Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R2083

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2083 tas-26 ta’ Novembru 2021 li jissospendi ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u (UE) 2020/502

    C/2021/8479

    ĠU L 426, 29.11.2021, p. 41–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2083/oj

    29.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 426/41


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2083

    tas-26 ta’ Novembru 2021

    li jissospendi ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u (UE) 2020/502

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta’ politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fl-20 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 (2) dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ għadd ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti kif ġej:

    (a)

    fl-ewwel stadju, id-dazji ad valorem addizzjonali ta’ rata ta’ 10 % u 25 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament, kif speċifikat hemmhekk, daħlu fis-seħħ fil-21 ta’ Ġunju 2018 u kienu se jibqgħu japplikaw sakemm l-Istati Uniti jieqfu japplikaw il-miżuri ta’ salvagwardja tagħhom fuq prodotti mill-Unjoni;

    (b)

    fit-tieni stadju, id-dazji ad valorem addizzjonali ta’ rata ta’ 10 %, 25 %, 35 % u 50 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti elenkati fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament, kif speċifikat hemmhekk, kienu jibdew japplikaw mill-1 ta’ Ġunju 2021 jew malli sseħħ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO li l-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti huma inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-“Ftehim tad-WTO”), jew malli jkun innotifikat biha, jekk dan iseħħ qabel, sakemm l-Istati Uniti jieqfu japplikaw il-miżuri ta’ salvagwardja tagħhom għal prodotti mill-Unjoni.

    (2)

    Fis-7 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/502 (3) li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti, kif ġej:

    (a)

    fl-ewwel stadju, id-dazji ad valorem addizzjonali ta’ rata ta’ 20 % u 7 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti speċifikati fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2), ta’ dak ir-Regolament, daħlu fis-seħħ fit-8 ta’ Mejju 2020 u kienu se jibqgħu japplikaw sakemm l-Istati Uniti jieqfu japplikaw il-miżuri ta’ salvagwardja tagħhom fuq prodotti mill-Unjoni;

    (b)

    fit-tieni stadju, id-dazji ad valorem addizzjonali ulterjuri ta’ 4,4 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodott speċifikat fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2), ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu applikati mit-8 ta’ Frar 2023 jew malli sseħħ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO li l-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti huma inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim tad-WTO, jew malli jkun innotifikat biha, jekk dan iseħħ qabel, sakemm il-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti jieqfu japplikaw.

    (3)

    Fil-31 ta’ Mejju 2021, wara d-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti ppubblikata fis-17 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/866 (4) dwar miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka, li ssospenda l-applikazzjoni tad-dazji ad valorem addizzjonali fuq il-prodotti elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 sat-30 ta’ Novembru 2021.

    (4)

    Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, tista’ temenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 (5) u (UE) 2020/502 (6), jekk tqis li dan ikun xieraq, biex tieħu kont ta’ kwalunkwe modifika jew emenda tal-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti.

    (5)

    Fil-31 ta’ Ottubru 2021, l-Istati Uniti ħabbru l-emendi li ġejjin għall-miżuri ta’ salvagwardja rispettivi tagħhom, li għandhom jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2022:

    (i)

    l-Istati Uniti “se jissostitwixxu t-tariffa eżistenti ta’ 25 fil-mija fuq il-prodotti tal-azzar tal-UE skont it-Taqsima 232 bi kwota tariffarja (TRQ).” Il-kwota hija bbażata fuq volumi ta’ importazzjoni storiċi tal-prodotti rispettivi tal-azzar li joriġinaw mill-Unjoni;

    (ii)

    l-Istati Uniti “se jissostitwixxu t-tariffa eżistenti ta’ 10 fil-mija fuq il-prodotti tal-aluminju tal-UE skont it-Taqsima 232 bi kwota tariffarja (TRQ)”. Il-kwota hija bbażata fuq volumi ta’ importazzjoni storiċi tal-prodotti rispettivi tal-aluminju li joriġinaw mill-Unjoni;

    (iii)

    l-Istati Uniti “se jestendu l-applikazzjoni tal-esklużjonijiet mogħtija u utilizzati fis-sena fiskali 2021 tal-Istati Uniti għall-prodotti tal-azzar importati mill-UE għal perjodu ta’ sentejn kalendarji mingħajr il-ħtieġa li jerġgħu japplikaw, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2023”;

    (iv)

    l-Istati Uniti mhux se japplikaw id-dazji tat-Taqsima 232 fuq l-importazzjonijiet mill-Unjoni ta’ oġġetti li ġejjin mill-azzar u ta’ oġġetti li ġejjin mill-aluminju.

