EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0399

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/399 tad-9 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

ST/6836/2022/INIT

ĠU L 82, 9.3.2022, p. 9–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/399/oj

9.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/399

tad-9 ta’ Marzu 2022

li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta' Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK (1).

(2)

Fl-24 ta' Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk fuq l-Ukrajna, inkluż mit-territorju tal-Belarussja. Dak l-attakk huwa ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. Permezz tal-azzjonijiet militari illegali tagħha, ir-Russja qed tikser b'mod serju d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-NU u qed iddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali. Il-Kunsill Ewropew ikkundanna bil-qawwa wkoll l-involviment tal-Belarussja f'din l-aggressjoni kontra l-Ukrajna u appella lill-Belarussja toqgħod lura minn tali azzjoni u biex tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha. Huwa appella għat-tħejjija u l-adozzjoni urġenti ta' pakkett ta' sanzjonijiet individwali u ekonomiċi ulterjuri li jkopri wkoll lill-Belarussja.

(4)

Fit-2 ta' Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/356 (2), li emendat it-titolu tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK u introduċiet aktar miżuri restrittivi b'reazzjoni għall-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

(5)

Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, u b'reazzjoni għall-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa xieraq li jiġu introdotti miżuri restrittivi addizzjonali relatati mas-settur finanzjarju.

(6)

B'mod partikolari, huwa xieraq li: jiġi pprojbit l-elenkar u l-forniment ta' servizzi b'rabta mal-ishma ta' entitajiet tal-Istat tal-Belarussja f'ċentri tan-negozjar tal-Unjoni; jiġu limitati l-influssi finanzjarji mill-Belarussja lejn l-Unjoni; jiġu pprojbiti tranżazzjonijiet mal-Bank Ċentrali tal-Belarussja; jiġi ristrett il-forniment ta' servizzi ta' messaġġi finanzjarji speċjalizzati lil ċerti istituzzjonijiet ta' kreditu Belarussi u s-sussidjarji Belarussi tagħhom. Huwa xieraq ukoll li jiżdiedu obbligi fuq il-Maniġer tan-Network għall-funzjonijiet tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tal-ajru uniku Ewropew rigward il-projbizzjonijiet ta' titjiriet li jgħaddu minn fuq it-territorju.

(7)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

(8)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2012/642/PESK jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/642/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 2ha

1.   Tranżazzjonijiet relatati mal-ġestjoni ta' riżervi kif ukoll ta' assi tal-Bank Ċentrali tal-Belarussja, inkluż tranżazzjonijiet ma' kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f'isem, jew taħt id-direzzjoni tal-Bank Ċentrali tal-Belarussja, huma pprojbiti.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw tranżazzjoni dment li dan ikun strettament meħtieġ biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni kollha jew tal-Istat Membru kkonċernat.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 2.

Artikolu 2hb

Għandu jkun ipprojbit li jiġu elenkati u fornuti servizzi mit-12 ta' April 2022 f'ċentri tan-negozjar irreġistrati jew rikonoxxuti fl-Unjoni għat-titoli trasferibbli ta' kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fil-Belarussja u bi sjieda pubblika ta' aktar minn 50 %.";

(2)

l-Artikolu 2k huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun, direttament jew indirettament, iċ-ċirkomvenzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.”;

(3)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 2t

1.   Għandu jkun ipprojbit li jingħata finanzjament pubbliku jew assistenza finanzjarja għal kummerċ mal-Belarussja jew għal investiment fil-Belarussja.

2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal:

(a)

impenji ta' finanzjament vinkolanti jew ta' assistenza finanzjarja stabbiliti qabel l-10 ta’ Marzu 2022;

(b)

l-għoti ta' finanzjament pubbliku jew assistenza finanzjarja sal-valur totali ta' EUR 10 000 000 għal kull proġett li minnu jibbenefikaw intrapriżi żgħar u medji stabbiliti fl-Unjoni; jew

(c)

l-għoti ta' finanzjament pubbliku jew assistenza finanzjarja għal kummerċ fl-ikel u għal skopijiet agrikoli, mediċi jew umanitarji.

Artikolu 2u

1.   Għandu jkun ipprojbit li jiġi aċċettat kwalunkwe depożitu minn ċittadini Belarussi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fil-Belarussja, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fil-Belarussja, jekk il-valur totali tad-depożiti tal-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għal kull istituzzjoni ta' kreditu jaqbeż l-EUR 100 000.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal ċittadini ta' Stat Membru, ta’ pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Iżvizzera, jew għal persuni fiżiċi li jkollhom permess ta' residenza temporanju jew permanenti fi Stat Membru, f’pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew fl-Iżvizzera.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal depożiti li huma meħtieġa għal kummerċ transfruntier mhux ipprojbit f'oġġetti u f'servizzi bejn l-Unjoni u l-Belarussja.

