EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0430

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/430 tal-15 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

ST/7128/2022/INIT

ĠU L 87I, 15.3.2022, p. 56–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/430/oj

15.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 87/56


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/430

tal-15 ta’ Marzu 2022

li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (1).

(2)

L-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

(3)

Fl-24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk kontra l-Ukrajna. Dak l-attakk huwa ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. Bl-azzjonijiet militari illegali tagħha, ir-Russja qed tikser b’mod serju d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-NU u qed iddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali. Il-Kunsill Ewropew appella għat-tħejjija u l-adozzjoni urġenti ta’ pakkett ta’ sanzjonijiet individwali u ekonomiċi ulterjuri.

(5)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’risposta għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa xieraq li jiġu introdotti aktar miżuri restrittivi. B’mod partikolari, huwa xieraq li jiġu pprojbiti t-tranżazzjonijiet kollha ma’ ċerti kumpanniji tal-istat. Huwa xieraq ukoll li jiġi pprojbit il-forniment ta’ kwalunkwe servizz ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, kif ukoll l-aċċess għal kwalunkwe servizz ta’ abbonament fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, lil kwalunkwe persuna jew entità Russa. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiżdiedu r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward ta’ prodotti u teknoloġiji b’użu doppju kif ukoll prodotti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ teknoloġiku fis-settur tad-difiża u s-sigurtà tar-Russja, u li tiġi estiża l-lista ta’ persuni konnessi mal-bażi industrijali u tad-difiża tar-Russja, li huma soġġetti għal dawk ir-restrizzjonijiet. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġu pprojbiti investimenti ġodda fis-settur tal-enerġija Russu u li tiġi introdotta restrizzjoni komprensiva fuq l-esportazzjoni ta’ tagħmir, teknoloġija u servizzi għall-industrija tal-enerġija fir-Russja, bl-eċċezzjoni tal-industrija nukleari u s-settur downstream tat-trasport tal-enerġija. Fl-aħħar nett, huwa xieraq li jiġu introdotti aktar restrizzjonijiet kummerċjali fir-rigward tal-ħadid u l-azzar, kif ukoll il-prodotti ta’ lussu.

(6)

Tenħtieġ aktar azzjoni mill-Unjoni biex ċerti miżuri jiġu implimentati.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/512/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej :

“Artikolu 1aa

1.   Għandu jkun ipprojbit li wieħed jidħol direttament jew indirettament fi kwalunkwe tranżazzjoni ma’:

(a)

persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fir-Russja, li huma kkontrollati pubblikament jew b’aktar minn 50 % sjieda pubblika jew li fihom ir-Russja, il-Gvern tagħha jew il-Bank Ċentrali Russu għandhom id-dritt li jipparteċipaw fi profitti jew li magħhom ir-Russja, il-Gvern jew il-Bank Ċentrali Russu tagħha għandhom relazzjoni ekonomika sostanzjali oħra, kif elenkat fl-Anness X;

(b)

persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti barra l-Unjoni li iktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikunu b’mod dirett jew indirett proprjetà ta’ entità elenkata fl-Anness X; jew

(c)

persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew taħt id-direzzjoni ta’ entità msemmija fil-punt (a) jew (b) ta’ dan il-paragrafu.

2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-eżekuzzjoni sal-15 ta’ Mejju 2022 ta’ kuntratti konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2022 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

3.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal:

(a)

tranżazzjonijiet li huma strettament meħtieġa għax-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport ta’ fjuwils fossili, b’mod partikolari l-faħam, iż-żejt u l-gass naturali, kif ukoll it-titanju, l-aluminju, ir-ram, in-nikil, il-palladju u l-mineral tal-ħadid minn jew li jgħaddu mir-Russja lejn l-Unjoni;

(b)

tranżazzjonijiet relatati ma’ proġetti tal-enerġija barra mir-Russja li fihom persuna ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness X ikun azzjonist minoritarju.”;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej :

“Artikolu 1g

1.   Għandu jkun ipprojbit mill-15 ta’ April 2022 il-forniment ta’ servizzi ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu lil kwalunkwe ċittadin Russu jew persuna fiżika li tirrisjedi fir-Russja jew kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fir-Russja.

