Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R2117

Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni

PE/66/2021/REV/1

ĠU L 435, 6.12.2021, p. 262–314 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 06/12/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2117/oj

6.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 435/262


REGOLAMENT (UE) 2021/2117 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-2 ta’ Diċembru 2021

li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 114, l-Artikolu 118, l-ewwel paragrafu, u l-Artikolu 349 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (3),

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (4),

Billi:

(1)

Il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2017 intitolata “Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja” stabbiliet l-isfidi, l-objettivi u l-orjentazzjonijiet għall-politika agrikola komuni (PAK) futura wara l-2020. Dawk l-objettivi jinkludu, li l-PAK tkun iktar immexxija mir-riżultati, tingħata spinta lill-modernizzazzjoni u s-sostenibbiltà, inkluż is-sostenibbiltà ekonomika, soċjali, ambjentali u klimatika tal-agrikoltura, il-forestrija u ż-żoni rurali, u tgħin biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji marbut mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(2)

Peress li l-PAK jenħtieġ li ttejjeb ir-rispons tagħha għall-isfidi u l-opportunitajiet hekk kif jimmanifestaw ruħhom fil-livelli internazzjonali, tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali, lokali u tal-azjendi agrikoli, huwa meħtieġ li tiġi ssimplifikata l-governanza tal-PAK u jitjieb il-ksib tagħha tal-objettivi tal-Unjoni u li jitnaqqas b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv. Il-PAK jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-implimentazzjoni tal-prestazzjoni. Għalhekk, l-Unjoni jenħtieġ tistabbilixxi l-parametri bażiċi tal-politika, bħalma huma l-objettivi tal-PAK u r-rekwiżiti bażiċi tagħha, filwaqt li l-Istati Membri jenħtieġ li jġorru responsabbiltà akbar dwar kif huma jilħqu l-għanijiet u jiksbu l-miri. Is-sussidjarjetà msaħħa tagħmilha possibbli li jitqiesu aħjar il-kondizzjonijiet u l-bżonnijiet lokali u n-natura partikolari tal-attività agrikola, li tirriżulta mill-istruttura soċjali tal-agrikoltura u mid-disparitajiet strutturali u naturali bejn id-diversi reġjuni agrikoli, filwaqt li jitfassal l-appoġġ biex il-kontribut lejn il-kisba tal-objettivi tal-Unjoni jiġi massimizzat.

(3)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (ir-”Regolament Finanzjarju”) u b’mod partikolari jiddeterminaw il-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, akkwist, premjijiet, implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu kontrolli dwar ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(4)

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-PAK, l-interventi kollha tal-PAK futura jenħtieġ li jkunu parti minn pjan strateġiku li jkun jinkludi tipi ta’ intervent f’ċerti setturi li ġew stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(5)

L-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi ċerti definizzjonijiet dwar setturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament. Jenħtieġ li d-definizzjonijiet rigward is-settur taz-zokkor stipulati fil-Parti II tat-Taqsima B ta’ dak l-Anness jitħassru għaliex ma għadhomx applikabbli. Sabiex taġġorna d-definizzjonijiet li jikkonċernaw setturi oħra msemmija f’dak l-Anness fid-dawl ta’ għarfien xjentifiku ġdid jew żviluppi tas-suq ġodda, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendi ta’ dawk id-definizzjonijiet, iżda mhux is-setgħa li żżid definizzjonijiet ġodda. Konsegwentement, l-għoti tas-setgħa individwali ddelegata lill-Kummissjoni fil-Parti II, Taqsima A, punt 4 ta’ dak l-Anness għall-emendar tad-definizzjoni tal-ġulepp tal-inulina jenħtieġ jitħassar. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (7). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(6)

Jenħtieġ li l-Parti I tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tiġi ssimplifikata. Id-definizzjonijiet u d-dispożizzjonijiet li ma fadlilhomx skop u dawk skaduti li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jitħassru.

(7)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba, jenħtieġ li jiġu estiżi ċerti perijodi ta’ intervent pubbliku. Fejn il-ftuħ tal- intervent pubbliku huwa awtomatiku, il-perijodu tal-intervent pubbliku jenħtieġ li jiġi estiż b’xahar. Fejn il-ftuħ tal-intervent pubbliku jiddependi fuq l-iżviluppi tas-suq, il-perijodu ta’ intervent pubbliku jenħtieġ li jkun matul is-sena kollha.

(8)

Għall-finijiet ta’ aktar trasparenza, u fil-kuntest tal-impenji internazzjonali tal-Unjoni, huwa xieraq li tiġi prevista l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni rilevanti dwar il-volum u l-prezz dwar ix-xiri sfurzat u l-bejgħ ta’ prodotti li jinxtraw taħt intervent pubbliku.

(9)

L-għoti ta’ għajnuna għall-ħżin privat taż-żejt taż-żebbuġa wera li huwa għodda effettiva għall-istabbilizzazzjoni tas-suq. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba u sabiex jiġi żgurat standard tal-għajxien ġust u jiġi stabbilizzat is-suq taż-żejt taż-żebbuġa u s-settur taż-żebbuġ tal-ikel, huwa xieraq li tiġi estiża l-lista ta’ prodotti li huma eliġibbli għall-għajnuna għall-ħżin privat biex tkopri wkoll iż-żebbuġ tal-ikel.

(10)

Wara l-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni, il-limiti dwar l-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista tal-frott u l-ħaxix u tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fl-istabbilimenti edukattivi, stipulati fl-Artikolu 23a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jenħtieġ li jiġu aġġornati. Huwa xieraq, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, li jiġi previst li l-limiti mnaqqsa japplikaw b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2021.

(11)

Id-dispożizzjonijiet dwar l-iskemi tal-għajnuna stipulati fil-Parti II, Titolu I, Kapitolu II, Taqsimiet 2 sa 6 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jenħtieġ li jitħassru, minħabba li t-tipi kollha ta’ intervent fis-setturi kkonċernati huma stipulati fir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(12)

Il-politika tal-Unjoni dwar l-inbid, bl-iskema tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti tagħha li ppermettiet għal tkabbir ordnat ta’ tħawwil tad-dwieli mill-2016, ikkontribwiet biex tiżdied il-kompetittività tas-settur tal-inbid tal-Unjoni u biex titħeġġeġ produzzjoni ta’ kwalità għolja. Filwaqt li s-settur tal-inbid kiseb bilanċ bejn il-provvista tal-produzzjoni, il-kwalità, id-domanda tal-konsumatur u l-esportazzjonijiet fis-suq globali, dak il-bilanċ għadu m’ilux fit-tul jew għadu mhux stabbli biżżejjed, b’mod partikolari meta s-settur tal-inbid jaffaċċja disturbi serji fis-suq. Barra minn hekk, hemm tendenza lejn tnaqqis kontinwu fil-konsum tal-inbid fl-Unjoni minħabba bidliet fid-drawwiet tal-konsumatur u fl-istil tal-ħajja. B’konsegwenza ta’ dan, fuq tul ta’ żmien il-liberalizzazzjoni tat-tħawwil ta’ dwieli ġodda tirriskja li thedded il-bilanċ miksub s’issa bejn il-kapaċità tal-provvista tas-settur, standard ġust tal-għajxien għall-produtturi u prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi. Dan jirriskja jipperikola l-iżviluppi pożittivi miksuba permezz tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni ta’ dawn l-aħħar deċennji.

(13)

L-iskema eżistenti ta’ awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil ta’ dwieli hija wkoll meqjusa essenzjali biex tiġi żgurata d-diversità tal-inbejjed u twieġeb għall-ispeċifiċitajiet tas-settur tal-inbid tal-Unjoni. Is-settur tal-inbid tal-Unjoni għandu karatteristiċi speċifiċi, inkluż iċ-ċiklu twil ta’ vinji, minħabba l-fatt li l-produzzjoni sseħħ biss diversi snin wara t-tħawwil iżda mbagħad tkompli għal diversi deċennji, u minħabba l-potenzjal għal varjazzjonijiet konsiderevoli fil-produzzjoni minn ħsad għall-ieħor. Għall-kuntrarju ta’ ħafna pajjiżi terzi li jipproduċu l-inbid, is-settur tal-inbid tal-Unjoni huwa kkaratterizzat ukoll minn għadd kbir ħafna ta’ azjendi agrikoli żgħar immexxija mill-familji, li jirriżultaw f’firxa varjata ta’ nbejjed. Għalhekk, sabiex tiġi ggarantita l-vijabbiltà ekonomika tal-proġetti tagħhom u biex tittejjeb il-kompetittività tas-settur tal-inbid tal-Unjoni fis-suq globali, l-operaturi fis-settur u l-produtturi jenħtieġu prevedibbiltà fit-tul, minħabba l-investiment sinifikanti li jenħtieġ għat-tħawwil ta’ vinja.

(14)

Sabiex jiġu żgurati l-kisbiet tas-settur tal-inbid tal-Unjoni s’issa u biex jinkiseb bilanċ kwantitattiv u kwalitattiv li jdum fit-tul fis-settur permezz tat-tkabbir ordnat kontinwu tat-tħawwil ta’ dwieli lil hinn mill-2030, jenħtieġ li l-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil ta’ dwieli tiġi estiża sal-2045, jiġifieri għal perijodu ekwivalenti għall-perijodu inizjali fis-seħħ mill-2016, iżda b’żewġ reviżjonijiet ta’ nofs it-terminu li għandhom jitwettqu fl-2028 u l-2040, sabiex tiġi evalwata l-iskema u, jekk ikun meħtieġ, jiġu ppreżentati proposti bbażati fuq ir-riżultati ta’ dawk ir-reviżjonijiet ta’ nofs it-terminu biex tittejjeb il-kompetittività tas-settur tal-inbid.

(15)

Jekk il-produtturi jitħallew jittardjaw it-tħawwil mill-ġdid tal-vinji, dan jista’ jkollu impatt ambjentali pożittiv billi jtejjeb il-kondizzjonijiet sanitarji tal-ħamrija b’inqas inputs kimiċi. Għaldaqstant, sabiex jingħata kontribut għal ġestjoni aħjar tal-ħamrija fil-vitikultura, huwa xieraq li tkun permessa l-estensjoni tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil mill-ġdid minn tliet snin għal sitt snin fejn it-tħawwil mill-ġdid iseħħ fuq l-istess roqgħa art.

(16)

Minħabba l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 fis-settur tal-inbid tal-Unjoni, ir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) ippreveda għall-estensjoni sal-31 ta’ Diċembru 2021 tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil għal tħawwil ġdid jew għal tħawwil mill-ġdid li kienu jiskadu fl-2020. Minħabba l-effetti mtawla tal-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, il-produtturi li għandhom awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil għal tħawwil ġdid jew għal tħawwil mill-ġdid li kienu jiskadu fl-2020 jew 2021 fil-biċċa l-kbira għadhom mhux qed jitħallew jagħmlu użu minn dawk l-awtorizzazzjonijiet fl-aħħar sena tal-validità tagħhom. Sabiex jiġi evitat it-telf ta’ dawk l-awtorizzazzjonijiet u sabiex jitnaqqas ir-riskju tad-deterjorament tal-kondizzjonijiet li fihom ikun meħtieġ li jsir it-tħawwil, huwa xieraq li tkun possibbli estensjoni ulterjuri tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil għal tħawwil ġdid jew għal tħawwil mill-ġdid li jiskadu fl-2020 u estensjoni għal dawk li jiskadu fl-2021. Jenħtieġ għalhekk li l-awtorizzazzjonijiet kollha għat-tħawwil għal tħawwil ġdid jew għal tħawwil mill-ġdid li kienu jiskadu fl-2020 jew fl-2021 jiġu estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(17)

Barra minn hekk, meta jitqiesu l-bidliet fil-perspettivi tas-suq, jenħtieġ li d-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil li jiskadu fl-2020 u fl-2021 ikunu jistgħu ma jużawx l-awtorizzazzjonijiet tagħhom, mingħajr ma jkunu soġġetti għal penali amministrattivi. Barra minn hekk, sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni, il-produtturi li, f’konformità mar-Regolament (UE) 2020/2220, iddikjaraw lill-awtorità kompetenti sat-28 ta’ Frar 2021 li ma kellhomx l-intenzjoni li jagħmlu użu mill-awtorizzazzjoni tagħhom mingħajr ma kienu jafu dwar il-possibbiltà ta’ estensjoni tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet tagħhom għat-tieni sena, jenħtieġ li jitħallew jirtiraw id-dikjarazzjonijiet tagħhom permezz ta’ komunikazzjoni bil-miktub lill-awtorità kompetenti sat-28 ta’ Frar 2022 u jużaw l-awtorizzazzjoni tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(18)

Minħabba d-disturb fis-suq ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u l-inċertezza ekonomika li kkawżat fir-rigward tal-użu ta’ dawk l-awtorizzazzjonijiet, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 dwar l-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil għal tħawwil ġdid jew għal tħawwil mill-ġdid li jiskadu fis-snin 2020 u 2021,, jenħtieġ li japplikaw b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2021.

(19)

Fid-dawl tat-tnaqqis f’diversi Stati Membri fiż-żona effettivament imħawwla bid-dwieli fis-snin 2014-2017, u bil-ħsieb tat-telf potenzjali fil-produzzjoni sussegwenti, meta jkunu qed jistabbilixxu ż-żona għal awtorizzazzjonijiet ġodda għat-tħawwil imsemmijin fl-Artikolu 63(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu bejn il-bażi eżistenti u perċentwal taż-żona totali effettivament imħawwla bid-dwieli fit-territorju tagħhom fil-31 ta’ Lulju 2015 b’żieda ta’ żona li tikkorrispondi mad-drittijiet għat-tħawwil skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (10) li kienu disponibbli għall-konverżjoni f’awtorizzazzjonijiet fl-Istat Membru kkonċernat fl-1 ta’ Jannar 2016.

(20)

Jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-Istati Membri li jillimitaw il-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet fil-livell reġjonali għal żoni speċifiċi eliġibbli għall-produzzjoni ta’ nbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew għal żoni eliġibbli għall-produzzjoni ta’ nbejjed b’indikazzjoni ġeografika protetta jistgħu jirrikjedu li tali awtorizzazzjonijiet jintużaw f’dawk ir-reġjuni.

(21)

Jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-Istati Membri, għall-fini tal-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil ta’ dwieli, jistgħu japplikaw kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ prijorità oġġettivi u nondiskriminatorji fil-livell nazzjonali jew reġjonali. Barra minn hekk, l-esperjenza tal-Istati Membri turi l-ħtieġa li jiġu riveduti wħud mill-kriterji ta’ prijorità biex tkun tista’ tingħata preferenza lill-vinji li jikkontribwixxu għall-preservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tad-dwieli u azjendi li ż-żieda fil-kosteffiċjenza, kompetittività jew preżenza fis-swieq tagħhom kienet ġiet ippruvata.

(22)

Sabiex jiġi żgurat li ma jingħata l-ebda vantaġġ lil persuna fiżika jew ġuridika li fir-rigward tagħha jiġi stabbilit li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ tali vantaġġi nħolqu artifiċjalment, huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jadottaw miżuri biex jipprevjenu ċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli dwar il-mekkaniżmu ta’ salvagwardja għat-tħawwil ġdid u l-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ prijorità għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għal tħawwil ġdid.

(23)

L-aħħar skadenza għall-preżentazzjoni tat-talbiet għal konverżjoni tad-drittijiet ta’ tħawwil f’awtorizzazzjonijiet tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2022. F’xi każijiet, ċirkostanzi bħall-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 seta’ kellhom l-effett li jillimitaw il-konverżjoni tad-drittijiet ta’ tħawwil f’awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil. Għal dik ir-raġuni, u sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreservaw il-kapaċità tal-produzzjoni li tikkorrispondi għal tali drittijiet ta’ tħawwil, huwa xieraq li, mill-1 ta’ Jannar 2023, id-drittijiet ta’ tħawwil li kienu eliġibbli għal konverżjoni f’awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil fil-31 ta’ Diċembru 2022 iżda li għadhom ma kinux ikkonvertiti f’awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil jibqgħu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri kkonċernati, li jistgħu jagħtuhom sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025 bħala awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil ta’ dwieli ġodda, mingħajr ma jingħaddu dawk l-awtorizzazzjonijiet għall-finijiet tal-limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(24)

F’xi Stati Membri, hemm vinji tradizzjonali mħawla b’varjetajiet li ma humiex permessi għal finijiet ta’ produzzjoni tal-inbid, li l-produzzjoni tagħhom, inkluż il-produzzjoni għall-finijiet ta’ produzzjoni ta’ xorb tal-għeneb iffermentat għajr l-inbid, mhijiex maħsuba għas-suq tal-inbid. Huwa xieraq li jiġi ċċarat li tali vinji mhumiex soġġetti għall-obbligi tal-qlugħ u li l-iskema ta’ awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil ta’ dwieli stabbilita f’dan ir-Regolament ma tapplikax għat-tħawwil u t-tħawwil mill-ġdid ta’ tali varjetajiet għal finijiet oħra għajr il-produzzjoni tal-inbid.

(25)

L-Artikolu 90 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi li, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-ftehimiet internazzjonali konklużi f’konformità mat-TFUE, ir-regoli tal-Unjoni dwar id-denominazzjonijiet tal-oriġini, l-indikazzjonijiet ġeografiċi, it-tikkettar, id-definizzjonijiet, id-denominazzjonijiet u d-deskrizzjonijiet tal-bejgħ għal ċerti prodotti fis-settur tal-inbid, kif ukoll il-prattiki enoloġiċi awtorizzati mill-Unjoni, għandhom japplikaw għall-prodotti importati fl-Unjoni. Għalhekk, fl-interess tal-konsistenza, huwa xieraq li jiġi previst li r-regoli dwar iċ-ċertifikati ta’ konformità u r-rapporti ta’ analiżi għall-importazzjonijiet ta’ dawk il-prodotti jenħtieġ li jiġu applikati wkoll fid-dawl tal-ftehimiet internazzjonali konklużi f’konformità mat-TFUE.

(26)

Fil-qafas tar-riforma tal-PAK, id-dispożizzjonijiet dwar l-irtirar mis-suq ta’ prodotti li ma jikkonformawx mar-regoli dwar it-tikkettar jenħtieġ li jiġu integrati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Fid-dawl tad-domanda tal-konsumatur li qed tiżdied għal kontrolli fuq il-prodotti, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw li prodotti li m’għandhomx tikketta konformi ma’ dan ir-Regolament ma jitqegħdux fis-suq jew, jekk tali prodotti diġà jkunu tqiegħdu fis-suq, li huma jiġu rtirati mis-suq. L-irtirar jinkludi l-possibbiltà li jiġi kkoreġut it-tikkettar tal-prodotti mingħajr ma jitneħħew definittivament mis-suq.

(27)

Minħabba t-tħassir tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) bir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), id-dispożizzjonijiet dwar il-kontrolli u l-penali marbuta mar-regoli tal-kummerċjalizzazzjoni, mad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali jenħtieġ li jiġu integrati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(28)

Sabiex il-produtturi jkunu jistgħu jużaw varjetajiet tad-dwieli li huma iktar adattati għall-kondizzjonijiet klimatiċi li dejjem jinbidlu u li għandhom reżistenza ikbar għall-mard, jenħtieġ ikun hemm dispożizzjonijiet li jippermettu l-użu tad-denominazzjonijiet tal-oriġini għal prodotti magħmula miż-żewġ varjetajiet ta’ dwieli li jappartjenu għall-ispeċi Vitis vinifera u mill-varjetajiet ta’ dwieli li ġejjin minn inkroċjar bejn Vitis vinifera u speċijiet oħra tal-ġenus Vitis.

(29)

Id-definizzjonijiet ta’ ‘denominazzjoni ta’ oriġini’ u ‘indikazzjoni ġeografika’ fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jenħtieġ li jiġu allinjati mad-definizzjonijiet fil-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (“il-Ftehim TRIPS”), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE (13), b’mod partikolari mal-Artikolu 22(1) tal-Ftehim TRIPS, jiġifieri li l-indikazzjonijiet ġeografiċi jidentifikaw prodott bħala prodott li joriġina f’post, reġjun jew f’pajjiż speċifiku. Fl-interess taċ-ċarezza, huwa xieraq li jiġi stipulat b’mod espliċitu li d-definizzjoni riveduta ta’ denominazzjoni ta’ oriġini tinkludi ismijiet użati tradizzjonalment. B’riżultat ta’ dan, il-lista tar-rekwiżiti għal isem użat tradizzjonalment biex jikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini fis-settur tal-inbid stipulata fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 mhux ser tibqa’ valida u jenħtieġ li titħassar. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, tali kjarifika jenħtieġ li tiġi introdotta wkoll fid-definizzjoni tal-“indikazzjoni ġeografika” għas-settur tal-inbid stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u fid-definizzjonijiet tad-“denominazzjoni ta’ oriġini” u tal-“indikazzjonijiet ġeografiċi” għas-settur tal-ikel stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

(30)

L-ambjent ġeografiku, bil-fatturi naturali u umani tiegħu, huwa element kruċjali li jaffettwa l-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott tad-dwieli, il-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel li jibbenefikaw minn denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti jew minn indikazzjonijiet ġeografiċi protetti skont ir-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 1151/2012. B’mod partikolari, fejn huma kkonċernati prodotti friski li jgħaddu minn ftit ipproċessar jew li ma jgħaddu minn ebda pproċessar, jistgħu jkunu prevalenti fatturi naturali fid-determinazzjoni tal-kwalità u tal-karatteristiċi tal-prodott ikkonċernat, filwaqt li l-kontribut tal-fatturi umani għall-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott jista’ jkun inqas speċifiku. Għalhekk, il-fatturi umani li jenħtieġ li jitqiesu fid-deskrizzjoni tar-rabta bejn il-kwalità jew il-karatteristiċi ta’ prodott u ambjent ġeografiku partikolari li għandha tiġi inkluża fl-ispeċifikazzjoni ta’ prodott ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti skont l-Artikolu 94 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jenħtieġ li ma tkunx limitata għal metodi speċifiċi ta’ produzzjoni jew ipproċessar li jagħtu kwalità speċifika lill-prodott ikkonċernat, iżda tista’ tinkludi fatturi bħall-ġestjoni tal-ħamrija u tal-pajsaġġ, il-prattiki ta’ kultivazzjoni, u kwalunkwe attività umana oħra li tikkontribwixxi għaż-żamma tal-fatturi naturali essenzjali li jiddeterminaw b’mod predominanti l-ambjent ġeografiku u l-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott ikkonċernat.

(31)

Biex tiżgura l-koerenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni u l-oġġezzjoni ppreżentati skont il-proċedura nazzjonali preliminari msemmija fl-Artikolu 96 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi mgħarrfa fi żmien xieraq u b’mod regolari meta jitnedew proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali jew korpi oħra li jikkonċernaw l-applikazzjoni għall-protezzjoni mibgħuta mill-Istat Membru lill-Kummissjoni, kif jissemma fl-Artikolu 96(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u fl-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Għall-istess raġuni, fejn Stat Membru jikkomunika lill-Kummissjoni deċiżjoni nazzjonali li fuqha hija bbażata l-applikazzjoni għall-protezzjoni li x’aktarx tiġi invalidata fi tmiem proċedura ġudizzjarju nazzjonali, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun eżentata mill-obbligu li twettaq il-proċedura ta’ skrutinju stipulata fl-Artikolu 97 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni sal-iskadenza preskritta, u mill-obbligu li l-applikant jiġi infurmat bir-raġunijiet għad-dewmien. Sabiex l-applikant jiġi protett minn azzjonijiet legali vessatorji u biex jiġi ppreservat id-dritt fundamentali tal-applikant li jiżgura l-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika fi żmien raġonevoli, l-eżenzjoni jenħtieġ li tkun limitata għal każijiet li fihom l-applikazzjoni għall-protezzjoni tkun ġiet invalidata fil-livell nazzjonali permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja applikabbli immedjatament iżda mhux finali jew li fihom l-Istati Membri jqisu li l-azzjoni biex tiġi kkontestata l-validità tal-applikazzjoni hija ibbażata fuq raġunijiet validi.

(32)

Ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi jenħtieġ li tiġi ssimplifikata u titħaffef bis-separazzjoni tal-valutazzjoni tal-konformità mar-regoli dwar il-proprjetà intellettwali mill-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti mar-rekwiżiti stipulati fl-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni u r-regoli tat-tikkettar.

