This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022D0464
Council Implementing Decision (EU) 2022/464 of 21 March 2022 amending Implementing Decision 2013/54/EU as regards the authorisation granted to the Republic of Slovenia to continue to apply the special measure derogating from Article 287 of Directive 2006/112/EC on the common system of value added tax
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/464 tal-21 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni li ngħatat lir-Repubblika tas-Slovenja biex tkompli tapplika l-miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/464 tal-21 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni li ngħatat lir-Repubblika tas-Slovenja biex tkompli tapplika l-miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
ST/6436/2022/INIT
ĠU L 94, 23.3.2022, p. 4–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
23.3.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 94/4 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/464
tal-21 ta’ Marzu 2022
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni li ngħatat lir-Repubblika tas-Slovenja biex tkompli tapplika l-miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 287, il-punt (15), tad-Direttiva 2006/112/KE jippermetti li s-Slovenja teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 25 000. |
(2) |
Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/54/UE (2), is-Slovenja ġiet awtorizzata biex, sal-31 ta’ Diċembru 2015, tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287, il-punt (15), tad-Direttiva 2006/112/KE u għalhekk teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 50 000 (“il-miżura speċjali”). L-applikazzjoni ta-miżura speċjali ġiet estiża darbtejn, l-aktar reċenti bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1700 (3), sal-31 ta’ Diċembru 2021. |
(3) |
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-27 ta’ Ottubru 2021, is-Slovenja talbet awtorizzazzjoni ulterjuri biex tkompli tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (4). Minn dik id-Direttiva jirriżulta li mill-1 ta’ Jannar 2025, l-Istati Membri se jitħallew jeżentaw mill-VAT il-provvista ta’ merkanzija u servizzi magħmula minn persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom fi Stat Membru ma jaqbiżx il-limitu ta’ EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali. |
(4) |
Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba li għamlet is-Slovenja lill-Istati Membri l-oħra, permezz tal-ittra tal-15 ta’ Novembru 2021. Permezz ta’ ittra datata s-16 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lis-Slovenja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba. |
(5) |
Il-miżura speċjali hija konformi mad-Direttiva (UE) 2020/285, li tfittex li tnaqqas il-piż tal-konformità tal-impriżi ż-żgħar u tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern. |
(6) |
Il-miżura speċjali ser tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli peress li xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE. |
(7) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mis-Slovenja, il-miżura speċjali ser ikollha effett negliġibbli biss fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa li s-Slovenja tiġbor fl-istadju tal-konsum finali. |
(8) |
Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 (5), is-Slovenja ma għandha twettaq l-ebda kalkolu ta’ kumpens fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji tal-VAT mis-sena finanzjarja 2021 ’il quddiem. |
(9) |
Minħabba l-fatt li l-miżura speċjali kellha impatt pożittiv fis-simplifikazzjoni tal-obbligi relatati mal-VAT, peress li naqqset –il-piż amministrattiv u l-kostijiet tal-konformità kemm għall-impriżi ż-żgħar kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa, u peress li ma kien hemm l-ebda impatt kbir fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT, jenħtieġ li s-Slovenja tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali. |
(10) |
Jenħtieġ li -l-applikazzjoni tal-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu attwali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2020/285, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, li temenda d-Direttiva 2006/112/KE, u japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li s-Slovenja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024. |
(11) |
Sabiex jiġi evitat kull tfixkil, jenħtieġ li s-Slovenja titħalla tkompli tapplika l-miżura speċjali mingħajr interruzzjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2022, sabiex l-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/54/UE jkomplu mingħajr waqfien. |
(12) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Marzu 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/54/UE tat-22 ta’ Jannar 2013 li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja sabiex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 22, 25.1.2013, p. 15).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1700 tas-6 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja biex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 285, 13.11.2018, p. 78).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 9).