Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1926

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1926 tal-5 ta’ Novembru 2021 li japprova l-verifiki tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u l-ħaxix imwettqa mir-Renju Unit u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat

    C/2021/7835

    ĠU L 393, 8.11.2021, p. 9–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1926/oj

    8.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 393/9


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1926

    tal-5 ta’ Novembru 2021

    li japprova l-verifiki tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u l-ħaxix imwettqa mir-Renju Unit u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 91(f) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (2), il-Kummissjoni tista’, fuq talba ta’ pajjiż terz, tapprova l-verifiki tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni mwettqa minn dak il-pajjiż terz qabel ma ssir l-importazzjoni fl-Unjoni.

    (2)

    Wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fl-1 ta’ Frar 2020 u fid-dawl ta’ tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Ftehim dwar il-Ħruġ) fil-31 ta’ Diċembru 2020, ir-Renju Unit kien bagħat talba lill-Kummissjoni biex jiġu approvati verifiki tal-konformità mal-istandards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni mwettqa mir-Renju Unit qabel ma ssir l-importazzjoni fl-Unjoni. B’mod partikolari, ir-Renju Unit kien intrabat li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti għall-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u l-ħaxix wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u kien indika l-awtorità uffiċjali u l-entitajiet ta’ spezzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011.

    (3)

    Abbażi ta’ dan, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2102 (3) approva l-kontrolli tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott u l-ħaxix imwettqa mir-Renju Unit, speċifika l-awtorità uffiċjali li taħt ir-responsabbiltà tagħha jitwettqu dawk il-kontrolli, kif ukoll il-korpi ta’ spezzjoni inkarigati mill-kontrolli xierqa fil-Gran Brittanja u elenkaw lir-Renju Unit fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 permezz ta’ nota f’qiegħ il-paġna.

    (4)

    Għalkemm f’konformità mal-Artikoli 6(3) u 7(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u mal-Artikoli 5(4) u 13(1) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għal dak il-Ftehim flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3) ta’ dak il-Protokoll jipprevedi li fir-rigward tar-rikonoxximent fi Stat Membru wieħed ta’ regolamenti tekniċi, valutazzjonijiet, reġistrazzjonijiet, ċertifikati, approvazzjonijiet u awtorizzazzjonijiet maħruġa jew imwettqa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor, jew minn korp stabbilit fi Stat Membru ieħor, ir-referenzi għall-Istati Membri fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli permezz ta’ dak il-Protokoll għandhom jinqraw li jkunu jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq għal dak li jirrigwarda r-regolamenti tekniċi, l-valutazzjonijiet, ir-reġistrazzjonijiet, iċ-ċertifikati, l-approvazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet maħruġa jew imwettqa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit jew minn korpi stabbiliti fir-Renju Unit. Konsegwentement, il-kontrolli tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni mwettqa mill-korp ta’ spezzjoni għall-Irlanda ta’ Fuq jenħtieġ li jitqiesu bħala mwettqa minn pajjiż terz, mingħajr preġudizzju għar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 7(3) ta’ dak il-Protokoll.

    (5)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni jenħtieġ li tispeċifika wkoll il-korp ta’ spezzjoni inkarigat mill-kontrolli xierqa għall-Irlanda ta’ Fuq, kif innotifikat mir-Renju Unit fit-9 ta’ April 2020, u tikkjarifika d-dħul tar-Renju Unit fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011.

    (6)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Fl-interess taċ-ċarezza u tat-trasparenza, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2102.

    (8)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Approvazzjoni tal-verifiki tal-konformità

    Il-verifiki tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott u l-ħaxix imwettqa mir-Renju Unit qabel l-importazzjoni fl-Unjoni huma approvati.

    Artikolu 2

    Awtorità uffiċjali u entitajiet ta’ spezzjoni

    1.   Is-Segretarju tal-Istat għad-Dipartiment għall-Ambjent, l-Ikel u l-Affarijiet Rurali huwa l-awtorità uffiċjali tar-Renju Unit imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 li taħt ir-responsabbiltà tiegħu jitwettqu l-verifiki msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-Ispettorat tal-Kummerċjalizzazzjoni tal-Ortikoltura għall-Ingilterra u Wales, l-Unità tal-Ortikoltura u tal-Kummerċjalizzazzjoni tal-Gvern Skoċċiż u d-Dipartiment tal-Agrikoltura, l-Ambjent u l-Affarijiet Rurali għall-Irlanda ta’ Fuq huma l-korpi ta’ spezzjoni tar-Renju Unit inkarigati mill-kontrolli xierqa skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011.

    Artikolu 3

    Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011

    L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Tħassir

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2102 jitħassar.

    Artikolu 5

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Novembru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessati (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2102 tal-15 ta’ Diċembru 2020 li japprova l-verifiki tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u l-ħaxix imwettqa mir-Renju Unit u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 425, 16.12.2020, p. 84).


    ANNESS

    “ANNESS IV

    Pajjiżi Terzi fejn il-verifiki tal-konformità ġew approvati skont l-Artikolu 15 u l-prodotti kkonċernati

    Pajjiż

    Prodotti

    l-Iżvizzera

    Frott u ħaxix frisk

    il-Marokk

    Frott u ħaxix frisk

    l-Afrika t’Isfel

    Frott u ħaxix frisk

    Iżrael (*1)

    Frott u ħaxix frisk

    l-Indja

    Frott u ħaxix frisk

    New Zealand

    Tuffieħ, lanġas u frott tal-kiwi

    is-Senegal

    Frott u ħaxix frisk

    il-Kenja

    Frott u ħaxix frisk

    it-Turkija

    Frott u ħaxix frisk

    ir-Renju Unit:

    il-Gran Brittanja

    l-Irlanda ta’ Fuq (*2)

    Frott u ħaxix frisk


    (*1)  L-approvazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 15 tingħata għall-frott u l-ħaxix li joriġinaw fl-Istat ta’ Iżrael, minbarra t-territorji taħt l-Amministrazzjoni Iżraeljana minn Ġunju 1967, jiġifieri tal-Artijiet Għoljin tal-Golan, tal-Istrixxa ta’ Gaża, Ġerusalemm tal-Lvant u l-bqija tax-Xatt tal-Punent.

    (*2)  F’konformità mal-Artikoli 6(3) u 7(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u l-Artikoli 5(4) u 13(1) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għal dak il-Ftehim flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-referenzi għall-Istati Membri jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 7(3) ta’ dan il-Protokoll, fir-rigward tar-rikonoxximent fi Stat Membru wieħed ta’ regolamenti tekniċi, valutazzjonijiet, reġistrazzjonijiet, ċertifikati, approvazzjonijiet u awtorizzazzjonijiet maħruġa jew imwettqa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor, jew minn korp stabbilit fi Stat Membru ieħor, ir-referenzi għall-Istati Membri f’dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li dak il-Protokoll jagħmel applikabbli ma għandhomx jinftiehmu bħala li jinkludu r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq fejn jirrigwarda regolamenti tekniċi, valutazzjonijiet, reġistrazzjonijiet, ċertifikati, approvazzjonijiet u awtorizzazzjonijiet maħruġa jew imwettqa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit jew minn korpi stabbiliti fir-Renju Unit.


    Top