(33)

Il-valutazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri hija pass essenzjali fil-proċedura ta’ reġistrazzjoni. L-Istati Membri għandhom l-għarfien, l-għarfien espert u l-aċċess għal data li jpoġġuhom fl-aħjar pożizzjoni biex jivverifikaw jekk l-informazzjoni mogħtija fl-applikazzjoni hijiex korretta u vera. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-riżultat ta’ dik il-valutazzjoni, li għandu jiġi rreġistrat f’dokument uniku li jiġbor fil-qosor l-elementi rilevanti tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, ikun affidabbli u preċiż. B’kont meħud tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, il-Kummissjoni jenħtieġ li sussegwentement teżamina l-applikazzjonijiet biex tiżgura li ma jkun hemm l-ebda żball manifest, sabiex tiżgura, b’mod partikolari, li jkun fihom l-informazzjoni meħtieġa, li jkunu ħielsa minn żbalji sostantivi ovvji, li r-raġunament ippreżentat jappoġġa l-applikazzjoni, u li jittieħed kont tal-liġi tal-Unjoni u l-interessi tal-partijiet ikkonċernati barra mill-Istat Membru tal-applikazzjoni u barra mill-Unjoni.

(34)

Fis-settur tal-inbid, il-perijodu li matulu tista’ ssir oġġezzjoni jenħtieġ li jiġi estiż għal tliet xhur biex ikun żgurat li l-partijiet interessati kollha jkollhom biżżejjed żmien biex janalizzaw l-applikazzjoni għall-protezzjoni u l-possibbiltà li jippreżentaw dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni. Biex jiġi żgurat li tiġi applikata l-istess proċedura għall-oġġezzjonijiet skont ir-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 1151/2012 u biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jibagħtu l-oġġezzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi residenti jew stabbiliti fit-territorju tagħhom lill-Kummissjoni b’mod ikkoordinat u effiċjenti, l-oġġezzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi jenħtieġ li jitressqu permezz tal-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih ikunu residenti jew stabbiliti. Biex tiġi ssimplifikata l-proċedura ta’ oġġezzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tirrifjuta d-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni inammissibbli fl-att ta’ implimentazzjoni li jagħti l-protezzjoni dwar id-denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika kkonċernata.

(35)

Sabiex tiżdied l-effiċjenza proċedurali u jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-għoti tal-protezzjoni għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni għall-għoti ta’ tali protezzjoni fis-settur tal-inbid mingħajr rikors għall-proċedura ta’ eżami, f’ċirkostanzi fejn ma tintbagħat ebda dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet ammissibbli għall-applikazzjoni għall-protezzjoni. Għal każijiet meta tkun intbagħtet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni ammissibbli, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni jew għall-għoti tal-protezzjoni jew biex tirrifjuta l-applikazzjoni għall-protezzjoni, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami.

(36)

Ir-relazzjoni bejn it-trademarks u l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tad-dwieli jenħtieġ li tiġi ċċarata fir-rigward tal-kriterji għar-rifjut, l-invalidazzjoni u l-koeżistenza. Jenħtieġ li kjarifika bħal din ma taffettwax id-drittijiet miksuba minn detenturi ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi fil-livell nazzjonali jew li jeżistu bis-saħħa ta’ ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Istati Membri għall-perijodu qabel l-istabbiliment tas-sistema ta’ protezzjoni tal-Unjoni għall-prodotti tad-dwieli.

(37)

Ir-regoli li jikkonċernaw il-proċeduri nazzjonali, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, il-klassifikazzjoni tal-emendi f’emendi tal-Unjoni u emendi standard, inkluż ir-regoli ewlenin għall-adozzjoni ta’ tali emendi, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni temporanji attwalment stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (15)huma element importanti tal-iskema għall-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-settur tal-inbid. Għal raġunijiet ta’ konsistenza mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u r-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u l-faċilità tal-applikazzjoni, dawk id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li jiġu integrati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(38)

Rigward il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, huwa importanti li jittieħed kont debitu tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ inkluż l-Artikolu V tiegħu dwar il-libertà ta’ tranżitu, li kien approvat bid-Deċiżjoni 94/800/KE. F’dak il-qafas legali, sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika u biex tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni b’mod aktar effettiv, jenħtieġ li l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tapplika wkoll fir-rigward ta’ oġġetti li jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera u li jitqiegħdu taħt proċeduri doganali speċjali bħal proċeduri għat-tranżitu, ħżin, użu speċifiku jew ipproċessar. Għalhekk, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 103(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jenħtieġ li tiġi estiża biex tkopri oġġetti li jkunu fi tranżitu madwar it-territorju doganali tal-Unjoni u l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 103(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għad-denominazzjonijiet tal-oriġini, l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti jenħtieġ li tiġi estiża biex tkopri oġġetti li jinbiegħu fuq l-internet jew b’mezzi oħra ta’ kummerċ elettroniku. Barra minn hekk, id-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-settur tal-inbid jenħtieġ li jkunu protetti wkoll minn kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett meta jirreferu għal prodotti użati bħala ingredjenti. Id-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-settur tal-inbid u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti jenħtieġ li jiġu protetti wkoll kontra l-użu ħażin, l-imitazzjoni u l-evokazzjoni fejn jirreferu għal prodotti użati bħala ingredjenti.

(39)

Jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi kkanċellata l-protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika f’ċirkostanzi fejn hija ma tibqax tintuża jew meta l-applikant imsemmi fl-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma jkunx jixtieq aktar li tinżamm dik il-protezzjoni.

(40)

Fid-dawl tad-domanda dejjem akbar tal-konsumaturi għal prodotti innovattivi tad-dwieli li għandhom inqas qawwa alkoħolika reali mill-qawwa alkoħolika minima reali stabbilita għall-prodotti tad-dwieli fl-Anness VII, il-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jenħtieġ ukoll li jkun possibbli li dawn il-prodotti innovattivi tad-dwieli jiġu prodotti fl-Unjoni. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li skont dawn ċerti prodotti tad-dwieli jistgħu jiġu dealkoħolizzati jew parzjalment dealkoħolizzati u li jiġu stabbiliti l-proċessi għad-dealkoħolizzazzjoni li huma awtorizzati. Jenħtieġ li dawk il-kondizzjonijiet iqisu r-Riżoluzzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV), OIV-ECO 432-2012 Beverage Obtained By Dealcoholisation of Wine (Xarba Miksuba mid-Dealkoħolizzazzjoni tal-Inbid), OIV-ECO 433-2012 Beverage Obtained by Partial Dealcoholisation of Wine (Xarba Miksuba mid-Dealkoħolizzazzjoni Parzjali tal-Inbid) u OIV-ECO 523-2016 Wine by An Alcohol Content Modified by Dealcoholisation (Inbid b’Kontenut ta’ Alkoħol Modifikat bid-Dealkoħolizzazzjoni) u OIV-OENO 394A-2012 Dealcoholisation Of Wines (Dealkoħolizzazzjoni tal-Inbejjed).

(41)

Dawk il-prodotti innovattivi tad-dwieli qatt ma ġew kummerċjalizzati fl-Unjoni bħala inbid. Għal din ir-raġuni, ikunu meħtieġa aktar riċerka u esperimentazzjoni biex tittejjeb il-kwalità ta’ dawk il-prodotti u, b’mod partikolari, biex jiġi żgurat li t-tneħħija totali tal-kontenut tal-alkoħol tippermetti ż-żamma tal-karatteristiċi li jiddifferenzjaw l-inbejjed ta’ kwalità li huma protetti minn indikazzjoni ġeografika jew minn denominazzjoni ta’ oriġini. Għalhekk, għalkemm jenħtieġ li kemm id-dealkoħolizzazzjoni parzjali kif ukoll totali tiġi awtorizzata għall-inbejjed mingħajr indikazzjoni ġeografika jew denominazzjoni ta’ oriġini, id-dealkoħolizzazzjoni parzjali biss jenħtieġ li tiġi awtorizzata għall-inbejjed b’indikazzjoni ġeografika protetta jew denominazzjoni ta’ oriġini protetta. Barra minn hekk, sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u t-trasparenza kemm għall-produtturi kif ukoll għall-konsumaturi tal-inbejjed b’indikazzjoni ġeografika jew denominazzjoni ta’ oriġini, huwa xieraq li jiġi stabbilit li, fejn l-inbejjed b’indikazzjoni ġeografika jew denominazzjoni ta’ oriġini jistgħu jiġu parzjalment dealkoħolizzati, jenħtieġ li l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tagħhom ikun fiha deskrizzjoni tal-inbid parzjalment dealkoħolizzat u, fejn applikabbli, il-prattiki enoloġiċi speċifiċi li għandhom jintużaw biex isir l-inbid jew l-inbejjed parzjalment dealkoħolizzat kif ukoll ir-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tagħhom.

(42)

Sabiex jiġi pprovdut livell ogħla ta’ informazzjoni lill-konsumaturi, jenħtieġ li d-dettalji obbligatorji skont l-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jinkludu dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni u lista ta’ ingredjenti. Madanakollu, jenħtieġ li l-produtturi jkollhom l-għażla li jillimitaw il-kontenuti tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu għall-valur enerġetiku biss u li jagħmlu d-dikjarazzjoni sħiħa dwar in-nutrizzjoni u l-lista tal-ingredjenti disponibbli b’mezzi elettroniċi, sakemm jevitaw kwalunkwe ġbir jew traċċar tad-data tal-utent u ma jipprovdux informazzjoni li jkollha l-għan ta’ kummerċjalizzazzjoni. Madankollu, l-għażla li ma jipprovdux dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni sħiħa fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu jenħtieġ li ma taffettwax ir-rekwiżit eżistenti li t-tikketta telenka s-sustanzi li jikkawżaw allerġiji jew intolleranzi. Fl-Artikolu 122 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tas-supplimentar tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 billi jiġu stipulati regoli għall-indikazzjoni u d-denominazzjoni tal-ingredjenti. Jenħtieġ li l-kummerċjalizzazzjoni tal-istokkijiet eżistenti ta’nbid tkun tista’ tkompli wara d-dati tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti l-ġodda ta’ tikkettar sakemm jiġu eżawriti dawn l-istokkijiet. L-operaturi jenħtieġ li jingħataw żmien suffiċjenti sabiex jaġġustaw ir-rekwiżiti l-ġodda għall-ittikkettar qabel ma jibdew japplikaw.

(43)

Sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu infurmati dwar in-natura tal-prodotti tal-inbid dealkoħolizzati u li r-regoli li jirregolaw it-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-prodotti fis-settur tal-inbid japplikaw ukoll għall-prodotti tad-dwieli dealkoħolizzati jew parzjalment dealkoħolizzati, jenħtieġ li jiġi emendat l-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Madankollu, sabiex jinżamm il-livell attwali ta’ informazzjoni dwar id-durabbiltà minima meħtieġa għal xorb li fih inqas minn 10 % skont il-volum ta’ alkoħol skont ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), huwa xieraq li l-prodotti li jkunu għaddew minn trattament ta’ dealkoħolizzazzjoni b’qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ inqas minn 10 % jinkludu, bħala dettalji obbligatorji, indikazzjoni tad-data ta’ durabbiltà minima.

(44)

Barra minn hekk, l-Anness I, il-Parti XII, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, li jelenka l-prodotti koperti mis-settur tal-inbid, attwalment ikopri l-inbejjed parzjalment dealkoħolizzati b’kontenut ta’ alkoħol skont il-volum ta’ aktar minn 0,5 %. Sabiex jiġi żgurat li l-inbejjed dealkoħolizzati kollha, inkluż dawk b’kontenut ta’ alkoħol skont il-volum ta’ 0,5 % jew inqas, ikunu koperti fis-settur tal-inbid, huwa xieraq li jiġi emendat l-Anness I, il-Parti XII, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 billi tiżdied entrata ġdida.

(45)

Fir-rigward tar-regoli li jikkonċernaw il-kondizzjonijiet dwar l-użu tat-tappijiet fis-settur tal-inbid sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu protetti mill-użu qarrieqi ta’ ċerti tappijiet assoċjati ma’ ċertu xorb u minn materjali perikolużi ta’ tappijiet li jistgħu jikkontaminaw ix-xorb, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(46)

Regoli u rekwiżiti relatati mas-sistemi tal-kwoti taz-zokkor skadew fl-aħħar tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2016/2017. L-Artikolu 124 u l-Artikoli 127 sa 144 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 issa huma skaduti u jenħtieġ li jitħassru.

(47)

Id-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) tistabbilixxi eċċezzjoni mill-iskadenza massima għall-pagament għall-bejgħ tal-għeneb u tal-most fis-settur tal-inbid. Sabiex jingħata kontribut għall-istabbiltà tal-katina ta’ provvista tal-inbid u biex il-produtturi agrikoli jingħataw is-sigurtà tar-relazzjonijiet ta’ bejgħ fit-tul, jenħtieġ li l-bejgħ ta’ nbid bl-ingrossa jiġi ttrattat bl-istess mod. Għalhekk huwa xieraq li jiġi previst li, b’deroga mill-iskadenzi massimi applikabbli għall-pagamenti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/633, jekk issir talba minn organizzazzjoni interprofessjonali, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-iskadenzi massimi applikabbli għall-pagamenti ma japplikawx għall-bejgħ ta’ nbid bl-ingrossa, dment li t-termini speċifiċi tal-iskadenza tal-pagament jiġu inklużi f’kuntratti standard li ġew estiżi mill-Istati Membri skont l-Artikolu 164 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 qabel il-31 ta’ Ottubru 2021 u li l-ftehimiet ta’ forniment bejn il-fornituri tal-inbid bl-ingrossa u x-xerrejja diretti tagħhom ikunu pluriennali jew isiru pluriennali.

(48)

Meta l-konsenja ta’ prodotti agrikoli minn produttur lil proċessur jew distributur tkun koperta minn kuntratt jew offerta bil-miktub skont l-Artikoli 148 u 168 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u l-prezz pagabbli għall-konsenja jiġi kkalkulat billi jiġu kkombinati diversi fatturi stipulati fil-kuntratt, dawk il-fatturi, li jistgħu jinkludu indikaturi oġġettivi, indiċijiet u metodi ta’ kalkolu, jenħtieġ li jkunu jinftiehmu faċilment mill-partijiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jispeċifikaw indikaturi fakultattivi li jistgħu jintużaw mill-partijiet għall-kuntratti, abbażi ta’ informazzjoni u studji tas-suq oġġettivi disponibbli.

(49)

Wara l-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni, l-ammont totali tal-produzzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat fl-Unjoni naqas. Sabiex ma jiġux imminati s-setgħat li jitwettqu negozjati kuntrattwali mogħtija lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, jenħtieġ li jiżdied il-limitu kwantitattiv applikabbli, għall-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat kopert minn tali negozjar, espress bħala perċentwal tal-produzzjoni totali tal-Unjoni. Huwa xieraq, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, li tiġi prevista l-applikazzjoni tal-limitu kwantitattiv miżjud b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2021.

(50)

Biex jgħinu fil-kisba tal-objettivi ambjentali tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikonoxxu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jsegwu għanijiet speċifiċi relatati mal-ġestjoni u l-valorizzazzjoni tal-prodotti sekondarji, il-flussi residwi u l-iskart, b’mod partikolari biex jipproteġu l-ambjent u jagħtu spinta liċ-ċirkolarità, kif ukoll organizzazzjonijiet tal-produtturi li jsegwu għanijiet relatati mal-ġestjoni ta’ fondi mutwi għal kwalunkwe settur. Huwa għalhekk xieraq li tiġi estiża l-lista eżistenti tal-objettivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi stipulata fl-Artikolu 152 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Sabiex tiżdied it-trasparenza tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jenħtieġ li l-istatuti ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jippermettu wkoll lill-membri produtturi jiskrutinizzaw b’mod demokratiku l-kontijiet u l-baġits tal-organizzazzjoni. Barra minn hekk, għall-faċilità ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali li qed jidħlu fihom l-organizzazzjoni tal-produtturi, huwa xieraq li jiġi stabbilit li l-istatuti ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jistgħu jippermettu li l-membri produtturi jkunu f’kuntatt dirett max-xerrejja, sakemm tali kuntatt dirett ma jipperikolax il-funzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi li jikkonċentraw il-provvista u li jqiegħdu prodottifis-suq u sakemm l-organizzazzjoni tal-produtturi jibqa’ jkollha diskrezzjoni esklussiva fuq l-elementi essenzjali ta’ bejgħ li jsir mill-organizzazzjoni tal-produtturi.

(51)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba u l-evoluzzjoni tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib minn tmiem is-sistema tal-kwoti, ma għadux xieraq li jinżammu regoli speċifiċi relatati mal-objettivi u l-arranġamenti ta’ rikonoxximent provduti fir-rigward tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.

(52)

L-esperjenza f’setturi differenti turi li l-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu organizzazzjonijiet interprofessjonali f’livelli ġeografiċi differenti mingħajr ma jimminaw ir-rwol u l-għanijiet ta’ tali organizzazzjonijiet. Għalhekk, huwa pertinenti li jiġi ċċarat li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu r-rikonoxximent ta’ tali organizzazzjonijiet interprofessjonali f’livell ġeografiku wieħed jew aktar. L-organizzazzjonijiet interprofessjonali għandhom isegwu għan speċifiku filwaqt li jqisu l-interessi tal-membri tagħhom u tal-konsumaturi. Fid-dawl tal-objettivi ambjentali tal-Unjoni, huwa xieraq li l-lista ta’ objettivi stipulata fl-Artikolu 157 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tiġi estiża biex tinkludi l-għoti ta’ informazzjoni meħtieġa u t-twettiq tar-riċerka meħtieġa sabiex jiġu żviluppati prodotti aktar adatti għall-azzjoni dwar il-klima u għall-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u t-trattament xieraq tal-annimali, il-kontribut għall-valorizzazzjoni tal-prodotti sekondarji u għat-tnaqqis u l-ġestjoni tal-iskart, u l-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-ġestjoni tas-saħħa tal-annimali, il-protezzjoni tal-pjanti u r-riskji ambjentali, inkluż bl-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ fondi jew bil-kontribuzzjoni għal tali fondi bil-ħsieb li jitħallas kumpens finanzjarju lill-bdiewa għall-ispejjeż u t-telf ekonomiku li jirriżulta mill-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ tali miżuri. Sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-organizzazzjonijiet f’ċertu stadju tal-katina tal-provvista tal-ikel jikkonċentraw aktar qawwa, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikonoxxu biss l-organizzazzjonijiet interprofessjonali li jistinkaw għal rappreżentanza bbilanċjata tal-organizzazzjonijiet fi stadji diversi tal-katina tal-provvista tal-ikel li jikkostitwixxu l-organizzazzjoni interprofessjonali.

(53)

Id-definizzjoni ta’ “żona ekonomika” stabbilita fl-Artikolu 164 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għall-fini tal-estensjoni tar-regoli u l-kontribuzzjonijiet obbligatorji jenħtieġ li tiġi kkomplementata biex tadatta dak ir-Regolament għall-ispeċifiċitajiet tal-produzzjoni ta’ prodotti b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew b’indikazzjoni ġeografika protetta rikonoxxuti skont il-liġi tal-Unjoni. Sabiex jitrawmu prattiki sostenibbli, jenħtieġ li jkun possibbli li jsiru ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali relatati mas-saħħa tal-pjanti, mas-saħħa tal-annimali, mas-sikurezza tal-ikel u mar-riskji ambjentali vinkolanti fir-rigward ta’ persuni li mhumiex membri. Madankollu, minħabba l-importanza tal-bijodiversità fil-materjal taż-żrieragħ użat fil-biedja organika, jenħtieġ li r-regoli relatati mal-użu ta’ żrieragħ iċċertifikati ma jkunux vinkolanti b’estensjoni fir-rigward ta’ persuni li mhumiex membri li jipprattikaw il-biedja organika.

(54)

Fid-dawl tal-importanza tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għall-produzzjoni agrikola fl-Unjoni, u fid-dawl tas-suċċess tal-introduzzjoni ta’ regoli ta’ ġestjoni tal-provvista għall-ġobnijiet u għall-prieżet nexfin immellħa skont indikazzjonijiet ġeografiċi fl-iżgurar tal-valur miżjud u ż-żamma tar-reputazzjoni ta’ dawk il-prodotti u fl-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tagħhom, il-possibbiltà li jiġu applikati regoli tal-ġestjoni tal-provvista jenħtieġ li tiġi estiża għall-prodotti agrikoli b’denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jew ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Għaċ-ċarezza u l-konsistenza, huwa xieraq li r-regoli eżistenti dwar ir-regolamentazzjoni tal-provvista jiġu integrati f’dispożizzjoni waħda li tkopri l-prodotti agrikoli kollha. Jenħtieġ għalhekk li l-Istati Membri jkunu awtorizzati japplikaw dawk ir-regoli biex jirregolaw il-provvista ta’ prodotti agrikoli taħt indikazzjonijiet ġeografiċi fuq talba ta’ organizzazzjoni interprofessjonali, organizzazzjoni tal-produtturi, jew grupp ta’ produtturi jew operaturi, dment li mill-inqas żewġ terzi tal-produtturi ta’ dak il-prodott jew ir-rappreżentanti tagħhom, jaqblu, u, fejn applikabbli, il-produtturi agrikoli tal-materja prima kkonċernata jkunu ġew ikkonsultati, u, fil-każ tal-ġobon, għal raġunijiet ta’ kontinwità, ikunu taw il-kunsens tagħhom. Dawk ir-regoli jenħtieġ li jiġu soġġetti għal kondizzjonijiet stretti, b’mod partikolari bil-għan li jiġi evitat li ssir ħsara lill-kummerċ tal-prodotti fi swieq oħra u biex jitħarsu d-drittijiet tal-minoranzi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippubblikaw minnufih u jinnotifikaw b’mod immedjat ir-regoli adottati lill-Kummissjoni, jiżguraw li jsiru spezzjonijiet b’mod regolari u jħassru r-regoli f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jirrikjedu li Stat Membru jħassar tali regoli jekk il-Kummissjoni tqis li r-regoli ma jkunux konformi ma’ ċerti kondizzjonijiet, jimpedixxu l-kompetizzjoni jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni f’parti sostanzjali mis-suq intern, jew jipperikolaw il-kummerċ ħieles jew l-ilħuq tal-objettivi tal-Artikolu 39 TFUE. Fid-dawl tas-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, u minħabba n-natura speċjali ta’ dawk l-atti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta tali atti ta’ implimentazzjoni mingħajr ma tapplika r-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(55)

Il-klawżoli tal-kondiviżjoni tal-valuri fil-katina tal-provvista tal-ikel huma ta’ interess mhux biss fi ftehimiet bejn il-produtturi u l-ewwel xerrejja iżda wkoll fejn huma jistgħu jgħinu lill-bdiewa biex jipparteċipaw fl-iżviluppi tal-prezzijiet fl-istadji aktar downstream tal-katina. Għalhekk jenħtieġ li jkun possibbli għall-bdiewa u l-assoċjazzjonijiet tagħhom li jaqblu dwar tali klawżoli ma’ atturi li huma downstream mill-ewwel xerrejja.

(56)

Il-valur kummerċjali speċjali tal-inbejjed koperti minn denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) jew minn indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) ġej mill-appartenenza tagħhom għal segment primjum tas-suq minħabba r-reputazzjoni tagħhom għall-kwalità li ġejja mill-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti tagħhom. Tali nbejjed għandhom it-tendenza li jiksbu prezzijiet ogħla fis-suq peress li l-konsumaturi jagħtu valur lill-karatteristiċi li huma ggarantiti permezz tad-denominazzjoni ta’ oriġini u l-indikazzjoni ġeografika. Sabiex jiġi evitat li dawk il-kredenzjali ta’ kwalità jiġu sottovalutati b’azzjoni ta’ prezz detrimentali, l-organizzazzjonijiet interprofessjonali li jirrappreżentaw lill-operaturi li jibbenefikaw minn dawk il-kredenzjali ta’ kwalità, jenħtieġ li jkunu jistgħu joħorġu gwida dwar il-prezz li tikkonċerna l-bejgħ tal-għeneb rilevanti permezz ta’deroga mill-Artikolu 101(1) TFUE. Madankollu, jenħtieġ li tali gwida tibqa’ mhux obbligatorja, sabiex jiġi evitat li l-kompetizzjoni fil-prezzijiet intra-DOP/IĠP tiġi eliminata għal kollox.

