Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R2244

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2244 tas-7 ta’ Ottubru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli speċifiċi dwar il-kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-proċeduri tat-teħid ta’ kampjuni għar-residwi tal-pestiċidi fl-ikel u fl-għalf (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/7133

    ĠU L 453, 17.12.2021, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/2244/oj

    17.12.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 453/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2244

    tas-7 ta’ Ottubru 2021

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli speċifiċi dwar il-kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-proċeduri tat-teħid ta’ kampjuni għar-residwi tal-pestiċidi fl-ikel u fl-għalf

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari il-punt (a) tal-Artikolu 19(2) tiegħu,

    Billi

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli dwar il-kontrolli u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inter alia fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel f’kull stadju tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni. Dan jipprevedi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali b’rabta ma’ sustanzi li l-użu tagħhom jista’ jwassal għal residwi ta’ dawk is-sustanzi fl-ikel u fl-għalf.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) 2017/625 iħassar l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li madanakollu jibqa’ applikabbli sal-14 ta’ Diċembru 2022, diment li ma tiġix stabbilita data iżjed bikrija minn att delegat. Dak l-Artikolu 27(1) jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ proċeduri ta’ teħid ta’ kampjuni għall-analiżi ta’ residwi ta’ pestiċidi fl-ikel u fl-għalf.

    (3)

    L-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi r-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kontrolli uffiċjali fir-rigward tar-residwi ta’ sustanzi rilevanti fl-ikel u fl-għalf li għandhom jitwettqu fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni.

    (4)

    L-għan tal-monitoraġġ tar-residwi tal-pestiċidi fl-ikel u fl-għalf huwa li tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta’ residwi stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 396/2005 kif ukoll li jiġi vvalutat l-esponiment tal-konsumatur għar-residwi tal-pestiċidi. Dan jirrikjedi li l-kampjuni tal-ikel u tal-għalf jittieħdu f’għadd u firxa suffiċjenti biex jiġi żgurat li huma rappreżentattivi tas-suq. Dan jirrikjedi wkoll li dawk il-kampjuni jittieħdu fil-punt ta’ kampjunar l-aktar xieraq fil-katina alimentari.

    (5)

    Għalhekk huwa xieraq li jiġi ssupplimentat l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 billi jiġu stabbiliti regoli għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-proċeduri rilevanti ta’ teħid ta’ kampjuni għar-residwi tal-pestiċidi fl-ikel u fl-għalf.

    (6)

    Peress li r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 dwar il-kontrolli uffiċjali għat-teħid ta’ kampjuni mhux se jibqgħu japplikaw mill-15 ta’ Diċembru 2022, dan ir-Regolament jenħtieġ japplika minn dik id-data,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    Għall-finijiet tal-kontrolli uffiċjali fuq ir-residwi tal-pestiċidi, kif previst fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, kull Stat Membru għandu jieħu għadd u firxa suffiċjenti ta’ kampjuni ta’ ikel u għalf biex jiżgura li r-riżultati jkunu rappreżentattivi tas-suq, filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-programmi nazzjonali pluriennali preċedenti ta’ kontroll.

    Il-kampjunar previst fl-ewwel paragrafu għandu jitwettaq qrib il-punt tal-provvista kif ikun raġonevoli.

    L-Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-15 ta’ Diċembru 2022.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli f’kull Stat Membru.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Ottubru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).


    Top