EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R2142

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/2142 tat-3 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi tal-alkalojdi tal-loppju f’ċerti oġġetti tal-ikel (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/8668

ĠU L 433, 6.12.2021, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R0915

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2142/oj

6.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 433/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2142

tat-3 ta’ Diċembru 2021

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi tal-alkalojdi tal-loppju f’ċerti oġġetti tal-ikel

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti, inkluż l-alkalojdi tal-loppju, fl-oġġetti tal-ikel.

(2)

Iż-żrieragħ tal-peprin jinkisbu mix-xaħxieħa (Papaver somniferum L.) Il-pjanta tax-xaħxieħa fiha l-alkalojdi tal-loppju bħalma huma l-morfina u l-kodeina. Iż-żrieragħ tal-peprin ma fihomx l-alkalojdi tal-loppju jew fihom l-alkalojdi tal-loppju biss f’livelli baxxi ħafna, iżda jistgħu jiġu kkontaminati bl-alkalojdi minħabba ħsara mill-insetti jew permezz tal-kontaminazzjoni esterna taż-żrieragħ waqt il-ħsad, meta maż-żrieragħ jeħlu xi trab tat-tiben (inkluż ir-rita tal-kapsula).

(3)

Fl-2018, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat aġġornament tal-opinjoni xjentifika dwar l-alkalojdi tal-loppju fiż-żrieragħ tal-peprin (3). L-awtorità kkonfermat id-doża akuta ta’ referenza (ARfD, acute reference dose) ta’ 10 μg ta’ morfina għal kull kg ta’ piż tal-ġisem (bw) u kkonkludiet li l-konċentrazzjoni tal-kodeina fil-kampjuni taż-żrieragħ tal-peprin għandha titqies billi jiġu kkonvertiti l-ekwivalenti tal-kodeina f’morfina, bl-użu ta’ fattur ta’ 0,2. Għalhekk, l-ARfD hija doża akuta ta’ referenza ta’ grupp għall-morfina u għall-kodeina, espress f’ekwivalenti ta’ morfina. L-istimi tal-esponiment jindikaw li x’aktarx tinqabeż l-ARfD ta’ grupp, b’mod partikolari, meta jiġu kkunsmati porzjonijiet kbar, jew jekk jiġi kkunsmat ikel li fih żrieragħ tal-peprin mhux ipproċessati.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-livelli massimi għall-morfina u l-kodeina, espressi f’ekwivalenti ta’ morfina, għaż-żrieragħ tal-peprin imqiegħda fis-suq għall-konsumatur finali u għall-prodotti tal-forn li fihom iż-żrieragħ tal-peprin jew prodotti derivati minnhom. Jenħtieġ li dawk il-livelli jiġu stabbiliti billi jitqies li l-ipproċessar tal-ikel jista’ jnaqqas il-kontenut tal-alkalojdi fiż-żrieragħ tal-peprin fl-istat naturali b’25–100 % fil-prodott finali. Billi jixraq li l-produttur tal-prodotti tal-forn ikollu informazzjoni dettaljata, inkluż il-kontenut ekwivalenti għall-morfina, dwar iż-żrieragħ tal-peprin li jintużaw bħala ingredjenti fil-prodotti tal-forn, il-fornitur taż-żrieragħ tal-peprin għandu jipprovdi dik l-informazzjoni lill-produttur tal-prodotti tal-forn.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jiġi emendat skont dan.

(6)

Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jippreparaw għar-regoli l-ġodda introdotti b’dan ir-Regolament, jixraq li jingħata żmien raġonevoli sakemm jibdew japplikaw il-livelli massimi. Jixraq ukoll li jiġi previst perjodu tranżizzjonali għall-oġġetti tal-ikel imqiegħda fis-suq legalment qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-oġġetti tal-ikel elenkati fl-Anness imqiegħda legalment fis-suq qabel l-1 ta’ Lulju 2022, jistgħu jibqgħu fis-suq sad-data tad-durabbiltà minima jew sad-data tal-iskadenza tagħhom.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li tiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

(3)  Update of the Scientific Opinion on opium alkaloids in poppy seeds. EFSA Journal 2018;16(5):5243, 119 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2018.5243


ANNESS

Fit-Taqsima 8 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, tiżdied l-entrata 8.5 li ġejja:

“Oġġetti tal-ikel (1)

Livell massimu (mg/kg)

8.5.

Alkalojdi tal-loppju  (*1)

 

8.5.1.

Żrieragħ tal-peprin sħaħ, mgħaffġin jew mitħunin imqiegħda fis-suq għall-konsumatur finali

20

8.5.2.

Prodotti tal-forn (*2) li fihom iż-żrieragħ tal-peprin u/jew prodotti dderivati minnhom (*3)

1,50



Top