(57)

L-Artikolu 5 tal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar l-Agrikoltura jinkludi l-metodi ta’ kalkolu li jistgħu jintużaw biex jiġi ffissat il-volum tal-iskattar għall-klawżola ta’ salvagwardja speċjali fis-setturi rilevanti. Sabiex jitqiesu l-metodi ta’ kalkolu kollha possibbli biex jiġi stabbilit il-volum tal-iskattar għall-fini tal-applikazzjoni ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni, inkluż fejn ma jitqiesx il-konsum domestiku, jenħtieġ li jiġi emendat l-Artikolu 182(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 biex jirrifletti l-metodu ta’ kalkolu stabbilit fl-Artikolu 5(4) tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura.

(58)

Jenħtieġ li l-Artikoli 192 u 193 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jitħassru, peress li dawn il-miżuri ma għadhomx meħtieġa fid-dawl tat-tmiem tar-regolamentazzjoni tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor. Sabiex jiġi żgurat li s-suq tal-Unjoni jkun fornut b’mod adegwat bl-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ delega u ta’ implimentazzjoni biex tissospendi d-dazji ta’ importazzjoni għaz-zokkor tal-kannamieli u l-melassa tal-pitravi.

(59)

Id-Deċiżjoni Ministerjali tad-19 ta’ Diċembru 2015 dwar il-Kompetizzjoni tal-Esportazzjoni tal-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Nairobi tistabbilixxi regoli dwar il-miżuri ta’ kompetizzjoni tal-esportazzjoni. Fir-rigward tas-sussidji għall-esportazzjoni, il-membri tad-WTO huma meħtieġa li jeliminaw id-drittijiet ta’ sussidju fuq l-esportazzjoni tagħhom mid-data ta’ dik id-Deċiżjoni. Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni stipulati fl-Artikoli 196 sa 204 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jitħassru. Fir-rigward tal-krediti tal-esportazzjoni, il-garanziji tal-krediti tal-esportazzjoni u l-programmi tal-assigurazzjoni, tal-intrapriżi kummerċjali Statali tal-esportazzjoni agrikola u tal-għajnuna internazzjonali tal-ikel, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali li jirrispettaw il-liġi tal-Unjoni. Billi l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma membri tad-WTO, tali miżuri nazzjonali jenħtieġ li jkunu konformi wkoll mar-regoli stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni Ministerjali tad-WTO tad-19 ta’ Diċembru 2015, bħala kwistjoni ta’ liġi tal-Unjoni u d-dritt internazzjonali.

(60)

Is-suq intern jiddependi fuq l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha. Dan jirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib kontinwa bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni fin-network Ewropew ta’ awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fejn jistgħu jiġu diskussi kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u fejn jistgħu jiġu kkoordinati l-azzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (19).

(61)

Sabiex jiġi żgurat l-użu effettiv tal-Artikolu 210 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali, kif ukoll għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u ta’ tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi, jenħtieġ li l-ftehimiet, id-deċiżjonijiet u l-prattiki miftiehma tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali ma jkunux jeħtieġu deċiżjoni minn qabel tal-Kummissjoni li tiddikjara li ma humiex soġġetti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, sakemm dawk il-ftehimiet, id-deċiżjonijiet u l-prattiki miftiehma jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 210 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Madankollu, fuq talba tal-applikant, il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħti opinjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ tali ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma mal-Artikolu 210 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Minkejja opinjoni mill-Kummissjoni li tiddikjara li tali ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma huma kompatibbli ma’ dak l-Artikolu, jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm il-possibbiltà li tiddikjara fi kwalunkwe ħin wara li tagħti tali opinjoni li l-Artikolu 101(1) TFUE ser japplika fil-futur għall-ftehimiet, għad-deċiżjonijiet jew għall-prattiki miftiehma inkwistjoni, jekk tiskopri li l-kondizzjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 210 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

(62)

Ċerti inizjattivi vertikali u orizzontali li jikkonċernaw il-prodotti agrikoli u tal-ikel, li għandhom l-għan li japplikaw rekwiżiti li huma b’mod aktar strett mir-rekwiżiti obbligatorji, jista’ jkollhom effetti pożittivi fuq l-objettivi tas-sostenibbiltà. Il-konklużjoni ta’ tali ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma bejn il-produtturi u l-operaturi f’livelli differenti tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-kummerċ tista’ wkoll issaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi fil-katina ta’ provvista u żżid is-setgħa tan-negozjar tagħhom. Għalhekk, taħt ċirkostanzi speċifiċi, tali inizjattivi jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE. Sabiex jiġi żgurat l-użu effettiv ta’ din id-deroga ġdida, u fl-interess li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, jenħtieġ li tali inizjattivi ma jkunux jirrikjedu deċiżjoni minn qabel tal-Kummissjoni li tiddikjara li ma humiex soġġetti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE. Peress li din hija deroga ġdida, huwa xieraq li jiġi previst li l-Kummissjoni jenħtieġ li tipproduċi linji gwida għall-operaturi dwar l-applikazzjoni tad-deroga fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Wara dik id-data, jenħtieġ li l-produtturi jkunu jistgħu wkoll jitolbu opinjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-deroga għall-ftehimiet, id-deċiżjonijiet u l-prattiki miftiehma tagħhom. Jenħtieġ li f’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tkun tista’ sussegwentement tirrevedi l-kontenut tal-opinjoni tagħha. Jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jiddeċiedu li ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma trid tiġi modifikata, imwaqqfa jew ma sseħħx kompletament, jekk iqisu li dan huwa meħtieġ għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni, u f’dak il-każ jenħtieġ li huma jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-azzjonijiet tagħhom.

(63)

L-Artikolu 214a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jippermetti lill-Finlandja tagħti, taħt ċerti kundizzjonijiet, għajnuna nazzjonali fin-Nofsinhar tal-Finlandja sal-2022, soġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. L-għoti ta’ dik l-għajnuna nazzjonali jenħtieġ li jibqa’ jitħalla għall-perjodu 2023-2027. Sabiex jiġi żgurat li din l-għajnuna tista’ tkompli tingħata matul il-perjodu tranżitorju tal-2021 sal-2022, l-arranġamenti l-ġodda fir-rigward tagħha jenħtieġ li japplikaw biss mill-1 ta’ Jannar 2023.

(64)

Ir-restrizzjonijiet dwar iċ-ċirkolazzjoni libera ta’ prodotti fis-settur tal-frott u l-ħxejjex li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ miżuri maħsuba biex jikkumbattu t-tixrid ta’ pesti tal-pjanti jistgħu jikkawżaw diffikultajiet fis-suq fi Stat Membru wieħed jew aktar. B’mod partikolari fid-dawl taż-żieda fl-okkorrenza ta’ pesti tal-pjanti, huwa għalhekk xieraq li jiġu permessi miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ biex jitqiesu r-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ bħala riżultat ta’ pesti tal-pjanti u li tiġi estiża l-lista ta’ prodotti li fir-rigward tagħhom jistgħu jiġu adottati miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-frott u l-ħxejjex.

(65)

L-osservatorji tas-suq u l-gruppi ta’ ħidma eżistenti tal-Unjoni għas-swieq agrikoli wrew li kienu ta’ benefiċċju biex jinfurmaw l-għażliet tal-operaturi ekonomiċi u tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll biex jiffaċilitaw il-monitoraġġ tal-iżviluppi tas-suq. Għal dak il-għan, u sabiex tissaħħaħ it-trasparenza tas-swieq agrikoli u tal-ikel fil-livell tal-Unjoni u biex jingħata kontribut għall-istabbiltà tas-swieq agrikoli, jenħtieġ li dawk l-istrumenti jissaħħu. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi stabbilit qafas legali formali uniku għall-istabbiliment u l-funzjonament ta’ osservatorji tas-suq tal-Unjoni fi kwalunkwe settur agrikolu u li jiġu stabbiliti l-obbligi ta’ notifika u rappurtar rilevanti għal dawk l-osservatorji.

(66)

Abbażi tad-data statistika u l-informazzjoni miġbura għall-monitoraġġ tas-swieq agrikoli, l-osservatorji tas-swieq agrikoli tal-Unjoni jenħtieġ li jidentifikaw theddid ta’ disturb fis-suq fir-rapporti tagħhom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-suq tal-prodotti agrikoli, it-theddid ta’ disturb fis-suq u l-miżuri possibbli li għandhom jittieħdu, permezz ta’ parteċipazzjoni regolari fil-laqgħat tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u tal-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura.

(67)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li r-rwol tal-Kummissjoni fir-rigward tal-obbligi eżistenti tagħha li tikkoopera u li tiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) jiġi stabbilit b’mod espliċitu fl-Artikolu 223 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(68)

L-obbligi ta’ rappurtar obsoleti tal-Kummissjoni fir-rigward tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema tal-iskejjel jenħtieġ li jitħassru. L-obbligi ta’ rappurtar dwar is-settur tal-apikultura jenħtieġ li jiġu integrati fir-Regolament (UE) 2021/2115. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti obbligi ta’ rappurtar u skadenzi ġodda dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għas-settur agrikolu, dwar l-istabbiliment ta’ osservatorji tas-suq tal-Unjoni u dwar l-użu ta’ miżuri eċċezzjonali. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tirrapporta dwar is-sitwazzjoni tad-deskrizzjonijiet kummerċjali u l-klassifikazzjoni tal-karkassi fis-settur tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż.

(69)

Id-dispożizzjonijiet dwar ir-riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu stabbiliti fil-Parti V, Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jenħtieġ li jitħassru, minħabba li hemm dispożizzjonijiet aġġornati dwar ir-riżerva agrikola stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/2116.

(70)

Fid-dawl tad-deroga eżistenti mid-deskrizzjonijiet tal-bejgħ li għandhom jintużaw għall-vitella b’denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta rreġistrata qabel id-29 ta’ Ġunju 2007, għal raġunijiet ta’ konsistenza u sabiex jipprovdu informazzjoni mhux ambigwa lill-konsumaturi, jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jippermettu lill-gruppi responsabbli għad-denominazzjonijiet tal-oriġini jew għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti rreġistrati qabel l-istess data li jidderogaw mill-klassifikazzjoni obbligatorja tal-karkassi għall-vitella.

(71)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar il-valutazzjoni tal-konflitti bejn isem applikat għar-reġistrazzjoni bħala denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u l-isem ta’ varjetà ta’ pjanta jew ta’ razza ta’ annimali prodott fl-Unjoni sabiex jintlaħaq bilanċ aktar ġust bejn l-interessi involuti.

(72)

Sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi fir-rigward tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-użu obbligatorju tas-simboli tal-Unjoni relatati jenħtieġ li jiġi estiż għall-materjali ta’ reklamar.

(73)

Derogi speċifiċi li jippermettu l-użu tal-isem irreġistrat flimkien ma’ ismijiet oħra ta’ speċjalità tradizzjonali garantita jenħtieġ li jkunu previsti. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiffissa perijodi ta’ tranżizzjoni għall-użu ta’ denominazzjonijiet li jinkludu ismijiet ta’ speċjalitajiet tradizzjonali garantiti, f’konformità mal-kondizzjonijiet għal tali perijodi ta’ tranżizzjoni li diġà jeżistu għal denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

(74)

Il-proċeduri relatati mar-reġistrazzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetta, l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jenħtieġ li jiġu ssimplifikati biex ikun żgurat li ismijiet ġodda jkunu jistgħu jiġu rreġistrati f’perijodi iqsar taż-żmien. Jenħtieġ li l-proċedura ta’ oppożizzjoni tiġi ssimplifikata. Id-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni jenħtieġ li tistabbilixxi r-raġunijiet kollha għall-oppożizzjoni u dettalji ta’ dawk ir-raġunijiet. Dan jenħtieġ li ma jżommx lill-awtorità jew lill-persuna li tkun ressqet l-applikazzjoni ta’ oppożizzjoni avversarju milli jżidu u jiżviluppaw aktar dettalji matul il-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(75)

Il-proċedura għall-approvazzjoni tal-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jenħtieġ li tiġi ssimplifikata billi tiġi introdotta distinzjoni bejn l-emendi tal-Unjoni u l-emendi standard. F’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu responsabbli mill-approvazzjoni tal-emendi standard u l-Kummissjoni jenħtieġ li żżomm ir-responsabbiltà li tapprova l-emendi tal-Unjoni għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott. Jenħtieġ li ssir dispożizzjoni sabiex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed żmien sabiex ikun hemm tranżizzjoni mingħajr xkiel mir-regoli previsti fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 rigward l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti għar-regoli l-ġodda stipulati f’dan ir-Regolament.

(76)

Fid-dawl tad-domanda dejjem tiżdied mill-konsumaturi tal-Unjoni tax-xama’ tan-naħal, l-użu dejjem jikber tagħha fis-settur tal-ikel, u r-rabta mill-qrib tagħha mal-prodotti agrikoli u mal-ekonomija rurali, il-lista ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jenħtieġ li tiġi estiża biex tkopri dak il-prodott.

(77)

Fid-dawl tan-numru limitat ta’ reġistrazzjonijiet ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat skont ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) il-qafas legali għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal dawk il-prodotti jenħtieġ li jiġi ssimplifikat. Il-prodotti tal-inbid aromatizzat u xarbiet alkoħoliċi oħra, bl-eċċezzjonijiet tax-xorb spirituż u l-prodotti tad-dwieli elenkati fl-Anness VII, Parti II, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jenħtieġ li jkollhom l-istess reġim u proċeduri legali bħal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel oħra. Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jenħtieġ li jiġi estiż biex ikopri dawk il-prodotti. Ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 jenħtieġ li jiġi emendat biex jieħu kont ta’ din il-bidla fir-rigward tat-titolu, il-kamp ta’ applikazzjoni u d-definizzjonijiet tiegħu u fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar it-tikkettar ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat. Jenħtieġ li tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-ismijiet protetti skont ir-Regolament (UE) Nru 251/2014.

(78)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, jenħtieġ li jiġi stabbilit li l-Istati Membri jistgħu jippermettu li prodotti tal-inbid aromatizzat prodotti għall-esportazzjoni jinkludu fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu denominazzjonijiet tal-bejgħ meħtieġa minn pajjiżi terzi, inkluż f’lingwi oħra għajr il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, sakemm fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu jidhru wkoll id-denominazzjonijiet tal-bejgħ xierqa stipulati fl-Anness II.

(79)

Jenħtieġ li s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi delegata lill-Kummissjoni sabiex tissupplimenta d-denominazzjonijiet tal-bejgħ u d-deskrizzjonijiet tal-prodotti tal-inbid aromatizzat stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 sabiex tadattahom biex tqis progress tekniku, żviluppi xjentifiċi u tas-suq, is-saħħa tal-konsumatur jew il-ħtiġijiet tal-konsumaturi għall-informazzjoni.

(80)

Sabiex jiġi pprovdut livell ogħla ta’ informazzjoni lill-konsumaturi, jenħtieġ li t-tikkettar obbligatorju tal-prodotti tal-inbid aromatizzat b’dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni u lista ta’ ingredjenti jiżdiedu mar-Regolament (UE) Nru 251/2014. Madankollu, jenħtieġ li l-produtturi jkollhom l-għażla li jillimitaw il-kontenuti tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu għall-valur enerġetiku biss u li jagħmlu d-dikjarazzjoni sħiħa dwar in-nutrizzjoni u l-lista tal-ingredjenti disponibbli b’mezzi elettroniċi, sakemm jevitaw kwalunkwe ġbir jew traċċar tad-data tal-utent u ma jipprovdux informazzjoni li jkollha l-għan ta’ kummerċjalizzazzjoni. Madankollu, l-għażla li ma tiġix ipprovduta dikjarazzjoni sħiħa dwar in-nutrizzjoni fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu jenħtieġ li ma taffettwax ir-rekwiżit eżistenti li t-tikketta telenka sustanzi li jikkawżaw allerġiji jew intolleranzi. Jenħtieġ li s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tas-supplimentar tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 billi jiġu stipulati regoli dettaljati għall-indikazzjoni u d-denominazzjoni tal-ingredjenti għall-prodotti tal-inbid aromatizzat. Jenħtieġ li l-kummerċjalizzazzjoni tal-istokkijiet eżistenti tal-prodotti tal-inbid aromatizzat tkun tista’ tkompli wara d-dati tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti l-ġodda ta’ tikkettar sakemm jiġu eżawriti dawn l-istokkijiet. L-operaturi jenħtieġ li jingħataw żmien suffiċjenti sabiex jaġġustaw ir-rekwiżiti l-ġodda għall-ittikkettar qabel ma jibdew japplikaw.

(81)

Huwa xieraq li tiġi permessa ż-żieda ta’ kwantità limitata ta’ xorb spirituż biex tagħti togħma lill-inbejjed aromatizzati fi kwalunkwe waħda mill-kategoriji stipulati fl-Anness II, punt A, għar-Regolament (UE) Nru 251/2014. Peress li l-progress tekniku llum jippermetti l-produzzjoni ta’ vermut mingħajr iż-żieda ta’ alkoħol, jenħtieġ li ma jibqax rekwiżit li jinżdied l-alkoħol mal-vermut. Minħabba d-domanda tal-konsumatur, huwa xieraq li titħalla l-kombinazzjoni ta’ nbid aħmar u abjad biex jiġi prodott il-Glühwein. Sabiex titqies xarba aromatizzata bbażata fuq l-inbid li teżisti fis-suq Pollakk, huwa xieraq li tinħoloq il-kategorija l-ġdida “wino ziołowe”, li tistipula fil-liġi tal-Unjoni r-rekwiżiti tradizzjonali għall-produzzjoni tagħha.

(82)

Minħabba d-daqs żgħir, id-distanza u s-sitwazzjoni speċifika dwar is-sigurtà tal-ikel tagħha, is-swieq lokali f’Réunion huma partikolarment vulnerabbli għall-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet. L-organizzazzjonijiet interprofessjonali jlaqqgħu flimkien produtturi u operaturi oħra ta’ stadji differenti tal-katina tal-provvista tal-ikel u jistgħu jaqdu rwol fl-appoġġ taż-żamma u d-diversifikazzjoni tal-produzzjoni lokali. Fil-kuntest speċifiku tas-sigurtà tal-ikel f’Réunion, huwa xieraq li jiġi pprovdut, b’deroga mill-Artikolu 165 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, li fejn jiġu estiżi r-regoli ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rikonoxxuta għall-operaturi li mhumiex membri tal-organizzazzjoni interprofessjonali, Franza tista’ tiddeċiedi, wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, li l-operaturi li mhumiex membri tal-organizzazzjoni interprofessjonali jridu jħallsu kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-attivitajiet koperti mir-regoli estiżi li huma fl-interess ekonomiku ġenerali tal-operaturi ekonomiċi li l-attivitajiet tagħhom huma mwettqa biss f’Réunion fir-rigward ta’ prodotti li huma destinati għas-suq lokali.

(83)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 251/2014 u (UE) Nru 228/2013 jiġu emendati skont dan.

(84)

Jenħtieġ li jiddaħħlu arranġamenti tranżizzjonali għall-applikazzjonijiet għall-protezzjoni u għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetta, l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti li ġew ippreżentati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għan-nefqa mġarrba qabel l-1 ta’ Jannar 2023 taħt l-iskemi ta’ għajnuna għaż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-ikel, il-frott u l-ħaxix, l-inbid, l-apikultura u l-ħops, għall-programmi operazzjonali ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti jew tal-assoċjazzjonijiet tagħhom fis-settur tal-frott u tal-ħaxix u għall-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid stabbiliti fl-Artikoli 29 sa 60 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(85)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-qafas legali l-ġdid stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/2115, l-emendi għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 marbuta ma’ dak il-qafas legali l-ġdid jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2023.

(86)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel tal-miżuri previsti u bħala kwistjoni ta’ urġenza, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Dispożizzjonijiet ġenerali tal-politika agrikola komuni (PAK)

Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u d-dispożizzjonijiet adottati b’segwitu għalih għandhom japplikaw fir-rigward tal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (OJ L 435, 6.12.2021, p. 187).”;"

(2)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 jitħassar;

(b)

il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/2116 u r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) japplikaw għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, minbarra jekk ikun previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

4.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 227, li jemendaw id-definizzjonijiet li jirrigwardaw is-setturi stabbiliti fl-Anness II sa fejn huwa meħtieġ biex jiġu aġġornati d-definizzjonijiet fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq mingħajr ma jżidu definizzjonijiet ġodda.

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).”;"

(3)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Rati ta’ konverżjoni għar-ross

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiffissaw ir-rati tal-konverżjoni għar-ross f’diversi stadji tal-ipproċessar.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(2).”;

(4)

L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Snin ta’ kummerċjalizzazzjoni

Għandhom jiġu stabbiliti s-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni li ġejjin:

(a)

mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru ta’ sena partikolari għas-setturi tal-frott u l-ħxejjex, tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati u tal-banana;

(b)

mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara għas-settur tal-għalf niexef u għas-settur tad-dud tal-ħarir;

(c)

mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara għal:

(i)

is-settur taċ-ċereali;

(ii)

is-settur taż-żrieragħ;

(iii)

is-settur tal-kittien u l-qanneb;

(iv)

is-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib;

(d)

mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara għas-settur tal-inbid;

(e)

mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Awwissu tas-sena ta’ wara għas-settur tar-ross u fir-rigward taż-żebbuġ tal-ikel;

(f)

mill-1 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara għas-settur taz-zokkor u fir-rigward taż-żejt taż-żebbuġa.”;

(5)

L-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Perijodi ta’ intervent pubbliku

L-intervent pubbliku għandu jkun disponibbli għal:

(a)

qamħ komuni, mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Mejju;

(b)

qamħ durum, xgħir u qamħirrun, tul is-sena kollha;

(c)

ross bil-ħliefa, tul is-sena kollha;

(d)

laħam taċ-ċanga u vitella, tul is-sena kollha;

(e)

butir u trab tal-ħalib xkumat, mill-1 ta’ Frar sat-30 ta’ Settembru.”;

(6)

L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex jippermettu l-monitoraġġ tal-konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 1.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Kull sena l-Kummissjoni għandha tippubblika d-dettalji tal-kondizzjonijiet li taħthom il-prodotti mixtrija taħt intervent pubbliku nxtraw, jew inbiegħu matul is-sena preċedenti. Dawk id-dettalji għandhom jinkludu l-volumi rilevanti u l-prezzijiet tax-xiri u tal-bejgħ.”;

(7)

fl-Artikolu 17, l-ewwel paragrafu, punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

żejt taż-żebbuġa u żebbuġ tal-ikel;”;

(8)

Il-Parti II, Titolu I, Kapitolu II, hija emendata kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

KAPITOLU II

Għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħxejjex u ta’ ħalib u prodotti tal-ħalib fl-istabbilimenti edukattivi”;

(b)

l-intestatura “Taqsima 1” u t-titlu tagħha jitħassru;

(c)

fl-Artikolu 23, il-paragrafu 11 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“11.   L-Istati Membri għandhom jagħżlu l-prodotti li għandhom jiġu inkorporati fid-distribuzzjoni jew li għandhom jiġu inklużi fil-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament abbażi ta’ kriterji oġġettivi li għandhom jinkludu kriterju wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin: kunsiderazzjonijiet tas-saħħa u dawk ambjentali, l-istaġjonalità, il-varjetà u d-disponibbiltà ta’ prodotti lokali jew reġjonali, filwaqt li jagħtu prijorità sa fejn huwa prattikabbli għall-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu b’mod partikolari xiri lokali jew reġjonali, prodotti organiċi, ktajjen tal-provvista qosra jew benefiċċji ambjentali, inkluż l-ippakkjar sostenibbli u, jekk xieraq, prodotti rikonoxxuti taħt l-iskemi ta’ kwalità stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li, fl-istrateġiji tagħhom, jagħtu prijorità lil konsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà u ta’ kummerċ ġust.”;

(d)

l-Artikolu 23a huwa emendat kif ġej:

(i)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-għajnuna taħt l-iskema għall-iskejjel allokata għad-distribuzzjoni tal-prodotti, il-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament u l-ispejjeż relatati msemmija fl-Artikolu 23(1) ma għandhiex taqbeż il-EUR 220 804 135 għal kull sena skolastika. F’dak il-limitu globali, l-għajnuna ma għandhiex taqbeż:

(a)

għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel: EUR 130 608 466 għal kull sena skolastika;

(b)

għall-ħalib għall-iskejjel: EUR 90 195 669 għal kull sena skolastika.”;

(ii)

fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu, titħassar l-aħħar sentenza;

(iii)

fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Mingħajr ma jinqabeż il-limitu globali ta’ EUR 220 804 135 stipulat fil-paragrafu 1, kwalunkwe Stat Membru jista’ jittrasferixxi darba kull sena skolastika sa 20 % ta’ allokazzjoni indikattiva waħda jew l-oħra tiegħu.”;

(e)

It-taqsimiet 2 sa 6, li jinkludu l-Artikoli 29 sa 60, jitħassru;

(9)

L-Artikolu 61 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 61

Tul ta’ żmien

L-iskema ta’ awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil ta’ dwieli stabbilita f’dan il-Kapitolu għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2045, b’żewġ reviżjonijiet ta’ nofs it-terminu li għandhom isiru mill-Kummissjoni fl-2028 u fl-2040 biex tevalwa l-operazzjoni tal-iskema u tagħmel proposti, jekk ikun adatt.”;

(10)

L-Artikolu 62 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara l-ewwel subparagrafu:

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li meta tħawwil mill-ġdid iseħħ fl-istess roqgħa art jew irqajja’ art li fuqhom ikun sar il-qlugħ tad-dwieli, l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 66(1) ikunu validi għal sitt snin mid-data li fiha jkunu ngħataw. Tali awtorizzazzjonijiet għandhom jidentifikaw b’mod ċar ir-roqgħa jew l-irqajja’ li fuqhom ser isir il-qlugħ tad-dwieli u t-tħawwil mill-ġdid.”;

(ii)

it-tieni u t-tielet subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-validità tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija f’konformità mal-Artikolu 64 u l-Artikolu 66(1), li tiskadi fis-snin 2020 u 2021, hija estiża sal-31 ta’ Diċembru 2022.

