Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1415

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1415 tal-5 ta’ Mejju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar il-kooperazzjoni, l-iskambju tal-informazzjoni u l-obbligi ta’ notifika bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA, l-EBA u l-EIOPA (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/3103

    ĠU L 304I, 30.8.2021, p. 1–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1415/oj

    30.8.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 304/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1415

    tal-5 ta’ Mejju 2021

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar il-kooperazzjoni, l-iskambju tal-informazzjoni u l-obbligi ta’ notifika bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA, l-EBA u l-EIOPA

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 36(8) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2017/2402 jirrikjedi lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2017/2402 (l-awtoritajiet kompetenti) u lit-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), jiġifieri l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), l-Awtorità Bankarja Ewropea (European Banking Authority — EBA) u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (European Insurance and Occupational Pensions Authority, EIOPA), li jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin u jiskambjaw informazzjoni bejniethom biex iwettqu dmirijiethom skont l-Artikoli 30 sa 34 ta’ dak ir-Regolament. Jirrikjedi wkoll lill-awtoritajiet kompetenti li jikkonkludu li entità partikolari tkun kisret, jew setgħet kisret, ċerti rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament li jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti tal-entità bil-konstatazzjonijiet tagħhom u, fejn il-ksur ikun jirrigwarda notifika inkorretta jew qarrieqa skont l-Artikoli 27(1) ta’ dak ir-Regolament, li jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti tal-entità li tkun inħatret bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt biex, min-naħa tagħha, tinforma lill-ESA.

    (2)

    Il-kamp ta’ applikazzjoni u n-natura tal-kooperazzjoni, tal-iskambju ta’ informazzjoni u tan-notifiki stipulati fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2017/2402 jenħtieġ li jkunu biżżejjed biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ASE jwettqu d-dmirijiet superviżorji, investigattivi u ta’ sanzjonar tagħhom b’mod effettiv. Għal dan il-għan ir-Regolament jistipula l-informazzjoni minima li jenħtieġ li tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-ASE inkluż, fejn rilevanti, ir-rapporti tal-attivitajiet superviżorji u ta’ infurzar tagħhom.

    (3)

    Huwa essenzjali li, suġġett għad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni li jirregola l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità u l-ipproċessar tad-data personali, l-awtoritajiet kompetenti u l-ASE jkunu jistgħu jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni matul il-proċess kollu tal-attivitajiet tagħhom.

    (4)

    Huwa xieraq li jinħolqu proċeduri u formoli komuni li għandhom jintużaw għall-finijiet tat-talbiet għal kooperazzjoni jew informazzjoni u għat-tweġibiet għal tali talbiet, biex b’hekk jiġi żgurat li l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402 iseħħu b’mod effiċjenti u f’waqtu.

    (5)

    Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-ASE jużaw proċedura u formola komuni wkoll biex jibagħtu informazzjoni fuq bażi volontarja meta jikkunsidraw li ċerta informazzjoni fil-pussess tagħhom tista’ tkun utli għal awtorità kompetenti oħra jew għal ASE. Pereżempju, dan jista’ jinkludi informazzjoni miżmuma mill-awtorità kompetenti ta’ investitur istituzzjonali jew parti terza li tkun awtorizzata tevalwa jekk titolizzazzjoni tikkonformax mar-rekwiżiti ta’ titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata (STS), meta dik l-informazzjoni tista’ tkun utli għall-awtorità kompetenti tal-oriġinatur, tal-isponsor, tal-entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni jew tas-sellief oriġinali.

    (6)

    Il-proċedura u l-formola komuni li jridu jintużaw għal skambji ta’ informazzjoni volontarji jenħtieġ li jintużaw ukoll biex jiġu notifikati l-konstatazzjonijiet ta’ ksur jew ksur suspettat skont l-Artikolu 36(4) u (5) tar-Regolament (UE) 2017/2402. Dan biex il-kompiti ta’ notifika ta’ ksur skont dak l-Artikolu jsiru b’mod sew u f’waqtu.

    (7)

    L-awtoritajiet kompetenti u l-ASE jenħtieġ li jkunu obbligati jaċċertaw il-kunfidenzjalità ta’ kull talba għal kooperazzjoni jew għal informazzjoni li ssir, ta’ kull informazzjoni li tiġi skambjata jew notifikata fattwalment, u ta’ kull notifika li ssir, u li tiġi garantita l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ tali data.

    (8)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati mill-ESMA u li ġew ippreżentati lill-Kummissjoni.

