Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0407

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/407 tad-9 ta’ Marzu 2022 li ttemm ir-rieżami interim parzjali tal-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mir-Repubblika tat-Turkija

    C/2022/1313

    ĠU L 83, 10.3.2022, p. 60–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/407/oj

    10.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 83/60


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/407

    tad-9 ta’ Marzu 2022

    li ttemm ir-rieżami interim parzjali tal-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mir-Repubblika tat-Turkija

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 14(1) u 19 tiegħu,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    1.1.   L-investigazzjonijiet preċedenti u l-miżuri fis-seħħ

    (1)

    Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/309 (2), il-Kummissjoni imponiet dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mir-Repubblika tat-Turkija (“l-investigazzjoni oriġinali”).

    (2)

    Fl-4 ta’ Ġunju 2018, wara rieżami interim parzjali dwar is-sussidjar tal-produtturi esportaturi kollha, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/823 (3), il-Kummissjoni ddeċidiet li żżomm il-miżuri kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

    (3)

    Din sabet li l-bidla leġiżlattiva fil-leġiżlazzjoni Torka dwar is-sussidji għall-produtturi tat-trota, li kienet soġġetta għar-rieżami, ma kinitx tiġġustifika r-reviżjoni tad-dazji kompensatorji għall-produtturi kollha tat-trota fit-Turkija. Madankollu, ġie osservat li l-impatt tal-bidla leġiżlattiva kien differenti fil-livell ta’ kumpanija individwali (4).

    (4)

    Fil-15 ta’ Mejju 2020, wara rieżami interim parzjali, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/658 (5), il-Kummissjoni emendat il-livell tad-dazju kompensatorju fir-rigward ta’ produttur esportatur wieħed.

    (5)

    Fl-20 ta’ Mejju 2021, wara rieżami ta’ skadenza, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/823 (6), il-Kummissjoni ddeċidiet li żżomm il-livell tad-dazji kompensatorji kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali u kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/658.

    (6)

    Hija sabet li l-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ kienet tirriżulta fil-kontinwazzjoni tas-sussidjar, billi l-esportazzjonijiet sussidjati tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni kienu jkomplu f’volumi sostanzjali. Barra minn hekk, minħabba l-kapaċità żejda massiva fit-Turkija, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, il-livelli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mit-Turkija u l-impatt probabbli tagħhom fuq l-industrija tal-Unjoni, kien hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dannu f’każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

    (7)

    Bħala konklużjoni, ġie stabbilit li ma kienx hemm raġunijiet konvinċenti ta’ interess tal-Unjoni kontra ż-żamma tal-miżuri eżistenti.

    (8)

    Id-dazji kompensatorji definittivi li huma fis-seħħ bħalissa jvarjaw minn 1,5 % sa 9,5 %.

    1.2.   Il-bidu ta’ rieżami interim parzjali

    (9)

    Fid-29 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami interim parzjali tad-dazju kompensatorju fis-seħħ skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1037 (“ir-Regolament bażiku”) ippreżentata mill-produttur esportatur Selina Balik Isleme Tesis Ithalat Ihracat ve Ticaret Anonim Sirketi (“ir-rikorrent”). It-talba għal rieżami interim parzjali kienet limitata fl-ambitu għall-eżami tas-sussidjar sa fejn kien ikkonċernat ir-rikorrent.

    (10)

    Fil-5 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni Ewropea bdiet rieżami interim tal-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mir-Repubblika tat-Turkija (il-“pajjiż ikkonċernat”) skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (in-“Notifika ta’ Bidu”) (7).

    (11)

    Ir-rikorrent argumenta li ċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw il-miżuri kompensatorji eżistenti jidhru li nbidlu u li huma ta’ natura dejjiema sa fejn kien ikkonċernat ir-rikorrent.

    1.3.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat

    (12)

    Ir-rieżami dwar is-sussidjar tar-rikorrent kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

    1.4.   Il-partijiet interessati

    (13)

    Fin-Notifika ta’ Bidu, il-partijiet interessati ġew mistiedna biex jikkuntattjaw lill-Kummissjoni biex jieħdu sehem fir-rieżami. Barra minn hekk, il-Kummissjoni infurmat speċifikament lir-rikorrent, lill-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa tal-Unjoni, kif ukoll lill-Gvern tal-pajjiż ikkonċernat dwar il-bidu tar-rieżami u stednithom jipparteċipaw.

