Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R2087

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2087 tas-6 ta’ Lulju 2021 li jemenda l-Annessi II, III u IV tar-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bl-għan li jiżdiedu l-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom bħala kategorija ta’ materjal komponent fil-prodotti fertilizzanti tal-UE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/4751

    ĠU L 427, 30.11.2021, p. 130–139 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/2087/oj

    30.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 427/130


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2087

    tas-6 ta’ Lulju 2021

    li jemenda l-Annessi II, III u IV tar-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bl-għan li jiżdiedu l-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom bħala kategorija ta’ materjal komponent fil-prodotti fertilizzanti tal-UE

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE. Il-prodotti fertilizzanti tal-UE fihom materjali komponenti ta’ waħda jew aktar mill-kategoriji elenkati fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament.

    (2)

    L-Artikolu 42(2) tar-Regolament (UE) 2019/1009 moqri flimkien mal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(1) ta’ dak ir-Regolament jirrikjedi lill-Kummissjoni tivvaluta l-prodotti bbażati fuq l-irmied mingħajr dewmien żejjed wara l-15 ta’ Lulju 2019 u tinkludihom fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament jekk dik il-valutazzjoni tikkonkludi li l-prodotti fertilizzanti tal-UE li fihom dak il-materjal ma jippreżentawx riskju għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, għas-sikurezza jew għall-ambjent u jiżguraw l-effiċjenza agronomika.

    (3)

    Il-prodotti bbażati fuq l-irmied jistgħu jkunu skart, u skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2019/1009 jistgħu ma jibqgħux skart jekk ikunu jinsabu fi prodott fertilizzanti tal-UE konformi. Għalhekk, skont l-Artikolu 42(3) tar-Regolament (UE) 2019/1009 moqri flimkien mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni tista’ tinkludi l-prodotti bbażati fuq l-irmied fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009 biss jekk ir-regoli ta’ rkupru f’dak l-Anness jiżguraw li l-materjali se jintużaw għal skopijiet speċifiċi, li jeżisti suq jew domanda għalihom, u li l-użu tagħhom ma jwassalx għal impatti negattivi ġenerali fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem.

    (4)

    Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (“JRC”) tal-Kummissjoni beda l-valutazzjoni tiegħu tal-prodotti bbażati fuq l-irmied bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1009, u kkonkludiha fl-2019. Matul il-valutazzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni twessa’ biex jinkludi l-ispettru wiesa’ tal-materjali tal-ossidazzjoni termali, kif ukoll id-derivati tagħhom.

    (5)

    Ir-rapport ta’ valutazzjoni tal-JRC (3) jikkonkludi li l-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom, jekk ikunu prodotti skont ir-regoli ta’ rkupru ssuġġeriti fir-rapport, jipprovdu lill-pjanti b’nutrijenti jew itejbu l-effiċjenza nutrittiva tagħhom u għalhekk jiżguraw l-effiċjenza agronomika.

    (6)

    Barra minn hekk, ir-rapport ta’ valutazzjoni tal-JRC jikkonkludi li hemm domanda tas-suq eżistenti u li qed tikber għall-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom, u li dawk il-materjali x’aktarx jintużaw biex jipprovdu inputs ta’ nutrijenti għall-agrikoltura Ewropea. Jikkonkludi wkoll li l-użu tal-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom prodotti skont ir-regoli ta’ rkupru ssuġġeriti fir-rapport ma jwassalx għal impatti negattivi ġenerali fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem.

    (7)

    Ir-regoli ta’ rkupru ssuġġeriti fir-rapport ta’ valutazzjoni tal-JRC jinkludu miżuri biex jiġu limitati r-riskji tar-riċiklaġġ tal-kontaminanti jew il-produzzjoni tagħhom, bħall-ħolqien ta’ lista eżawrjenti ta’ materjali ta’ input eliġibbli u l-esklużjoni ta’ pereżempju l-iskart muniċipali mħallat u l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ta’ pproċessar u rekwiżiti tal-kwalità tal-prodott speċifiċi. Dak ir-rapport ta’ valutazzjoni jikkonkludi wkoll li jenħtieġ li l-prodotti fertilizzanti li fihom materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom isegwu r-regoli speċifiċi ta’ tikkettar u li r-regoli tal-valutazzjoni tal-konformità applikabbli għal tali prodotti jenħtieġ li jinkludu sistema ta’ kwalità vvalutata u approvata minn korp innotifikat.