2.   Għandu jkun ipprojbit mill-15 ta’ April 2022 il-forniment ta’ aċċess għal kwalunkwe servizz ta’ abbonament fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu lil kwalunkwe ċittadin Russu jew persuna fiżika li tirrisjedi fir-Russja jew kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fir-Russja.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal ċittadini ta’ Stat Membru jew persuni fiżiċi li għandhom permess ta’ residenza temporanju jew permanenti fi Stat Membru.”;

(3)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Meta jkunu qed jiddeċiedu dwar talbiet għall-awtorizzazzjonijiet f’konformità mal-paragrafi 4 u 5, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni jekk kemm-il darba jkollhom raġunijiet validi biex jaħsbu li:

(i)

l-utent aħħari jista’ jkun utent aħħari militari, persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV jew li l-prodotti jista’ jkollhom użu aħħari militari;

(ii)

il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew il-provvista ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata tkun intenzjonata għall-avjazzjoni jew l-industrija spazjali; jew

(iii)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew il-forniment ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata intenzjonata għas-settur tal-enerġija, sakemm tali bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata ma jkunux permessi taħt l-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3 sa 6 tal-Artikolu 4.”;

(4)

fl-Artikolu 3a, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Meta jkunu qed jiddeċiedu dwar talbiet għall-awtorizzazzjonijiet f’konformità mal-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni jekk kemm-il darba jkollhom raġunijiet validi biex jaħsbu li:

(i)

l-utent aħħari jista’ jkun utent aħħari militari, persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV jew li l-prodotti jista’ jkollhom użu aħħari militari;

(ii)

il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew il-provvista ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata tkun intenzjonata għall-avjazzjoni jew l-industrija spazjali; jew

(iii)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew il-forniment ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata intenzjonata għas-settur tal-enerġija, sakemm tali bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata ma jkunux permessi taħt l-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3 sa 6 tal-Artikolu 4.”;

(5)

fl-Artikolu 3b, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fir-rigward tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness IV, permezz ta’ deroga mill-Artikoli 3 u 3a ta’ din id-Deċiżjoni, u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni b’konformità mar-Regolament (UE) 2021/821, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw biss il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ prodotti u teknoloġija b’użu doppju u l-prodotti u t-teknoloġija imsemmijin fl-Artikolu 3a ta’ din id-Deċiżjoni, jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata wara li jkunu ddeterminaw:

(a)

li tali prodotti jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata jkunu meħtieġa għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent; jew

(b)

li tali prodotti jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata jkunu dovuti skont kuntratti konklużi qabel is-26 ta’ Frar 2022, jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt, dment li l-awtorizzazzjoni tintalab qabel l-1 ta’ Mejju 2022.”;

(6)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ ċerti prodotti u teknoloġija adatti għal ċerti kategoriji ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u produzzjoni, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluż iż-Żona Ekonomika Esklużiva u l-Blata Kontinentali tagħha, jew għall-użu fir-Russja, inkluż iż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha.

L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan il-paragrafu.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-prodotti jew teknoloġija msemmija fil-paragrafi 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawn il-prodotti u t-teknoloġija, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, jew għall-użu fir-Russja;

(b)

il-forniment ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafi 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk il-prodotti u t-teknoloġija, jew għall-forniment ta’ għajnuna teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, jew għall-użu fir-Russja.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ prodotti jew teknoloġija, jew għall-forniment tal-assistenza teknika jew finanzjarja relatata, meħtieġa għal:

(a)

it-trasport tal-fjuwils fossili, b’mod partikolari tal-faħam, taż-żejt u tal-gass naturali, minn jew li jgħaddu mir-Russja lejn l-Unjoni; jew

(b)

il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent.

4.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-eżekuzzjoni sas-17 ta’ Settembru 2022 ta’ obbligu li jirriżulta minn kuntratt konkluż qabel is-16 ta’ Marzu 2022, jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt, dment li l-awtorità kompetenti tkun ġiet infurmata mill-inqas ħamest ijiem ta’ xogħol minn qabel.

5.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 2 ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom barra mis-settur tal-enerġija fir-Russja.

6.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, b’dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni u l-forniment ta’ assistenza teknika jew finanzjarja, wara li jkunu ddeterminaw li:

(a)

dan huwa meħtieġ biex tiġi żgurata provvista kritika tal-enerġija fl-Unjoni; jew

(b)

huwa maħsub għall-użu esklussiv ta’ entitajiet proprjetà ta’, jew kontrollati biss jew b’mod konġunt minn persuna ġuridika, entità jew korp li huwa inkorporat jew kostitwit skont il-liġi ta’ Stat Membru.

