Ez a dokumentum az EUR-Lex webhelyről származik.
Dokumentum 32022D0418
Commission Implementing Decision (EU) 2022/418 of 10 March 2022 on the applicability of Article 34 of Directive 2014/25/EU of the European Parliament and of the Council to non-commercial bus transport services in the Austrian regions under the competence of the regional transport authorities Verkehrsverbund OstRegion (VOR) and Oberösterreich Verkehrsverbund (OÖVV) (notified under document C(2022) 1352) (Only the German text is authentic) (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/418 tal-10 ta’ Marzu 2022 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja fir-reġjuni Awstrijaċi taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet tat-trasport reġjonali Verkehrsverbund Ost-Region (VOR) u Oberösterreich Verkehrsverbund (OÖVV) (notifikata bid-dokument C(2022) 1352) (It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/418 tal-10 ta’ Marzu 2022 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja fir-reġjuni Awstrijaċi taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet tat-trasport reġjonali Verkehrsverbund Ost-Region (VOR) u Oberösterreich Verkehrsverbund (OÖVV) (notifikata bid-dokument C(2022) 1352) (It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2022/1352
ĠU L 85, 14.3.2022., 119–127. o.
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Hatályos
|
14.3.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 85/119 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/418
tal-10 ta’ Marzu 2022
dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja fir-reġjuni Awstrijaċi taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet tat-trasport reġjonali Verkehrsverbund Ost-Region (VOR) u Oberösterreich Verkehrsverbund (OÖVV)
(notifikata bid-dokument C(2022) 1352)
(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 35(3) tagħha,
Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv dwar l-akkwist pubbliku,
Billi:
1. FATTI
1.1. It-talba
|
(1) |
Fit-2 ta’ Ottubru 2020, ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Awstrija ppreżentat lill-Kummissjoni, f’isem Österreichische Postbus AG (“Postbus” jew “l-applikant”), talba skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2014/25/UE (“it-talba”). It-talba tikkonforma mar-rekwiżiti formali stabbiliti fl-Artikolu 1(1) u fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1804 (2). |
|
(2) |
L-applikant jappartjeni għall-grupp ÖBB (il-Ferroviji Federali Awstrijaċi). 100 % tal-ishma fl-applikant huma miżmuma minn ÖBB-Personenverkehr AG, li minnha nnifisha hija 100 % sussidjarja ta’ ÖBB-Holding AG. L-ishma kollha f’ÖBB-Holding AG huma miżmuma mir-Repubblika tal-Awstrija. L-applikant huwa attiv fis-settur tat-trasport tal-passiġġieri bil-karozza tal-linja. |
|
(3) |
L-applikant huwa entità kontraenti f’konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/25/UE u jwettaq attività relatata mal-operat ta’ networks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-karozza tal-linja, skont it-tifsira tal-Artikolu 11 ta’ dik id-Direttiva. |
|
(4) |
Is-servizzi skedati tal-karozzi tal-linja huma servizzi tat-trasport tal-passiġġieri perjodiċi u aċċessibbli għall-pubbliku, ipprovduti mill-operaturi tat-trasport tal-passiġġieri bi ħlas f’rotot speċifiċi tat-trasport, li jippermettu lill-passiġġieri jitilgħu fil-karozza tal-linja u jinżlu minnha fi stazzjonijiet determinati minn qabel. Jekk l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu kumpens finanzjarju lil impriża għat-twettiq ta’ dawn is-servizzi, dawn jissejħu servizzi tat-trasport mhux kummerċjali. |
|
(5) |
Is-servizzi mhux kummerċjali tal-karozzi tal-linja jagħtu lok għall-għoti ta’ żewġ tipi differenti ta’ kuntratti. L-ewwel tip huwa l-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku mill-awtoritajiet tat-trasport kompetenti f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li huwa applikabbli għas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq. It-tieni tip huwa l-għoti ta’ kuntratti mill-operatur maħtur biex jeżegwixxi tali kuntratt għal servizz pubbliku, bħal kuntratti ma’ kumpanija tat-tindif għat-tindif tal-karozzi tal-linja jew lil kumpanija li tipprovdi karozzi tal-linja għall-użu mill-operatur. |
|
(6) |