    (8)

    Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom, jekk jiġu prodotti skont ir-regoli ta’ rkupru ssuġġeriti mir-rapport ta’ valutazzjoni tal-JRC, jiżguraw l-effiċjenza agronomika skont it-tifsira tal-punt (b)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2019/1009. Barra minn hekk, dawn jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98/KE. Fl-aħħar nett, jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti l-oħra stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1009 b’mod ġenerali u fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament b’mod partikolari, ma jkunux jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, għas-sikurezza jew għall-ambjent skont it-tifsira tal-punt (b)(i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2019/1009. Għalhekk, jenħtieġ li l-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom jiġu inklużi fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009 soġġett għal dawk ir-regoli ta’ rkupru.

    (9)

    B’mod partikolari, il-prodotti sekondarji mill-annimali jew derivati minnhom skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jenħtieġ li jkunu permessi biss bħala materjali ta’ input għall-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom irregolati mir-Regolament (UE) 2019/1009, jekk u meta l-punti aħħarin fil-katina tal-manifattura jkunu ġew iddeterminati skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u se jintlaħqu sa mhux aktar tard minn tmiem il-proċess ta’ produzzjoni tal-prodott fertilizzanti tal-UE li jkun fihom l-materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom.

    (10)

    Barra minn hekk, minħabba l-fatt li l-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom jistgħu jitqiesu bħala skart irkuprat jew prodotti sekondarji skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/98/KE, jenħtieġ li tali materjali jiġu esklużi mill-kategoriji tal-materjal komponent 1 u 11 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009 skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 42(1) ta’ dak ir-Regolament.

    (11)

    Huwa importanti li jiġi żgurat li l-prodotti fertilizzanti li fihom il-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom isegwu regoli addizzjonali ta’ tikkettar u li jkunu soġġetti għal proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li tinkludi sistema ta’ kwalità vvalutata u approvata minn korp innotifikat. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu emendati l-Anness III u l-Anness IV tar-Regolament (UE) 2019/1009 biex jiġu previsti rekwiżiti tat-tikkettar u valutazzjoni tal-konformità xierqa għal tali prodotti fertilizzanti.

    (12)

    Minħabba li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II u III tar-Regolament (UE) 2019/1009 u l-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità stabbiliti fl-Anness IV ta’ dak ir-Regolament iridu japplikaw mis-16 ta’ Lulju 2022, jeħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita għall-istess data,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) 2019/1009 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Anness II huwa emendat skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

    (2)

    L-Anness III huwa emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

    (3)

    L-Anness IV huwa emendat skont l-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mis-16 ta’ Lulju 2022.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

    (3)  Huygens D, Saveyn HGM, Tonini D, Eder P, Delgado Sancho L, Technical proposals for selected new fertilising materials under the Fertilising Products Regulation (Regulation (UE) 2019/1009) - Process and quality criteria, and assessment of environmental and market impacts for precipitated phosphate salts & derivates, thermal oxidation materials & derivates and pyrolysis & gasification materials, EUR 29841 EN, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2019, ISBN 978-92-76-09888-1, doi:10.2760/186684, JRC117856.

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).