7.   L-Istat Membru konċernat jew l-Istati Membri kkonċernati għandu/għandhom jinforma/jinformaw lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li tingħata skont il-paragrafu 6 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”;

(7)

L-Artikolu 4a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4a

1.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-akkwist ta’ kwalunkwe parteċipazzjoni ġdida jew l-estensjoni ta’ kwalunkwe parteċipazzjoni eżistenti fi kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi tar-Russja jew ta’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor u li joperaw fis-settur tal-enerġija fir-Russja;

(b)

l-għoti jew sehem minn kwalunkwe arranġament għall-għoti ta’ xi self jew kreditu ġdid jew b’xi mod ieħor il-forniment ta’ finanzjament, inkluż kapital ta’ ekwità, lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi tar-Russja jew ta’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor u li joperaw fis-settur tal-enerġija fir-Russja, jew għall-iskop dokumentat ta’ finanzjament ta’ tali persuna ġuridika, entità jew korp;

(c)

il-ħolqien ta’ kwalunkwe impriża ġdida bi sħab ma’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi tar-Russja jew ta’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor u li joperaw fis-settur tal-enerġija fir-Russja;

(d)

il-forniment ta’ servizzi ta’ investiment li jkunu direttament relatati mal-attivitajiet imsemmija fil-punti minn (a), (b) u (c).

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, b’tali kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, kwalunkwe attività msemmija fil-paragrafu 1 wara li jkunu ddeterminaw li:

(a)

hija meħtieġa biex tiġi żgurata provvista kritika tal-enerġija fl-Unjoni, kif ukoll it-trasport ta’ fjuwils fossili, b’mod partikolari l-faħam, iż-żejt u l-gass naturali, minn jew li jgħaddu mir-Russja lejn l-Unjoni; jew

(b)

tikkonċerna esklussivament persuna ġuridika, entità jew korp li joperaw fis-settur tal-enerġija fir-Russja proprjetà ta’ persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru.

3.   L-Istat Membru konċernat jew l-Istati Membri kkonċernati għandu/għandhom jinforma/jinformaw lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li tingħata skont il-paragrafu 2 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”;

(8)

fl-Artikolu 4f, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Maniġer tan-Netwerk għall-funzjonijiet tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tal-ajru uniku Ewropew għandu jappoġġja lill-Kummissjoni u l-Istati Membri tagħha fl-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 4e u tal-konformità miegħu. Il-Maniġer tan-Netwerk għandu, b’mod partikolari, jirrifjuta l-pjanijiet tat-titjir kollha ppreżentati minn operaturi tal-inġenji tal-ajru li jindikaw l-intenzjoni li jwettqu attivitajiet fit-territorju tal-Unjoni li jikkostitwixxu ksur ta’ din id-Deċiżjoni, b’tali mod li l-bdot ma jitħalliex itir.”;

(9)

l-Artikoli li ġejjin jiddaħħlu:

“Artikolu 4i

1.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-importazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ prodotti tal-ħadid u tal-azzar fl-Unjoni jekk dawn:

(i)

joriġinaw mir-Russja; jew

(ii)

ikunu ġew esportati mir-Russja;

(b)

ix-xiri, dirett jew indirett, ta’ prodotti tal-ħadid u tal-azzar li jinsabu fir-Russja jew li oriġinaw minnha;

(c)

it-trasport ta’ prodotti tal-ħadid u tal-azzar jekk ikunu oriġinaw mir-Russja jew ikunu qed jiġu esportati mir-Russja lejn xi pajjiż ieħor;

(d)

il-forniment, dirett jew indirett, ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja, inkluż derivattivi finanzjarji, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, relatati mal-projbizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c).

L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan il-paragrafu.

2.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għall-eżekuzzjoni sas-17 ta’ Ġunju 2022 ta’ kuntratti konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2022, jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

Artikolu 4j

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ prodotti ta’ lussu lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja.

2.   Il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika għal prodotti ta’ lussu sa fejn il-valur tagħhom jaqbeż it-EUR 300 għal kull oġġett.

3.   Il-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal prodotti li jkunu meħtieġa għal finijiet uffiċjali tal-missjonijiet diplomatiċi jew konsulari tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi msieħba fir-Russja jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jgawdu minn immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali, jew l-effetti personali tal-persunal tagħhom.

4.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.”;

(10)

fl-Artikolu 7, (1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, II, III, IV, V, VI, VIII, IX jew X, jew imsemmija fil-punt (b) jew (c) tal-Artikolu 1(1), fil-punt (b) jew (c) tal-Artikolu 1(2), fil-punt (c) jew (d) tal-Artikolu 1(3), fil-punt (b) jew (c) tal-Artikolu 1(4), fil-punt (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 1a, fil-punt (b) jew (c) tal-Artikolu 1aa, fl-Artikolu 1e, jew fl-Artikolu 1g;”;

(11)

l-Annessi huma emendati kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).


