Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0197

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/197 tas-17 ta’ Jannar 2022 li tistabbilixxi indikatur fiskali komuni għaż-żjut tal-gass u għall-pitrolju (notifikata bid-dokument C(2022) 74)

    C/2022/74

    ĠU L 31, 14.2.2022, p. 52–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/197/oj

    14.2.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 31/52


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/197

    tas-17 ta’ Jannar 2022

    li tistabbilixxi indikatur fiskali komuni għaż-żjut tal-gass u għall-pitrolju

    (notifikata bid-dokument C(2022) 74)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 95/60/KE tas-27 ta’ Novembru 1995 dwar indikaturi fiskali taż-żjut tal-gass u l-pitrolju (1), u partikolarment l-Artikolu 2(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Biex is-suq intern jiffunzjona sewwa, u b’mod partikolari biex ma jkunx hemm evażjoni ta’ taxxa, id-Direttiva 95/60/KE tipprevedi sistema ta’ indikaturi komuni għall-identifikazzjoni taż-żjut tal-gass, li jinsab fil-kodiċi 2710 00 69 tan-Nomenklatura Magħquda (NM), u tal-pitrolju, li jinsab fil-kodiċi NM 2710 00 55, li nħarġu għall-konsum eżenti mid-dazju tas-sisa, jew suġġetti għal rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa. Il-kodiċi NM 2710 00 69 inqasam fil-kodiċijiet NM 2710 19 43, 2710 19 46, 2710 19 47, 2710 19 48, 2710 20 11, 2710 20 16 u 2710 20 19, sabiex jitqies il-kontenut tal-kubrit fiż-żejt tal-gass u l-preżenza tal-bijodiżil fiż-żejt tal-gass, filwaqt li l-kodiċi NM 2710 00 55 ġie traspost bħala l-kodiċi NM 2710 19 25 (2).

    (2)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/74 (3) ikkonfermat il-prodott identifikat bl-isem xjentifiku N-etil-N-[2-(1-isobjutossietossi)etil]-4-(fenilażo)anilina (Solvent Yellow 124), li kien ġie stabbilit bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/544/UE (4), bħala indikatur fiskali komuni previst mid-Direttiva 95/60/KE, għall-immarkar ta’ żjut tal-gass u pitrolju li ma kellhomx dazju bir-rata sħiħa applikabbli għal tali prodotti tal-enerġija użati bħala propellant.

    (3)

    L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/74 jirrikjedi li dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiġi rieżaminata sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2021, fid-dawl tal-iżviluppi tekniċi fil-qasam tas-sistemi ta’ mmarkar u l-ħtieġa li jiġi miġġieled l-użu frodulenti ta’ prodotti tal-enerġija eżentati mid-dazju tas-sisa, jew soġġetti għal rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa.

    (4)

    Bħala parti mill-proċess ta’ reviżjoni, fl-2015 il-Kummissjoni nediet sejħa għall-espressjonijiet ta’ interess biex jitressqu l-prodotti addattati biex jintużaw bħala indikatur fiskali għaż-żjut tal-gass u għall-pitrolju (5). Il-Kummissjoni riedet tidentifika sustanza bħala indikatur li tkun taħdem aħjar fir-rigward ta’ sett ta’ kriterji predefiniti, meta mqabbla mas-sustanza li qed tintuża fil-preżent. Għall-indikaturi kandidati kollha, il-Kummissjoni talbet u rċeviet, mill-fornituri, il-prezz massimu tal-bejgħ għall-indikaturi u l-metodi ta’ indiċjar annwali tagħhom.

    (5)

    L-indikaturi kandidati proposti mill-fornituri ġew investigati bir-reqqa minn perspettiva teknika bl-għajnuna taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka biex tiġi vverifikata r-reżiljenza tagħhom għat-tekniki ta’ tneħħija illegali l-aktar komuni. L-analiżi (6) identifikat il-prodott bl-isem kummerċjali ACCUTRACE™PLUS li fih il-butossibenżen bħala l-indikatur preferut.

    (6)

    F’rieżami tad-Direttiva 95/60/KE fl-2019 (7), l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kkonfermat l-utilità ta’ regoli komuni għall-immarkar ta’ fjuwils li huma soġġetti għal rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa iżda identifikat in-nuqqasijiet ta’ Solvent Yellow 124 f’termini tan-nuqqas ta’ reżiljenza tiegħu għal metodi komuni ta’ tneħħija. L-evalwazzjoni kkonfermat il-ħtieġa li Solvent Yellow 124 jiġi sostitwit b’indikatur aktar robust li ma jistax jitneħħa.

    (7)

    Dawn is-sejbiet ġew ikkorroborati mill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperazzjoni Doganali tal-Kunsill (8) li sab li l-frodi tal-fjuwil irriżulta wkoll fi tniġġis ambjentali serju minħabba l-użu ta’ sustanzi kimiċi bħall-aċtu sulfuriku, l-aċtu kloriku u t-trab tal-ibbliċjar u r-rimi illegali ta’ prodotti ta’ skart u ta’ ħama taż-żejt fin-natura, fl-art agrikola jew fit-toroq pubbliċi.