    ANNESS I

    L-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fil-Parti I, jiżdied il-punt li ġej:

    “CMC 13: Materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom”;

    (2)

    Il-parti II hija emendata kif ġej:

    (a)

    F’CMC 1, fil-punt 1, jiżdied is-subpunt (j) li ġej:

    “(j)

    materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom, li jiġu rkuprati mill-iskart jew li huma prodotti sekondarji skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/98/KE.”;

    (b)

    F’CMC 11, fil-punt 1, jiżdied is-subpunt (f) li ġej:

    “(f)

    materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom, li jiġu rkuprati mill-iskart jew li huma prodotti sekondarji skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/98/KE, jew”;

    (c)

    Jiżdied CMC 13 li ġej:

    CMC 13: MATERJALI TAL-OSSIDAZZJONI TERMALI JEW ID-DERIVATI TAGĦHOM

    1.

    Prodott fertilizzanti tal-UE jista’ jkun fih materjali tal-ossidazzjoni termali miksuba permezz ta’ konverżjoni termokimika f’kundizzjonijiet li ma jillimitawx l-ossiġenu esklużivament minn wieħed jew aktar mill-materjali ta’ input li ġejjin:

    (a)

    organiżmi ħajjin jew mejtin jew partijiet minnhom, li ma jkunux ipproċessati jew li jkunu pproċessati biss b’mezzi manwali, mekkaniċi jew gravitazzjonali, bit-taħlil fl-ilma, bit-tagħwim, bl-estrazzjoni bl-ilma, bid-distillazzjoni tal-fwar jew bit-tisħin esklużivament biex jitneħħa l-ilma, jew li jiġu estratti mill-arja bi kwalunkwe mezz, għajr (*1):

    materjali li joriġinaw minn skart muniċipali mħallat,

    ħama tad-drenaġġ, ħama industrijali jew ħama mit-tħammil, u

    prodotti sekondarji mill-annimali jew prodotti derivati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009;

    (b)

    skart veġetali mill-industrija tal-ipproċessar tal-ikel u skart veġetali fibruż mill-produzzjoni tal-polpa verġni u mill-produzzjoni tal-karta mill-polpa verġni, jekk ma tkunx modifikata kimikament;

    (c)

    frazzjoni tal-bijoskart li tirriżulta minn operazzjonijiet ta’ trattament sussegwenti tal-bijoskart miġbur b’mod separat għar-riċiklaġġ skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/98/KE, li għalih l-inċinerazzjoni tagħti l-aqwa eżitu ambjentali skont l-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva għajr il-prodotti sekondarji mill-annimali jew il-prodott derivat li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009;

    (d)

    materjali li jirriżultaw minn proċess ta’ konverżjoni mikrobika jew termokimika li juża esklużivament il-materjali ta’ input imsemmija fis-subpunti (a), (b), u (c);

    (e)

    ħama tad-drenaġġ minn impjanti tat-trattament tal-ilma muniċipali, għajr il-prodotti sekondarji mill-annimali jew il-prodotti derivati fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009;

    (f)

    materjali mit-trattament tal-ilma mormi operat b’mod indipendenti mhux koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE (*2) mill-industriji tal-ipproċessar tal-ikel, tal-ikel għall-annimali domestiċi, tal-għalf, tal-ħalib u tax-xorb, għajr il-prodotti sekondarji mill-annimali jew il-prodotti derivati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009;

    (g)

    skart skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/98/KE bl-eċċezzjoni (*1) ta’:

    materjali ta’ input imsemmija fis-subpunti (a) sa (f),

    skart perikoluż skont it-tifsira tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE,

    materjali li joriġinaw minn skart muniċipali mħallat,

    bijoskart fi ħdan it-tifsira tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE li jirriżulta mill-ġbir separat tal-bijoskart fis-sors, u

    prodotti sekondarji mill-annimali jew prodotti derivati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009;

    (h)

    karburanti awżiljarji (gass naturali, gass likwifikat, kondensat tal-gass naturali, gassijiet tal-proċess u komponenti tagħhom, żejt mhux maħdum, faħam, kokk kif ukoll il-materjali derivati tagħhom), meta jintużaw għall-ipproċessar tal-materjali ta’ input imsemmija fis-subpunti (a) sa (g);

    (i)

    sustanzi li jintużaw fil-proċessi ta’ produzzjoni tal-ħadid u l-azzar; jew

    (j)

    sustanzi u taħlitiet, bl-eċċezzjoni (*1) ta’:

    materjali ta’ input imsemmija fis-subpunti (a) sa (i),

    skart skont it-tifsira tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE,

    sustanzi jew taħlitiet li ma baqgħux skart fi Stat Membru wieħed jew aktar bis-saħħa tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98/KE,

    sustanzi ffurmati minn prekursuri li ma baqgħux skart fi Stat Membru wieħed jew aktar bis-saħħa tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98/KE, jew taħlitiet li fihom tali sustanzi, u

    prodotti sekondarji mill-annimali jew prodotti derivati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009.

