Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1399

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1399 tal-24 ta’ Awwissu 2021 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi tal-iskleroti tal-ergotina u l-alkalojdi tal-ergotina f’ċerti oġġetti tal-ikel (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/6122

    ĠU L 301, 25.8.2021, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R0915

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1399/oj

    25.8.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 301/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1399

    tal-24 ta’ Awwissu 2021

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi tal-iskleroti tal-ergotina u l-alkalojdi tal-ergotina f’ċerti oġġetti tal-ikel

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jistabbilixxi l-livelli massimi għal ċerti kontaminanti, inkluż l-iskleroti tal-ergotina u l-alkalojdi tal-ergotina, fl-oġġetti tal-ikel.

    (2)

    It-terminu ergotina jew skleroti tal-ergotina jirreferi għall-istrutturi fungali mill-ispeċi Claviceps li jissostitwixxu l-ġewwieni fuq is-sbul jew iż-żerriegħa fuq l-għata tal-ħaxix, u huma viżibbli bħala skleroti kbar li tilfu l-kulur. Dawn l-iskleroti fihom klassijiet differenti ta’ alkalojdi.

    (3)

    Fit-28 ta’ Ġunju 2012, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni dwar l-alkalojdi tal-ergotina fl-ikel u fl-għalf (3). L-Awtorità bbażat il-valutazzjoni tar-riskju tagħha fuq l-alkalojdi tal-ergotina prinċipali Claviceps purpurea, jiġifieri l-ergometrina, l-ergotammina, l-ergokristina, l-ergokriptina, l-ergokornina, kif ukoll l-epimeri “-inina”. Stabbiliet doża akuta ta’ referenza ta’ grupp ta’ 1 μg/kg ta’ piż tal-ġisem u doża tollerabbli ta’ kuljum ta’ grupp ta’ 0,6 μg/kg ta’ piż tal-ġisem kuljum. Ikkonkludiet li għalkemm id-data disponibbli ma indikat l-ebda raġuni għal tħassib għal kwalunkwe sottogrupp tal-popolazzjoni, l-istimi tal-esponiment djetetiku relatat ma’ numru limitat ta’ gruppi tal-ikel, u l-kontribuzzjoni mhux magħrufa possibbli minn ikel ieħor ma setgħux jiġu esklużi.

    (4)

    Fis-6 ta’ Lulju 2017, l-Awtorità ppubblikat rapport xjentifiku dwar l-esponiment djetetiku tal-bniedem u tal-annimali għall-alkalojdi tal-ergotina (4). Għal ċerti gruppi tal-popolazzjoni, l-istimi tal-esponiment għall-alkalojdi tal-ergotina jindikaw esponiment li jqarreb lejn id-doża tollerabbli ta’ kuljum. Għall-ogħla stimi ta’ esponiment, il-kontributuri ewlenin għall-esponiment djetetiku kroniku kienu tipi differenti ta’ ħobż u bziezen, b’mod partikolari dawk li fihom is-segala jew magħmulin esklussivament minnha. L-ogħla stimi ta’ esponiment akut jindikaw esponiment akut li jqarreb lejn id-doża akuta ta’ referenza.

    (5)

    L-Awtorità eżaminat ukoll ir-relazzjoni bejn il-preżenza tal-iskleroti tal-ergotina u l-alkalojdi tal-ergotina. F’livelli ogħla, ġiet osservata relazzjoni lineari ta’ sinifikanza statistika bejn il-kontenut tal-iskleroti u l-livelli tal-alkalojdi tal-ergotina. Madankollu, din ir-relazzjoni mhux dejjem setgħet tintwera f’livelli aktar baxxi, li jindika li n-nuqqas ta’ skleroti ma jeskludix il-preżenza tal-alkalojdi tal-ergotina. Raġuni waħda hija li l-immaniġġar taċ-ċereali jkisser l-iskleroti, li jirriżulta fi trab tal-ergotina, li mbagħad jiġi assorbit mill-ħbub taċ-ċereali.

    (6)

    Għalhekk, jixraq li jitbaxxa l-livell massimu għall-iskleroti tal-ergotina u jiġu stabbiliti livelli massimi għall-alkalojdi tal-ergotina f’dawk l-oġġetti tal-ikel b’livelli sinifikanti tat-tali alkalojdi, li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-esponiment tal-bniedem, u fl-oġġetti tal-ikel li huma rilevanti għall-esponiment tal-grupp vulnerabbli tal-popolazzjoni.