It-talba tkopri biss it-tieni tip ta’ kuntratti, jiġifieri l-għoti ta’ kuntratti maħsuba sabiex jippermettu t-twettiq ta’ servizzi tat-trasport skedati mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja fl-Awstrija, attività relatata mal-operat tan-networks f’konformità mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/25/UE. It-talba ma tkoprix l-għoti ta’ kuntratti għall-insegwiment ta’ servizzi mhux kummerċjali bil-karozza tal-linja li jingħataw direttament lill-operaturi interni. Lanqas ma tkopri l-għoti minn awtorità tat-trasport reġjonali (Verkehrsverbund) ta’ kuntratt biex jiġu operati servizzi tat-trasport bil-karozzi tal-linja lil operatur tal-karozzi tal-linja, peress li tali għotjiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. |
|
(7) |
Inizjalment, it-talba ma kinitx akkumpanjata minn pożizzjoni motivata tal-Bundeswettbewerbsbehörde (l-Awtorità Nazzjonali tal-Kompetizzjoni Awstrijaka, “NCA”). F’konformità mal-punt 1(b) tal-Anness IV għad-Direttiva 2014/25/UE, peress li l-aċċess liberu għas-suq ma jistax jiġi preżunt abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(3) ta’ dik id-Direttiva, il-Kummissjoni trid tadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni dwar it-talba fi żmien 130 jum ta’ xogħol. L-iskadenza inizjali ġiet sospiża f’konformità mal-punt 2 tal-Anness IV għad-Direttiva 2014/25/UE. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni sat-28 ta’ Frar 2022. |
|
(8) |
Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni lill-awtoritajiet Awstrijaċi fil-11 ta’ Novembru 2020. L-awtoritajiet Awstrijaċi ssottomettew informazzjoni fit-2 ta’ Diċembru 2020, fit-23 ta’ Frar 2021 u fit-23 ta’ Marzu 2021. Is-sottomissjoni tat-23 ta’ Marzu 2021 inkludiet pożizzjoni tal-NCA, li tanalizza jekk l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE japplikax għall-attivitajiet ikkonċernati, f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dak l-Artikolu. |
|
(9) |
Fid-19 ta’ Ottubru 2021, l-applikant naqqas l-ambitu ġeografiku tat-talba għal eżenzjoni għal żewġ partijiet tat-territorju Awstrijak, Vjenna, l-Awstrija t’Isfel u Burgenland (taħt il-kompetenza tal-awtorità tat-trasport reġjonali Verkehrsverbund Ost-Region (VOR)) u l-Awstrija ta’ Fuq (taħt il-kompetenza tal-awtorità tat-trasport reġjonali Oberösterreich Verkehrsverbund (OÖVV)). L-applikant ipprovda informazzjoni addizzjonali fil-21 ta’ Ottubru u fit-8 ta’ Novembru 2021. |
2. QAFAS LEGALI
|
(10) |
Id-Direttiva 2014/25/UE tapplika għall-għoti ta’ kuntratti għat-twettiq ta’ attivitajiet relatati mal-forniment jew mal-operat ta’ networks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, b’sistemi awtomatizzati, bit-tramway, bit-trolley bus, bil-karozza tal-linja jew bil-kejbil, sakemm l-attività ma tkunx eżentata skont l-Artikolu 34 ta’ dik id-Direttiva. |
|
(11) |
Skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, il-kuntratti maħsuba sabiex jippermettu t-twettiq ta’ attività li għaliha tapplika d-Direttiva ma humiex soġġetti għal dik id-Direttiva jekk, fl-Istat Membru li titwettaq fih, l-attività tkun esposta direttament għall-kompetizzjoni fi swieq li għalihom l-aċċess ma huwiex ristrett. |
|
(12) |
L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni huwa vvalutat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tas-settur ikkonċernat. (4) Madankollu, din il-valutazzjoni hija limitata mill-iskadenzi qosra applikabbli u mill-ħtieġa li wieħed jibbaża fuq l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni. Dik l-informazzjoni toriġina jew minn sorsi diġà disponibbli jew mill-informazzjoni miksuba fil-kuntest tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/25/UE u ma tistax tiġi ssupplimentata minn metodi li jieħdu aktar ħin, inkluż, b’mod partikolari, investigazzjonijiet pubbliċi indirizzati lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati (5). |
|
(13) |
Jenħtieġ li l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni jiġi evalwat abbażi ta’ diversi indikaturi, li l-ebda wieħed minnhom ma jkun neċessarjament deċiżiv għalih waħdu. Fir-rigward tas-suq ikkonċernat minn din id-Deċiżjoni, l-ishma tas-suq jikkostitwixxu kriterju wieħed, li jenħtieġ li jitqies, flimkien ma’ kriterji oħrajn, bħall-eżistenza tal-ostakli għad-dħul jew il-kompetizzjoni intermodali. |
3. VALUTAZZJONI
|
(14) |
L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tistabbilixxi jekk is-servizzi kkonċernati mit-talba humiex esposti għal livell ta’ kompetizzjoni (fis-swieq li għalihom l-aċċess ma huwiex ristrett skont it-tifsira tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE) li jiżgura li, anke fin-nuqqas tad-dixxiplina miġjuba mir-regoli ddettaljati dwar l-akkwist stabbiliti fid-Direttiva 2014/25/UE, l-akkwist għall-insegwiment tal-attivitajiet ikkonċernati jitwettaq b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi tal-kriterji li jippermettu lill-akkwirenti jidentifikaw is-soluzzjoni li b’mod ġenerali tkun l-aktar waħda ekonomikament vantaġġuża. |