    2.

    Minkejja l-punt 1, prodott fertilizzanti tal-UE jista’ jkun fih materjali tal-ossidazzjoni termali miksuba permezz tal-konverżjoni termokimika f’kundizzjonijiet li ma jillimitawx l-ossiġenu minn materjali tal-Kategorija 2 jew tal-Kategorija 3 jew prodotti dderivati minnhom, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u fil-miżuri msemmija fl-Artikolu 32(3) ta’ dak ir-Regolament, waħedhom jew imħalltin mal-materjali ta’ input imsemmija fil-punt 1, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-punt aħħari fil-katina tal-manifattura jkun ġie ddeterminat f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009;

    (b)

    jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet fil-punti 3, 4 u 5.

    3.

    L-ossidazzjoni termali għandha sseħħ f’kundizzjonijiet li ma jillimitawx l-ossiġenu b’tali mod li l-gass li jirriżulta mill-konverżjoni termokimika jittella’, wara l-aħħar injezzjoni ta’ arja tal-kombustjoni, b’mod kontrollat u omoġenju u anke taħt l-iżjed kondizzjonijiet sfavorevoli, għal temperatura ta’ mill-inqas 850 °C għal mill-inqas żewġ sekondi. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom japplikaw għall-materjali ta’ input kollha, bl-eżenzjoni ta’:

    (a)

    l-materjali ta’ input msemmija fil-punti 1(a), (b) u (h), jew li jirriżultaw minn proċess ta’ konverżjoni mikrobika jew termokimika kkontrollata li juża esklużivament dak il-materjali, u

    (b)

    materjali ta’ input imsemmija fil-punt 2,

    li għalihom għandha tapplika temperatura ta’ mill-inqas 450 °C għal mill-inqas 0,2 sekondi;

    4.

    L-ossidazzjoni termali għandha sseħħ f’kompartiment tal-inċinerazzjoni jew tal-kombustjoni. Il-kompartiment jista’ jipproċessa biss materjali ta’ input li ma jkunux ikkontaminati bi flussi ta’ materjali oħra, jew materjali ta’ input, għajr prodotti sekondarji mill-annimali jew prodotti derivati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, li ġew ikkontaminati mhux intenzjonalment bi flussi oħra ta’ materjal f’inċident ta’ darba li rriżulta biss fi traċċi ta’ komposti eżoġeni.

    Il-kundizzjonijiet li ġejjin kollha għandhom jiġu ssodisfati fl-impjant fejn isseħħ l-ossidazzjoni termali:

    (a)

    il-linji ta’ produzzjoni għall-ipproċessar tal-materjali ta’ input imsemmija fil-punt 1 u 2 għandhom ikunu separati b’mod ċar mil-linji ta’ produzzjoni ta’ materjali ta’ input oħra,

    (b)

    il-materjal ta’ input għandu jiġi ossidizzat b’tali mod li l-kontenut totali tal-karbonju organiku (Corg) tal-gagazza u tal-irmied tal-qiegħ li jirriżultaw ikun inqas minn 3 % f’materja niexfa tal-materjal,

    (c)

    il-kuntatt fiżiku bejn il-materjali ta’ input u ta’ output għandu jiġi evitat wara l-proċess ta’ konverżjoni termokimika, inkluż waqt il-ħażna.

    5.