Il-produtturi li jkollhom awtorizzazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 64 u l-Artikolu 66(1) ta’ dan ir-Regolament, li jiskadu fl-2020 u l-2021, ma għandhomx, b’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ikunu soġġetti għall-penali amministrattiva msemmija fl-Artikolu 89(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 dment li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti sat-28 ta’ Frar 2022 li ma għandhomx l-intenzjoni li jagħmlu użu mill-awtorizzazzjoni tagħhom u ma jixtiqux jibbenefikaw mill-estensjoni tal-validità tagħhom kif imsemmi fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Meta produtturi li jkollhom awtorizzazzjonijiet, li l-validità tagħhom kienet ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2021, ikunu ddikjaraw lill-awtorità kompetenti sat-28 ta’ Frar 2021 li ma għandhomx l-intenzjoni li jagħmlu użu minn dawk l-awtorizzazzjonijiet, huma jkunu jistgħu jirtiraw id-dikjarazzjonijiet tagħhom permezz ta’ komunikazzjoni bil-miktub lill-awtorità kompetenti sat-28 ta’ Frar 2022 u jużaw l-awtorizzazzjonijiet tagħhom fil-perijodu estiż ta’ validità previst fit-tielet subparagrafu.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Dan il-Kapitolu ma għandux japplika għat-tħawwil jew it-tħawwil mill-ġdid ta’ żoni maħsuba għal finijiet sperimentali, għall-istabbiliment ta’ kollezzjonijiet ta’ varjetajiet ta’ dwieli maħsuba għall-preservazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi jew għal mixtliet għat-tilqim, għal żoni li l-prodotti tal-inbid jew tad-dwieli tagħhom huma maħsubin biss għall-konsum mill-membri tal-unità domestika tal-vitikultur jew għal żoni li għandhom jitħawlu mill-ġdid bħala riżultat ta’ xiri obbligatorju fl-interess pubbliku skont il-liġi nazzjonali.”;

(11)

L-Artikolu 63 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli kull sena l-awtorizzazzjonijiet għal tħawwil ġdid li jikkorrispondi ma’:

(a)

jew 1 % taż-żona totali attwalment imħawla bid-dwieli fit-territorju tagħhom, kif imkejla fil-31 ta’ Lulju tas-sena preċedenti; jew

(b)

1 % ta’ żona li tinkludi ż-żona attwalment imħawla bid-dwieli fit-territorju tagħhom, kif imkejla fil-31 ta’ Lulju 2015, u ż-żona koperta mid-drittijiet għat-tħawwil mogħtijin lill-produtturi fit-territorju tagħhom f’konformità mal-Artikolu 85h, l-Artikolu 85i jew l-Artikolu 85k tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li kienu disponibbli għall-konverżjoni f’awtorizzazzjonijiet fl-1 ta’ Jannar 2016, kif imsemmi fl-Artikolu 68 ta’ dan ir-Regolament.”;

(b)

fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Istati Membri li jillimitaw il-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet fil-livell reġjonali għal żoni speċifiċi eliġibbli għall-produzzjoni ta’ nbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew għal żoni eliġibbli għall-produzzjoni ta’ nbejjed b’indikazzjoni ġeografika protetta f’konformità mal-ewwel subparagrafu, punt (b), jistgħu jirrikjedu li tali awtorizzazzjonijiet jintużaw f’dawk ir-reġjuni.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

il-ħtieġa li jiġi evitat riskju muri sew ta’ żvalutar ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta partikolari jew indikazzjoni ġeografika protetta;”;

(ii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

ir-rieda li jingħata kontribut għall-iżvilupp tal-prodotti inkwistjoni filwaqt li tiġi ppreservata l-kwalità ta’ dawk il-prodotti.”;

(d)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   L-Istati Membri jistgħu jieħdu kwalunkwe miżura regolatorja meħtieġa biex iwaqqfu lill-operaturi milli jevitaw il-miżuri restrittivi meħuda skont il-paragrafi 2 u 3.”;

(12)

L-Artikolu 64 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu, għall-fini ta’ dan l-Artikolu, japplikaw wieħed jew aktar mill-kriterji ta’ eliġibbiltà objettivi u nondiskriminatorji li ġejjin f’livell nazzjonali jew reġjonali:”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   Jekk iż-żona totali koperta mill-applikazzjonijiet eliġibbli msemmija fil-paragrafu 1 f’sena partikolari teċċedi ż-żona magħmula disponibbli mill-Istat Membru, għandhom jingħataw awtorizzazzjonijiet skont distribuzzjoni pro-rata ta’ ettari lill-applikanti kollha abbażi taż-żona li għaliha huma jkunu talbu l-awtorizzazzjoni. Tali għoti jista’ jistabbilixxi żona minima u/jew massima skont l-applikant u jsir ukoll parzjalment jew kompletament skont wieħed jew aktar mill-kriterji prijoritarji oġġettivi u nondiskriminatorji li ġejjin, li jistgħu japplikaw f’livell nazzjonali jew reġjonali.”;

(ii)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

żoni fejn il-vinji jikkontribwixxu għall-preservazzjoni tal-ambjent jew għall-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tad-dwieli;”;

(iii)

il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

żoni li għandhom jitħawlu mill-ġdid li jikkontribwixxu għaż-żieda fil-produzzjoni ta’ azjendi tas-settur tat-tkabbir tal-inbid li juru aktar kosteffiċjenza jew kompetittività jew preżenza fis-swieq;”;

(iv)

il-punt (h) huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘(h)

żoni li għandhom jitħawlu mill-ġdid fil-qafas taż-żieda tad-daqs tal-ażjendi żgħar u ta’ daqs medju tad-dwieli;’;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2b.   L-Istati Membri jistgħu jieħdu kwalunkwe miżura regolatorja meħtieġa biex iwaqqfu lill-operaturi milli jevitaw il-kriterji restrittivi li dawn japplikaw skont il-paragrafi 1, 2 u 2a.”;

(13)

fl-Artikolu 65, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Meta japplika l-Artikolu 63(2), Stat Membru għandu jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet ippreżentati minn organizzazzjonijiet professjonali rikonoxxuti li joperaw fis-settur tal-inbid imsemmija fl-Artikoli 152, 156 u 157, minn gruppi ta’ produtturi interessati msemmija fl-Artikolu 95, jew minn tipi oħra ta’ organizzazzjonijiet professjonali rikonoxxuti abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru, sakemm dawk ir-rakkomandazzjonijiet jkunu preċeduti minn qbil bejn il-partijiet rappreżentattivi rilevanti fiż-żona ġeografika ta’ referenza.”;

(14)

l-Artikolu 68 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Mill-1 ta’ Jannar 2023, żona ekwivalenti għaż-żona koperta mid-drittijiet għat-tħawwil li kienu eliġibbli għal konverżjoni f’awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil fil-31 ta’ Diċembru 2022 iżda li għadhom ma ġewx ikkonvertiti f’awtorizzazzjonijiet f’konformità mal-paragrafu 1, għandha tibqa’ għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri kkonċernati, li jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 64 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Iż-żoni koperti mill-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont il-paragrafi 1 u 2a ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu għall-finijiet tal-Artikolu 63.”;

(15)

fl-Artikolu 81, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Iż-żoni mħawla għal skopijiet oħra għajr il-produzzjoni tal-inbid b’varjetajiet ta’ dwieli li, fil-każ ta’ Stati Membri għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 3, mhumiex ikklassifikati jew li, fil-każ ta’ Stati Membri msemmija fil-paragrafu 3, ma jikkonformawx mal-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, ma għandhomx ikunu soġġetti għal obbligu ta’ qlugħ tad-dwieli.

It-tħawwil u t-tħawwil mill-ġdid tal-varjetajiet ta’ dwieli msemmija fl-ewwel subparagrafu għal finijiet oħra minbarra l-produzzjoni tal-inbid ma għandhomx ikunu soġġetti għall-iskema ta’ awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli stabbilita fil-Parti II, Titolu I, Kapitolu III.”;

(16)

L-Artikolu 86 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 86

Riżervar, emendar u kanċellazzjoni tat-termini riżervati fakultattivi

Sabiex jittieħed kont tal-aspettattivi tal-konsumaturi, inkluż fir-rigward tal-metodi ta’ produzzjoni u s-sostenibbiltà fil-katina ta’ provvista, l-iżviluppi fl-għarfien xjentifiku u tekniku, is-sitwazzjoni tas-suq u l-iżviluppi fl-istandards għall-kummerċjalizzazzjoni u fl-istandards internazzjonali, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 227, li:

(a)

jirriżervaw terminu riżervat fakultattiv addizzjonali, filwaqt li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet tal-użu tiegħu;

(b)

jemendaw il-kondizzjonijiet tal-użu ta’ terminu riżervat fakultattiv; jew

(c)

iħassru terminu riżervat fakultattiv.”;

(17)

L-Artikolu 90 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għajr li ma jkunx previst mod ieħor fi ftehimiet internazzjonali konklużi skont it-TFUE, id-dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ denominazzjoni ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi u tikkettar ta’ nbid stabbiliti fit-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu, u d-definizzjonijiet, id-denominazzjonijiet u d-deskrizzjonijiet tal-bejgħ imsemmija fl-Artikolu 78 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal prodotti importati fl-Unjoni u li jkunu jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 2009 61, 2009 69, 2204 u, fejn applikabbli, ex 2202 99 19 (inbid dealkoħolizzat ieħor b’qawwa alkoħolika skont il-volum li ma taqbiżx iż-0,5 %)”;

(b)

fil-paragrafu 3, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Għajr jekk ma jkunx previst mod ieħor fi ftehimiet internazzjonali konklużi f’skont it-TFUE, l-importazzjoni tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun soġġetta għall-preżentazzjoni ta’:

(18)

fil-Parti II, Titolu II, Kapitolu I, Taqsima 1, tiżdied is-subtaqsima li ġejja:

“Subtaqsima 4a

Kontrolli u penali

Artikolu 90a

Kontrolli u penali marbuta ma’ regoli tal-kummerċjalizzazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li prodotti msemmija fl-Artikolu 119(1) li ma jkollhomx tikketta konformi ma’ dan ir-Regolament ma jitqegħdux fis-suq jew, jekk diġà tqiegħdu fis-suq, jiġu rtirati mis-suq.

2.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika li tista’ tiġi adottata mill-Kummissjoni, l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni tal-prodotti speċifikati fl-Artikolu 189(1), punti (a) u (b), għandhom ikunu soġġetti għal verifiki biex jiġi ddeterminat jekk il-kondizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu jkunux qegħdin jiġu rrispettati.

3.   L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli, ibbażati fuq analiżi tar-riskju, sabiex jivverifikaw jekk il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2) jikkonformawx mar-regoli stipulati f’din it-Taqsima u, għandhom japplikaw penali amministrattivi kif xieraq.

4.   Mingħajr preġudizzju għal atti dwar is-settur tal-inbid li ġew adottati skont l-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2021/2116, fil-każ ta’ ksur ta’ regoli tal-Unjoni fis-settur tal-inbid, l-Istati Membri għandhom japplikaw penali amministrattivi proporzjonati, effettivi u dissważivi f’konformità mat-Titolu IV, tal-Kapitolu I ta’ dak ir-Regolament. L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw tali penali jekk in-nuqqas ta’ konformità hija minuri.

5.   Għall-protezzjoni tal-fondi tal-Unjoni u għall-protezzjoni tal-identità, il-provenjenza u l-kwalità tal-inbid tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 227, li jissupplimentaw dan ir-Regolament, li jikkonċernaw:

(a)

l-istabbiliment jew iż-żamma ta’ bank tad-data analitiku tad-data isotopika li tgħin biex titkixxef il-frodi, li għandha tinbena abbażi ta’ kampjuni miġbura mill-Istati Membri;

(b)

ir-regoli dwar il-korpi ta’ kontroll u l-assistenza reċiproka bejniethom;

(c)

ir-regoli dwar l-użu komuni tas-sejbiet tal-Istati Membri.

6.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw il-miżuri kollha meħtieġa għal:

(a)

il-proċeduri relatati mal-banek tad-data rispettivi tal-Istati Membri u mal-bank tad-data analitiku tad-data isotopika msemmija fil-paragrafu 5, punt (a);

(b)

il-proċeduri relatati mal-kooperazzjoni u l-assistenza bejn l-awtoritajiet u l-korpi tal-kontroll;

(c)

fir-rigward tal-obbligu msemmi fil-paragrafu 3, ir-regoli għat-twettiq tal-verifiki dwar il-konformità mal-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni, ir-regoli li jirregolaw l-awtoritajiet responsabbli għat-twettiq tal-verifiki, kif ukoll regoli dwar il-kontenut u l-frekwenza tal-verifiki u l-istadju ta’ kummerċjalizzazzjoni li fir-rigward tagħhom għandhom japplikaw dawk il-verifiki.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(2).”;

(19)

Fl-Artikolu 92(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Madankollu, ir-regoli stabbiliti f’din it-taqsima ma japplikawx għall-prodotti msemmija fl-Anness VII, Parti II, punti (1), (4), (5), (6), (8) u (9), meta tali prodotti jkunu għaddew minn trattament ta’ dealkoħolizzazzjoni totali f’konformità mal-Anness VIII, Parti I, Taqsima E.”;

(20)

l-Artikolu 93 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

‘denominazzjoni ta’ oriġini’ tfisser isem, inkluż isem użat tradizzjonalment, li jidentifika prodott kif imsemmi fl-Artikolu 92(1):

(i)

li l-kwalità jew il-karatteristiċi tiegħu huma essenzjalment jew esklużivament dovuti għal ambjent ġeografiku partikolari bil-fatturi naturali inerenti tiegħu u dawk umani;

(ii)

li joriġina f’post, f’reġjun jew, f’każijiet eċċezzjonali, f’pajjiż speċifiku;

(iii)

li huwa prodott minn għeneb li joriġina esklużivament minn dik iż-żona ġeografika;

(iv)

li l-produzzjoni tiegħu ssir f’dik iż-żona ġeografika; u

(v)

huwa magħmul minn varjetajiet ta’ dwieli tal-ispeċi Vitis vinifera jew minn speċijiet li jirriżultaw minn tilqim bejn l-ispeċi Vitis vinifera u speċijiet oħrajn tal-ġenus Vitis.

(b)

‘indikazzjoni ġeografika’ tfisser isem, inkluż isem użat tradizzjonalment, li jidentifika prodott imsemmi fl-Artikolu 92(1):

(i)

li l-kwalità, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra speċifiċi huma attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu;

(ii)

li joriġina f’post, f’reġjun jew, f’każijiet eċċezzjonali, f’pajjiż speċifiku;

(iii)

li tal-anqas 85 % tal-għeneb użat għall-produzzjoni tiegħu jiġi esklużivament minn dik iż-żona ġeografika;

(iv)

li l-produzzjoni tiegħu ssir f’dik iż-żona ġeografika; u

(v)

li huwa magħmul minn varjetajiet ta’ dwieli tal-ispeċi Vitis vinifera jew minn speċijiet li jirriżultaw minn tilqim bejn l-ispeċi Vitis vinifera u speċijiet oħrajn tal-ġenus Vitis.;”

(b)

il-paragrafu 2 jitħassar;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-produzzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1, punti (a)(iv) u (b)(iv), tinkludi l-operazzjonijiet kollha involuti, mill-qtugħ tal-għeneb sat-tmiem tal-proċessi tal-produzzjoni tal-inbid, ħlief għall-ħsad tal-għeneb li mhux ġej miż-żona ġeografika ikkonċernata msemmija fil-paragrafu 1, punt (b)(iii), u ħlief għal kwalunkwe proċess ta’ wara l-produzzjoni.”;

(21)

L-Artikolu 94 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-applikazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ismijiet bħala denominazzjonijiet ta’ oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi għandhom jinkludu:”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

id-dettalji li juru r-rabta msemmija fl-Artikolu 93(1), punt (a)(i), jew, punt (b)(i), skont il-każ:

(i)

fir-rigward ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta, ir-rabta bejn il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott u l-ambjent ġeografiku msemmi fl-Artikolu 93(1), punt (a)(i); id-dettalji dwar il-fatturi umani ta’ dak l-ambjent ġeografiku jistgħu, fejn rilevanti, ikunu limitati għal deskrizzjoni tal-ħamrija, materjal tal-pjanti u l-ġestjoni tal-pajsaġġ, prattiki ta’ kultivazzjoni jew kwalunkwe kontribut uman ieħor rilevanti għaż-żamma tal-fatturi naturali tal-ambjent ġeografiku msemmi f’dak il-punt;

(ii)

fir-rigward ta’ indikazzjoni ġeografika protetta, ir-rabta bejn kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott, u l-oriġini ġeografika msemmija fl-Artikolu 93(1), punt (b)(i);”;

(ii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“L-ispeċifikazzjoni tal-prodott jista’ jkun fiha deskrizzjoni tal-kontribut tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew tal-indikazzjoni ġeografika għall-iżvilupp sostenibbli.

Fejn l-inbid jew l-inbejjed jistgħu jiġu parzjalment dealkoħolizzati, l-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandu jkun fiha wkoll deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed parzjalment dealkoħolizzati f’konformità mat-tieni subparagrafu, punt (b), mutatis mutandis, u, fejn applikabbli, il-prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew l-inbejjed parzjalment dealkoħolizzati, kif ukoll ir-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tagħhom.”;

(22)

L-Artikolu 96 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Jekk l-Istat Membru li qiegħed jivvaluta l-applikazzjoni jqis li r-rekwiżiti jkunu ġew sodisfatti, huwa għandu jwettaq proċedura nazzjonali li tiżgura pubblikazzjoni adegwata tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-anqas fuq l-Internet u jgħaddi l-applikazzjoni lill-Kummissjoni.

Meta jressaq applikazzjoni għall-protezzjoni quddiem il-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istat Membru għandu jinkludi dikjarazzjoni li huwa jqis li l-applikazzjoni ppreżentata mill-applikant tissodisfa l-kondizzjonijiet għall-protezzjoni skont din it-Taqsima u d-dispożizzjonijiet adottati skontha u li huwa jiċċertifika li d-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1), punt (d), jikkostitwixxi sommarju leali tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe oġġezzjoni ammissibbli mressqa skont il-proċedura nazzjonali.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien jekk jinbeda kwalunkwe proċediment quddiem qorti nazzjonali jew korp nazzjonali ieħor dwar applikazzjoni għall-protezzjoni li l-Istat Membru jkun bagħat lill-Kummissjoni, f’konformità mal-paragrafu 5, u jekk l-applikazzjoni tkun ġiet invalidata fil-livell nazzjonali permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja applikabbli immedjatament iżda mhux finali.”;

(23)

fl-Artikolu 97, il-paragrafi 2, 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni li tirċievi f’konformità mal-Artikolu 96(5). Il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-applikazzjonijiet fihom l-informazzjoni meħtieġa u li ma jkunx fihom żbalji evidenti, b’kont meħud tal-eżitu tal-proċedura nazzjonali preliminari mwettqa mill-Istat Membru kkonċernat. Dak l-iskrutinju għandu jiffoka b’mod partikolari fuq id-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1), punt (d).

L-iskrutinju mill-Kummissjoni jenħtieġ li ma jeċċedix perijodu ta’ sitt xhur mid-data ta’ meta tkun waslet l-applikazzjoni mill-Istat Membru. Meta jinqabeż dak il-perijodu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikanti dwar ir-raġunijiet għad-dewmien, bil-miktub.

3.   Il-Kummissjoni għandha tkun eżentata mill-obbligu li tikkonforma mal-iskadenza biex twettaq l-iskrutinju msemmi fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, u li tinforma lill-applikant bir-raġunijiet għad-dewmien meta tirċievi komunikazzjoni minn Stat Membru, dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 96(5), li jew:

(a)

jinforma lill-Kummissjoni li l-applikazzjoni ġiet invalidata fil-livell nazzjonali permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja applikabbli immedjatament iżda mhux finali; jew

(b)

jitlob lill-Kummissjoni tissospendi l-iskrutinju msemmi fil-paragrafu 2 minħabba li jkunu tniedu proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali biex tiġi kkontestata l-validità tal-applikazzjoni u l-Istat Membru jqis li dawk il-proċedimenti huma bbażati fuq raġunijiet validi.

L-eżenzjoni għandu jkollha effett sakemm il-Kummissjoni tiġi infurmata mill-Istat Membru li l-applikazzjoni oriġinali ġiet stabbilita mill-ġdid jew li l-Istat Membru jirtira t-talba tiegħu għal sospensjoni.

4.   Meta, abbażi tal-iskrutinju mwettaq skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 93, 100 u 101 ikunu ġew issodisfati, hija għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar il-pubblikazzjoni, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tad-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1), punt (d), u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott magħmula waqt il-proċedura nazzjonali preliminari. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati mingħajr ma tiġi applikata l-proċedura msemmija fl-Artikolu 229(2) jew (3).

Fejn, abbażi tal-iskrutinju mwettaq skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 93, 100 u 101 ma jkunux ġew issodisfati, hija għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jirrifjutaw l-applikazzjoni.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(2).”;

(24)

L-Artikoli 98 u 99 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 98

Proċedura ta’ oġġezzjoni

1.   Fi żmien tliet xhur mid-data ta’ pubblikazzjoni tad-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1), punt (d), f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun residenti jew stabbilita f’pajjiż terz u li jkollha interess leġittimu, tista’ tippreżenta dikjarazzjoni motivata ta’ oġġezzjoni lill-Kummissjoni kontra l-protezzjoni proposta.

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun residenti jew stabbilita fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru li jkun bagħat l-applikazzjoni għall-protezzjoni u li jkollha interess leġittimu, tista’ tippreżenta d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni permezz tal-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn tkun residenti jew stabbilita skont skadenza meta jkun permess li tiġi preżentata dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni skont l-ewwel subparagrafu.