|
(15) |
Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni ġuridika u fattwali sa minn Novembru tal-2021 u fuq l-informazzjoni sottomessa mill-applikant, mill-awtoritajiet Awstrijaċi, inkluż mill-Ministeru Federali Awstrijak għall-Azzjoni Klimatika, l-Ambjent, l-Enerġija, il-Mobbiltà, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (“BMK”), mill-NCA u mill-awtoritajiet tat-trasport reġjonali, u l-informazzjoni disponibbli pubblikament. |
3.1. Aċċess mhux ristrett għas-suq
|
(16) |
L-aċċess għas-suq jitqies bħala mhux ristrett jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu. Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 huwa applikabbli għas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ dak ir-Regolament, l-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-karozza tal-linja, fil-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet ta’ servizz, irid jingħata f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 (6). Dawn ir-regoli, stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament, jinvolvu, inter alia, definizzjoni ċara tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li magħhom l-operatur ta’ servizz pubbliku għandu jikkonforma, iż-żoni ġeografiċi kkonċernati, jew it-tul tal-kuntratt. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 ma huwiex elenkat fl-Anness III tad-Direttiva 2014/25/UE. Konsegwentement, l-applikant irid juri li l-aċċess għas-suq għall-forniment ta’ servizzi mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja huwa ħieles de facto u de jure. |
|
(17) |
Kuntratti oħra għal servizz pubbliku għat-trasport pubbliku bil-karozza tal-linja, li ma jiħdux il-forma ta’ konċessjonijiet ta’ servizz, għandhom jingħataw f’konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku li jittrasponu (inter alia) id-Direttiva 2014/25/UE. |
|
(18) |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti hija l-Att dwar is-Servizzi Skedati tal-Karozzi tal-Linja (il-Bundesgesetz über die linienmäßige Beförderung von Personen mit Kraftfahrzeugen (Kraftfahrliniengesetz — KflG)) (7) u l-Att dwar it-Trasport Pubbliku Lokali u Reġjonali tal-Passiġġieri (il-Bundesgesetz über die Ordnung des öffentlichen Personennah- und Regionalverkehrs (Öffentlicher Personennah- und Regionalverkehrsgesetz 1999 — ÖPNRV-G 1999) (8). |
|
(19) |
Il-KflG japplika għal servizzi tat-trasport tal-passiġġieri perjodiċi u aċċessibbli għall-pubbliku, li huma pprovduti mill-operaturi tat-trasport tal-passiġġieri bi ħlas fi ħdan rotot speċifiċi tat-trasport, li jippermettu lill-passiġġieri jitilgħu u jinżlu l-karozza tal-linja fi stazzjonijiet determinati minn qabel. Il-konċessjonijiet skont il-KflG, li jaqgħu taħt il-mandat tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, jingħataw għal rotot speċifiċi. Jekk l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu kumpens finanzjarju għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, dawn is-servizzi tat-trasport ikunu servizzi tat-trasport mhux kummerċjali. |
|
(20) |
L-ÖPNRV-G jirregola l-aspetti organizzazzjonali u finanzjarji tal-operat tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri lokali u reġjonali (bil-ferrovija u bil-karozza tal-linja) kif ukoll l-istruttura u l-qasam ta’ responsabbiltà tal-assoċjazzjonijiet tat-trasport. |
|
(21) |
F’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess ħieles de jure għas-suq tas-servizzi mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja, kemm il-KflG kif ukoll l-ÖPNRV-G jistabbilixxu li l-awtorità kontraenti trid tagħżel il-kumpanija tat-trasport f’konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku li jittrasponu d-Direttiva 2014/25/UE u mar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. |
|