    Il-materjali tal-ossidazzjoni termali għandhom ikunu rmied jew gagazza, u ma għandhomx ikollhom aktar minn:

    (a)

    6 mg/kg ta’ materja niexfa ta’ PAH16  (*3),

    (b)

    20 ng ta’ ekwivalenti tat-tossiċità tad-WHO (*4) ta’ PCDD/F (*5)/kg ta’ materja niexfa.

    6.

    Prodott fertilizzanti tal-UE jista’ jkun fih derivati minn materjali tal-ossidazzjoni termali li jkunu ġew prodotti mill-materjali ta’ input imsemmija fil-punti 1 u 2 li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-punt 5 u li jkunu ġew immanifatturati minn proċess ta’ konverżjoni termokimika f’konformità mal-punti 3 u 4.

    Il-proċess ta’ manifattura tad-derivati għandu jitwettaq sabiex tiġi modifikata intenzjonalment il-kompożizzjoni kimika tal-materjali tal-ossidazzjoni termali.

    Il-proċess ta’ manifattura tad-derivati għandu jkun tat-tip li ġej:

    (a)

    il-manifattura tas-sustanzi kimiċi: id-derivati jiġu prodotti permezz ta’ pass wieħed jew aktar tal-manifattura kimika li permezz tagħhom il-materjali ta’ ossidazzjoni termali jirreaġixxu mal-materjali ta’ input imsemmija fis-subpunt 1(j) li jiġu kkunsmati fl-ipproċessar kimiku jew li jintużaw għalih filwaqt li ma għandhomx jintużaw polimeri mhux bijodegradabbli;

    (b)

    il-manifattura termokimika: id-derivati li jiġu prodotti permezz ta’ pass wieħed jew aktar tal-manifattura li permezz tagħhom il-materjali ta’ ossidazzjoni termali jirreaġixxu termokimikament mas-sustanzi reattivi msemmija fil-punti 1 u 2 li jiġu kkunsmati fl-ipproċessar kimiku jew li jintużaw għalih.

    Il-materjali tal-ossidazzjoni termali li juru karatteristika perikoluża waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE ma għandhomx jitħalltu jew jagħmlu reazzjoni, ma’ skart, sustanzi jew materjali bl-intenzjoni li jitnaqqsu s-sustanzi perikolużi għal livelli taħt il-valuri ta’ limitu għall-proprjetà perikoluża kif stabbilit fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva. Bl-użu ta’ approċċ ta’ bilanċ tal-massa, il-manifatturi li jużaw materjali ta’ ossidazzjoni termali bi proprjetajiet perikolużi jridu juru t-tneħħija jew it-trasformazzjoni tal-kontaminanti f’livelli taħt il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE.

    7.

    Il-kontaminanti fi prodott fertilizzant tal-UE jew li jikkonsistu minn materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom ma għandhomx jaqbżu l-valuri limitu li ġejjin:

    (a)

    kromu totali (Cr): 400 mg/kg materja niexfa, jekk il-materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom ikunu mill-materjali ta’ input imsemmija fis-subpunti 1(e), (g) jew (i);

    (b)

    tallju (Tl): 2 mg/kg materja niexfa, jekk il-materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom ikunu mill-materjali ta’ input imsemmija fis-subpunti 1(e), (g), (h) jew (i);

    Il-kontenut tal-kloru (Cl-) ma għandux ikun ogħla minn 30 g/kg ta’ materja niexfa. Madankollu, dan il-valur limitu ma għandux japplika għall-prodotti fertilizzanti tal-UE prodotti permezz ta’ proċess ta’ manifattura fejn ikun ġie miżjud kompost li jkun fih il-Cl- bl-intenzjoni li jiġu prodotti mlieħ tal-metall alkalin jew imlieħ tal-metall alkalin tal-art, u li jkun iddikjarat f’konformità mal-Anness III;

    Il-kontenut tal-vanadju (V) ma għandux ikun ogħla minn 600 mg/kg ta’ materja niexfa, jekk il-materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom ikunu mill-materjali ta’ input imsemmija fis-subpunti 1(g) jew (i).

    8.