    (9)

    L-ESMA ma għamlet ebda konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards regolatorji li huma l-bażi tar-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali billi dan kien ikun sproporzjonat fil-konfront tal-fini u tal-impatt ta’ dawk l-istandards, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li prinċipalment dawn jikkonċernaw lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ASE.

    (10)

    L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Punti ta’ kuntatt

    1.   Kull awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2017/2402 (“l-awtoritajiet kompetenti”) u kull ASE għandhom jaħtru punt ta’ kuntatt għall-finijiet tal-kooperazzjoni, tal-iskambju ta’ informazzjoni u biex isiru n-notifiki skont l-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2017/2402.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti, l-EBA u l-EIOPA għandhom jikkomunikaw id-dettalji tal-punti ta’ kuntatt li jaħtru lill-ESMA sad-19 ta’ Ottubru 2021. Huma għandhom iżommu lill-ESMA infurmata dwar kwalunkwe bidla f’dawk id-dettalji.

    3.   L-ESMA għandha żżomm lista aġġornata tal-punti ta’ kuntatt maħtura kollha skont l-Artikolu u taġġorna dik il-lista kif meħtieġ biex tintuża mill-awtoritajiet kompetenti, mill-EBA u mill-EIOPA.

    4.   L-aktar lista riċenti msemmija fil-paragrafu 3 għandha tintuża mill-awtoritajiet kompetenti u mill-ASE għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

    Artikolu 2

    Mezzi ta’ komunikazzjoni

    1.   Ħlief jekk jiġi ddikjarat mod ieħor f’dan ir-Regolament, kwalunkwe formola li tintuża skont dan ir-Regolament għandha tintbagħat bil-miktub bil-posta, b’faks jew b’mezzi elettroniċi.

    2.   Meta jiġu ddeterminati l-mezzi ta’ komunikazzjoni l-aktar xierqa f’każ partikolari, għandhom jitqiesu b’mod dovut il-kunsiderazzjonijiet tal-kunfidenzjalità, iż-żmien neċessarju għall-korrispondenza, il-volum tal-materjal li se jiġi kkomunikat u l-faċilità tal-aċċess għall-informazzjoni.

    Artikolu 3

    Informazzjoni li għandha tiġi skambjata

    Fuq talba skont l-Artikolu 4, l-awtoritajiet kompetenti u l-ASE għandhom jiskambjaw tal-anqas l-informazzjoni li ġejja skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402:

    (a)

    informazzjoni dwar l-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 30(2) ta’ dak ir-Regolament;

    (b)

    informazzjoni dwar il-politiki u l-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 30(3) ta’ dak ir-Regolament;

    (c)

    informazzjoni dwar l-effetti speċifiċi u r-riskji materjali msemmija fl-Artikolu 30(4) ta’ dak ir-Regolament;

    (d)

    informazzjoni u, sa fejn ikunu disponibbli, rapporti jew estratti minn rapporti dwar kwalunkwe investigazzjoni jew proċediment mibdija fir-rigward tas-sitwazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 32(1) ta’ dak ir-Regolament;

    (e)

    informazzjoni u, sa fejn ikun possibbli, rapporti jew estratti minn rapporti dwar kwalunkwe sanzjoni kriminali, sanzjoni amministrattiva jew miżura ta’ rimedju imposta jew meħuda skont l-Artikolu 32 jew 34 ta’ dak ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Talbiet għal kooperazzjoni jew għal skambju ta’ informazzjoni

    1.   It-talbiet għal kooperazzjoni jew għal skambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402 għandhom isiru billi tintuża l-formola stabbilita fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Fil-każ li parti rikjedenti temmen li t-talba jkollha bżonn issir b’mod urġenti, it-talba tista’ ssir oralment sakemm wara ssir talba billi timtela l-formola fl-Anness I u tintbagħat mingħajr dewmien żejjed.

    3.   Il-parti rikjedenti kompetenti għandha tispeċifika l-perjodu ta’ żmien mixtieq u fejn xieraq tindika l-urġenza tat-talba.

    4.   Meta t-talba għal kooperazzjoni tkun tinvolvi talba għal informazzjoni, il-parti kompetenti li tagħmel it-talba għandha:

    (a)

    tispeċifika, sa fejn possibbli, id-dettalji tal-informazzjoni li tkun qed tintalab, inkluż ir-raġunijiet għaliex l-informazzjoni titqies rilevanti għall-finijiet tat-twettiq ta’ dmirijietha skont l-Artikoli 30 sa 34 tar-Regolament (UE) 2017/2402;

    (b)

    tidentifika, fejn ikun xieraq, kwalunkwe kwistjoni relatata mal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni mitluba, inkluża kull prekawzjoni speċjali għall-ġbir ta’ dik l-informazzjoni.

