Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0449

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/449 tas-17 ta' Marzu 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Moldova

    ST/7201/2022/INIT

    ĠU L 91, 18.3.2022, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/449/oj

    Related international agreement

    18.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 91/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/449

    tas-17 ta' Marzu 2022

    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Moldova

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 77(2)(b) u (d) u l-Artikolu 79(2)(c) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    F’ċirkostanzi li jeħtieġu l-iskjerament ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta f’pajjiż terz fejn il-membri tat-timijiet ser jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, l-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896 (1) jitlob li jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus mill-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat fuq il-bażi tal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    (2)

    Fl-14 ta' Marzu 2022 (2), il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati mar-Repubblika tal-Moldova għal ftehim dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Moldova (il-“Ftehim”).

    (3)

    In-negozjati ġew konklużi b’suċċess permezz tal-inizjalar tal-Ftehim.

    (4)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tieħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3); għalhekk, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (5)

    F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta din id-Deċiżjoni jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

    (6)

    Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat, u jenħtieġ li d-dikjarazzjoni konġunta fir-rigward tal-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein tiġi approvata, f'isem l-Unjoni..

    (7)

    Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-possibbiltà ta’ skjerament urġenti tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova sabiex jassisti fl-influss ta’ persuni wara l-aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Moldova (il-“Ftehim”) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (4).

    Artikolu 2

    Id-Dikjarazzjoni Konġunta mehmuża ma' din id-Deċiżjoni għandha tiġi approvata f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 3

    Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

    Artikolu 4

    Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, f’konformità mal-Artikolu 22(2), it-tieni subparagrafu tal-Ftehim, mid-data tal-firma tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Marzu 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.-Y. LE DRIAN


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624, (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) tal-14 ta' Marzu 2022 li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Moldova (ĠU L 87, 15.3.2002, p. 22).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (4)  It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L 91, 18.3.2022, p. 4


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN

    Il-Partijiet għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Moldova jieħdu nota tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen.

    F'tali ċirkostanzi huwa mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Moldova f'termini simili għal dawk tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Moldova.


    Top