    Il-materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom għandhom ikunu reġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, f’dossier li jkun fih:

    (a)

    l-informazzjoni prevista fl-Annessi VI, VII u VIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, u

    (b)

    r-rapport tas-sigurtà kimika skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 li jkopri l-użu bħala prodott fertilizzanti,

    sakemm ma jkunx kopert b’mod espliċitu minn waħda mill-eżenzjonijiet għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew mill-punti 6, 7, 8 jew 9 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament.

    (*1)  L-esklużjoni ta’ materjal ta’ input eliġibbli minn subpunt wieħed ma jipprevenihx milli jkun materjal ta’ input eliġibbli skont subpunt ieħor."

    (*2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma-skart urban (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40)."

    (*1)  L-esklużjoni ta’ materjal ta’ input eliġibbli minn subpunt wieħed ma jipprevenihx milli jkun materjal ta’ input eliġibbli skont subpunt ieħor."

    (*1)  L-esklużjoni ta’ materjal ta’ input eliġibbli minn subpunt wieħed ma jipprevenihx milli jkun materjal ta’ input eliġibbli skont subpunt ieħor."

    (*3)  Is-somma ta’ naftalen, aċenaftilen, aċenaften, fluworen, fenantren, antraċen, fluworanten, piren, benżo[a]antraċen, krisen, benżo[b]fluworanten, benżo[k]fluworanten, benżo[a]piren, indeno[1,2,3-cd]piren, dibenżo[a,h]antraċen u benżo[ghi]perilen."

    (*4)  van den Berg M., L.S. Birnbaum, M. Denison, M. De Vito, W. Farland, et al. (2006) The 2005 World Health Organization Re-evaluation of Human and Mammalian Toxic Equivalency Factors for Dioxins and Dioxin-like Compounds. Toxicological sciences: an official journal of the Society of Toxicology 93:223-241. doi:10.1093/toxsci/kfl055."

    (*5)  Poliklorodibenżo-p-diossini u poliklorodibenżofurani.”"


    (*1)  L-esklużjoni ta’ materjal ta’ input eliġibbli minn subpunt wieħed ma jipprevenihx milli jkun materjal ta’ input eliġibbli skont subpunt ieħor.

    (*2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma-skart urban (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40).

    (*3)  Is-somma ta’ naftalen, aċenaftilen, aċenaften, fluworen, fenantren, antraċen, fluworanten, piren, benżo[a]antraċen, krisen, benżo[b]fluworanten, benżo[k]fluworanten, benżo[a]piren, indeno[1,2,3-cd]piren, dibenżo[a,h]antraċen u benżo[ghi]perilen.

    (*4)  van den Berg M., L.S. Birnbaum, M. Denison, M. De Vito, W. Farland, et al. (2006) The 2005 World Health Organization Re-evaluation of Human and Mammalian Toxic Equivalency Factors for Dioxins and Dioxin-like Compounds. Toxicological sciences: an official journal of the Society of Toxicology 93:223-241. doi:10.1093/toxsci/kfl055.

    (*5)  Poliklorodibenżo-p-diossini u poliklorodibenżofurani.””


    ANNESS II

    Fl-Anness III, fil-Parti I tar-Regolament (UE) 2019/1009, jiddaħħal il-punt li ġej:

    “7a.

    Meta l-prodott fertilizzanti tal-UE jkun fih jew ikun jikkonsisti f’materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom imsemmija f’CMC 13 fil-Parti II tal-Anness II u jkollu kontenut ta’ manganiż (Mn) li jaqbeż it-3,5 % skont il-massa, il-kontenut tal-manganiż għandu jiġi ddikjarat.”