2.   Jekk il-Kummissjoni tqis li l-oġġezzjoni hija ammissibbli, għandha tistieden lill-awtorità, jew lill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun ressqet l-oġġezzjoni, kif ukoll lill-awtorità, jew lill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun ressqet l-applikazzjoni għall-protezzjoni, biex jidħlu f’konsultazzjonijiet xierqa għal perijodu raġonevoli li ma għandux jaqbeż tliet xhur. L-istedina għandha tinħareġ fi żmien perijodu ta’ ħames xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni għall-protezzjoni li magħha tirrelata d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni motivata ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-istedina għandha tkun akkumpanjata minn kopja tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni motivata. Fi kwalunkwe waqt matul dawn it-tliet xhur, il-Kummissjoni tista’ testendi l-iskadenza għall-konsultazzjonijiet b’massimu ta’ tliet xhur fuq talba tal-awtorità jew tal-persuna fiżika jew ġuridika li tkun ressqet l-applikazzjoni.

3.   L-awtorità jew persuna li ressqet l-oġġezzjoni u l-awtorità jew persuna li ressqet l-applikazzjoni għall-protezzjoni għandhom jibdew il-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 mingħajr dewmien żejjed. Dawn għandhom jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni neċessarja biex jivvalutaw jekk l-applikazzjoni għall-protezzjoni tikkonformax ma’ dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet adottati skont dawn.

4.   Jekk l-awtorità jew persuna li ressqet l-oġġezzjoni u l-awtorità jew persuna li ressqet l-applikazzjoni għall-protezzjoni jilħqu ftehim, jew l-applikant stabbilit fil-pajjiż terz jew inkella l-awtoritajiet tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz li minnu tkun tressqet l-applikazzjoni għall-protezzjoni, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet kif ukoll dwar il-fatturi kollha li ppermettew li jintlaħaq dak il-ftehim, inkluż l-opinjonijiet tal-partijiet. Jekk id-dettalji ppubblikati skont l-Artikolu 97(4) ikunu ġew emendati sostanzjalment, il-Kummissjoni għandha tirrepeti l-iskrutinju msemmi fl-Artikolu 97(2) wara li tkun twettqet proċedura nazzjonali li tiżgura l-pubblikazzjoni adegwata ta’ dawk id-dettalji emendati. Fejn, wara l-ftehim, ma jkun hemm l-ebda emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott jew fejn l-emendi għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ma jkunux sostanzjali, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 99(1) li tagħti protezzjoni lid-denominazzjoni ta’ oriġini jew lill-indikazzjoni ġeografika, minkejja li tkun irċeviet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni ammissibbli.

5.   Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, jew l-applikant stabbilit fil-pajjiż terz jew inkella l-awtoritajiet tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz li minnu tkun tressqet l-applikazzjoni għall-protezzjoni, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet imwettqa, kif ukoll dwar l-informazzjoni u d-dokumenti relatati kollha. Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 99(2) li jew tagħti protezzjoni jew tirrifjuta l-applikazzjoni.

Artikolu 99

Deċiżjoni dwar il-protezzjoni

1.   Meta l-Kummissjoni ma tkunx irċeviet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni ammissibbli f’konformità mal-Artikolu 98, hija għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jagħtu l-protezzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati mingħajr ma tiġi applikata l-proċedura msemmija fl-Artikolu 229(2) jew (3).

2.   Meta l-Kummissjoni tkun irċeviet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni ammissibbli, hija għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jagħtu l-protezzjoni jew li jirrifjutaw l-applikazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(2).

3.   Il-protezzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu hija mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-produtturi li jikkonformaw ma’ regoli oħrajn tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk relatati mat-tqegħid tal-prodotti fis-suq u mal-ittikkettar tal-prodotti tal-ikel.”;

(25)

L-Artikolu 102 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 102

Relazzjoni ma’ trademarks

1.   Fejn denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika tkun irreġistrata skont dan ir-Regolament, ir-reġistrazzjoni ta’ trademark li l-użu tagħha jikser l-Artikolu 103(2) u li tkun relatata ma’ prodott li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji elenkati fl-Anness VII, Parti II, għandha tiġi rifjutata jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark ġiet ippreżentata wara d-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fir-rigward tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika lill-Kummissjoni.

It-trademarks irreġistrati bi ksur tal-ewwel subparagrafu għandhom jiġu invalidati.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 101(2) ta’ dan ir-Regolament, trademark li l-użu tagħha jmur kontra l-Artikolu 103(2) ta’ dan ir-Regolament, li tkun saret applikazzjoni għaliha, li tkun irreġistrata jew stabbilita bl-użu, jekk dik il-possibbiltà hija prevista fil-leġiżlazzjoni kkonċernata, bona fide fit-territorju tal-Unjoni, qabel id-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew tal-indikazzjoni ġeografika lill-Kummissjoni, tista’ tkompli tintuża u tiġġedded, minkejja r-reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika, sakemm ma jkun hemm ebda raġuni għall-invalidità jew ir-revoka tat-trademark skont id-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) jew skont ir-Regolament (UE) 2017/1001 (*4).

F’każijiet bħal dawn, l-użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew tal-indikazzjoni ġeografika għandu jkun permess kif ukoll l-użu tat-trademarks rilevanti.

(*3)  Id-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 336, 23.12.2015, p. 1)."

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 154, 16.6.2017, p. 1).’;"

(26)

l-Artikolu 103 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ dak l-isem protett, inkluż l-użu għal prodotti li jintużaw bħala ingredjenti:

(i)

minn prodotti komparabbli li mhumiex konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-isem protett; jew

(ii)

sa fejn dan l-użu jisfrutta, idgħajjef jew inaqqas r-reputazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika;

(b)

kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott jew tas-servizz tkun indikata jew jekk l-isem protett ikun ġie tradott, traskritt jew traslitterat jew ikun akkumpanjat minn espressjoni bħal ‘stil’, ‘tip’, ‘metodu’, ‘kif prodott fi’, ‘imitazzjoni’, ‘togħma’, ‘bħal’ jew espressjonijiet simili, inkluż fejn dawk il-prodotti jintużaw bħala ingredjenti;”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Il-protezzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tapplika wkoll fir-rigward ta’:

(a)

oġġetti li jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera ġewwa t-territorju doganali tal-Unjoni; u

(b)

oġġetti li jinbiegħu permezz ta’ bejgħ mill-bogħod, bħall-kummerċ elettroniku.

Għall-oġġetti li jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera ġewwa dak it-territorju, il-grupp ta’ produtturi jew kwalunkwe operatur li jkun intitolat juża d-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew l-indikazzjoni ġeografika protetta għandu jkun intitolat iżomm lil kull parti terza milli tintroduċi, waqt il-proċess tan-negozju, oġġetti fl-Unjoni mingħajr ma dawn ikunu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fit-territorju, meta tali oġġetti, inkluż l-ippakkjar, ikunu ġejjin minn pajjiżi terzi u jkollhom id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew l-indikazzjoni ġeografika protetta mingħajr awtorizzazzjoni.”;

(27)

L-Artikolu 105 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 105

Emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott

1.   Applikant li jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 95 jista’ japplika għal approvazzjoni ta’ emenda għall-ispeċifikazzjoni ta’ prodott ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew ta’ indikazzjoni ġeografika protetta, partikolarment biex jitqiesu żviluppi f’tagħrif xjentifiku u tekniku jew biex tiġi emendata d-demarkazzjoni taż-żona ġeografika msemmija fl-Artikolu 94(2), it-tieni subparagrafu, punt (d). L-applikazzjonijiet għandhom jiddeskrivu u jiddikjaraw l-emendi mitlubin u jagħtu raġunijiet għalihom.

2.   L-emendi għal speċifikazzjoni ta’ prodott għandhom jiġu kklassifikati f’żewġ kategoriji f’dak li jirrigwarda l-importanza tagħhom: l-emendi tal-Unjoni, li jeħtieġu proċedura ta’ oġġezzjoni fil-livell tal-Unjoni u l-emendi standard li għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-Istati Membri jew fil-livell tal-pajjiż terz.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘emenda tal-Unjoni’ tfisser emenda għal speċifikazzjoni ta’ prodott li:

(a)

tkun tinkludi bidla fl-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew tal-indikazzjoni ġeografika protetta;

(b)

tkun tikkonsisti minn bidla, tħassir jew żieda ta’ kategorija tal-prodotti tad-dielja msemmija fl-Anness VII, Parti II;

(c)

tirriskja li tħassar ir-rabta msemmija fl-Artikolu 93(1), punt (a)(i), għal denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti, jew ir-rabta msemmija fl-Artikolu 93(1), punt (b)(i), għal indikazzjonijiet ġeografiċi protetti; jew

(d)

tkun tinvolvi aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

‘Emenda standard’ tfisser kwalunkwe emenda għal speċifikazzjonijiet tal-prodotti li ma hijiex emenda tal-Unjoni.

‘Emenda temporanja’ tfisser emenda standard li tikkonċerna bidla temporanja fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri obbligatorji sanitarji u fitosanitarji mill-awtoritajiet pubbliċi jew li tkun marbuta ma’ diżastri naturali jew kondizzjonijiet ta’ temp avversi formalment rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti.

3.   Emendi tal-Unjoni għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni. Il-proċedura għal approvazzjoni għandha ssegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 94 u fl-Artikoli 96 sa 99, mutatis mutandis.

Applikazzjonijiet għall-approvazzjoni tal-emendi tal-Unjoni mressqa minn pajjiżi terzi jew minn produtturi f’pajjiżi terzi għandhom jinkludu provi li l-emenda mitluba tikkonforma mal-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini jew tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-seħħ f’dak il-pajjiż terzi.

L-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emendi tal-Unjoni għandhom jirrelataw esklużivament mal-emendi tal-Unjoni. Jekk applikazzjoni għal emenda tal-Unjoni tkun tirrelata wkoll mal-emendi standard, il-partijiet relatati mal-emendi standard għandhom jitqiesu daqslikieku ma kinux ġew ippreżentati, u l-proċedura għall-emendi tal-Unjoni għandha tapplika biss għall-partiijet relatati ma’ dik l-emenda tal-Unjoni.

L-iskrutinju ta’ tali applikazzjonijiet għandu jiffoka fuq l-emendi tal-Unjoni proposti.

4.   Emendi standard għandhom jiġu approvati u ppubblikati mill-Istati Membri li fit-territorju tiegħu tinsab iż-żona ġeografika tal-prodott ikkonċernat u jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni.

Fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, emendi għandhom jiġu approvati skont il-liġi applikabbli fil-pajjiż terz ikkonċernat.”;

(28)

L-Artikolu 106 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 106

Kanċellazzjoni

Il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva proprja jew fuq talba debitament motivata minn Stat Membru, pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jikkanċellaw il-protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika f’ċirkostanza waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

meta l-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti ma tkunx għadha garantita;

(b)

meta l-ebda prodott ma jkun tqiegħed fis-suq bid-denominazzjoni ta’ oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika għal mill-inqas seba’ snin konsekuttivi;

(c)

meta applikant li jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti f’Artikolu 95 jiddikjara li hu ma għadux jixtieq iżomm il-protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(2).”;

(29)

Jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 106a

Tikkettar u preżentazzjoni temporanji

Wara li applikazzjoni għall-protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika tkun intbagħtet lill-Kummissjoni, il-produtturi jistgħu jindikaw fit-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-prodott li ġiet ippreżentata applikazzjoni u jużaw logos u indikazzjonijiet nazzjonali, skont il-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari skont ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

Simboli tal-Unjoni li jindikaw id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew l-indikazzjoni ġeografika protetta u l-indikazzjonijiet tal-Unjoni ‘denominazzjoni ta’ oriġini protetta’ jew ‘indikazzjoni ġeografika protetta’, jistgħu jidhru fuq it-tikkettar biss wara li tiġi ppubblikata d-deċiżjoni li tikkonferixxi l-protezzjoni fuq dik id-denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika.

Meta applikazzjoni tiġi rrifjutata, kwalunkwe prodott tad-dwieli ttikkettat f’konformità mal-ewwel paragrafu jista’ jiġi kkummerċjalizzat sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.”;

(30)

l-Artikolu 111 jitħassar;

(31)

fil-Parti II, Titolu II, Kapitolu I, Taqsima 2, tiżdied is-Subtaqsima li ġejja:

“Subtaqsima 4

Verifiki relatati mad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, mal-indikazzjonijiet ġeografiċi u mat-termini tradizzjonali

Artikolu 116a

Kontrolli

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex iwaqqfu l-użu illegali tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti, tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u tat-termini tradizzjonali protetti msemmija f’dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtorità kompetenti responsabbli mit-twettiq tal-verifiki fir-rigward tal-obbligi stabbiliti f’din it-Taqsima. Għal dak il-għan, l-Artikolu 4(2) u (4) u l-Artikolu 5(1), (4) u (5) tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5) għandhom japplikaw.

3.   Fi ħdan l-Unjoni, l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew korp delegat wieħed jew aktar fis-sens tal-Artikolu 3, punt (5), tar-Regolament (UE) 2017/625 li topera bħala entità taċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fit-Titolu II, Kapitolu III ta’ dak ir-Regolament, għandha tivverifika l-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott kull sena, kemm matul il-produzzjoni tal-inbid kif ukoll matul jew wara l-ipproċessar.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar dawn li ġejjin:

(a)

il-komunikazzjoni li għandha ssir mill-Istati Membri lill-Kummissjoni;

(b)

ir-regoli li jirregolaw l-awtorità responsabbli għall-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, inkluż meta ż-żona ġeografika tkun f’pajjiż terz;

(c)

l-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu illegali tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti, tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u tat-termini tradizzjonali protetti;

(d)

il-kontrolli u l-verifika li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri, inkluż l-ittestjar.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(2).

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).”;"

(32)

l-Artikolu 119 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

id-denominazzjoni għall-kategorija tal-prodott tad-dwieli f’konformità mal-Anness VII, Parti II. Għall-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli ddefiniti taħt l-Anness VII, Parti II, il-punti (1) u l-punti (4) sa (9), fejn tali prodotti jkunu għaddew minn trattament ta’ dealkoħolizzazzjoni f’konformità mal-Anness VIII, Parti I, Taqsima E, id-denominazzjoni tal-kategorija għandha tkun akkumpanjata minn:

(i)

it-terminu “dealkoħolizzat” jekk il- qawwa alkoħolika reali tal-prodott ma tkunx aktar minn 0,5 % skont il-volum; jew

(ii)

it-terminu ‘parzjalment dealkoħolizzat’ jekk il- qawwa alkoħolika reali tal-prodott tkun ’il fuq minn 0,5 % skont il-volum u tkun inqas mill-qawwa alkoħolika reali minima tal-kategorija qabel id-dealkoħolizzazzjoni.”;

(ii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(h)

id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni skont l-Artikolu 9(1), punt (l), tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011;

(i)

il-lista ta’ ingredjenti skont l-Artikolu 9(1), punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011;

(j)

fil-każ ta’ prodotti tad-dwieli li jkunu għaddew minn trattament ta’ dealkoħolizzazzjoni f’konformità mal-Anness VIII, Parti I, Taqsima E, u li jkollhom qawwa alkoħolika reali skont il-volum ta’ inqas minn 10 %, id-data ta’ durabbiltà minima skont l-Artikolu 9(1), punt (f), tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   B’deroga mill-paragrafu 1, punt (a), għall-prodotti tad-dwieli għajr dawk li jkunu għaddew minn trattament ta’ dealkoħolizzazzjoni f’konformità mal-Anness VIII, Parti I, Taqsima E, ir-referenza għall-kategorija tal-prodott tad-dwieli tista’ titħalla barra għal inbejjed li t-tikketti tagħhom jinkludu l-isem ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew ta’ indikazzjoni ġeografika protetta.”;

(c)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   B’deroga mill-paragrafu 1, punt (h), id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu tista’ tkun limitata għall-valur enerġetiku, li jista’ jiġi espress bl-użu tas-simbolu ‘E’ għall-enerġija. F’tali każijiet, id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni sħiħa għandha tiġi pprovduta b’mezzi elettroniċi identifikati fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu. Dik id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni ma għandhiex tintwera ma’ informazzjoni oħra maħsuba għal skopijiet ta’ bejgħ jew kummerċjalizzazzjoni u l-ebda data dwar l-utent ma għandha tinġabar jew tiġi traċċata.

5.   B’deroga mill-paragrafu 1, punt (i), il-lista ta’ ingredjenti tista’ tiġi pprovduta b’mezzi elettroniċi identifikati fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu. F’tali -każijiet, japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-ebda data tal-utent ma għandha tinġabar jew tiġi ttraċċata;

(b)

il-lista ta’ ingredjenti ma għandhiex tintwera ma’ informazzjoni oħra maħsuba għal skopijiet ta’ bejgħ jew kummerċjalizzazzjoni; u

(c)

l-indikazzjoni tad-dettalji msemmija fl-Artikolu 9(1), punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 għandha tidher direttament fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu.

L-indikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, punt (c), ta’ dan il-paragrafu għandha tinkludi l-kelma “fih” segwita bl-isem tas-sustanza jew tal-prodott kif elenkat fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.”;

(33)

Fl-Artikolu 122, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (b) huwa emendat kif ġej:

(i)

jitħassar il-punt (ii);

(ii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(vi)

regoli għall-indikazzjoni u d-denominazzjoni tal-ingredjenti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 119(1), punt (i).”;

(b)

fil-punt (c), jiżdied il-punt li ġej:

“(iii)

termini li jirreferu għal azjenda u l-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom.”;

(c)

fil-punt (d), il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

il-kondizzjonijiet tal-użu ta’ ċerti forom ta’ fliexken u tal-għotjien, u lista ta’ ċerti forom speċifiċi ta’ fliexken;”;

(34)

Il-Parti II, Titolu II, Kapitolu II, Taqsima 1, hija emendata kif ġej:

(a)

L-Artikolu 124 jitħassar;

(b)

l-intestatura “Subtaqsima 1” u t-titlu tagħha jitħassru;

(c)

fl-Artikolu 125, il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“3.   Ftehimiet f’dan in-negozju għandhom jikkonformaw mat-termini tax-xiri stabbiliti fl-Anness X.”;

(d)

is-Subtaqsimiet 2 u 3, li jinkludu l-Artikoli 127 sa 144, jitħassru;

(35)

fl-Artikolu 145(3), l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-Istati Membri li fil-pjanijiet strateġiċi tal-PAK tagħhom jipprevedu r-ristrutturar u l-konverżjoni tal-vinji f’konformità mal-Artikolu 58(1), l-ewwel subparagrafu, punt (a) tar-Regolament (UE) 2021/2115, għandhom, abbażi tar-reġistru tal-vinji, jippreżentaw lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Marzu ta’ kull sena inventarju aġġornat tal-potenzjal tal-produzzjoni tagħhom.”;

(36)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 147a

Dewmien fil-pagamenti għall-bejgħ ta’ nbid bl-ingrossa

B’deroga mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2019/633, l-Istati Membri jistgħu, fuq talba ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rikonoxxuta skont l-Artikolu 157 ta’ dan ir-Regolament li topera fis-settur tal-inbid, jipprevedu li l-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, punt (a), tad-Direttiva (UE) 2019/633 ma tapplikax għall-pagamenti magħmula skont il-ftehimiet ta’ provvista bejn il-produtturi jew ir-rivendituri tal-inbid u x-xerrejja diretti tagħhom għat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ li jikkonċernaw l-inbid bl-ingrossa, dment li:

(a)

it-termini speċifiċi li jippermettu biex isiru pagamenti wara 60 jum huma inklużi f’kuntratti standard għal tranżazzjonijiet ta’ bejgħ li jikkonċernaw inbid bl-ingrossa li saru vinkolanti mill-Istat Membru skont l-Artikolu 164 ta’ dan ir-Regolament qabel it-30 ta’ Ottubru 2021 u din l-estensjoni tal-kuntratti standard tiġġedded mill-Istat Membru minn dik id-data mingħajr ebda tibdil sinifikanti fit-termini ta’ pagament li jkunu ta’ żvantaġġ tal-fornituri ta’ nbid bl-ingrossa; u

(b)

il-ftehimiet ta’ provvista bejn il-fornituri ta’ nbid bl-ingrossa u x-xerrejja diretti tagħhom ikunu pluriennali jew isiru pluriennali.”;

(37)

fl-Artikolu 148(2), il-punt (c)(i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

il-prezz pagabbli għall-konsenja, li għandu:

ikun statiku u stipulat fil-kuntratt, jew

jiġi kkalkulat billi jiġu kkombinati diversi fatturi stipulati fil-kuntratt, li jistgħu jinkludu indikaturi oġġettivi, li jistgħu jkunu bbażati fuq prezzijiet rilevanti, spejjeż ta’ produzzjoni u spejjeż tas-suq, kif ukoll indiċijiet u metodi ta’ kalkolu tal-prezz finali, li huma faċilment aċċessibbli u komprensibbli u li jirriflettu l-bidliet fil-kondizzjonijiet tas-suq, il-volum ikkonsenjat u l-kwalità jew il-kompożizzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat ikkonsenjat; dawk l-indikaturi jistgħu jkunu bbażati fuq prezzijiet, produzzjoni u spejjeż tas-suq rilevanti; għal dak il-għan, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw indikaturi, f’konformità mal-kriterji oġġettivi bbażati fuq studji mwettqa dwar il-produzzjoni u l-katina tal-provvista tal-ikel; il-partijiet għall-kuntratti huma liberi li jirreferu għal dawn l-indikaturi jew kwalunkwe indikatur ieħor li huma jqisu rilevanti,”;

(38)

fl-Artikolu 149(2), il-punt (c)(i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

il-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat kopert b’tali negozjati ma jaqbiżx l-4 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni,”;

(39)

L-Artikolu 150 jitħassar;

(40)

L-Artikolu 151 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-ewwel xerrejja tal-ħalib mhux ipproċessat għandhom jiddikjaraw lill-awtorità nazzjonali kompetenti l-kwantità ta’ ħalib mhux ipproċessat li ġie ikkonsenjat lilhom kull xahar u l-prezz medju mħallas. Għandha ssir distinzjoni bejn ħalib organiku u dak mhux organiku.”;

(b)

it-tielet paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet ta’ ħalib mhux ipproċessat u l-prezzijiet medji msemmija fl-ewwel subparagrafu.”;

(41)

l-Artikolu 152(1), punt (c), huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (vii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(vii)

l-immaniġġjar u l-valorizzazzjoni ta’ prodotti sekondarji, ta’ flussi residwi u ta’ skart, b’mod partikolari biex tiġi protetta l-kwalità tal-ilma, tal-ħamrija u tal-pajsaġġ, tiġi ppreservata jew stimulata l-bijodiversità, u tissaħħaħ iċ-ċirkolarità;”;

(b)

il-punt (x) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(x)

il-ġestjoni ta’ fondi mutwi;”;

(42)

L-Artikolu 153 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

regoli li jippermettu lill-membri li huma produtturi jeżaminaw bir-reqqa u b’mod demokratiku l-organizzazzjoni tagħhom u d-deċiżjonijiet tagħha kif ukoll il-kontijiet u l-baġits tagħha;”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   L-istatuti ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jistgħu jipprevedu l-possibbiltà li l-membri produtturi jkunu f’kuntatt dirett max-xerrejja, sakemm tali kuntatt dirett ma jipperikolax il-konċentrazzjoni tal-provvista u t-tqegħid tal-prodotti fis-suq mill-organizzazzjoni tal-produtturi. Il-konċentrazzjoni tal-provvista għandha titqies li tkun ġiet żgurata jekk l-elementi essenzjali tal-bejgħ bħall-prezz, il-kwalità u l-volum jiġu nnegozjati u ddeterminati mill-organizzazzjoni tal-produtturi.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-paragrafi 1, 2 u 2a ma għandhomx japplikaw għal organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-setturi tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.”;

(43)

fl-Artikolu 154(1), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

ikollha numru minimu ta’ membri u/jew tkopri volum jew valur minimu ta’ produzzjoni kummerċjali, li għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat, fil-qasam li topera fih; tali dispożizzjonijiet ma għandhomx jipprevjenu r-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li huma ddedikati għal produzzjoni fuq skala żgħira;”;

(44)

l-Artikolu 157 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri jistgħu, fuq talba, jirrikonoxxu organizzazzjonijiet interprofessjonali fil-livelli nazzjonali u reġjonali u fil-livell taż-żoni ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 164(2) f’settur speċifiku elenkat fl-Artikolu 1(2) li:”

(b)

fil-paragrafu 1, il-punt (c) huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (vii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(vii)

l-għoti tal-informazzjoni u t-twettiq tar-riċerka meħtieġa biex il-produzzjoni, u jekk ikun il-każ, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni, tiġi innovata, razzjonalizzata, imtejba u aġġustata biex il-prodotti jkunu aktar adatti għall-esiġenzi tas-suq u għall-gosti u l-aspettattivi tal-konsumatur, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalità tal-prodott, inkluż il-karatteristiċi speċifiċi ta’ prodotti li jkollhom denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta, u l-protezzjoni tal-ambjent, l-azzjoni klimatika, is-saħħa tal-annimali u t-trattament xieraq tal-annimali;”;

(ii)

il-punt (xiv) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(xiv)

il-kontribut għall-ġestjoni u l-iżvilupp ta’ inizjattivi għall-valorizzazzjoni ta’ prodotti sekondarji u t-tnaqqis u l-ġestjoni tal-iskart;”;

(iii)

il-punt (xvi) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(xvi)

il-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jipprevjenu, jikkontrollaw u jimmaniġġaw is-saħħa tal-annimali, il-protezzjoni tal-pjanti u r-riskji ambjentali, inkluż bl-istabbiliment u l-immaniġġjar ta’ fondi mutwi jew bil-kontribuzzjoni għal dawn il-fondi bil-għan li jitħallas kumpens finanzjarju lill-bdiewa għall-ispejjeż u t-telf ekonomiku li jirriżulta mill-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri;”;

(c)

il-paragrafu 1a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1a.   L-Istati Membri jistgħu, fuq talba, jiddeċiedu li jagħtu aktar minn rikonoxximent wieħed lill-organizzazzjoni interprofessjonali li topera f’bosta setturi msemmija fl-Artikolu 1(2) sakemm l-organizzazzjoni interprofessjonali tissodisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għal kull settur li għalih hija tfittex rikonoxximent.”;

(d)

il-paragrafu 3 jitħassar.

