Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0119

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/119 tas-26 ta’ Jannar 2022 li tħassar id-Deċiżjoni 2004/613/KE marbut mal-kreazzjoni ta’ grupp konsultattiv tal-katina alimentari u tas-saħħa tal-annimali u veġetali

C/2022/364

ĠU L 19, 28.1.2022, p. 71–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/119/oj

28.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 19/71


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/119

tas-26 ta’ Jannar 2022

li tħassar id-Deċiżjoni 2004/613/KE marbut mal-kreazzjoni ta’ grupp konsultattiv tal-katina alimentari u tas-saħħa tal-annimali u veġetali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/613/KE (1) stabbiliet il-grupp konsultattiv dwar il-katina alimentari u s-saħħa tal-annimali u veġetali Dan il-grupp ġie kkonsultat mill-Kummissjoni dwar il-programm ta’ ħidma tagħha dwar is-sigurtà tal-ikel u l-għalf, dwar it-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-ikel u l-għalf, dwar in-nutrizzjoni tal-bniedem b’rabta mal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel, dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti, u dwar kull miżura li kellha tieħu jew tipproponi l-Kummissjoni fl-oqsma ta’ politika li ssemmew hawn fuq.

(2)

Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u li tiffavorixxi l-ambjent (2).

(3)

Fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, se jsiru konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati li għandhom għarfien espert fl-oqsma tas-saħħa, tan-nutrizzjoni, tal-kummerċjalizzazzjoni, tal-ambjent, tal-klima, tal-agrikoltura sostenibbli, tal-agronomija, tas-sajd, tal-akkwakultura u tax-xjenzi soċjali, kif ukoll fl-oqsma tat-trasformazzjoni diġitali u tal-finanzi b’rabta mas-sistemi tal-ikel.

(4)

B’hekk, il-kwistjonijiet marbutin mal-implimentazzjoni tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” huma aktar wesgħin mill-għarfien espert tal-grupp kif previst attwalment fid-Deċiżjoni 2004/613/KE. Għalhekk, biex tiġi żgurata aktar parteċipazzjoni tal-esperti f’dawk l-oqsma ta’ politika, jeħtieġ li jitwaqqaf grupp ġdid informali ta’ esperti b’aktar membri u kompiti.

(5)

Għaldaqstant, jeħtieġ li titħassar id-Deċiżjoni 2004/613/KE.

(6)

Billi l-mandat tal-membri tal-grupp konsultattiv attwali jiskadi fil-14 ta’ Lulju 2022, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun tapplika mill-jum ta’ wara,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2004/613/KE titħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-15 ta’ Lulju 2022.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/613/KE tas-6 ta’ Awwissu 2004 marbut mal-kreazzjoni ta’ grupp konsultattiv tal-katina alimentari u tas-saħħa tal-annimali u veġetali (ĠU L 275, 25.8.2004, p. 17).

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (COM(2020) 381 final).


Top