    ANNESS III

    Fl-Anness IV, fil-Parti II tar-Regolament (UE) 2019/1009, il-Modulu D1 (Assigurazzjoni tal-kwalità tal-proċess ta’ produzzjoni) huwa emendat kif ġej:

    (1)

    il-Punt 2.2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    is-subpunt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(d)

    id-disinni, l-iskemi, id-deskrizzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet neċessarji biex jinftiehem il-proċess ta’ manifattura tal-prodott fertilizzanti tal-UE, u, fir-rigward tal-kompost li jappartjeni għal CMCs 3, 5, 12 jew 13 kif definit fl-Anness II, deskrizzjoni bil-miktub u dijagramma tal-proċess ta’ produzzjoni, fejn kull trattament, kontenitur ta’ ħażna u żona jiġu identifikati b’mod ċar,”;

    (b)

    jiddaħħal is-subpunt (ga) li ġej:

    “(ga)

    il-kalkoli tal-iskart perikoluż għall-prodotti fertilizzanti tal-UE li fihom jew li jikkonsistu f’CMC 13; l-ittestjar imsemmi fil-punt 6 f’CMC 13 fil-Parti II tal-Anness II għandu jitwettaq mill-inqas kull sena, jew aktar kmieni milli skedat f’każ ta’ kwalunkwe bidla sinifikanti li tista’ taffettwa s-sikurezza jew il-kwalità tal-prodott fertilizzanti tal-UE (pereżempju l-ipproċessar ta’ lottijiet ta’ materjal ta’ input b’kompożizzjoni differenti, modifika tal-kundizzjonijiet ta’ pproċessar). Għal lott rappreżentattiv ta’ materjal ta’ input li jiġi pproċessat fl-impjant, il-proprjetà perikoluża identifikata (f’konformità mal-punt 5.1.3.1) u l-massa totali għandhom jitkejlu fuq il-materjali ta’ input differenti (1, …, n) u fuq il-materjal ta’ output li se jiġu inkorporati fil-prodott fertilizzanti tal-UE. Imbagħad ir-rata ta’ inklużjoni tal-proprjetà perikoluża fil-materjal ta’ output għandha tiġi kkalkulata kif ġej:

    Image 1

    Fejn:

    HPC

    =

    il-konċentrazzjoni tal-proprjetà perikoluża (mg/kg),

    M

    =

    il-massa totali (kg), u

    i (1-n)

    =

    il-materjali ta’ input differenti użati fil-proċess tal-produzzjoni.

    It-tneħħija tal-proprjetà perikoluża matul il-proċess tal-produzzjoni għandha tkun tali li r-rata ta’ inkorporazzjoni mmultiplikata bil-konċentrazzjoni tal-proprjetà perikoluża ta’ kull materjal ta’ input individwali tkun taħt il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE għal dik il-proprjetà perikoluża.”.

    (2)

    Il-formulazzjoni introduttorja fil-punt 5.1.1.1 hija sostitwita b’dan li ġej:

    “5.1.1.1.

    Għall-materjali li jappartjenu għal CMCs 3, 5, 12 u 13, kif definit fl-Anness II, il-maniġment f’livell għoli tal-organizzazzjoni tal-manifattur għandu:”.

    (3)

    Il-punt 5.1.2.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.1.2.1.

    Għall-materjali li jappartjenu għal CMCs 3, 5, 12 u 13, kif definit fl-Anness II, is-sistema tal-kwalità għandha tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dak l-Anness.”.

    (4)

    Il-punt 5.1.3.1 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “5.1.3.1.

    Għall-materjali li jappartjenu għal CMCs 3, 5, 12 u 13, kif definit fl-Anness II, l-eżamijiet u t-testijiet għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin:”;

    (b)

    is-subpunti (b) u (c) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

    “(b)

    Persunal kwalifikat għandu jwettaq spezzjoni viżiva ta’ kull kunsinna ta’ materjali ta’ input u jivverifika l-kompatibbiltà tagħhom mal-ispeċifikazzjonijiet tal-materjali ta’ input f’CMCs 3, 5, 12 u 13 stabbiliti fl-Anness II.

