Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0333

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/333 tal-25 ta’ Frar 2022 dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn Il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa

    ST/6622/2022/INIT

    ĠU L 54, 25.2.2022, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/09/2022; Imħassar b' 32022D1500

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/333/oj

    25.2.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 54/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/333

    tal-25 ta’ Frar 2022

    dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn Il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa (1) (“il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2007, b’mod parallel mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-ammissjoni mill-ġdid (2).

    (2)

    L-għan tal-Ftehim huwa dak li jiffaċilita, fuq il-bażi ta’ reċiproċità, il-ħruġ ta’ viżi għal żjara intiża ta’ mhux aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa. Ix-xewqa li jiġu ffaċilitati l-kuntatti bejn in-nies bħala kundizzjoni importanti għal żvilupp sod ta’ rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u oħrajn hija enfasizzata fil-preambolu tal-Ftehim.

    (3)

    Skont l-Artikolu 15(5) tal-Ftehim, kull Parti tista’ tissospendi l-Ftehim parzjalment jew kollu kemm hu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew il-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni trid tiġi notifikata lill-Parti l-oħra mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel id-dħul tagħha fis-seħħ.

    (4)

    B’reazzjoni għall-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta’ Sevastopol mill-Federazzjoni Russa fl-2014, u għall-azzjonijiet ta’ destabbilizzazzjoni kontinwi tar-Russja fl-Ukrajna tal-lvant, l-Unjoni Ewropea introduċiet sanzjonijiet ekonomiċi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, marbuta mal-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta’ Minsk, sanzjonijiet fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, u sanzjonijiet b’reazzjoni għall-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta’ Sevastopol mill-Federazzjoni Russa.

    (5)

    Id-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa li tirrikonoxxi ż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u ta’ Luhansk bħala entitajiet indipendenti, u d-deċiżjoni sussegwenti li jintbagħtu truppi Russi f’dawk iż-żoni kompliet iddgħajjef is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, u hija ksur serju tad-dritt internazzjonali u tal-ftehimiet internazzjonali, inklużi l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta’ Ħelsinki, il-Karta ta’ Pariġi u l-Memorandum ta’ Budapest.

    (6)

    Bħala firmatarja tal-ftehimiet ta’ Minsk, il-Federazzjoni Russa għandha responsabbiltà ċara u diretta li taħdem biex tinstab soluzzjoni paċifika tal-kunflitt f’konformità ma’ dawk il-prinċipji. Bid-deċiżjoni li r-reġjuni mhux ikkontrollati mill-gvern fl-Ukrajna tal-lvant jiġu rikonoxxuti bħala entitajiet indipendenti, il-Federazzjoni Russa kisret b’mod ċar il-ftehimiet ta’ Minsk, li jistipulaw ir-ritorn sħiħ ta’ dawk iż-żoni għall-kontroll tal-gvern Ukren.

    (7)

    Avvenimenti li jseħħu f’pajjiż li jikkonfina mal-Unjoni, bħal dawk li seħħew fl-Ukrajna u li taw lok għall-miżuri restrittivi, jistgħu jiġġustifikaw miżuri intiżi sabiex jipproteġu l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri. L-azzjonijiet msemmija hawn fuq mill-Federazzjoni Russa jiksru l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali. L-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa x’aktarx li wkoll jipprovokaw movimenti migratorji li jirriżultaw minn atti li huma illegali skont id-dritt internazzjonali.

    (8)

    Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill jikkunsidra li l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jipprevedu l-faċilitazzjonijiet għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-Federazzjoni Russa li japplikaw għal viża għal żjara qasira, jiġifieri membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali tal-Federazzjoni Russa, membri tal-Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Federazzjoni Russa, il-Qorti Kostituzzjonali tal-Federazzjoni Russa u l-Qorti Suprema tal-Federazzjoni Russa, fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom, ċittadini tal-Federazzjoni Russa detenturi ta’ passaporti diplomatiċi validi u nies tan-negozju u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tan-negozju, jenħtieġ li tiġi sospiża.

    (9)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni 2002/192/KE; għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (10)

    F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa hija sospiża mit-28 ta’ Frar 2022:

    (a)

    l-Artikolu 4(1), punt (a), għar-rigward ta’ membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali tal-Federazzjoni Russa li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Federazzjoni Russa, jieħdu sehem f’laqgħat uffiċjali, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ bdil, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi;

    (b)

    l-Artikolu 4(1), punt (b), għar-rigward tan-nies tan-negozju u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tan-negozju;

    (c)

    l-Artikolu 5(1), punt (a), għar-rigward ta’ membri tal-Gvernijiet u l-Parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Federazzjoni Russa, tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Federazzjoni Russa u tal-Qorti Suprema tal-Federazzjoni Russa;

    (d)

    l-Artikolu 5(2), punt (a), għar-rigward ta’ membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali tal-Federazzjoni Russa li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Federazzjoni Russa, jieħdu sehem f’laqgħat uffiċjali, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ bdil, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi;

    (e)

    l-Artikolu 5(2), punt (b), għar-rigward ta’ nies tan-negozju u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tan-negozju;

    (f)

    l-Artikolu 5(3), għar-rigward tal-kategoriji ta’ ċittadini msemmija fl-Artikolu 5(2), punti (a) u (b);

    (g)

    l-Artikolu 6(3), punti (b) u (c), għar-rigward ta’ membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali tal-Federazzjoni Russa li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Federazzjoni Russa, jieħdu sehem f’laqgħat uffiċjali, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ bdil, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi, u għar-rigward ta’ membri tal-Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Federazzjoni Russa, tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Federazzjoni Russa u tal-Qorti Suprema tal-Federazzjoni Russa;

    (h)

    l-Artikolu 11(1), għar-rigward taċ-ċittadini tal-Federazzjoni Russa detenturi ta’ passaporti diplomatiċi validi maħruġa mill-Federazzjoni Russa;

    (i)

    l-Artikolu 6(1), għar-rigward tal-ħlas għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-kategoriji ta’ ċittadini u persuni msemmija fl-Artikolu 4(1), punt (b), l-Artikolu 6(3), punti (b) u (c), u l-Artikolu 11(1). It-tariffa standard prevista fir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi għandha tapplika awtomatikament;

    (j)

    l-Artikolu 7, għar-rigward tal-kategoriji ta’ ċittadini u persuni msemmija fl-Artikolu 4(1), punti (a) u (b), l-Artikolu 6(3), punti (b) u (c), u l-Artikolu 11(1),

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 15(5) tal-Ftehim.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  ĠU L 129, 17.5.2007, p. 27.

    (2)  ĠU L 129, 17.5.2007, p. 40.


    Top