4.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-aċċettazzjoni ta' tali depożitu, b'dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-aċċettazzjoni ta' tali depożitu hija:

(a)

meħtieġa biex tissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-paragrafu 1 u l-membri dipendenti tal-familja tagħhom, inkluż pagamenti għall-ikel, il-kera jew l-ipoteka, għal mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta' servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta' spejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta' servizzi legali;

(c)

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, dment li l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li jenħtieġ li tingħata awtorizzazzjoni speċifika, tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(d)

meħtieġa għal skopijiet uffiċjali ta' missjoni diplomatika jew uffiċċju konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

5.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-aċċettazzjoni ta' tali depożitu, b'dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-aċċettazzjoni ta' tali depożitu hija:

(a)

meħtieġa għal skopijiet umanitarji, bħat-twassil jew l-iffaċilitar tat-twassil ta' assistenza, inkluż provvisti mediċi, ikel, jew it-trasferiment ta' ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għal evakwazzjonijiet; jew

(b)

meħtieġa għal attivitajiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu direttament id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem jew l-istat tad-dritt fil-Belarussja.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 2v

1.   Għandu jkun ipprojbit li d-depożitorji ċentrali tat-titoli tal-Unjoni jipprovdu kwalunkwe servizz kif definit fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) għal titoli trasferibbli maħruġa wara t-12 ta' April 2022 lil kwalunkwe ċittadin Belarussu jew lil kwalunkwe persuna fiżika li tirrisjedi fil-Belarussja jew lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fil-Belarussja.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal ċittadini ta' Stat Membru jew persuni fiżiċi li jkollhom permess ta' residenza temporanju jew permanenti fi Stat Membru.

Artikolu 2w

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ ta' titoli trasferibbli denominati f'euro maħruġa wara t-12 ta' April 2022 jew unitajiet f'impriżi ta' investiment kollettiv li jipprovdu skopertura għal tali titoli, lil kwalunkwe ċittadin Belarussu jew lil kwalunkwe persuna fiżika li tirrisjedi fil-Belarussja jew lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fil-Belarussja.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal ċittadini ta' Stat Membru jew persuni fiżiċi li jkollhom permess ta' residenza temporanju jew permanenti fi Stat Membru.

Artikolu 2x

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' karti tal-flus denominati f'euro lill-Belarussja jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja, inkluż lill-gvern u lill-Bank Ċentrali tal-Belarussja, jew għall-użu fil-Belarussja.

2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' karti tal-flus denominati f'euro dment tali bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jkunu meħtieġa għal:

(a)

l-użu personali ta' persuni fiżiċi li jivvjaġġaw lejn il-Belarussja jew ta' membri tal-familji immedjati tagħhom li jivvjaġġaw magħhom; jew

(b)

il-finijiet uffiċjali tal-missjonijiet diplomatiċi, l-uffiċċji konsulari jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-Belarussja li jgawdu minn immunitajiet skont id-dritt internazzjonali.

Artikolu 2y

Għandu jkun ipprojbit mill-20 ta’ Marzu 2022 li jiġu pprovduti servizzi ta' messaġġi finanzjarji speċjalizzati, li jintużaw għall-iskambju ta' data finanzjarja, lill-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness V jew lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fil-Belarussja li aktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom huma direttament jew indirettament proprjetà ta' xi waħda mill-entitajiet elenkati fl-Anness V.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).”;"

(4)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 2ab

1.   Il-Maniġer tan-Network għall-funzjonijiet tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tal-ajru uniku Ewropew għandu jappoġġa lill-Kummissjoni u l-Istati Membri tagħha fl-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-Artikoli 2a u 4(2) ta’ din id-Deċiżjoni u tal-konformità magħha. Il-Maniġer tan-Network, b'mod partikolari, għandu jiċħad il-pjanijiet tat-titjir kollha ppreżentati mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jindikaw intenzjoni li jwettqu attivitajiet fuq it-territorju tal-Unjoni jew tal-Belarussja li jikkostitwixxu ksur tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni, b'tali mod li l-bdot ma jkollux permess itir.

2.   Il-Maniġer tan-Network għandu jipprovdi regolarment lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, abbażi tal-analiżi tal-pjanijiet tat-titjiriet, rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 2a.”;

(5)

fl-Artikolu 2n(1), il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fl-Artikoli 2h, 2i, 2j, 2y jew elenkati fl-Annessi II jew V;”;

(6)

l-Anness għal din id-Deċiżjoni jiżdied bħala l-Anness V għad-Deċiżjoni 2012/642/PESK.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta' Ottubru dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/356 tat-2 ta' Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU L 67, 02.03.2022, p. 103).


ANNESS

"ANNESS V

LISTA TA' PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2y

Belagroprombank

Bank Dabrabyt

Development Bank of the Republic of Belarus

”.

Top