EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1819

Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1819 tat-18 ta’ Ottubru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

ST/11780/2021/INIT

ĠU L 369, 19.10.2021, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1819/oj

19.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 369/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/1819

tat-18 ta’ Ottubru 2021

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 224/2014 (2), sabiex jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2013/798/PESK.

(2)

Fid-29 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2588 (2021). Dik ir-riżoluzzjoni testendi l-eżenzjonijiet għall-embargo fuq l-armi u twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi.

(3)

Fit-18 ta’ Ottubru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1823 (3), li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2588 (2021).

(4)

Xi wħud minn dawk l-emendi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni biex jiġu implimentati flimkien mal-aġġustamenti tekniċi fid-dawl tar-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU preċedenti, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 224/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 224/2014 huwa emendat kif gej:

(1)

fl-Artikolu 3, il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

relatati ma’ armi b’kalibru ta’ 14,5 mm jew anqas u munizzjon u komponenti mfassla speċjalment għal tali armi, u ma’ vetturi militari tal-art mhux armati u vetturi militari tal-art armati b’armi ta’ kalibru ta’ 14,5 mm jew anqas, u l-partijiet ta’ rikambju tagħhom, u ma’ granati bi propulsjoni ta’ rokit, u munizzjon imfassal apposta għal armi bħal dawn, u ta’ mortars b’kalibru ta’ 60 mm u 82 mm, u munizzjon imfassal apposta għal tali armi, lill-forzi tas-sigurtà tar-RĊA, inklużi istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi ċivili, fejn tali armi, munizzjoni, komponenti u vetturi jkunu maħsuba biss għall-appoġġ tal-proċess tar-RĊA tar-RSS jew għal użu fih, dment li l-provvediment ta’ tali assistenza jew servizzi jkun ġie nnotifikat mill-inqas 20 jum minn qabel lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;”;

(2)

fl-Artikolu 5(3), jiżdied il-punt li ġej:

“(k)

involuti fl-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorjar jew it-twettiq ta’ atti fir-RĊA lil jiksru d-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi attakki kontra persunal mediku jew persunal umanitarju.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 tal-10 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (ĠU L 70, 11.3.2014, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1823 tat-18 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (ara l-paġna 11 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top