(22) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 u l-leġiżlazzjoni Awstrijaka japplikaw għall-attivitajiet tal-applikant. Għalkemm ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 mhuwiex elenkat fl-Anness III tad-Direttiva 2014/25/UE, huwa jipprevedi qafas regolatorju li jrid jiżgura kompetizzjoni xierqa fuq bażi ta’ każ b’każ. L-Artikolu 5(3), tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jordna l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku abbażi tal-proċedura ta’ offerti kompetittiva, minbarra f’każijiet speċifiċi ħafna (valur annwali medju inqas minn EUR 1 000 000, forniment annwali ta’ inqas minn 300 000 kilometru ta’ servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri jew (riskju immedjat ta’) interruzzjoni fis-servizzi). B’riżultat ta’ dan, fil-każ preżenti, il-kompetizzjoni sseħħ meta jingħataw il-kuntratti għall-operat ta’ linji ta’ karozzi tal-linji billi tali kuntratti jingħataw wara offerti miftuħa fiż-żewġ reġjuni soġġetti għat-talba, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. |
|
(23) |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq ħieles de jure huma ssodisfati. |
|
(24) |
F’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess ħieles de facto għas-suq tas-servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja, il-Kummissjoni tinnota li l-atturi l-ġodda tas-suq daħlu fis-suq f’dawn l-aħħar snin. Pereżempju, tliet impriżi minn Stati Membri oħrajn minbarra l-Awstrija daħlu fis-suq b’suċċess fiż-żewġ reġjuni, soġġetti għat-talba, bejn l-2016 u l-2020. |
|
(25) |
Skont l-applikant, iż-żewġ awtoritajiet kontraenti reġjonali użaw dejjem aktar sejħiet għall-offerti kompetittivi fl-għoti ta’ servizzi tal-karozzi tal-linja kkuntrattati matul dawn l-aħħar snin, bħala riżultat tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 stabbilixxa li l-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku għat-trasport bil-ferrovija u bit-triq għandu jikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5 tiegħu mit-3 ta’ Diċembru 2019, u b’hekk jillimita strettament l-għotjiet diretti. Sa Ġunju tal-2021, is-sehem ta’ offerti kompetittivi kien ta’ 92 % għar-reġjun taħt il-kompetenza tal-VOR u ta’ 100 % għar-reġjun taħt il-kompetenza tal-OÖVV. |
|
(26) |
Fil-pożizzjonijiet tagħhom, il-BMK u l-NCA jirrikonoxxu l-fatt li l-aċċess għas-suq inkwistjoni huwa ħieles de jure u de facto. |
|
(27) |
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-aċċess għas-swieq ta’ servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja fit-territorji rispettivi tar-reġjuni taħt il-kompetenza tal-VOR u l-OÖVV jenħtieġ li jitqies ħieles de jure u de facto skont it-tifsira tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE. |
3.2. Valutazzjoni kompetittiva
3.2.1. Definizzjoni tas-suq tal-prodott rilevanti
3.2.2. Definizzjoni tas-Suq tal-Prodott
|
(28) |
Is-servizzi tat-trasport bil-karozzi tal-linja fl-Awstrija jinkludu dan li ġej: is-servizzi tat-trasport skedati bil-karozzi tal-linja, li huma soġġetti għall-KfG, u s-servizzi tat-trasport mhux skedati bil-karozzi tal-linja regolati skont l-Att dwar is-Servizzi tat-Trasport Mhux Skedati bil-Karozzi tal-Linja — Gelegenheitsverkehrs-Gesetz (GelverkG). |
|
(29) |
L-ÖPNRV-G kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jagħmlu distinzjoni bejn servizzi tat-trasport kummerċjali u servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja. Skont it-Taqsima 3(2) tal-ÖPNRV-G, is-servizzi tat-trasport għandhom jitqiesu biss bħala servizzi tat-trasport kummerċjali jekk l-awtoritajiet pubbliċi ma jagħtu l-ebda kumpens. Kull meta l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu kumpens finanzjarju, is-servizzi tat-trasport jiġu kkwalifikati bħala mhux kummerċjali. |
|
(30) |
Meta tixtri servizzi tat-trasport mhux kummerċjali jew tagħmel bidliet fi skeda operatorja eżistenti, l-awtorità kontraenti trid tagħżel il-kumpanija tat-trasport f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi dwar l-akkwist pubbliku u mar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. B’mod ġenerali, is-servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja huma soġġetti għall-proċeduri obbligatorji ta’ sejħiet għall-offerti. Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fis-7 ta’ Diċembru 2019, fl-Awstrija ngħataw żidiet fin-numru ta’ servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja fi proċeduri kompetittivi ta’ sejħiet għall-offerti. Il-prattika tal-fużjoni tal-Kummissjoni (10) tikkonferma l-fehma li s-servizzi tat-trasport kummerċjali bil-karozzi tal-linja u s-servizzi tat-trasport pubbliku mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja, jikkostitwixxu swieq ta’ prodotti differenti minħabba d-differenza fin-natura tal-kompetizzjoni. |
|
(31) |