(45)

L-Artikolu 158 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ca)

jistinkaw għal rappreżentazzjoni bbilanċjata tal-organizzazzjonijiet fl-istadji tal-katina tal-provvista, imsemmija fl-Artikolu 157(1), punt (a), li jikkostitwixxu l-organizzazzjoni interprofessjonali;”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu organizzazzjonijiet interprofessjonali fis-setturi kollha li jkunu jeżistu qabel l-1 ta’ Jannar 2014, kemm jekk kinux rikonoxxuti fuq talba jew stabbiliti bil-liġi, minkejja li ma jissodisfawx il-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 157(1), punt (b).”;

(46)

L-Artikolu 163 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu organizzazzjonijiet interprofessjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib dment li tali organizzazzjonijiet:

(a)

jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 157;

(b)

iwettqu l-attivitajiet tagħhom f’reġjun wieħed jew aktar fit-territorju kkonċernat;

(c)

jirrappreżentaw sehem sinifikanti mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 157(1), punt (a);

(d)

ma jkunux huma stess involuti fil-produzzjoni, l-ipproċessar jew il-kummerċ ta’ prodotti fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-organizzazzjonijiet interprofessjonali li jkunu ġew rikonoxxuti qabel it-2 ta’ April 2012 abbażi tal-liġi nazzjonali u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jitqiesu rikonoxxuti bħala organizzazzjonijiet interprofessjonali skont l-Artikolu 157(1).”;

(b)

fil-paragrafu 3, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

jirtiraw ir-rikonoxximent jekk ir-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent stipulati f’dan l-Artikolu ma jibqgħux jiġu sodisfatti;”;

(47)

L-Artikolu 164 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima “distrett ekonomiku” tfisser żona ġeografika magħmula minn reġjuni ta’ produzzjoni maġenb jew qrib xulxin fejn il-kondizzjonijiet tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni jkunu omoġeni, jew, għal prodotti b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew b’indikazzjoni ġeografika protetta rikonoxxuta skont il-liġi tal-Unjoni, iż-żona ġeografika speċifikata fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (l), (m) u (n) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(l)

l-użu ta’ żerriegħa ċertifikata ħlief meta użata għall-produzzjoni organika skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2018/848, u l-monitoraġġ tal-kwalità tal-prodott;

(m)

il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ riskji fitosanitarji, tas-saħħa tal-annimali, tas-sikurezza tal-ikel jew ambjentali;

(n)

il-ġestjoni u l-valorizzazzjoni ta’ prodotti sekondarji.”;

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Dawk ir-regoli ma għandhom jikkawżaw l-ebda ħsara lil operaturi oħra, u lanqas ma għandhom jipprevjenu d-dħul ta’ operaturi ġodda, fl-Istat Membru konċernat jew l-Unjoni u ma għandu jkollhom l-ebda wieħed mill-effetti elenkati fl-Artikolu 210(4) jew ikunu b’xi mod ieħor inkompatibbli mal-liġi tal-Unjoni jew mar-regoli nazzjonali fis-seħħ.”;

(48)

L-Artikolu 165 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 165

Kontribuzzjonijiet finanzjarji ta’ dawk mhux membri

Fejn regoli ta’ organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta, ta’ assoċjazzjoni rikonoxxuta ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rikonoxxuta jiġu estiżi skont l-Artikolu 164 u l-attivitajiet koperti minn dawk ir-regoli jkunu fl-interess ekonomiku ġenerali ta’ operaturi ekonomiċi li l-attivitajiet tagħhom ikunu relatati mal-prodotti konċernati, l-Istat Membru li jkun ta rikonoxximent jista’ jiddeċiedi, wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, li operaturi ekonomiċi individwali jew gruppi li ma jkunux membri tal-organizzazzjoni iżda li jibbenefikaw minn dawk l-attivitajiet għandhom iħallsu lill-organizzazzjoni l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kollha, jew parti minnhom, imħallsa mill-membri tagħha sakemm tali kontribuzzjonijiet ikunu maħsuba biex ikopru spejjeż imġarrba direttament biex ikunu segwiti l-attivitajiet inkwistjoni. Kwalunkwe organizzazzjoni li tirċievi kontribuzzjonijiet minn dawk li mhumiex membri skont dan l-Artikolu, jekk mitluba minn membru jew mhux membru li jikkontribwixxi finanzjarjament għall-attivitajiet tal-organizzazzjoni, għandha tagħmel disponibbli dawk il-partijiet tal-baġit annwali tagħha li għandhom x’jaqsmu mat-twettiq tal-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 164(4).”;

(49)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 166a

Regolamentazzjoni tal-provvista ta’ prodotti agrikoli b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 167 u 167a ta’ dan ir-Regolament, fuq it-talba ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuta skont l-Artikolu 152(1) jew 161(1) ta’ dan ir-Regolament, organizzazzjoni interprofessjonali rikonoxxuta skont l-Artikolu 157(1) ta’ dan ir-Regolament, grupp ta’ operaturi kif imsemmi fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jew grupp ta’ produtturi kif imsemmi fl-Artikolu 95(1) ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal perijodu ta’ żmien limitat, regoli vinkolanti għar-regolamentazzjoni tal-provvista ta’ prodotti agrikoli msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament li jibbenefikaw minn denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew minn indikazzjoni ġeografika protetta skont l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jew skont l-Artikolu 93(1), punti (a) u (b) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu soġġetti għall-eżistenza ta’ ftehim minn qabel li għandu jiġi konkluż bejn mill-inqas żewġ terzi tal-produtturi tal-prodott kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew tar-rappreżentanti tagħhom, li jammonta għal mill-inqas żewġ terzi tal-produzzjoni ta’ dak il-prodott fiż-żona ġeografika msemmija fl-Artikolu 7(1), punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jew fl-Artikolu 93(1), punti (a)(iii) u (b)(iv) ta’ dan ir-Regolament għall-inbid. Fejn il-produzzjoni tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tinvolvi pproċessar u l-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jew fl-Artikolu 94(2) ta’ dan ir-Regolament tirrestrinġi l-akkwist tal-materja prima għal żona ġeografika speċifika, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu, għall-finijiet tar-regoli li għandhom jiġu stabbiliti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:

(a)

li l-produtturi ta’ dik il-materja prima fiż-żona ġeografika speċifika jiġu kkonsultati qabel il-konklużjoni tal-ftehim imsemmi f’dan il-paragrafu; jew

(b)

li mill-inqas żewġ terzi tal-produtturi tal-materja prima jew tar-rappreżentanti tagħhom, li jirrappreżentaw mill-inqas żewġ terzi tal-produzzjoni tal-materja prima użata fl-ipproċessar fiż-żona ġeografika speċifika, ikunu wkoll partijiet għall-ftehim imsemmi f’dan il-paragrafu.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, għall-produzzjoni tal-ġobon li jibbenefika minn denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta, ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu soġġetti għall-eżistenza ta’ ftehim minn qabel bejn mill-inqas żewġ terzi tal-produtturi tal-ħalib jew tar-rappreżentanti tagħhom li jirrappreżentaw mill-inqas żewġ terzi tal-ħalib mhux ipproċessat użat għall-produzzjoni ta’ dak il-ġobon u, fejn rilevanti, mill-inqas żewġ terzi tal-produtturi ta’ dak il-ġobon jew tar-rappreżentanti tagħhom li jirrappreżentaw mill-inqas żewġ terzi tal-produzzjoni ta’ dak il-ġobon fiż-żona ġeografika msemmija fl-Artikolu 7(1), punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Għall-fini tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fir-rigward tal-ġobon li jibbenefika minn indikazzjoni ġeografika protetta, iż-żona ġeografika ta’ oriġini tal-ħalib mhux ipproċessat, kif stipulat fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-ġobon, għandha tkun l-istess bħaż-żona ġeografika msemmija fl-Artikolu 7(1), punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 relatat ma’ dak il-ġobon.

4.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

għandhom ikopru biss ir-regolamentazzjoni tal-provvista tal-prodott ikkonċernat u, fejn applikabbli, il-materja prima u għandu jkollhom l-għan li jadattaw il-provvista ta’ dak il-prodott għad-domanda;

(b)

għandu jkollhom effett biss fuq il-prodott ikkonċernat u, fejn applikabbli, fuq il-materja prima, ikkonċernata;

(c)

jistgħu jkunu vinkolanti għal mhux aktar minn tliet snin, iżda jistgħu jiġġeddu wara dak il-perijodu wara li tkun saret talba ġdida, kif imsemmi fil-paragrafu 1;

(d)

ma għandhomx jikkawżaw ħsara lill-kummerċ ta’ prodotti differenti minn dawk ikkonċernati minn dawk ir-regoli;

(e)

ma għandhomx ikunu jirrigwardaw kwalunkwe tranżazzjoni wara l-ewwel kummerċjalizzazzjoni tal-prodott ikkonċernat;

(f)

ma għandhomx jippermettu li jsir iffissar tal-prezzijiet, inkluż fejn prezzijiet ikunu ffissati bħala gwida jew rakkomandazzjoni;

(g)

ma għandhomx irendu bħala mhux disponibbli proporzjon eċċessiv tal-prodott ikkonċernat li b’mod ieħor kien ikun disponibbli;

(h)

ma għandhomx joħolqu diskriminazzjoni, jikkostitwixxu ostaklu għal membri ġodda fis-suq, jew iwasslu biex il- produtturi żgħar jiġu affettwati b’mod negattiv;

(i)

għandhom jikkontribwixxu biex tinżamm il-kwalità tal-prodott ikkonċernat jew għall-iżvilupp tal-prodott ikkonċernat.

(j)

għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 149 u l-Artikolu 152(1a).

5.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ppublikati f’pubblikazzjoni uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat.

6.   L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli sabiex jiżguraw li jkun hemm konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4. Fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jsibu li dawn il-kondizzjonijiet ma jkunux ġew osservati, l-Istati Membri għandhom jirrevokaw r-regoli msemmija fil-paragrafu 1.

7.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 li jkunu adottaw. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe notifika ta’ tali regoli.

8.   Fi kwalunkwe żmien, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jirrikjedu li Stat Membru jirrevoka r-regoli stabbiliti minn dak l-Istat Membru skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jekk il-Kummissjoni tqis li dawn ir-regoli ma jkunux konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, jimpedixxu l-kompetizzjoni jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni f’parti sostanzjali mis-suq intern, jew jipperikolaw il-kummerċ liberu jew l-ilħuq tal-objettivi tal-Artikolu 39 TFUE. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati mingħajr ma jiġu applikati l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 229(2) u (3) ta’ dan ir-Regolament.”;

(50)

fl-Artikolu 168(4), il-punt (c)(i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

il-prezz pagabbli għall-konsenja, li għandu:

ikun statiku u stipulat fil-kuntratt, u/jew

ikun kkalkulat billi jiġu kkombinati diversi fatturi stabbiliti fil-kuntratt, li jistgħu jinkludu indikaturi, indiċijiet u metodi ta’ kalkolu tal-prezz finali oġġettivi, li huma faċilment aċċessibbli u komprensibbli u li jirriflettu l-bidliet fil-kondizzjonijiet tas-suq, il-kwantitajiet ikkonsenjati u l-kwalità jew il-kompożizzjoni tal-prodotti agrikoli ikkonsenjati; dawk l-indikaturi jistgħu jkunu bbażati fuq prezzijiet, produzzjoni u spejjeż tas-suq rilevanti; għal dak il-għan, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw indikaturi, f’konformità mal-kriterji oġġettivi bbażati fuq studji mwettqa dwar il-produzzjoni u l-katina tal-provvista tal-ikel; il-partijiet għall-kuntratti huma liberi li jirreferu għal dawn l-indikaturi jew kwalunkwe indikatur ieħor li huma jqisu rilevanti.”;

(51)

L-Artikolu 172 jitħassar.

(52)

L-Artikolu 172a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 172a

Kondiviżjoni tal-valur

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe klawżola speċifika dwar il-kondiviżjoni tal-valur fis-settur taz-zokkor, il-bdiewa, inkluż assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, jistgħu jaqblu mal-operaturi downstream dwar klawżoli dwar il-kondiviżjoni tal-valur, inkluż bonuses u telf tas-suq, li jiddeterminaw kif kwalunkwe evoluzzjoni tal-prezzijiet rilevanti tas-suq għall-prodotti kkonċernati jew swieq komoditarji oħra għandha tiġi allokata bejniethom.

Artikolu 172b

Gwida tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali għall-bejgħ tal-għeneb għall-inbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta

B’deroga mill-Artikolu 101(1) TFUE, l-organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti skont l-Artikolu 157 ta’ dan ir-Regolament li joperaw fis-settur tal-inbid jistgħu jipprovdu indikaturi ta’ gwida mhux obbligatorji tal-prezzijiet li jikkonċernaw il-bejgħ tal-għeneb għall-produzzjoni ta’ nbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew b’indikazzjoni ġeografika protetta, sakemm tali gwida ma teliminax il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ proporzjon sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni.”;

(53)

fl-Artikolu 182(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-volum indikattiv għandu jkun ugwali għal jew 125 %, 110 % jew 105 %, skont jekk l-opportunitajiet ta’ aċċess għas-suq, definiti bħala importazzjonijiet espressi bħala perċentwali tal-konsum domestiku korrispondenti matul it-tliet snin preċedenti, humiex inqas minn jew ugwali għal 10 %, akbar minn 10 % iżda inqas minn jew ugwali għal 30 %, jew akbar minn 30 %, rispettivament.

Fejn ma jitqiesx il-konsum domestiku, il-volum indikattiv għandu jkun ugwali għal 125 %.”;

(54)

jitħassru l-Artikoli 192 u 193;

(55)

fil-Kapitolu IV, jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 193a

Sospensjoni tad-dazji ta’ importazzjoni għall-melassa

1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 227 li jissupplimenta dan ir-Regolament billi jistabbilixxu regoli għas-sospensjoni totali jew parzjali tad-dazji ta’ importazzjoni għall-melassa li taqa’ taħt il-Kodiċi tan-NM 1703.

2.   B’applikazzjoni tar-regoli msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tissospendi totalment jew parzjalment id-dazji ta’ importazzjoni għall-melassa li taqa’ taħt il-Kodiċi tan-NM 1703, mingħajr ma tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 229(2) jew (3).”;

(56)

fil-Parti III, il-Kapitolu VI, li fih l-Artikoli 196 sa 204, jitħassar;

(57)

fl-Artikolu 206, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Ħlief fejn previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, u f’konformità mal-Artikolu 42 TFUE, l-Artikoli 101 sa 106 TFUE u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom għandhom, soġġett għall-Artikoli 207 sa 210a ta’ dan ir-Regolament, japplikaw għal ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki kollha msemmija fl-Artikolu 101(1) u fl-Artikolu 102 TFUE li huma relatati mal-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli u mal-kummerċ tagħhom.”;

(58)

L-Artikolu 208 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 208

Pożizzjoni dominanti

Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, ‘pożizzjoni dominanti’ tfisser pożizzjoni ta’ saħħa ekonomika li tkun tgawdi impriża li jippermettilha tipprevjeni li jkun hemm kompetizzjoni effettiva fis-suq rilevanti billi tagħtiha s-setgħa li taġixxi sostanzjalment b’mod indipendenti mill-kompetituri tagħha, mill-fornituri tagħha jew mill-klijenti u finalment mill-konsumaturi tagħha.”;

(59)

L-Artikolu 210 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Artikolu 101(1) TFUE ma għandux japplika għal ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti skont l-Artikolu 157 ta’ dan ir-Regolament li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi elenkati fl-Artikolu 157(1), punt (c), ta’ dan ir-Regolament jew, fir-rigward tas-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel u tat-tabakk, l-objettivi elenkati fl-Artikolu 162 ta’ dan ir-Regolament, u li mhumiex inkompatibbli mar-regoli tal-Unjoni taħt il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

Ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma li jissodisfaw il-kondizzjonijiet msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandhomx jiġu pprojbiti, u ebda deċiżjoni minn qabel rigward dan ma hi rikjesta.

2.   Organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti jistgħu jitolbu opinjoni mill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-ftehimiet, id-deċiżjonijiet u l-prattiki miftiehma kif imsemmija fil-paragrafu 1 ma’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-organizzazzjoni interprofessjonali li tagħmel it-talba l-opinjoni tagħha fi żmien erba’ xhur minn meta tirċievi talba kompluta.

Jekk il-Kummissjoni ssib fi kwalunkwe mument wara li toħroġ opinjoni li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għadhomx issodisfati, hija għandha tiddikjara li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu japplika fil-futur għall-ftehim, għad-deċiżjoni jew għall-prattika miftiehma inkwistjoni u tinforma lill-organizzazzjoni interprofessjonali b’dan.

Il-Kummissjoni tista’ tibdel il-kontenut ta’ opinjoni fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ Stat Membru, b’mod partikolari jekk l-organizzazzjoni interprofessjonali li tagħmel it-talba tkun ipprovdiet informazzjoni impreċiża jew tkun għamlet użu skorrett tal-opinjoni.”;

(b)

il-paragrafi 3, 5 u 6 jitħassru;

(60)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 210a

Inizjattivi vertikali u orizzontali għas-sostenibbiltà

1.   L-Artikolu 101(1) TFUE ma għandux japplika għal ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma ta’ produtturi ta’ prodotti agrikoli li huma relatati mal-produzzjoni ta’ jew mal-kummerċ fi prodotti agrikoli u li għandhom l-għan li japplikaw standard ta’ sostenibbiltà ogħla minn dak mitlub mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, dment li dawk il-ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma jimponu biss restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li huma indispensabbli għall-kisba ta’ dak l-istandard.

2.   Paragrafu 1 japplika għall--ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma ta’ produtturi ta’ prodotti agrikoli li jagħmlu parti minnhom diversi produtturi jew li jagħmlu parti minnhom produttur wieħed jew aktar u operatur wieħed jew aktar f’livelli differenti tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-kummerċ, fil-katina tal-provvista tal-ikel, inkluż id-distribuzzjoni.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, ‘standard ta’ sostenibbiltà’ tfisser standard li għandu l-għan li jikkontribwixxi għal wieħed jew aktar mill-objettivi li ġejjin:

(a)

objettivi ambjentali, inkluż il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tal-pajsaġġi, l-ilma u l-ħamrija, it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, inkluż it-tnaqqis tal-ħela tal-ikel, il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, u l-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi;

(b)

il-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli b’modi li jnaqqsu l-użu tal-pestiċidi u jimmaniġġjaw ir-riskji li jirriżultaw minn tali użu,, jew li jnaqqsu l-periklu tar-reżistenza antimikrobika fil-produzzjoni agrikola; u

(c)

is-saħħa tal-annimali u trattament xieraq tal-annimali.

4.   Ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma li jissodisfaw il-kondizzjonijiet msemmija f’dan l-Artikolu ma għandhomx jiġu pprojbiti, u l-ebda deċiżjoni preċedenti rigward dan ma hi rikjesta.

5.   Il-Kummissjoni għandha toħroġ linji gwida għall-operaturi dwar il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu sat-8 ta’ Diċembru 2023.

6.   Mit-8 ta’ Diċembru 2023, il-produtturi kif imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu opinjoni mill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-ftehimiet, id-deċiżjonijiet u l-prattiki miftiehma kif imsemmija fil-paragrafu 1 ma’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-applikant l-opinjoni tagħha fi żmien erba’ xhur minn meta tirċievi talba kompluta.

Jekk il-Kummissjoni ssib fi kwalunkwe mument wara li toħroġ opinjoni li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 3 u 7 ta’ dan l-Artikolu ma għadhomx issodisfati, hija għandha tiddikjara li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu japplika fil-futur għall-ftehim, għad-deċiżjoni jew għall-prattika miftiehma inkwistjoni u tinforma lill-produtturi kif xieraq.

Il-Kummissjoni tista’ tibdel il-kontenut ta’ opinjoni fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ Stat Membru, b’mod partikolari jekk l-applikant ikun ipprovda informazzjoni impreċiża jew ikun għamel użu skorrett tal-opinjoni.

7.   L-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 tista’ tiddeċiedi f’każijiet individwali li, fil-futur, wieħed jew aktar mill-ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma msemmija fil-paragrafu 1 jridu jiġu modifikati, ma jitkomplewx jew ma jseħħux għalkollox, jekk tqis li tali deċiżjoni hija meħtieġa sabiex jiġi evitat li tiġi eskluża l-kompetizzjoni jew jekk tqis li l-objettivi msemmija fl-Artikolu 39 TFUE huma mhedda.

Għal ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma li jkopru aktar minn Stat Membru wieħed, id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tittieħed mill-Kummissjoni mingħajr ma jiġu applikati l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 229(2) u (3).

Meta taġixxi taħt l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miktub wara li tiftaħ l-ewwel miżura formali tal-investigazzjoni u għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni li tirriżulta bla dewmien wara li jkunu ġew adottati.