    (14)

    Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-ftuħ tar-rieżami u li jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

    1.4.1.   It-tweġibiet għall-kwestjonarju u ż-żjarat ta’ verifika

    (15)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lir-rikorrent u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

    (16)

    Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju kemm mir-rikorrent kif ukoll mill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

    2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

    2.1.   Il-prodott rieżaminat

    (17)

    Il-prodott suġġett għal rieżami huwa t-trota qawsalla (Oncorhynchus mykiss)

    il-ħuta ħajja li tiżen 1,2 kg jew inqas kull waħda, jew

    il-ħuta friska, imkessħa, iffriżata u/jew affumikata:

    fil-forma ta’ ħuta sħiħa (bir-ras), bil-garġi mneħħija jew le, kemm jekk imnaddfa jew le, li tiżen 1,2 kg jew anqas kull waħda, jew

    bir-ras tal-ħuta maqtugħa, imnaddfa mill-garġi jew le, imnaddfa mill-organi jew le, li jiżnu 1 kg jew inqas kull waħda, jew

    fil-forma ta’ flettijiet li jiżnu 400 g jew anqas kull waħda,

    li joriġina mir-Repubblika tat-Turkija u li fil-preżent jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 0301 91 90, ex 0302 11 80, ex 0303 14 90, ex 0304 42 90, ex 0304 82 90 u ex 0305 43 00 (il-kodiċi TARIC 0301919011, 0302118011, 0303149011, 0304429010, 0304829010 u 0305430011) (“il-prodott rieżaminat).

    (18)

    Bħal fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni sabet li l-prodott manifatturat fit-Turkija u li jiġi esportat fl-Unjoni u l-prodott manifatturat u li jinbiegħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi, u l-istess użi finali bażiċi. Għalhekk dawn tqiesu bħala prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku.

    3.   IRTIRAR TAT-TALBA

    (19)

    Fl-ittra tiegħu lill-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2021, ir-rikorrent irtira t-talba tiegħu għal rieżami interim.

    (20)

    F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku, il-proċediment jista’ jintemm, sakemm tali tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

    (21)

    L-investigazzjoni ma kienet żvelat ebda kunsiderazzjoni li turi li din it-terminazzjoni tkun tmur kontra l-interess tal-Unjoni.

    (22)

    Barra minn hekk, fl-20 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea bdiet rieżami interim mal-pajjiż kollu tal-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mir-Repubblika tat-Turkija (8). Għalhekk, il-miżuri kontra s-sussidji attwalment fis-seħħ se jiġu rieżaminati għall-produtturi esportaturi kollha f’dan il-qafas.

    4.   KONKLUŻJONI U DIVULGAZZJONI

    (23)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċediment ta’ rieżami interim parzjali għandu jintemm mingħajr determinazzjoni formali dwar xi bidliet sinifikanti dejjiema u l-prattiki ta’ sussidju tar-rikorrent.

    (24)

    Il-partijiet interessati ġew infurmati b’dan u ġew mogħtija l-opportunità li jikkummentaw.

    (25)

    Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kummenti li jwasslu għall-konklużjoni li tali tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

    (26)

    Din id-Deċiżjoni hija f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilita permezz tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament bażiku,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-rieżami interim parzjali tal-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mir-Repubblika tat-Turkija sa fejn huwa kkonċernat ir-rikorrent u li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 0301 91 90, ex 0302 11 80, ex 0303 14 90, ex 0304 42 90, ex 0304 82 90 u ex 0305 43 00 (kodiċijiet TARIC 0301919011, 0302118011, 0303149011, 0304429010, 0304829010 u 0305430011) hija b’dan mitmuma.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/309 tas-26 ta' Frar 2015 li jimponi dazju kompensatorju definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 56, 27.2.2015, p. 12).

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/823 tal-4 ta' Ġunju 2018 li jtemm ir-rieżami interim parzjali tal-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċerti troti qawsalla li joriġinaw mir-Repubblika tat-Turkija (ĠU L 139, 5.6.2018, p. 14).

    (4)  Il-Premessa (49) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/823.

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/658 tal-15 ta’ Mejju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/309 li jimponi dazju kompensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija wara rieżami interim skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 155, 18.5.2020, p. 3).

    (6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/823 tal-20 ta’ Mejju 2021 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 183, 25.5.2021, p. 5).

    (7)  ĠU C 40, 5.2.2021, p. 12

    (8)  ĠU C 380, 20.9.2021, p. 15.


    Top