Fir-rigward tas-suq għas-servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja, il-kompetizzjoni bejn l-operaturi tat-trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja sseħħ fil-livell ta’ offerti għal kuntratti, jiġifieri matul l-għoti ta’ kuntratti għall-operar ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport bil-karozzi tal-linja, u mhux wara fis-suq fir-rigward ta’ aspetti bħall-prezz, il-kapaċità, il-frekwenza jew karatteristiċi oħrajn tas-servizz. Meta mqabbla mas-servizzi tat-trasport kummerċjali, l-operaturi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja normalment ftit li xejn għandhom influwenza fuq id-dimensjonijiet bażiċi tal-kompetizzjoni bħall-frekwenzi, it-tariffi jew il-kumdità tal-passiġġieri, peress li dawk il-karatteristiċi huma stabbiliti mill-awtorità li tagħti l-kuntratt sabiex jiġi pprovdut is-servizz. L-operaturi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja huma obbligati jipprovdu s-servizzi tagħhom f’konformità mal-kuntratt konkluż mal-awtorità aġġudikanti u ma jistgħux jadattaw is-servizzi tagħhom għall-ħtiġijiet tal-passiġġieri, kif normalment jagħmlu l-operaturi kummerċjali. |
|
(32) |
L-applikant argumenta li s-servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja pprovduti minn operaturi interni jistgħu jikkostitwixxu suq rilevanti separat fis-suq ta’ servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja għar-raġunijiet li ġejjin:
|
|
(33) |
Il-BMK ikkonferma (12) l-fehma tal-applikant dwar l-ambitu tas-suq tal-prodott rilevanti. |
|
(34) |
Il-Kummissjoni taċċetta li l-operaturi interni jappartjenu għal suq separat. |
|
(35) |
Għall-finijiet tal-valutazzjoni skont din id-Deċiżjoni u mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tqis li s-suq tal-prodott rilevanti huwa s-suq għas-servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja għall-passiġġieri fejn isseħħ kompetizzjoni għas-suq. |
3.2.3. Definizzjoni tas-Suq Ġeografiku
|
(36) |
L-applikant jiddikjara li l-qafas regolatorju rigward is-servizzi tat-trasport bil-karozzi tal-linja, kif ukoll l-Att Federali tal-Awstrija dwar l-Akkwist Pubbliku, japplikaw b’mod konsistenti madwar l-Awstrija. Barra minn hekk, l-offerenti jridu jikkonformaw ma’ regolamenti ulterjuri sabiex jissottomettu offerta, bħar-regolamenti dwar il-liġi tax-xogħol jew il-ftehimiet ta’ negozjar kollettiv, huma applikabbli b’mod uniformi fl-Awstrija kollha (il-kostijiet tal-persunal jammontaw għal madwar 50 % tal-kostijiet ġenerali tas-servizzi tat-trasport skedati bil-karozzi tal-linja). Min-naħa l-oħra, l-applikant jindika differenzi sinifikanti bejn ir-reġjuni minħabba l-eżistenza ta’ assoċjazzjonijiet tat-trasport reġjonali responsabbli għat-trasport bil-karozzi tal-linja. |
|
(37) |
Il-BMK iddikjara li d-differenzi osservati fil-livell reġjonali ma kinux jeħtieġu mandat għad-definizzjoni tas-suq reġjonali. |
|
(38) |
Fil-pożizzjoni tagħha, l-NCA tispjega li s-servizzi pubbliċi tat-trasport bil-karozzi tal-linja huma offruti minn seba’ assoċjazzjonijiet reġjonali tat-trasport, li flimkien ikopru t-territorju kollu tal-Awstrija. L-operaturi interni joffru sottokuntratti, pereżempju fiż-żona metropolitana ta’ Vjenna. Kull assoċjazzjoni tat-trasport toħroġ sejħiet għall-offerti biss għal servizzi fit-territorju tagħha. L-NCA tikkonkludi li s-sejħiet għall-offerti u l-ikkuntrattar mhux simultanji ta’ servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja purament reġjonali jew lokali, u l-fatt li d-deċiżjonijiet dwar il-kuntratti jsiru minn seba’ assoċjazzjonijiet tat-trasport reġjonali attivi, li kollha jsegwu l-interessi tagħhom stess, għandhom it-tendenza li jopponu suq nazzjonali uniformi. |
|
(39) |
Fil-prattika tal-fużjoni tagħha, il-Kummissjoni ddefiniet is-suq ġeografiku rilevanti għas-servizzi tat-trasport bil-karozzi tal-linja bħala s-suq fejn japplika l-istess qafas regolatorju għall-awtoritajiet tat-trasport pubbliku kollha (13). |
|
(40) |
Il-Kummissjoni tosserva li r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni ta’ servizzi mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja hija tal-awtoritajiet reġjonali kompetenti (Verkehrsverbünde). Dawk l-awtoritajiet huma responsabbli għat-tfassil tal-offerti, skont il-kundizzjonijiet tal-qafas stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (il-KflG, il-GelverkG, l-ÖPNRV-G u l-att dwar l-akkwist pubbliku BVergG 2018). |
|
(41) |
Fiż-żewġ reġjuni soġġetti għat-talba, l-awtorità tat-trasport reġjonali kompetenti rispettiva u l-operaturi interni joħorġu kuntratti grossi għall-offerti (14) u l-offerenti ewlenin huma l-istess. |