    (c)

    Il-manifattur għandu jirrifjuta kwalunkwe kunsinna ta’ materjal ta’ input partikolari, li l-ispezzjoni viżiva tagħha tqajjem kwalunkwe wieħed mis-suspetti li ġejjin:

    (i)

    il-preżenza ta’ sustanzi ta’ periklu jew ta’ dannu għall-proċess jew għall-kwalità tal-prodott fertilizzanti finali tal-UE;

    (ii)

    inkompatibbiltà mal-ispeċifikazzjonijiet ta’ CMCs 3, 5, 12 u 13 tal-Anness II, partikolarment minħabba l-preżenza ta’ plastiks li jwasslu biex jinqabeż il-valur ta’ limitu għall-impuritajiet makroskopiċi.”;

    (c)

    Is-subpunt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(e)

    Għandhom jittieħdu kampjuni minn materjali ta’ output, biex jiġi vverifikat li dawn jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet stipulati f’CMCs 3, 5, 12 u 13, kif definiti fl-Anness II, u li l-karatteristiċi tal-materjal ta’ output ma jippreġudikawx il-konformità tal-prodott fertilizzanti tal-UE mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-Anness I.”;

    (d)

    Fis-subpunt (fa), il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(fa)

    Għall-materjali li jappartjenu għal CMCs 12 u 13, il-kampjuni tal-materjal ta’ output għandhom jittieħdu mill-inqas bil-frekwenza prestabbilita li ġejja, jew qabel dik skedata f’każ li jkun hemm kwalunkwe bidla sinifikanti li tista’ taffettwa l-kwalità tal-prodott fertilizzanti tal-UE:”;

    (e)

    Is-subpunt (fb) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(fb)

    Għall-materjali li jappartjenu għal CMCs 12 u 13, kull lott jew porzjon tal-produzzjoni għandu jiġi assenjat kodiċi uniku għall-finijiet tal-ġestjoni tal-kwalità; mill-inqas kampjun wieħed għal kull 3000 tunnellata ta’ dawn il-materjali jew kampjun wieħed kull xahrejn, skont liema jseħħ l-aktar kmieni, għandu jinħażen f’kundizzjoni tajba għal perjodu ta’ mill-inqas sentejn.”;

    (f)

    Is-subpunt (g)(iv) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(iv)

    għall-materjali li jappartjenu għal CMCs 12 u 13, kejjel il-kampjuni miżmuma msemmija fis-subpunt (fb) u ħu l-azzjonijiet korrettivi meħtieġa biex tipprevjeni t-trasport u l-użu ulterjuri possibbli ta’ dak il-materjal.”.

    (5)

    Fil-punt 5.1.4.1, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.1.4.1.

    Għall-materjali li jappartjenu għal CMCs 3, 5, 12 u 13, kif definiti fl-Anness II, ir-rekords tal-kwalità għandhom juru kontroll effettiv tal-materjali ta’ input, tal-produzzjoni, tal-ħażna u tal-konformità mal-materjali ta’ input u output mar-rekwiżiti rilevanti ta’ dan ir-Regolament. Kull dokument għandu jkun jista’ jinqara u jkun disponibbli fil-post(ijiet) rilevanti għall-użu tiegħu, u kwalunkwe verżjoni obsoleta għandha titneħħa minnufih minn kull post fejn tintuża, jew mill-anqas tiġi identifikata bħala obsoleta. Id-dokument tal-ġestjoni tal-kwalità għandu jinkludi tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:”.

    (6)

    Fil-punt 5.1.5.1, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.1.5.1.

    Għall-materjali li jappartjenu għal CMCs 3, 5, 12 u 13, kif definit fl-Anness II, il-manifattur għandu jistabbilixxi programm ta’ awditu intern annwali sabiex tiġi vverifikata l-konformità tas-sistema tal-kwalità mal-komponenti li ġejjin:”.

    (7)

    Fil-punt 6.3.2, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6.3.2.

    Għall-materjali li jappartjenu għal CMCs 3, 5, 12 u 13, kif definiti fl-Anness II, il-korp innotifikat għandu jieħu u janalizza kampjuni ta’ materjal ta’ output waqt kull awditu, u dawk l-awditi għandhom jitwettqu bil-frekwenza li ġejja:”.


    Top