Id-deċiżjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu ma għandhomx japplikaw aktar kmieni mid-data tan-notifika tagħhom lill-impriżi kkonċernati.”;

(61)

l-Artikolu 212 jitħassar;

(62)

l-Artikolu 214a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 214a

Pagamenti nazzjonali għal ċerti setturi fil-Finlandja

Soġġett għal awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, għall-perijodu 2023-2027, il-Finlandja tista’ tkompli tagħti l-għajnuna nazzjonali li kienet tat fl-2022 lill-produtturi abbażi ta’ dan l-Artikolu, sakemm:

(a)

l-ammont totali tal-għajnuna għall-introjtu jkun digressiv tul il-perijodu kollu u fl-2027 ma jaqbiżx is-67 % tal-ammont mogħti fl-2022; u

(b)

qabel kwalunkwe rikors għal din il-possibbiltà, ikun sar użu sħiħ mill-iskemi ta’ appoġġ taħt il-PAK għas-setturi kkonċernati.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-awtorizzazzjoni tagħha mingħajr ma tapplika l-proċedura msemmija fl-Artikolu 229(2) jew (3) ta’ dan ir-Regolament.”;

(63)

fl-Artikolu 218(2), ir-ringiela għar-Renju Unit titħassar;

(64)

l-Artikolu 219(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Sabiex issir reazzjoni effiċjenti u effikaċi kontra t-theddid ta’ tfixkil fis-swieq ikkawżat minn żieda jew tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet fi swieq interni jew esterni jew avvenimenti u ċirkostanzi oħrajn li jfixklu jew jheddu li jfixklu b’mod sinifikanti s-suq ikkonċernat, fejn dik is-sitwazzjoni, jew l-effetti tagħha fuq is-suq, x’aktarx ser tkompli jew issir agħar, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 227 biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi indirizzata dik is-sitwazzjoni tas-suq, filwaqt li jiġi rrispettat kwalunkwe obbligu li jirriżulta minn ftehimiet internazzjonali konklużi f’konformità mat-TFUE u sakemm kwalunkwe miżura oħra disponibbli taħt dan ir-Regolament tidher li tkun insuffiċjenti jew mhux adatta.”;

(b)

ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Tali miżuri, sa fejn u għall-perijodu neċessarju sabiex jindirizzaw it-tfixkil fis-suq jew theddid ta’ tfixkil, jistgħu jestendu jew jimmodifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni, it-tul ta’ żmien jew aspetti oħra ta’ miżuri oħra previsti skont dan ir-Regolament, jaġġustaw jew jissospendu dazji fuq l-importazzjoni kompletament jew parzjalment, inkluż għal ċerti kwantitajiet jew perijodi kif meħtieġ, jew jieħdu l-forma ta’ skema temporanja ta’ tnaqqis volontarju tal-produzzjoni, b’mod partikolari f’każijiet ta’ provvista żejda.”;

(65)

il-Parti V, Kapitolu I, Taqsima 2 hija emendata kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Miżuri ta’ appoġġ għas-suq relatati ma’ mard tal-annimali u pesti tal-pjanti u ma’ telf ta’ fiduċja tal-konsumaturi minħabba riskji għas-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti”;

(b)

L-Artikolu 220 huwa emendat kif ġej:

(i)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Miżuri dwar mard tal-annimali u pesti tal-pjanti u t-telf ta’ fiduċja tal-konsumaturi minħabba riskji għas-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti”;

(ii)

fil-paragrafu 1, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ fl-Unjoni u ma’ pajjiżi terzi li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ miżuri biex jikkumbattu t-tixrid ta’ mard f’annimali jew il-firxa ta’ pesti tal-pjanti; u”;

(iii)

fil-paragrafu 2, jiddaħħal il-punt li ġej:

“(-a)

frott u ħxejjex;”;

(iv)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-miżuri previsti fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, punt (a) jistgħu jittieħdu biss jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun ħa miżuri sanitarji, veterinarji jew fitosanitarji malajr biex jeqred il-marda jew biex jissorvelja, jikkontrolla u jeqred jew irażżan il-pesta, u biss sa fejn u sakemm ikun strettament meħtieġ biex jappoġġa s-suq konċernat.”;

(66)

fil-Parti V, jiddaħħal il-Kapitolu u l-Artikoli li ġejjin:

“Kapitolu Ia

Trasparenza tas-swieq

Artikolu 222a

Osservatorji tas-swieq tal-Unjoni

1.   Sabiex tittejjeb it-trasparenza fil-katina tal-provvista tal-ikel, biex jiġu infurmati l-għażliet tal-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet pubbliċi, biex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tal-iżviluppi tas-suq u t-theddid ta’ tfixkil fis-suq, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi osservatorji tas-suq tal-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi għal liema setturi agrikoli minn dawk elenkati fl-Artikolu 1(2) għandhom jiġu stabbiliti l-osservatorji tas-suq tal-Unjoni.

3.   L-osservatorji tas-suq tal-Unjoni għandhom jagħmlu disponibbli d-data statistika u l-informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ tal-iżviluppi tas-suq u t-theddid ta’ tfixkil fis-suq, b’mod partikolari:

(a)

il-produzzjoni, il-provvista u l-ħażniet;

(b)

il-prezzijiet, l-ispejjeż u, sa fejn ikun possibbli, il-marġini ta’ profitt fil-livelli kollha tal-katina tal-provvista tal-ikel;

(c)

it-tbassir dwar l-iżviluppi tas-suq, fuq żmien qasir u medju;

(d)

l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli, b’mod partikolari l-issodisfar tal-kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli fl-Unjoni.

L-osservatorji tas-suq tal-Unjoni għandhom jipproduċu rapporti li jkun fihom l-elementi msemmija fl-ewwel subparagrafu.

4.   L-Istati Membri għandhom jiġbru l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 u jipprovduha lill-Kummissjoni.

Artikolu 222b

Rappurtar mill-Kummissjoni dwar l-iżviluppi tas-suq

1.   Fir-rapporti tagħhom, l-osservatorji tas-suq tal-Unjoni stabbiliti skont l-Artikolu 222a għandhom jidentifikaw theddid ta’ tfixkil fis-suq relatat ma’ żidiet jew tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet fi swieq interni jew esterni jew ma’ avvenimenti jew ċirkostanzi oħra li jkollhom effetti simili.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-suq għall-prodotti agrikoli, il-kawżi ta’ tfixkil fis-suq u l-miżuri possibbli li għandhom jittieħdu b’rispons għal dak it-tfixkil fis-suq, b’mod partikolari il-miżuri previsti fil-Parti II, Titolu I, Kapitolu I, u fl-Artikoli 219, 220, 221 u 222, kif ukoll ir-raġuni għal dawk il-miżuri.”;

(67)

fl-Artikolu 223(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-informazzjoni miksuba tista’ tkun trażmessa lil organizzazzjonijiet internazzjonali, lill-awtoritajiet tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni u nazzjonali, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi, jew issir disponibbli għalihom, u tista’ ssir pubblika, soġġetta għall-protezzjoni ta’ data personali u tal-interess leġittimu ta’ impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom, inkluż il-prezzijiet.

Il-Kummissjoni għandha tikkoopera u tiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), biex tgħinhom iwettqu l-kompiti tagħhom taħt ir-Regolament (UE) Nru 596/2014.”;

(68)

l-Artikolu 225 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) jitħassar;

(b)

il-punti (b) u (c) jitħassru;

(c)

il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

sal-31 ta’ Diċembru 2025, u kull seba’ snin wara, dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni kif stabbiliti f’dan ir-Regolament għas-settur agrikolu fl-Istati Membri kollha;”;

(d)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(da)

sal-31 ta’ Diċembru 2023 dwar l-osservatorji tas-suq tal-Unjoni stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 222a;

(db)

sal-31 ta’ Diċembru 2023, u kull tliet snin wara, dwar l-użu tal-miżuri ta’ kriżi adottati b’mod partikolari skont l-Artikoli 219 sa 222;

(dc)

sal-31 ta’ Diċembru 2024 dwar l-użu ta’ teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni biex tiġi żgurata trasparenza aħjar tas-suq kif imsemmi fl-Artikolu 223;

(dd)

sat-30 ta’ Ġunju 2024 dwar id-denominazzjonijiet tal-bejgħ u l-klassifikazzjoni tal-karkassi fis-settur tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż;”;

(69)

fil-Parti V, il-Kapitolu III li fih l-Artikolu 226 jitħassar.

(70)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-Parti I(a), jitħassru l-ewwel u t-tieni ringiela (kodiċijiet NM 0709 99 60 u 0712 90 19);

(b)

fil-Parti I(d), l-entrata fl-ewwel ringiela (kodiċi NM 0714) hija sostitwita b’dan li ġej:

“ ex 0714 - Manjoka, ararut, salep u għeruq u tuberi simili b’kontenut għoli ta’ lamtu jew inulina, friski, imkessħin, iffriżati jew imnixxfin, kemm jekk flieli jew le jew f’forma ta’ gerbub, minbarra l-patata ħelwa tas-subintestatura 0714 20 u l-artiċokks ta’ Ġerusalem tas-subintestatura ex 0714 90 90; lbieba tas-sagu”;

(c)

il-Parti IX hija emendata kif ġej:

(i)

id-deskrizzjoni fil-ħames ringiela (kodiċi NM 0706) hija sostitwita b’dan li ġej:

“Karrotti, nevew, pitravi tal-insalata, salsafja, krafes ħoxnin, ravanell abjad u għeruq tal-ikel simili (22), friski jew imkessħa

(22)  Dan jinkludi r-rutabaga.”;"

(ii)

id-deskrizzjoni fit-tmien ringiela (kodiċi NM ex 0709) hija sostitwita b’dan li ġej:

“Ħxejjex oħra, friski jew imkessħin, esklużi ħxejjex tas-subintestaturi 0709 60 91, 0709 60 95, ex 0709 60 99 tal-ġeneru Pimenta, 0709 92 10 u 0709 92 90 ”;

(iii)

jiddaħħlu r-ringieli li ġejjin:

“ 0714 20 patata ħelwa

ex 0714 90 90 artiċokks ta’ Ġerusalem”;

(d)

fil-Parti X, jitħassru l-esklużjonijiet għall-qamħirrum ħelu;

(e)

fil-Parti XII, tiżdied l-entrata li ġejja:

“(e)

ex 2202 99 19: - - - Inbid ieħor dealkoħolizzat b’qawwa alkoħolika skont il-volum ta’ mhux aktar minn 0,5 % vol.”;

(f)

fil-Parti XXIV, Taqsima 1, l-entrata “0709 60 99” hija sostitwita b’dan li ġej:

“ ex 0709 60 99: - - - Oħrajn, tal-ġeneru Pimenta”;

(71)

fl-Anness II, il-Parti II hija emendata kif ġej:

(a)

fit-Taqsima A, punt 4, titħassar it-tieni sentenza;

(b)

It-Taqsima B titħassar;

(72)

L-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“IL-KWALITÀ STANDARD TAR-ROSS U TAZ-ZOKKOR KIF IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1a TAR-REGOLAMENT (UE) Nru 1370/2013 (*6)

(*6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta’ Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12);”;"

(b)

fil-Parti B, titħassar it-Taqsima I;

(73)

jitħassar l-Anness VI;

(74)

L-Anness VII huwa emendat kif ġej:

(a)

il-Parti I hija emendata kif ġej:

(i)

fil-punt II, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fuq talba ta’ grupp imsemmi fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-Istat Membru rilevanti jista’ jiddeċiedi li l-kondizzjonijiet imsemmija f’dan il-punt ma japplikawx għal-laħam ta’ annimali bovini b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 irreġistrat qabel id-29 ta’ Ġunju 2007.”;

(ii)

fil-punt III.1(A), ir-ringiela għar-Renju Unit titħassar;

(iii)

fil-punt III.1(B), ir-ringiela għar-Renju Unit titħassar;

(b)

il-Parti II hija emendata kif ġej:

(i)

tiżdied il-formulazzjoni introduttorja li ġejja:

“Il-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli għandhom ikunu dawk stabbiliti fil-punti (1) sa (17). Il-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli stabbiliti fil-punt (1) u fil-punti (4) sa (9) jistgħu jgħaddu minn trattament ta’ dealkoħolizzazzjoni totali jew parzjali f’konformità mal-Anness VIII, Parti I, Taqsima E, wara li jkunu laħqu għalkollox il-karatteristiċi rispettivi tagħhom kif deskritti f’dawk il-punti.”;

(ii)

fil-punt 3, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

b’qawwa alkoħolika attwali ta’ mhux anqas minn 15 % skont il-volum u ta’ mhux aktar minn 22 % skont il-volum. Eċċezzjonalment, u għal inbejjed ta’ maturazzjoni fit-tul, dawk il-limiti jistgħu jvarjaw f’ċerti nbejjed likuri b’denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika li jkunu jidhru fil-lista stabbilita mill-Kummissjoni permezz ta’ atti delegati adottati f’konformità mal-Artikolu 75(2), bil-kondizzjoni li:

l-inbejjed li jiddaħħlu fil-proċess ta’ maturazzjoni jissodisfaw id-definizzjoni ta’ nbejjed likuri; u

l-qawwa alkoħolika attwali tal-inbid immaturat ma għandhiex tkun anqas minn 14 % skont il-volum;”;

(c)

l-Appendiċi I huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt 1(c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

fil-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, l-Irlanda, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Polonja u l-Iżvezja: iż-żoni tal-vitikultura ta’ dawn l-Istati Membri;”

(ii)

fil-punt 2(g), il-kelma “żona” hija sostitwita b’“reġjun tal-vitikultura”;

(iii)

il-punt 4(f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

“fir-Rumanija, iż-żoni mħawlin bid-dwieli fir-reġjuni ta’ vitikultura li ġejjin: Dealurile Munteniei și Olteniei mal-vinji Dealurile Buzăului, Dealu Mare, Severinului u Plaiurile Drâncei, Colinele Dobrogei, Terasele Dunării, ir-reġjun tal-inbid fin-Nofsinhar, inkluż reġjuni bir-ramel u reġjuni favorevoli oħra;”;

(iv)

il-punt 4(g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

fil-Kroazja, iż-żoni mħawlin bid-dwieli fis-subreġjuni li ġejjin: Hrvatska Istra, Hrvatsko primorje u Dalmatinska zagora;”;

(v)

fil-punt 6, jiżdied il-punt li ġej:

“(h)

fil-Kroazja, iż-żoni mħawlin bid-dwieli fis-subreġjuni li ġejjin: Sjeverna Dalmacija u Srednja i Južna Dalmacija.”;

(75)

L-Anness VIII huwa emendat kif ġej:

(a)

il-Parti I hija emendata kif ġej:

(i)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Tisħiħ, aċidifikazzjoni u deaċidifikazzjoni f’ċerti żoni ta’ vitikultura u dealkoħolizzazzjoni”;

(ii)

fit-Taqsima B, il-punt 7(b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

“jgħollu l-qawwa alkoħolika totali skont il-volum tal-prodotti msemmija fil-punt 6 għall-produzzjoni ta’ nbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta għal livell li għandu jkun iddeterminat mill-Istati Membri.”;

(iii)

it-Taqsima C hija sostitwita b’dan li ġej:

‘C.   Aċidifikazzjoni u deaċidifikazzjoni

1.

Għeneb frisk, most tal-għeneb, most tal-għeneb iffermentat parzjalment, inbid ġdid għadu fil-fermentazzjoni u nbid jistgħu jkunu soġġetti għal aċidifikazzjoni u deaċidifikazzjoni.

2.

L-aċidifikazzjoni tal-prodotti msemmija fil-punt 1 tista’ ssir biss sa limitu ta’ 4 g/l espress bħala aċidu tartariku, jew ta’ 53,3 milliekwivalenti kull litru.

3.

Id-deaċidifikazzjoni ta’ nbejjed tista’ ssir biss sa limitu ta’ 1 g/l espress bħala aċidu tartariku, jew ta’ 13,3 milliekwivalenti kull litru.

4.

Il-most tal-għeneb maħsub għal konċentrazzjoni jista’ jkun deaċidifikat parzjalment.

5.

L-aċidifikazzjoni u t-tisħiħ, ħlief permezz ta’ deroga li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 75(2), u l-aċidifikazzjoni u d-deaċidifikazzjoni tal-istess prodott għandhom ikunu proċessi esklużivi b’mod reċiproku.”;

(iv)

fit-Taqsima D, il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.

L-aċidifikazzjoni u d-deaċidifikazzjoni ta’ nbejjed għandha ssir biss fiż-żona ta’ vitikultura fejn l-għeneb użat biex isir l-inbid inkwistjoni kien inqata’.”;

(v)

tiżdied it-Taqsima li ġejja:

“E.   Proċessi tad-dealkoħolizzazzjoni

Kull proċess tad-dealkoħolizzazzjoni elenkat iktar ’l isfel, kemm jekk użat kull wieħed waħdu jew flimkien ma’ proċessi tad-dealkoħolizzazzjoni elenkati oħra, għandu jiġi awtorizzat biex inaqqas parti mill-kontenut tal-etanol jew il-kontenut kważi kollu tiegħu fil-prodotti tad-dwieli msemmija fl-Anness VII, Parti II, punt 1 u punti 4 sa 9:

(a)

evaporazzjoni parzjali bil-vakwu;

(b)

tekniki bil-membrani;

(c)

distillazzjoni.

Il-proċessi tad-dealkoħolizzazzjoni użati ma għandhomx jirriżultaw f’difetti organolettiċi tal-prodott tad-dwieli. L-eliminazzjoni tal-etanol fil-prodotti fid-dwieli ma għandhiex issir flimkien ma’ żieda tal-kontenut taz-zokkor fil-most tal-għeneb.”;

(b)

fil-Parti II, Taqsima B, il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.

Il-punti 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal prodotti maħsuba għall-produzzjoni, fl-Irlanda u fil-Polonja, ta’ prodotti li huma inklużi fil-kodiċi NM 2206 00 li għalihom l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-użu ta’ isem kompost, inkluż id-denominazzjoni ta’ bejgħ ‘inbid’.”;

(76)

fl-Anness X, punt II, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.

Il-prezz imsemmi fil-paragrafu 1 għandu japplika għal pitravi taz-zokkor ta’ kwalità tajba, ġusta u kummerċjabbli li jkollha kontenut ta’ zokkor ta’ 16 % fil-punt ta’ riċeviment.

Il-prezz għandu jiġi aġġustat b’żiedet jew tnaqqis fil-prezz, maqbul bejn il-partijiet minn qabel, sabiex jippermettu għal devjazzjonijiet mill-kwalità msemmija fl-ewwel subparagrafu.”;

(77)

fl-Anness X, punt XI, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Ftehimiet fil-kummerċ kif deskritti fl-Anness II, Parti II, Taqsima A, punt 6 għandu jkun fihom mekkaniżmi ta’ konċiljazzjoni jew ta’ medjazzjoni u klawżoli dwar l-arbitraġġ.”;

(78)

jitħassru l-Annessi XI, XII u XIII.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(2), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

attributi li jżidu l-valur li jirriżultaw mill-metodi tal-biedja jew tal-ipproċessar użati fil-produzzjoni tagħhom, jew mill-post tal-produzzjoni jew kummerċjalizzazzjoni tagħhom, jew mill-kontribut possibbli tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli.”;

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal spirti jew prodotti tad-dwieli kif definiti fl-Anness VII, Parti II, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, bl-eċċezzjoni għall-ħall tal-inbid.

3.   Ir-reġistrazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 52 huma mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-produtturi li jikkonformaw ma’ regoli oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk marbuta mat-tqegħid tal-prodotti fis-suq u t-tikkettar tal-prodotti tal-ikel.”;

(3)

fl-Artikolu 5, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, “denominazzjoni ta’ oriġini” huwa isem, li jista’ jkun isem użat tradizzjonalment, li jidentifika prodott:

(a)

li joriġina f’post, f’reġjun jew, f’każijiet eċċezzjonali, f’pajjiż speċifiku;

(b)

li l-kwalità jew il-karatteristiċi tiegħu huma essenzjalment jew esklużivament dovuti għal ambjent ġeografiku partikolari, bil-fatturi naturali inerenti tiegħu u dawk umani; u

(c)

li l-fażijiet ta’ produzzjoni tiegħu jseħħu kollha fiż-żona ġeografika definita.

2.   Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, “indikazzjoni ġeografika” huwa isem, li jinkludi isem użat tradizzjonalment, li jidentifika prodott:

(a)

li joriġina f’post, f’reġjun jew f’pajjiż speċifiku;

(b)

li l-kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra partikolari tiegħu tista’ essenzjalment tiġi attribwita lill-oriġini ġeografika tiegħu; u

(c)

li jkollu għall-inqas waħda mill-fażijiet tal-produzzjoni tiegħu li sseħħ fiż-żona ġeografika ddefinita.”;

(4)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   Isem ma jistax jiġi rreġistrat bħala denominazzjoni ta’ oriġini jew bħala indikazzjoni ġeografika fejn dan ikun f’konflitt ma’ isem ta’ varjetà ta’ pjanta jew ta’ razza ta’ annimal u x’aktarx jiżgwida lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott jew joħloq konfużjoni bejn prodotti bid-denominazzjoni reġistrata u l-varjetà jew razza inkwistjoni.

Il-kondizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu vvalutati fir-rigward tal-użu attwali tal-ismijiet f’konflitt, inkluż l-użu tal-isem tal-varjetà ta’ pjanta jew razza tal-annimali ’l barra miż-żona tal-oriġini tiegħu u l-użu tal-isem ta’ varjetà ta’ pjanta protetta minn dritt ta’ proprjetà intellettwali ieħor.”;

(5)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 huwa emendat b’dan li ġej:

(a)

il-punt (f) jinbidel b’dan li ġej:

“(f)

dettalji li jistabbilixxu dan li ġej:

(i)

fir-rigward tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta, ir-rabta bejn il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott u l-ambjent ġeografiku msemmi fl-Artikolu 5(1); id-dettalji dwar il-fatturi umani ta’ dak l-ambjent ġeografiku jistgħu, fejn rilevanti, ikunu limitati għal deskrizzjoni tal-ħamrija u l-ġestjoni tal-pajsaġġ, prattiki ta’ kultivazzjoni jew kwalunkwe kontribut uman ieħor rilevanti għall-manteniment tal-fatturi naturali tal-ambjent ġeografiku msemmi f’dak il-paragrafu;

(ii)

fir-rigward ta’ indikazzjoni ġeografika protetta, ir-rabta bejn kwalità determinata, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott u l-oriġini ġeografika msemmija fl-Artikolu 5(2);”

(b)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ispeċifikazzjoni tal-prodott jista’ jkun fiha deskrizzjoni tal-kontribut tad-denominazzjoni ta’ oriġini jew tal-indikazzjoni ġeografika għall-iżvilupp sostenibbli.”;

(6)

fl-Artikolu 10(1), il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 51(1) għandha tkun ammissibbli biss jekk tasal għand il-Kummissjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit f’dak il-paragrafu u jekk hija:”;

(7)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fil-każ ta’ prodotti li joriġinaw fl-Unjoni li jiġu kkummerċjalizzati taħt denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta rreġistrata f’konformità mal-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament, is-simboli tal-Unjoni assoċjati magħhom għandhom jidhru fuq it-tikketta u fil-materjali ta’ riklamar. Ir-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 għall-preżentazzjoni ta’ dettalji obbligatorji għandhom japplikaw għall-isem irreġistrat tal-prodott. L-indikazzjonijiet “denominazzjoni ta’ oriġini protetta” jew “indikazzjoni ġeografika protetta” jew l-abbrevjazzjonijiet korrispondenti ‘DOP’ jew ‘IĠP’ jistgħu jidhru fuq it-tikkettar.”;

(8)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

kwalunkwe użu kummerċjali, dirett jew indirett, ta’ isem irreġistrat fir-rigward ta’ prodotti mhux koperti mir-reġistrazzjoni fejn dawk il-prodotti jkunu komparabbli mal-prodotti rreġistrati taħt dak l-isem jew fejn l-użu tal-isem ikun qed jisfrutta, idgħajjef jew inaqqas ir-reputazzjoni tal-isem protett, inkluż f’każijiet meta dawn il-prodotti jintużaw bħala ingredjenti;”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Il-protezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika wkoll għal:

(a)

oġġetti li jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera ġewwa t-territorju doganali tal-Unjoni; u

(b)

oġġetti li jinbiegħu permezz ta’ bejgħ mill-bogħod, bħall-kummerċ elettroniku.

Għall-oġġetti li jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera ġewwa dak it-territorju, il-grupp jew kwalunkwe operatur li jkun intitolat juża d-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew l-indikazzjoni ġeografika protetta għandu jkun intitolat iżomm lil kull parti terza milli tintroduċi, fl-ambitu ta’ operazzjonijiet kummerċjali, oġġetti fl-Unjoni mingħajr ma dawn ikunu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fit-territorju, meta tali oġġetti, inkluż l-ippakkjar, ikunu ġejjin minn pajjiżi terzi u jkollhom id-denominazzjoni protetta jew l-indikazzjoni ġeografika protetta mingħajr awtorizzazzjoni.”;

(9)

l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 57(2) ħlief fejn titressaq dikjarazzjoni ammissibbli ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 49(3).”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jestendu l-perijodu ta’ tranżizzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għal massimu ta’ 15-il sena f’każijiet debitament ġustifikati fejn jintwera li:”;

(10)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 16a

Indikazzjonijiet ġeografiċi eżistenti għal prodotti tal-inbid aromatizzat

L-ismijiet imdaħħlin fir-reġistru stabbilit skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7) għandhom jiddaħħlu b’mod awtomatiku fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament bħala indikazzjonijiet ġeografiċi protetti. L-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti għandhom jitqiesu li huma speċifikazzjonijiet għall-iskopijiet tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.