|
(42) |
F’dan ir-rigward, għall-finijiet tal-valutazzjoni skont din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tqis li s-swieq ġeografiċi rilevanti huma, minn naħa, ir-reġjun taħt il-kompetenza tal-VOR u, min-naħa l-oħra, ir-reġjun taħt il-kompetenza tal-OÖVV. |
3.3. Analiżi tas-suq
|
(43) |
Fl-Awstrija, il-kuntratti eżistenti għal servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja ngħataw permezz ta’ offerti kompetittivi jew permezz ta’ għotja diretta. Il-maġġoranza l-kbira ta’ tali kuntratti ngħataw wara proċedura ta’ sejħa għall-offerti. Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 kien stabbilixxa perjodu ta’ tranżizzjoni sa Diċembru tal-2019 għall-għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. L-applikant isostni li s-sehem mis-suq tiegħu li qiegħed jonqos fiż-żewġ reġjuni, kif ukoll il-perċentwal għoli ta’ kuntratti li tefa’ offerta għalihom, in-numru kbir ta’ offerti u l-proporzjon għoli ta’ tibdil tal-operatur fiż-żewġ reġjuni juru li dawk is-swieq huma direttament esposti għall-kompetizzjoni. |
|
(44) |
Skont il-BMK (15), fejn issir proċedura kompetittiva ta’ sejħa għall-offerti, l-akkwist mill-operaturi li jipprovdu dawk is-servizzi li nħarġu għall-offerti (pereżempju l-operar ta’ rotot tal-karozzi tal-linja jew servizzi ta’ sottokuntrattar għas-servizz speċifiku tat-trasport mhux kummerċjali) jenħtieġ li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE, minħabba li dawk l-operaturi huma bla dubju soġġetti għall-kompetizzjoni abbażi tal-proċedura speċifika ta’ akkwist. |
|
(45) |
Għall-kuntrarju, l-NCA targumenta li l-prevalenza ta’ ċerti fatturi (id-durata twila tal-kuntratt, il-volumi żgħar offruti, ftit offerenti attivi) għandha t-tendenza li ma tħallix lok għal wisq kompetizzjoni sostenibbli. Għalhekk, hija tqis, għall-finijiet tal-mistoqsija msemmija, li l-piż tal-argument jindika kompetizzjoni insuffiċjenti. |
|
(46) |
Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni tqis bosta fatturi. Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-opinjoni tal-BMK li l-offerti kompetittivi minnhom infushom huma biżżejjed sabiex juru esponiment dirett għall-kompetizzjoni. Filwaqt li l-offerti kompetittivi għas-servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja huma prerekwiżit għall-kompetizzjoni fis-suq, il-Kummissjoni tqis li għandhom jitqiesu fatturi oħrajn. |
|
(47) |
L-ishma tas-suq huma aspett importanti, iżda, minħabba li s-suq tas-servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja huwa soġġett għal offerti jew għal għotjiet diretti, jenħtieġ li jitqiesu wkoll in-numru ta’ offerenti u r-rata ta’ suċċess ta’ atturi differenti tas-suq. |
3.3.1. L-ishma tas-suq, in-numru ta’ offerenti u r-rata ta’ suċċess
|
(48) |
Il-kalkoli kollha tal-ishma tas-suq u l-indikazzjonijiet relatati mas-sehem tal-kuntratti offruti huma bbażati fuq l-informazzjoni sottomessa mill-applikant (16). |
3.3.1.1.
|
(49) |
Mill-2021, is-servizzi mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja f’dan ir-reġjun jirrappreżentaw [100 sa 110] miljun kilometru skedat (skm) fis-sena. Minbarra l-aġġudikazzjonijiet diretti lill-operaturi interni ([madwar 20 miljun skm] għal Wiener Linien u Wiener Neustadt), is-suq rilevanti jirrappreżenta [80 sa 90] miljun skm fis-sena. L-awtoritajiet kontraenti ewlenin huma Verkehrsverbund Ostregion GmbH (VOR) ([65 sa 70] miljun skm) u Wiener Linien ([15 sa 20] miljun skm). |
|
(50) |
Minn Novembru tal-2021, is-sehem mis-suq tal-applikant fl-Awstrija tal-Lvant huwa ta’ [35 sa 45 %] (kien ta’ [45 sa 55] % fl-2013, is-sena meta bdew is-sejħiet għall-offerti miftuħa). Il-kompetituri ewlenin tiegħu għandhom l-ishma tas-suq li ġejjin: Dr. Richard ([25 sa 30 %]), Gschwindl ([10 sa 15] %), Blaguss ([5 sa 10] %), N-Bus ([5 sa 10] %), Zuklin ([0 sa 5] %) u Retter ([0 sa 5] %). |
|
(51) |
Fl-Awstrija tal-Lvant, 92 % tal-kuntratti eżistenti (f’miljuni ta’ skm) ġew offruti b’offerta minn Ġunju tal-2021. |
|
(52) |
Mill-2018, saru 14-il proċedura ta’ akkwist fir-reġjun, b’75 offerta ppreżentati, u dawn irriżultaw f’numru medju ta’ 5,4 offerent għal kull proċedura. Lil hinn mill-applikant, il-kompetitur ewlieni tiegħu, Dr Richard, ħa sehem fi 12-il sejħa għall-offerti, b’rata ta’ suċċess ta’ […] %. Ir-rata ta’ suċċess tal-applikant hija ta’ […]%. Għall-maġġoranza tal-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti, ir-rebbieħa kienu Postbus jew Dr. Richard. |
3.3.1.2.