ANNESS

(1)   

Fl-Anness IV għad-Deċiżjoni 2014/512/PESK, jiddaħħlu l-entrati li ġejjin:

 

“Amur Shipbuilding Factory PJSC

 

AO Center of Shipbuilding and Ship Repairing JSC

 

AO Kronshtadt

 

Avant Space LLC

 

Baikal Electronics

 

Center for Technological Competencies in Radiophtonics

 

Central Research and Development Institute Tsiklon

 

Crocus Nano Electronics

 

Dalzavod Ship-Repair Center;

 

Elara

 

Electronic Computing and Information Systems

 

ELPROM

 

Engineering Center Ltd.

 

Forss Technology Ltd.

 

Integral SPB

 

JSC Element

 

JSC Pella-Mash

 

JSC Shipyard Vympel

 

Kranark LLC

 

Lev Anatolyevich Yershov (Ershov);

 

LLC Center

 

MCST Lebedev

 

Miass Machine-Building Factory

 

Microelectronic Research and Development Center Novosibirsk

 

MPI VOLNA

 

N. A. Dollezhal Order of Lenin Research and Design Institute of Power Engineering

 

Nerpa Shipyard

 

NM-Tekh

 

Novorossiysk Shipyard JSC

 

NPO Electronic Systems

 

NPP Istok

 

NTC Metrotek

 

OAO GosNIIkhimanalit

 

OAO Svetlovskoye Predpriyatiye Era

 

OJSC TSRY

 

OOO Elkomtekh (Elkomtex)

 

OOO Planar

 

OOO Sertal

 

Photon Pro LLC

 

PJSC Zvezda

 

Production Association Strela

 

Radioavtomatika

 

Research Center Module

 

Robin Trade Limited

 

R. Ye. Alekseyev Central Design Bureau for Hydrofoil Ships

 

Rubin Sever Design Bureau

 

Russian Space Systems

 

Rybinsk Shipyard Engineering

 

Scientific Research Institute of Applied Chemistry

 

Scientific-Research Institute of Electronics

 

Scientific Research Institute of Hypersonic Systems

 

Scientific Research Institute NII Submikron

 

Sergey IONOV

 

Serniya Engineering

 

Severnaya Verf Shipbuilding Factory

 

Ship Maintenance Center Zvezdochka

 

State Governmental Scientific Testing Area of Aircraft Systems (GkNIPAS)

 

State Machine Building Design Bureau Raduga Bereznya

 

State Scientific Center AO GNTs RF—FEI A.I. Leypunskiy Physico-Energy Institute

 

State Scientific Research Institute of Machine Building Bakhirev (GosNIImash)

 

Tomsk Microwave and Photonic Integrated Circuits and Modules Collective Design Center

 

UAB Pella-Fjord

 

United Shipbuilding Corporation JSC ‘35th Shipyard’

 

United Shipbuilding Corporation JSC ‘Astrakhan Shipyard’

 

United Shipbuilding Corporation JSC ‘Aysberg Central Design Bureau’

 

United Shipbuilding Corporation JSC ‘Baltic Shipbuilding Factory’

 

United Shipbuilding Corporation JSC ‘Krasnoye Sormovo Plant OJSC’

 

United Shipbuilding Corporation JSC ‘SC ‘Zvyozdochka’

 

United Shipbuilding Corporation ‘Pribaltic Shipbuilding Factory Yantar’

 

United Shipbuilding Corporation ‘Scientific Research Design Technological Bureau Onega’

 

United Shipbuilding Corporation ‘Sredne-Nevsky Shipyard’

 

Ural Scientific Research Institute for Composite Materials

 

Urals Project Design Bureau Detal

 

Vega Pilot Plant

 

Vertikal LLC

 

Vladislav Vladimirovich Fedorenko

 

VTK Ltd

 

Yaroslavl Shipbuilding Factory

 

ZAO Elmiks-VS

 

ZAO Sparta

 

ZAO Svyaz Inzhiniring”;

(2)   

dan li ġej jiżdied bħala l-Anness X għad-Deċiżjoni 2014/512/PESK:

ANNESS X

LISTA TA’ KUMPANNIJI TAL-ISTAT IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1aa

OPK OBORONPROM

UNITED AIRCRAFT CORPORATION

URALVAGONZAVOD

ROSNEFT

TRANSNEFT

GAZPROM NEFT

ALMAZ-ANTEY

KAMAZ

ROSTEC (RUSSIAN TECHNOLOGIES STATE CORPORATION)

JSC PO SEVMASH

SOVCOMFLOT

UNITED SHIPBUILDING CORPORATION


Top