    (8)

    Konsegwentement, jenħtieġ li ACCUTRACE™ PLUS jiġi stabbilit minflok Solvent Yellow 124 bħala l-indikatur fiskali komuni skont it-tifsira tad-Direttiva 95/60/KE soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik id-Direttiva. Il-livell tal-immarkar għandu jiġi stabbilit f’firxa armonizzata biex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-konformità madwar l-Unjoni.

    (9)

    Fl-interess ta’ implimentazzjoni bla xkiel tal-indikatur il-ġdid, u biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jeżawrixxu l-ħażniet eżistenti tal-indikatur attwali Solvent Yellow 124, jenħtieġ li jitħalla perjodu tranżitorju ta’ 24-il xahar. Matul dan il-perjodu tranżizzjonali l-Istati Membri għandhom jitħallew jużaw jew Solvent Yellow 124 jew ACCUTRACE™ PLUS bħala l-indikatur fiskali komuni skont it-tifsira tad-Direttiva 95/60/KE.

    (10)

    Id-disponibbiltà ta’ ACCUTRACE™ PLUS, minkejja li hija koperta minn privattiva fl-Unjoni, jenħtieġ li tiġi żgurata, fejn xieraq, permezz ta’ ftehimiet ta’ liċenzjar.

    (11)

    Din id-Deċiżjoni ma tħoll lill-ebda impriża mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    (12)

    L-opportunitajiet li joffru żviluppi futuri fix-xjenza jenħtieġ li jitqiesu billi jiġi stabbilit limitu ta’ żmien għar-reviżjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    (13)

    Jenħtieġ li jsir rieżami ta’ din id-Deċiżjoni fi kwalunkwe ħin qabel dan il-limitu ta’ żmien jekk ACCUTRACE™ PLUS jinstab li jwassal għal evażjoni tat-taxxa jew li jikkawża ħsara lis-saħħa jew lill-ambjent.

    (14)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li titħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/74.

    (15)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-indikatur fiskali komuni stipulat bid-Direttiva 95/60/KE, għall-immarkar taż-żjut tal gass kollha li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 2710 19 43, 2710 19 46, 2710 19 47 2710 19 48, 2710 20 11, 2710 20 16 u 2710 20 19, kif ukoll tal-pitrolju li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2710 19 25, għandu jkun ACCUTRACE™ PLUS, kif speċifikat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu livell ta’ mmarkar ta’ ACCUTRACE™ PLUS ta’ mill-inqas 12,5 milligramma għal kull litru u mhux aktar minn 18,75 milligramma għal kull litru ta’ prodott tal-enerġija. Dan jikkorrispondi għal livell ta’ mmarkar ta’ mill-inqas 9,5 milligramma ta’ butossibenżen għal kull litru u mhux aktar minn 14,25 milligramma ta’ butossibenżen għal kull litru ta’ prodott tal-enerġija.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri jistgħu jużaw jew Solvent Yellow 124 jew ACCUTRACE™ PLUS bħala l-indikatur fiskali komuni skont it-tifsira tad-Direttiva 95/60/KE f’perjodu tranżizzjonali li jintemm fit- 18 ta’ Jannar 2024. Jekk jużaw is-Solvent Yellow 124 bħala l-indikatur fiskali komuni f’dak il-perjodu tranżitorju, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu livell ta’ mmarkar ta’ mill-inqas 6 mg u mhux aktar minn 9 mg ta’ Solvent Yellow 124 għal kull litru ta’ prodott tal-enerġija.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2028, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi tekniċi fil-qasam tas-sistemi ta’ indikaturi u l-ħtieġa li jiġi miġġieled l-użu frodulenti taż-żjut minerali li huma eżentati mid-dazju s-sisa, jew li huma suġġetti għal rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa.

    Għandu jsir rieżami aktar bikri jekk jinstab li ACCUTRACE™ PLUS jagħti lok għal evażjoni tat-taxxa jew jikkawża ħsara lis-saħħa jew lill-ambjent.

    Artikolu 4

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/74 hija mħassra.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Jannar 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Paolo GENTILONI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)   ĠU L 291, 6.12.1995, p. 46.

    (2)  Il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda għandhom ikunu dawk tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1577 tal-21 ta’ Settembru 2020 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 361, 30.10.2020, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/74 tal-25 ta’ Novembru 2016 li tistabbilixxi indikatur fiskali komuni għaż-żjut tal-gass u l-pitrolju (ĠU L 10, 14.1.2017, p. 7).

    (4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/544/UE tas-16 ta’ Settembru 2011 li tistabbilixxi indikatur fiskali komuni għaż-żjut tal-gass u l-pitrolju (ĠU L 241, 17.9.2011, p. 31).

    (5)   ĠU C 299, 11.9.2015, p. 28.

    (6)  https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC107206

    (7)  https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/fiscal-marking-report-2019.pdf

    (8)  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6595-2020-INIT/en/pdf

    ara r-rapport finali adottat dwar l-Azzjoni 9.1.2.1 - “Il-kuntrabandu u t-trattament illegali taż-żjut minerali: Ħasil tal-flus (it-tneħħija ta’ indikatur fiskali)”.


    ANNESS

    1.   

    L-isem kummerċjali: ACCUTRACE™ PLUS

    2.   

    Identifikazzjoni skont l-Indiċi tal-Kulur: Bla kulur

    3.   

    L-isem xjentifiku: Butossibenżen (Numru tar-Reġistru CAS 1126-79-0)


    Top