|
(53) |
Is-servizzi mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja f’dan ir-reġjun jirrappreżentaw [35 sa 45] miljun skm. Bl-esklużjoni tal-għotjiet diretti lill-operaturi interni ([madwar 5 miljun] skm għal Linz u Steyr), is-suq rilevanti kien jirrappreżenta [30 sa 40] miljun skm fis-sena fl-2021. L-awtorità kontraenti ewlenija hija Oberösterreichische Verkehrsverbund-Org. GmbH Nfg. & Co KG (OÖVV) ([30 sa 35] miljun skm). Is-servizzi tat-trasport urban bil-karozzi tal-linja f’Wels jiġu offruti mill-EWW ([1 sa 2] miljun skm). |
|
(54) |
Fl-2021, is-sehem mis-suq tal-applikant fl-Awstrija ta’ Fuq huwa ta’ [40 sa 50] % (kien [45 sa 55] % fl-2020 u [60 sa 70] % fl-2013, is-sena meta bdew is-sejħiet għall-offerti miftuħa). Minħabba t-tfassil tas-sejħiet għall-offerti fl-Awstrija ta’ Fuq, li jiffavorixxu lottijiet żgħar, intrapriżi żgħar irnexxielhom jirbħu ħamsa mill-għaxar offerti li ġew organizzati dan l-aħħar. B’kollox, il-kompetituri ewlenin ta’ Postbus fl-Awstrija ta’ Fuq huma Sabtours ([15 sa 20] % tas-suq), Welser ([10 sa 15] %), Stern&Hafferl ([5 sa 10] %), Dr. Richard ([5 sa 10] %) uLeitner ([5 sa 10] %). |
|
(55) |
Fl-Awstrija ta’ Fuq, 100 % tal-kuntratti eżistenti (f’miljuni ta’ skm) ġew offruti b’sejħa għall-offerti mill-2021. Skont l-awtorità reġjonali, mill-2011 ġew organizzati 21 proċedura ta’ akkwist, maqsuma f’90 lott, b’numru medju ta’ 5,2 offerent għal kull lott. Minn 90 lott, Postbus rebħet […] ([…]%). |
3.3.2. Konklużjoni dwar il-valutazzjoni kompetittiva
|
(56) |
L-applikant għandu sehem pjuttost għoli, iżda sehem dejjem jonqos ta’ kuntratti ta’ servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja fir-reġjuni soġġetti għat-talba. Is-sehem mis-suq tiegħu naqas mill-2013 bi kważi […]% fl-Awstrija tal-Lvant u b’madwar […]% fl-Awstrija ta’ Fuq. |
|
(57) |
Il-proporzjon ta’ offerti kompetittivi huwa għoli ħafna fiż-żewġ reġjuni, u jwassal għal proporzjonijiet rispettivi ta’ kuntratti li saret offerta għalihom ta’ 92 % u ta’ 100 %. |
|
(58) |
In-numru ta’ offerenti għal kull offerta kompetittiva huwa ogħla min-numru medju ta’ offerenti fl-Unjoni għall-kuntratti pubbliċi, u huwa ta’ 5,4 (l-Awstrija tal-Lvant) u ta’ 5,2 (l-Awstrija ta’ Fuq). Filwaqt li huwa minnu li l-applikant normalment jippreżenta offerta fil-proċeduri kważi kollha ta’ offerti indipendentement mill-post, xorta waħda għad hemm kompetizzjoni minn operaturi oħrajn. B’mod partikolari, Dr. Richard huwa attiv ħafna fiż-żewġ reġjuni, filwaqt li operaturi oħrajn qed jagħmlu offerti b’mod regolari fir-reġjun fejn diġà huma attivi. |
|
(59) |
B’mod ġenerali, il-kuntratti għas-servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja fl-Awstrija huma ta’ durata twila, madwar 6 sa 10 snin, skont l-applikant (17). Din il-karatteristika hija inerenti għas-suq, peress li l-awtoritajiet tat-trasport reġjonali jfittxu li jevitaw sejħiet għall-offerti kumplessi li jkunu frekwenti. Filwaqt li dan jista’ jkun ta’ detriment għall-kompetizzjoni (18), huwa kontrobilanċjat mill-fatt li l-offerti mill-awtoritajiet tat-trasport reġjonali rispettivi huma fil-biċċa l-kbira lottijiet żgħar, spiss anqas minn miljun skm. Din tal-aħħar hija element importanti li jiffavorixxi d-dħul fis-suq u, eventwalment, il-kompetizzjoni fiż-żewġ reġjuni (19). |
|
(60) |
Għall-kuntrarju, l-NCA targumenta li l-prevalenza ta’ ċerti fatturi bħad-durata twila tal-kuntratt, il-volumi żgħar offruti, ftit offerenti attivi għandha t-tendenza li ma tħallix lok għal wisq kompetizzjoni sostenibbli. Għalhekk, hija tqis, għall-finijiet tal-mistoqsija msemmija, li l-piż tal-argument jindika kompetizzjoni insuffiċjenti. Madankollu, huwa importanti li jiġi nnotat li l-konklużjoni tal-NCA qieset is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni madwar l-Awstrija kollha u li l-NCA rrikonoxxiet differenzi sinifikanti ħafna bejn il-Verkehrsverbünde (l-assoċjazzjonijiet tat-trasport reġjonali). Il-fatturi msemmija fil-pożizzjoni tal-NCA huma ferm aktar rilevanti għal reġjuni Awstrijaċi oħrajn minn dawk koperti mit-talba. Pereżempju, ir-rata ta’ offerti kompetittivi kienet ta’ 30 % biss fl-ajruport ta’ Carinthia u ta’ 32 % fit-Tirol fl-2020 (kontra 92 % u 100 % fir-reġjun taħt il-kompetenza tal-VOR u fir-reġjun taħt il-kompetenza tal-OÖVV). In-numru medju ta’ offerenti laħaq biss 2,3 f’Vorarlberg, meta mqabbel ma’ aktar minn ħamsa fiż-żewġ reġjuni soġġetti għat-talba. Filwaqt li s-sehem mis-suq tal-applikant f’Salzburg kien ta’ [70 sa 80] %, kien anqas minn 50 % fiż-żewġ reġjuni soġġetti għat-talba. |
|
(61) |
Minħabba l-fatturi eżaminati hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-attività ta’ servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja fir-reġjuni tat-trasport taħt il-kompetenza ta’ VOR u ta’ OÖVV hija esposta direttament għall-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE. |