    Artikolu 5

    Tweġiba għal talbiet għal kooperazzjoni jew għal skambju ta’ informazzjoni

    1.   Meta t-talba tasal skont l-Artikolu 4, jekk il-parti riċeventi jkollha bżonn kwalunkwe kjarifika dwar it-talba, hija għandha titlob kjarifika mingħand il-parti rikjedenti minnufih permezz tal-mezzi xierqa, kemm bil-fomm jew bil-miktub. Il-parti rikjedenti għandha tagħti l-kjarifika minnufih.

    2.   Fi tweġiba għal talba li ssir skont l-Artikolu 4, il-parti riċeventi tat-talba għandha:

    (a)

    tuża l-formola stabbilita fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

    (b)

    tieħu l-passi raġonevoli fis-setgħa tiegħu biex tagħti l-kooperazzjoni jew l-informazzjoni mitluba;

    (c)

    teżegwixxi t-talba b’mod li jippermetti li kwalunkwe azzjoni regolatorja meħtieġa tipproċedi fil-ħin, filwaqt li tqis il-kumplessità tat-talba u kull ħtieġa li tiġi involuta awtorità kompetenti oħra jew ASE.

    Artikolu 6

    Skambju ta’ informazzjoni mhux mitlub

    1.   Jekk l-awtoritajiet kompetenti jew l-ASE jipprovdu informazzjoni mhux mitluba, għandhom jużaw il-formola stabbilita fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Meta l-parti emittenti taħseb li l-informazzjoni mhux mitluba jenħtieġ li tintbagħat b’urġenza, l-informazzjoni tkun tista’ tiġi kkomunikata bil-fomm dment li wara tintbagħat mingħajr dewmien permezz tal-formola fl-Anness III.

    Artikolu 7

    Obbligi ta’ notifika

    1.   In-notifiki skont l-Artikolu 36(4) u (5) tar-Regolament (UE) 2017/2402 għandhom isiru billi tintuża l-formola stabbilita fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Fil-każ li parti notifikanti taħseb li l-informazzjoni jkollha bżonn tintbagħat b’mod urġenti, in-notifika tista’ ssir bil-fomm dment li wara ssir notifika permezz tal-formola stabbilita fl-Anness III mingħajr dewmien żejjed.

    3.   L-awtorità kompetenti notifikanti għandha tispeċifika l-elementi fattwali, in-natura, il-materjalità u d-durata tal-ksur li jinstab jew li jkun suspettat u tipprovdi kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li tista’ tkun ta’ għajnuna lill-awtorità kompetenti notifikata.

    Artikolu 8

    Kunfidenzjalità u użu permissibbli tal-informazzjoni

    1.   L-awtoritajiet kompetenti u l-ASE, b’konformità mal-atti legali li jagħtuhom is-setgħat għall-finijiet tat-twettiq ta dmirijiethom skont ir-Regolament (UE) 2017/2402, għandhom iżommu l-kunfidenzjalità dwar l-eżistenza u l-kontenut ta’ kwalunkwe talba għal kooperazzjoni jew informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 36 ta’ dak ir-Regolament, ta’ kwalunkwe tweġiba għal tali talba, u ta’ kwalunkwe notifika jew informazzjoni oħra prevista f’dak l-Artikolu.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti u l-ASE, b’konformità mal-atti legali msemmija fil-paragrafu 1, għandhom jużaw l-informazzjoni li tingħatalhom skont l-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2017/2402 għall-finijiet tat-twettiq ta’ dmirijiethom skont dak ir-Regolament biss.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


    ANNESS I

    Formola għal talba għal kooperazzjoni u għal skambju ta’ informazzjoni

    Talba għal kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni

    Image 1

    Image 2

    Image 3


    ANNESS II

    Formula għal talba għal kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni

    Tweġiba għal talba għal kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni

    Image 4

    Image 5

    Image 6


    ANNESS III

    Formola għall-għoti ta’ informazzjoni mhux mitluba u notifika ta’ ksur jew ksur suspettat

    Għoti ta’ informazzjoni mhux mitluba jew notifika ta’ ksur jew ksur suspettat

    Image 7

    Image 8

    Image 9


    Top