    (6)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Unjoni tissospendi l-applikazzjoni tad-dazji ad valorem addizzjonali imposti mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u (UE) 2020/502 għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2023. Is-sospensjoni jenħtieġ li ssir kif ġej:

    (i)

    id-dazji ad valorem addizzjonali fuq il-prodotti elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 jenħtieġ li jiġu sospiżi mill-1 ta’ Jannar 2022;

    (ii)

    id-dazji ad valorem addizzjonali fuq il-prodotti elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886, li huma sospiżi sat-30 ta’ Novembru 2021, jenħtieġ li jibqgħu sospiżi mill-1 ta’ Diċembru 2021;

    (iii)

    id-dazji ad valorem addizzjonali fuq il-prodotti elenkati fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/502 jenħtieġ li jiġu sospiżi mill-1 ta’ Jannar 2022;

    (iv)

    id-dazju ad valorem addizzjonali fuq il-prodott elenkat fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/502, li għandu japplika mit-8 ta’ Frar 2023, jenħtieġ li jiġi sospiż mit-8 ta’ Frar 2023.

    (7)

    Din is-sospensjoni tippermetti lill-Unjoni u lill-Istati Uniti javvanzaw b’mod sinifikanti l-kooperazzjoni kontinwa tagħhom, inkluż bil-ħsieb li jiġu eliminati t-tariffi rispettivi. Madankollu, ta’ min jinnota li l-applikazzjoni tal-esklużjonijiet mill-miżuri tal-Istati Uniti se ddum biss sal-31 ta’ Diċembru 2023. Esklużjonijiet bħal dawn mogħtija lill-importaturi fl-Istati Uniti meta jimportaw prodotti tal-Unjoni jnaqqsu b’mod sinifikanti l-impatt negattiv tal-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti. Għalhekk, sospensjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023 titqies bħala perjodu suffiċjenti u raġonevoli u tqis kif xieraq l-avviżi tal-Istati Uniti tal-31 ta’ Ottubru 2021.

    (8)

    L-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 654/2014 jirrikjedi li l-azzjoni tal-Unjoni tkun sostanzjalment ekwivalenti għal-livell ta’ konċessjonijiet jew obbligi oħra affettwati mill-miżuri ta’ salvagwardja tal-pajjiż terz.

    (9)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm is-sospensjoni taħt rieżami fid-dawl ta’ żviluppi ġodda, pereżempju żviluppi li jistgħu jiddeterjoraw is-sitwazzjoni għall-esportazzjonijiet tal-Unjoni li jibqgħu soġġetti għall-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti, inkluż kwalunkwe impediment li jaffettwa l-esportazzjonijiet tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tista’ temenda dan ir-Regolament biex tqis dawn l-iżviluppi, kwalunkwe modifika jew emenda għall-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti.

    (10)

    Is-sospensjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Unjoni li l-miżuri ta’ salvagwardja mill-Istati Uniti jibqgħu inkompatibbli mal-Ftehim tad-WTO.

    (11)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ostakli għall-Kummerċ, imwaqqaf permezz tar-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-applikazzjoni ta’ dazji ad valorem addizzjonali bir-rata ta’ 10 % u 25 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 għandha tiġi sospiża mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

    L-applikazzjoni ta’ dazji ad valorem addizzjonali bir-rata ta’ 10 %, 25 %, 35 % u 50 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 għandha tiġi sospiża mill-1 ta’ Diċembru 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

    Mingħajr preġudizzju għal kull sospensjoni jew modifika ulterjuri, inkluża riintegrazzjoni bikrija, id-dazji previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 għandhom japplikaw b’effett mill-1 ta’ Jannar 2024.

    Artikolu 2

    L-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/502 għandha tiġi sospiża sal-31 ta’ Diċembru 2023, kif ġej:

    (a)

    id-dazji ad valorem addizzjonali ta’ rata ta’ 20 % u 7 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti speċifikati fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/502 mill-1 ta’ Jannar 2022;

    (b)

    id-dazju ad valorem addizzjonali ta’ rata ta’ 4,4 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodott speċifikat fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/502 mit-8 ta’ Frar 2023.

    Mingħajr preġudizzju għal kull sospensjoni jew modifika ulterjuri, inkluża riintegrazzjoni bikrija, id-dazji previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/502 għandhom japplikaw b’effett mill-1 ta’ Jannar 2024.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-30 ta’ Novembru 2021.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 189, 27.6.2014, p. 50; emendat bir-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 (ĠU L 272, 16.10.2015, p. 1) u bir-Regolament (UE) 2021/167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 (ĠU L 49, 12.2.2021, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/886 tal-20 ta’ Ġunju 2018 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/724 (ĠU L 158, 21.6.2018, p. 5).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/502 tas-6 ta’ April 2020 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 109, 7.4.2020, p. 10).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/866 tat-28 ta’ Mejju 2021 li jissospendi ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 (ĠU L 190, 31.5.2021, p. 94).

    (5)  Il-premessa 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886.

    (6)  Il-premessa 19 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/502.

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 272, 16.10.2015, p. 1).


    Top