4. KONKLUŻJONI
|
(62) |
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, is-sejbiet tal-analiżi tas-suq elenkati fil-premessi (43) sa (55) jenħtieġ li jittieħdu bħala indikazzjoni tal-fatt li s-servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja fiż-żewġ reġjuni tat-trasport Awstrijaċi taħt il-kompetenza ta’ VOR u ta’ OÖVV huma esposti għall-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE. Konsegwentement, jenħtieġ li jiġi stabbilit li d-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li tapplika għal kuntratti maħsuba sabiex jippermettu l-insegwiment ta’ dik l-attività fiż-żewġ reġjuni tat-trasport taħt il-kompetenza ta’ VOR u ta’ OÖVV. |
|
(63) |
Id-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li tkompli tapplika għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u maħsuba sabiex jippermettu l-forniment ta’ servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja fit-territorju tar-reġjuni l-oħra tat-trasport mhux koperti minn din id-Deċiżjoni. |
|
(64) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u għal oqsma oħrajn tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-kriterji u l-metodoloġija użati għall-valutazzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE ma humiex neċessarjament identiċi għal dawk użati sabiex titwettaq valutazzjoni skont l-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (20) kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali (21), |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu Uniku
Id-Direttiva 2014/25/UE ma għandhiex tapplika għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u maħsuba sabiex jippermettu l-forniment ta’ servizzi tat-trasport mhux kummerċjali bil-karozzi tal-linja fit-territorju tar-reġjuni taħt il-kompetenza ta’ Verkehrsverbund Ost-Region u tar-reġjun taħt il-kompetenza ta’ Ober Österreich Verkehrsverbund.
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2022.
Għall-Kummissjoni
Thierry BRETON
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1804 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar ir-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 34 u 35 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 275, 12.10.2016, p. 39).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1).
(4) Id-Direttiva 2014/25/UE, il-premessa 44.
(5) Ibid.
(6) L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jgħid: “Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skont ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. Madankollu, kuntratti ta’ servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku, kif definiti fid-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, għal servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skont il-proċeduri previsti f’dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jiħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet ta’ servizz kif definit f’dawk id-Direttivi.”
(7) Il-Gazzetta Federali Awstrijaka (BGBl.) I Nru 203/1999.
(8) Il-Gazzetta Federali Awstrijaka (BGBl.) I Nru 204/1999.
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88).
(10) Il-Kawża COMP/M.5855 DB/Arriva tal-11 ta’ Awwissu 2010, il-paragrafi 20 et seq., il-Kawża COMP/M.6818, Deutsche Bahn/Veolia tat-30 ta’ April 2013, il-paragrafu 19, il-Kawża COMP/M.6818, Deutsche Bahn/Veolia tat-30 ta’ April 2013, il-paragrafi 25 et seq.
(11) Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).
(12) It-tweġiba tal-BMK tat-2 ta’ Diċembru 2020.
(13) Il-Kawża COMP/M.5855 DB/Arriva tal-11 ta’ Awwissu 2010, il-paragrafu 27.
(14) Il-Kawża COMP/M.6818, Deutsche Bahn/Veolia, id-deċiżjoni tat-30 ta’ April 2013, pt 14: “Għall-kuntratti grossi, l-operatur jitfa’ offerti għall-kostijiet operatorji sħaħ, u d-dħul kollu jmur għand l-awtorità; b’kuntratti netti, l-operatur jingħata d-dħul kollu u se jitfa’ offerti biss għad-differenza meħtieġa bejn id-dħul min-noll u l-ammont meħtieġ sabiex isir il-profitt mixtieq.”
(15) It-tweġiba tal-BMK tat-2 ta’ Diċembru 2020.
(16) Il-kalkolu tal-Kummissjoni bbażat fuq l-Anness 3 tal-pożizzjoni tal-NCA.
(17) L-applikazzjoni, p. 28.
(18) Ara l-premessa 15 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007.
(19) Il-Komunikazzjoni COM 2017/572 “Nagħmlu l-Akkwist Pubbliku jaħdem fl-Ewropa u għaliha”, li fiha l-Kummissjoni targumenta li l-ewwel miżura sabiex jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għas-swieq tal-akkwist pubbliku hija d-diviżjoni tal-kuntratti f’lottijiet.
(20) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).
(21) Is-Sentenza tas-27 ta’ April 2016, Österreichische Post AG vs Il-Kummissjoni, T-463/14, EU:T:2016:243, il-paragrafu 28. Ara wkoll id-Direttiva 2014/25/UE, il-premessa 44.