017.

(2)

Skont id-Deċiżjoni MC-1/1 dwar ir-Regoli ta’ Proċedura, adottata mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni fl-ewwel laqgħa tagħha, il-Partijiet għall-Konvenzjoni (il-“Partijiet”) jenħtieġ li jagħmlu kull sforz biex jilħqu qbil b’konsensus dwar il-materji sostantivi kollha.

(3)

Skont l-Artikoli 4(8) u 5(10) tal-Konvenzjoni, jenħtieġ li l-Konferenza tal-Partijiet, sas-16 ta’ Awwissu 2022, tirrevedi l-Annessi A u B tal-Konvenzjoni, u tista' tikkunsidra emendi għal dawk l-Annessi, filwaqt li tqis proposti mressqa mill-Partijiet taħt l-Artikoli 4(7) u 5(9) tal-Konvenzjoni, informazzjoni li s-Segretarjat tal-Konvenzjoni jagħmel disponibbli skont l-Artikoli 4(4) u 5(4) tal-Konvenzjoni, u d-disponibbiltà għall-Partijiet ta’ alternattivi teknikament u ekonomikament fattibbli mingħajr merkurju, filwaqt li jitqiesu r-riskji u l-benefiċċji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem.

(4)

Fit-30 ta’ April 2021, l-Unjoni ppreżentat proposta lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni biex jiġu emendati l-Annessi A u B tal-Konvenzjoni f’konformità mal-Artikoli 4(7) u 5(9) ta’ dik il-Konvenzjoni (2). Il-proposta tal-Unjoni biex jiġi emendat l-Anness A tal-Konvenzjoni għandha l-għan li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal aktar prodotti miżjudin bil-merkurju b’dati ta’ eliminazzjoni jew miżuri li jirregolaw il-merkurju assoċjati. Il-proposta tal-Unjoni biex jiġi emendat l-Anness B tal-Konvenzjoni għandha l-għan li tintroduċi data ta' eliminazzjoni għall-produzzjoni ta' poliuretan li juża katalist li fih il-merkurju.

(5)

Ġew ippreżentati wkoll proposti għall-emendar tal-Anness A tal-Konvenzjoni mir-Reġjun tal-Afrika u b’mod konġunt mill-Kanada u l-Iżvizzera skont l-Artikolu 4(7) tal-Konvenzjoni.

(6)

Il-Konferenza tal-Partijiet jenħtieġ li tikkunsidra, fit-tieni segment tar-raba’ laqgħa tagħha, is-sottomissjonijiet biss dwar l-emendi proposti għall-Annessi A u B tal-Konvenzjoni magħmula mill-Partijiet skont l-Artikoli 4(7) u 5(9) tal-Konvenzjoni.

(7)

Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi għall-Annessi A u B tal-Konvenzjoni sa fejn dawn ikunu konsistenti mas-sottomissjoni tal-Unjoni jew mal-acquis tal-Unjoni.

(8)

Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa wkoll l-emendi għall-Anness A tal-Konvenzjoni fir-rigward ta' prodotti miżjudin bil-merkurju sa fejn dawn jikkonċernaw l-eliminazzjoni ta' prodotti miżjudin bil-merkurju li la huma regolati mil-liġi tal-Unjoni u lanqas immanifatturati fl-Unjoni. Sa fejn dawn huma msemmija fis-sottomissjoni mir-Reġjun tal-Afrika, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa wkoll emendi għall-Anness A tal-Konvenzjoni sa fejn dawn ikopru l-lampi fluworexxenti kompatti , il-lampi fluworexxenti lineari tal-fosfru bi tliet strixxi , il-lampi fluworexxenti b'katodu kiesaħ u l-lampi fluworexxenti b'elettrodi esterni użati f’tagħmir elettriku u elettroniku li għalih it-talbiet għat-tiġdid tal-eżenzjonijiet fuq l-użu tal-merkurju ġew irrifjutati, f’konformità mad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(9)

Fit-tieni segment tar-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, li ser issir mill-21 sal-25 ta’ Marzu 2022, il-Partijiet ser jikkunsidraw l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni biex jiġu emendati l-Annessi A u B tal-Konvenzjoni.

(10)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni, fit-tieni segment tar-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, peress li d-Deċiżjoni proposta, jekk tiġi adottata, ser ikollha effetti legali, minħabba li l-Partijiet ser ikollhom jieħdu miżuri biex jimplimentawha fil-livelli nazzjonali jew reġjonali, jew it-tnejn li huma,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni, fit-tieni segment tar-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni għandha tkun li tiġi appoġġata l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni biex jiġu emendati l-Annessi A u B tagħha, li:

tkun konsistenti mal-proposta tal-Unjoni ppreżentata lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni fit-30 ta’ April 2021 skont l-Artikolu 4(7) u l-Artikolu 5(9), tal-Konvenzjoni; jew

tkun konsistenti mal-acquis tal-Unjoni; jew

tikkonċerna l-eliminazzjoni ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju, li la huma regolati mil-liġi tal-Unjoni u lanqas manifatturati fl-Unjoni; jew

tikkonċerna l-kategoriji ta’ lampi li fihom il-merkurju msemmijin mir-Reġjun tal-Afrika fis-sottomissjoni tiegħu magħmula skont l-Artikolu 4(7), tal-Konvenzjoni, u li għalihom it-talbiet għat-tiġdid tal-eżenzjonijiet fuq l-użu tal-merkurju ġew irrifjutati, f’konformità mad-Direttiva 2011/65/UE.

Artikolu 2

L-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 jista’ jintlaħaq qbil dwaru, fid-dawl ta’ żviluppi fit-tieni segment tar-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, matul laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

B. POMPILI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta' Mejju 2017 dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 4).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/727 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-preżentazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposti għall-emendar tal-Annessi A u B tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju, fir-rigward ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju u proċessi ta’ manifattura li fihom jintużaw il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju (ĠU L 155, 5.5.2021, p. 23).

(3)  Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88).


Top