(*7)  Ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91, (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14).”;"

(11)

fl-Artikolu 21(1), il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   Dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 51(1) għandha tkun ammissibbli biss jekk tasal għand il-Kummissjoni qabel ma jiskadi l-limitu taż-żmien u jekk hija:”;

(12)

fl-Artikolu 23, il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fil-każ ta’ prodotti li joriġinaw fl-Unjoni li huma kkummerċjalizzati taħt speċjalità tradizzjonali garantita li hija rreġistrata f’konformità ma’ dan ir-Regolament, is-simbolu msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, jidher fuq it-tikkettar u l-materjali ta’ reklamar. Ir-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 għall-preżentazzjoni ta’ dettalji obbligatorji għandhom japplikaw għall-isem irreġistrat tal-prodott. L-indikazzjoni ‘speċjalità tradizzjonali garantita’ jew l-abbrevjazzjoni korrispondenti ‘STG’ tista’ tidher fuq it-tikkettar.

Is-simbolu ma għandux ikun obbligatorju fuq it-tikkettar ta’ speċjalitajiet tradizzjonali garantiti li jiġu prodotti barra l-Unjoni.”;

(13)

L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ismijiet irreġistrati għandhom jiġu protetti minn kwalunkwe użu skorrett, imitazzjoni jew evokazzjoni, inkluż rigward prodotti li jintużaw bħala ingredjenti, jew minn kull prattika oħra li tista’ tqarraq lill-konsumatur.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Il-protezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika wkoll għal oġġetti li jinbiegħu permezz ta’ bejgħ mill-bogħod, bħall-kummerċ elettroniku.”;

(14)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 24a

Perijodi ta’ tranżizzjoni għall-użu ta’ speċjalitajiet tradizzjonali garantiti

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jagħtu perijodu ta’ tranżizzjoni sa ħames snin biex jippermettu prodotti, li d-denominazzjoni tagħhom tikkonsisti minn jew tinkludi isem li jikser l-Artikolu 24(1), biex ikomplu jużaw id-denominazzjoni li taħtha kienu kkummerċjalizzati, sakemm dikjarazzjoni ammissibbli ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 49(3) jew l-Artikolu 51 turi li dak l-isem kien użat fis-suq tal-Unjoni b’mod legali għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 50(2), punt (b).

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 57(2) ħlief fejn titressaq dikjarazzjoni ammissibbli ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 49(3).”;

(15)

fl-Artikolu 49, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8.   L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien jekk jinbeda kwalunkwe proċediment quddiem qorti nazzjonali jew korp nazzjonali ieħor, dwar applikazzjoni mressqa quddiem il-Kummissjoni, f’konformità mal-paragrafu 4, u jekk l-applikazzjoni tkun ġiet invalidata fil-livell nazzjonali permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja applikabbli immedjatament iżda mhux finali.”;

(16)

L-Artikolu 50 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 50

Skrutinju mill-Kummissjoni u pubblikazzjoni għal oppożizzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni li hi tirċievi f’konformità mal-Artikolu 49(4) u (5). Il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-applikazzjonijiet fihom l-informazzjoni meħtieġa u li ma fihomx żbalji evidenti, b’kont meħud tal-eżitu tal-proċedura ta’ skrutinju u ta’ oppożizzjoni mwettqa mill-Istat Membru kkonċernat.

L-iskrutinju mill-Kummissjoni jenħtieġ li ma jeċċedix perijodu ta’ sitt xhur mid-data ta’ meta tkun waslet l-applikazzjoni mill-Istat Membru. Meta jinqabeż dak il-perijodu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikant dwar ir-raġunijiet tad-dewmien bil-miktub.

Il-Kummissjoni għandha, għall-inqas kull xahar, tippubblika l-lista ta’ ismijiet li għalihom ġew ippreżentati lilha applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni, kif ukoll id-data tal-preżentazzjoni tagħhom.

2.   Meta, abbażi tal-iskrutinju mwettaq skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 jkunu ssodisfati fir-rigward tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni taħt l-iskema stabbilita fit-Titolu II, jew li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) u (2) ġew issodisfati fir-rigward tal-applikazzjonijiet taħt l-iskema stabbilita fit-Titolu III, hija għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea:

(a)

għall-applikazzjonijiet taħt l-iskema stipulata fit-Titolu II, id-dokument uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott;

(b)

għall-applikazzjonijiet taħt l-iskema stipulata fit-Titolu III, l-ispeċifikazzjoni.”;

3.   Il-Kummissjoni għandha tkun eżentata mill-obbligu li tikkonforma mal-iskadenza biex twettaq l-iskrutinju msemmi fil-paragrafu 1 u li tinforma lill-applikant bir-raġunijiet għad-dewmien meta tirċievi komunikazzjoni minn Stat Membru dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 49(4) li jew:

(a)

tinforma lill-Kummissjoni li l-applikazzjoni ġiet invalidata fil-livell nazzjonali permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja applikabbli immedjatament iżda mhux finali; jew

(b)

titlob lill-Kummissjoni tissospendi l-iskrutinju msemmi fil-paragrafu 1 minħabba li jkunu nbdew proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali biex tiġi kkontestata l-validità tal-applikazzjoni u l-Istat Membru jqis li dawk il-proċedimenti huma bbażati fuq raġunijiet validi.

L-eżenzjoni għandu jkollha effett sakemm il-Kummissjoni tiġi infurmata mill-Istat Membru li l-applikazzjoni oriġinali ġiet stabbilita mill-ġdid jew li l-Istat Membru jirtira t-talba tiegħu għal sospensjoni.”;

(17)

l-Artikolu 51 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew tkun stabbilita f’pajjiż terz u li jkollha interess leġittimu, tista’ tippreżenta dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni lill-Kummissjoni.

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor għajr dak minn fejn tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, u li jkollha interess leġittimu, tista’ tressaq dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni lill-Istat Membru li fih tkun residenti jew stabbilita f’limiti ta’ żmien li jippermetti li titressaq oppożizzjoni skont l-ewwel subparagrafu.”;

2.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-ammissibbiltà tad-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni abbażi tar-raġunijiet għall-oppożizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 10 fir-rigward tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u abbażi tar-raġunijiet għall-oppożizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 fir-rigward tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti.

3.   Jekk il-Kummissjoni tqis li d-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni tkun ammissibbli hija għandha, fi żmien ħames xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tistieden lill-awtorità jew lill-persuna li tkun ressqet id-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni u lill-awtorità jew il-korp li ressqu l-applikazzjoni lill-Kummissjoni sabiex jidħlu f’konsultazzjonijiet xierqa ma’ xulxin għal perijodu raġonevoli li ma għandux jaqbeż it-tliet xhur.

L-awtorità jew persuna li ressqu d-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni u l-awtorità jew korp li ressqu l-applikazzjoni għandhom jibdew dawn il-konsultazzjonijiet xierqa mingħajr dewmien żejjed. Dawn għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni rilevanti biex jivvalutaw jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tikkonformax mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jekk ma jintlaħaqx ftehim, din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni.

Fi kwalunkwe żmien matul dan il-perijodu ta’ konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni tista’, fuq it-talba tal-applikant, testendi l-iskadenza għall-konsultazzjonijiet b’massimu ta’ tliet xhur.”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Id-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni u dokumenti oħra li jintbagħtu lill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.”;

(18)

fl-Artikolu 52, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Fejn, abbażi tal-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni mill-iskrutinju mwettaq skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 50(1), il-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6, fir-rigward tal-iskemi ta’ kwalità stabbiliti fit-Titolu II, jew fl-Artikolu 18, fir-rigward tal-iskemi ta’ kwalità stabbiliti fit-Titolu III, ma jkunux ssodisfati, hija għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jirrifjutaw l-applikazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 57(2).

2.   Jekk il-Kummissjoni ma tirċievi l-ebda dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni ammissibbli skont l-Artikolu 51, hija għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 57(2), li jirreġistraw l-isem.”;

(19)

L-Artikolu 53 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 53

Emendi għal speċifikazzjonijiet ta’ prodott”

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-emendi għal speċifikazzjoni ta’ prodott għandhom jiġu kklassifikati f’żewġ kategoriji fir-rigward tal-importanza tagħhom: L-emendi tal-Unjoni, li jeħtieġu proċedura ta’ oppożizzjoni fil-livell tal-Unjoni, u l-emendi standard li għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-Istati Membri jew fil-livell tal-pajjiż terz.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘emenda tal-Unjoni’ tfisser emenda għal speċifikazzjoni tal-prodott li:

(a)

tinkludi tibdil fl-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew tal-indikazzjoni ġeografika protetta, jew fl-użu ta’ dak l-isem;

(b)

hemm ir-riskju li r-rabta msemmija fl-Artikolu 5(1), punt (b), għal denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti, jew ir-rabta imsemmija fl-Artikolu 5(2) punt (b), għal indikazzjonijiet ġeografiċi protetti jiġu invalidati;

(c)

tikkonċerna speċjalità tradizzjonali garantita; jew

(d)

tinvolvi restrizzjonijiet ġodda fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

“Emenda standard” tfisser kwalunkwe emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott li mhijiex emenda tal-Unjoni.

‘Emenda temporanja’ tfisser emenda standard li tikkonċerna bidla temporanja fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi jew emenda temporanja meħtieġa minħabba diżastru naturali jew kondizzjonijiet tat-temp avversi formalment rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti.

L-emendi tal-Unjoni għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni. Il-proċedura ta’ approvazzjoni għandha ssegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikoli 49 sa 52, mutatis mutandis.

L-iskrutinju tal-applikazzjoni għandu jiffoka fuq l-emenda proposta. Fejn xieraq, il-Kummissjoni jew l-Istat Membru kkonċernat jista’ jistieden lill-applikant biex jimmodifika elementi oħra tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott.

L-emendi standard għandhom jiġu approvati u ppubblikati mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab iż-żona ġeografika tal-prodott ikkonċernat u jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni. Il-pajjiżi terzi għandhom japprovaw l-emendi standard f’konformità mal-liġi applikabbli fil-pajjiż terz ikkonċernat u jikkomunikawhom lill-Kummissjoni.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Sabiex tiffaċilita l-proċess amministrattiv fir-rigward tal-emendi tal-Unjoni u l-emendi standard għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, inkluż fejn emenda ma tinvolvi l-ebda tibdil fid-dokument uniku, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 56, li jikkomplementaw ir-regoli tal-proċess ta’ applikazzjoni għal emenda.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-proċeduri għal, il-forma ta’ u l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal emendi għal emendi tal-Unjoni, u dwar il-proċeduri għal u l-forma ta’ emendi standard u l-komunikazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 57(2).”;

(20)

fl-Anness I, Punt I, jiżdiedu l-inċiżi li ġejjin:

“-

inbejjed aromatizzati kif definiti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 251/2014,

-

xarbiet alkoħoliċi oħrajn, ħlief għal spirti u prodotti tad-dwieli kif definiti fl-Anness VII, Parti II, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013,

-

xama’ tan-naħal.”;

Artikolu 3

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 251/2014

(1)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91”;

(2)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“1.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat.”;

(3)

fl-Artikolu 2, il-punt 3 jitħassar;

(4)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Id-denominazzjonijiet tal-bejgħ jistgħu jiġu ssupplimentati jew sostitwiti b’indikazzjoni ġeografika ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat protett skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.”;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“6.   Fil-każ ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat prodotti fl-Unjoni li huma maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi li l-leġiżlazzjoni tagħhom tirrikjedi denominazzjonijiet tal-bejgħ differenti, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li dawk id-denominazzjonijiet tal-bejgħ jakkumpanjaw id-denominazzjonijiet tal-bejgħ stipulati fl-Anness II. Dawk id-denominazzjonijiet tal-bejgħ addizzjonali jistgħu jidhru wkoll b’lingwi oħra apparti l-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

7.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 33 biex tissupplimenta l-Anness II sabiex tqis il-progress tekniku, l-iżviluppi xjentifiċi u tas-suq, is-saħħa tal-konsumatur jew il-ħtiġijiet tal-konsumatur għall-informazzjoni.”;

(5)

Jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 6a

Dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni u lista tal-ingredjenti

1.   It-tikkettar tal-prodotti tal-inbid aromatizzat ikkummerċjalizzati fl-Unjoni għandu jkun fih id-dettalji obbligatorji li ġejjin:

(a)

id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni skont l-Artikolu 9(1), punt (l), tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011; u

(b)

il-lista ta’ ingredjenti skont l-Artikolu 9(1), punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.”

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, punt (a), id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu tista’ tkun limitata għall-valur enerġetiku, li jista’ jiġi espress bl-użu tas-simbolu ‘E’ għall-enerġija. F’tali każijiet, id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni sħiħa għandha tiġi pprovduta b’mezzi elettroniċi identifikati fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu. Dik id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni ma għandhiex tintwera ma’ informazzjoni oħra maħsuba għal skopijiet ta’ bejgħ jew kummerċjalizzazzjoni u l-ebda data dwar l-utent ma għandha tinġabar jew tiġi traċċata.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, punt (b), il-lista ta’ ingredjenti tista’ tiġi pprovduta b’mezzi elettroniċi identifikati fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu. F’tali każijiet, japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-ebda data tal-utent ma għandha tinġabar jew tiġi traċċata;

(b)

il-lista ta’ ingredjenti ma għandhiex tintwera ma’ informazzjoni oħra maħsuba għal skopijiet ta’ bejgħ jew kummerċjalizzazzjoni; u

(c)

l-indikazzjoni tad-dettalji msemmija fl-Artikolu 9(1), punt (c), tar-Regolament(UE) Nru 1169/2011 għandha tidher direttament fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu.

L-indikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, punt (c), ta’ dan il-paragrafu għandha tinkludi l-kelma “fih” segwita bl-isem tas-sustanza jew tal-prodott kif elenkat fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

4.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 33 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi tispeċifika aktar ir-regoli għall-indikazzjoni u d-denominazzjoni tal-ingredjenti għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1, punt (b) ta’ dan l-Artikolu.”;

(6)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-isem tal-indikazzjoni ġeografika ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat protett skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għandu jidher fuq it-tikketta fil-lingwa jew fil-lingwi li fihom huwa rreġistrat, anki meta l-indikazzjoni ġeografika tissostitwixxi d-denominazzjoni tal-bejgħ f’konformità mal-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-Regolament.

Fejn l-isem ta’ indikazzjoni ġeografika ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat protett skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ikun miktub b’alfabett mhux Latin, dan jista’ jidher ukoll f’lingwa uffiċjali waħda jew iżjed tal-Unjoni.”;

(7)

l-Artikolu 9 jitħassar;

(8)

Il-Kapitolu III, li jinkludi l-Artikoli 10 sa 30, jitħassar.

(9)

L-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(7) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mis-7 ta’ Diċembru 2021. Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artiklu 6a(4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-8 ta’ Diċembru 2023. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 4(2), Artikolu 5(7), Artikolu 6a(4), Artikolu 28, Artikolu 32(2) u Artikolu 36(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikat f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.”;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 4(2), Artikolu 5(7), Artikolu 6a(4), Artikolu 28, Artikolu 32(2) u Artikolu 36(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(10)

fl-Anness I, punt (1)(a), jiżdied il-punt li ġej:

“(iv)

spirti fi kwantità li ma taqbiżx il-1 % tal-volum totali.”;

(11)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-Parti A, punt (3), l-ewwel inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“-

li miegħu seta’ ġie miżjud l-alkoħol; u”

(b)

il-Parti B hija emendata kif ġej:

(i)

fil-punt (8), l-ewwel inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“-

li jinkiseb esklużivament minn inbid aħmar jew abjad jew mit-tnejn,”;

(ii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(14)

Wino ziołowe

Xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat:

(a)

li jinkiseb mill-inbid u li fih il-prodotti tad-dwieli jirrappreżentaw mill-inqas 85 % tal-volum totali,

(b)

li jkun ingħata t-togħma esklużivament bi preparazzjonijiet aromatizzanti miksuba minn ħxejjex aromatiċi jew ħwawar jew it-tnejn,

(c)

li ma jkunx ingħata kulur,

(d)

li għandu qawwa alkoħolika effettiva skont il-volum ta’ mhux inqas minn 7 %”.

Artikolu 4

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 228/2013

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 22a

Ftehimiet interprofessjonali f’Réunion

1.   Skont l-Artikolu 349 tat-Trattat, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat u minkejja l-Artikolu 164(4), l-ewwel subparagrafu, punti (a) sa (n), tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fejn organizzazzjoni interprofessjonali rikonoxxuta skont l-Artikolu 157 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 topera esklużivament f’Réunion u titqies li tirrappreżenta l-produzzjoni ta’, il-kummerċ fi jew l-ipproċessar ta’ prodott speċifiku wieħed, Franza tista’, fuq talba ta’ dik l-organizzazzjoni, testendi għal operaturi oħra li mhumiex membri ta’ dik l-organizzazzjoni interprofessjonali regoli mmirati biex jappoġġaw iż-żamma u d-diversifikazzjoni tal-produzzjoni lokali sabiex tiżdied is-sigurtà tal-ikel f’Réunion, dment li dawk ir-regoli japplikaw biss għal dawk l-operaturi li l-attivitajiet tagħhom huma mwettqa biss f’Réunion fir-rigward ta’ prodotti li huma destinati għas-suq lokali. Minkejja l-Artikolu 164(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, organizzazzjoni interprofessjonali għandha titqies bħala li hija rappreżentant skont dan l-Artikolu fejn tirrappreżenta mill-inqas 70 % tal-volum tal-produzzjoni, tal-kummerċ jew tal-ipproċessar tal-prodott jew prodotti kkonċernati.

2.   B’deroga mill-Artikolu 165 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fejn ir-regoli ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rikonoxxuta li topera esklużivament f’Réunion jiġu estiżi skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u l-attivitajiet koperti minn dawk ir-regoli jkunu fl-interess ekonomiku ġenerali tal-operaturi ekonomiċi li l-attivitajiet tagħhom huma mwettqa biss f’Réunion fir-rigward ta’ prodotti li huma destinati għas-suq lokali, Franza tista’ tiddeċiedi, wara li tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati rilevanti, li l-operaturi ekonomiċi individwali jew gruppi li ma jkunux membri tal-organizzazzjoni iżda joperaw f’dak is-suq lokali għandhom iħallsu lill-organizzazzjoni l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kollha jew parti minnhom li jitħallsu mill-membri tagħha, sa fejn tali kontribuzzjonijiet ikunu maħsuba biex ikopru l-ispejjeż li huma mġarrba direttament b’riżultat tat-twettiq tal-attivitajiet konċernati.

3.   Franza għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe ftehim li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jiġi estiż f’konformità ma’ dan l-Artikolu.”.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Ir-regoli applikabbli qabel is-7 ta’ Diċembru 2021 għandhom ikomplu japplikaw għall-applikazzjonijiet għall-protezzjoni, l-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni tal-emendar u t-talbiet għall-kanċellazzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi li l-Kummissjoni tirċievi skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 qabel is-7 ta’ Diċembru 2021 u għall-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni, u t-talbiet għall-kanċellazzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti jew speċjalitajiet tradizzjonali garantiti li l-Kummissjoni tirċievi skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 qabel is-7 ta’ Diċembru 2021.

2.   Ir-regoli applikabbli qabel is-7 ta’ Diċembru 2021 għandhom jibqgħu japplikaw għal applikazzjonijiet għall-approvazzjoni tal-emendar ta’ speċifikazzjoni ta’ prodott ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi jew ta’ speċjalitajiet tradizzjonali garantiti li l-Kummissjoni tirċievi skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 qabel it-8 ta’ Ġunju 2022.

3.   Ir-regoli applikabbli qabel is-7 ta’ Diċembru 2021 għandhom ikomplu japplikaw għall-applikazzjonijiet għall-protezzjoni, l-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni tal-emendar u t-talbiet għall-kanċellazzjoni tal-ismijiet ta’ nbejjed aromatizzati bħala indikazzjoni ġeografika li l-Kummissjoni tirċievi skont ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 qabel is-7 ta’ Diċembru 2021. Madankollu, id-deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni għandha tiġi adottata skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 kif emendat bl-Artikolu 2, punt (18), ta’ dan ir-Regolament.

4.   L-Artikoli 29 sa 38 u 55 sa 57 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom ikomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2022 fir-rigward tan-nefqa mġarrba u l-pagamenti magħmula għal operazzjonijiet implimentati qabel l-1 ta’ Jannar 2023 fi ħdan l-iskemi ta’ għajnuna msemmija f’dawk l-Artikoli.

5.   L-Artikoli 58 sa 60 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom ikomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2022 fir-rigward tan-nefqa mġarrba u l-pagamenti magħmula qabel l-1 ta’ Jannar 2023 fi ħdan l-iskema ta’ għajnuna msemmija f’dawk l-Artikoli.

6.   Organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom fis-settur tal-frott u l-ħxejjex li jkollhom programm operazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jkun ġie approvat minn Stat Membru għal tul ta’ żmien lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2022 għandhom, sal-15 ta’ Settembru 2022, jissottomettu talba lil dak l-Istat Membru sabiex il-programm operazzjonali tagħhom:

(a)

jiġi modifikat biex jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2021/2115; jew

(b)

jiġi sostitwit bi programm operazzjonali ġdid approvat skont ir-Regolament (UE) 2021/2115; jew

(c)

ikompli jopera sa tmiemu taħt il-kondizzjonijiet applikabbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

Meta tali organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom ma jressqux talbiet bħal dawn sal-15 ta’ Settembru 2022, il-programm operazzjonali tagħhom li huma approvati skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2022.

7.   Il-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid imsemmija fl-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom ikomplu japplikaw sal-15 ta’ Ottubru 2023. L-Artikoli 39 sa 54 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom ikomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2022 fir-rigward ta’:

(a)

in-nefqa mġarrba u l-pagamenti li saru għal operazzjonijiet implimentati skont dak ir-Regolament qabel is-16 ta’ Ottubru 2023 fi ħdan l-iskema ta’ għajnuna msemmija fl-Artikoli 39 sa 52 ta’ dak ir-Regolament;

(b)

in-nefqa mġarrba u l-pagamenti li saru għal operazzjonijiet implimentati skont l-Artikoli 46 u 50 ta’ dak ir-Regolament qabel is-16 ta’ Ottubru 2025, dment li sal-15 ta’ Ottubru 2023 tali operazzjonijiet jkunu ġew parzjalment implimentati u n-nefqa mġarrba tammonta għal mill-anqas 30 % tan-nefqa totali ppjanata u li tali operazzjonijiet jkunu ġew implimentati bis-sħiħ sal-15 ta’ Ottubru 2025.

8.   L-inbid li jissodisfa r-rekwiżiti tat-tikkettar tal-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u prodotti tal-inbid aromatizzat li jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tikkettar tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 applikabbli fiż-żewġ każijiet qabel it-8 ta’ Diċembru 2023 u li ġew prodotti u ttikkettati qabel dik id-data jistgħu jkomplu jitqiegħdu fis-suq sakemm l-istokkijiet jiġu eżawriti.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1, punti (8)(d)(i), (8)(d)(iii), (10)(a)(ii) u (38), għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021.

L-Artikolu 2, punt (19)(b), għandu japplika mit-8 ta’ Ġunju 2022.

L-Artikolu 1, punti (1), (2)(b), (8)(a), (8)(b), (8)(e), (18), (31), (35), (62), (68)(a), (69) u (73), għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2023.

L-Artikolu 1, punti (32)(a)(ii) u (32)(c), u l-Artikolu 3, punt (5), għandhom japplikaw mit-8 ta’ Diċembru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

J. VRTOVEC


(1)   ĠU C 62, 15.2.2019, p. 214.

(2)   ĠU C 86, 7.3.2019, p. 173.

(3)   ĠU C 41, 1.2.2019, p. 1.

(4)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021.

(5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(7)   ĠU L 123, 12.5.2016. p. 1.

(8)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) fis-snin 2021 u 2022 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni fis-snin 2021 u 2022 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni ta’ tali appoġġ fir-rigward tas-snin 2021 u 2022 (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 1).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ara l-paġna 187 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

(15)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304 22.11.2011, p. 18).

(18)  Id-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 59).

(19)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(20)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).

(21)  Ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14).


Top