    (7)

    Livelli aktar baxxi ta’ skleroti tal-ergotina diġà jistgħu jinkisbu f’ħafna miċ-ċereali permezz tal-applikazzjoni ta’ prattiki agrikoli tajbin u permezz tal-applikazzjoni ta’ tekniki ta’ separazzjoni u tindif. Għalhekk, jenħtieġ li l-livell massimu eżistenti għaċ-ċereali jitnaqqas bħala konsegwenza. F’dan ir-rigward, jixraq ukoll li jiġi ċċarat l-istadju li fih japplikaw il-livelli massimi għall-iskleroti tal-ergotina f’ċereali mhux ipproċessati sabiex jiġu eliminati l-problemi fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom.

    (8)

    Fir-rigward tal-prodotti tat-tħin, jixraq li jiġu stabbiliti livelli massimi differenti għall-alkalojdi tal-ergotina skont l-ispeċi taċ-ċereali. Peress li s-segala hija l-ispeċi taċ-ċereali bl-ogħla riskju ta’ kontaminazzjoni mill-iskleroti tal-ergotina, livelli aktar baxxi ta’ alkalojdi tal-ergotina huma aktar diffiċli li jinkisbu u għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit livell massimu speċifiku għall-prodotti tat-tħin tas-segala, filwaqt li jenħtieġ li jiġi stabbilit livell aktar baxx għall-prodotti tat-tħin ta’ ċereali oħrajn. Madankollu, fir-rigward tal-prodotti tat-tħin ta’ ċereali oħrajn, jenħtieġ li jiġu stabbiliti livelli massimi differenti skont il-kontenut tal-irmied tal-prodotti sabiex jitqies il-fatt li l-prodotti li fihom aktar nuħħala (kontenut ogħla ta’ rmied) għandhom livelli naturalment ogħla ta’ alkalojdi tal-ergotina peress li t-trab tal-iskleroti tal-ergotina jiġi adsorbit f’nuħħala.

    (9)

    Barra minn hekk, peress li mistenni li l-livelli ta’ kontaminazzjoni miksuba se jkomplu jonqsu għal xi prodotti tat-tħin, jixraq li jiġi previst li livelli massimi aktar stretti jenħtieġ li japplikaw fi żmien medju għal dawk il-prodotti. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja l-progress lejn dawk il-livelli massimi aktar stretti u tivvaluta l-bidliet possibbli fil-livelli minħabba t-tibdil fil-prattiki agrikoli, kif ukoll fil-fatturi klimatiċi u ambjentali, l-Istati Membri u l-partijiet interessati jenħtieġ li jiġu mitluba jipprovdu d-data u l-informazzjoni meħtieġa.

    (10)

    Minkejja l-applikazzjoni ta’ prattiki tajbin, intwera li l-glutina tal-qamħ, bħala prodott sekondarju tal-proċess tat-tħin imxarrab, fiha livelli ogħla ta’ alkalojdi tal-ergotina peress li l-konċentrat tal-alkalojdi tal-ergotina huwa konsegwenza tal-proċess tal-produzzjoni tagħha. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit livell massimu ogħla għall-alkaljodi tal-ergotina fil-glutina tal-qamħ.

    (11)

    Minħabba t-tibdil fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jenħtieġ li tiġi modifikata nota f’qiegħ il-paġna korrispondenti fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006.

    (12)

    Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jippreparaw għall-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda introdotti b’dan ir-Regolament, jixraq li jiġi previst żmien raġonevoli sakemm japplikaw il-livelli massimi u jiġi previst perjodu tranżitorju għall-oġġetti tal-ikel li tqiegħdu legalment fis-suq qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madankollu fir-rigward tas-segala, għalissa ma jistgħux jinkisbu livelli aktar baxxi ta’ kontaminazzjoni mill-iskleroti tal-ergotina b’mod raġonevoli, u għalhekk jixraq li jingħata perjodu itwal biex tiġi permessa applikazzjoni aktar stretta ta’ prattiki agrikoli tajbin u applikazzjoni ta’ tekniki mtejba ta’ separazzjoni u tindif.

    (13)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jiġi emendat skont dan.

    (14)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Sal-1 ta’ Jannar 2023, l-Istati Membri u l-partijiet interessati għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni r-riżultati tal-investigazzjonijiet imwettqa u l-progress fir-rigward tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni mill-iskleroti tal-ergotina u l-alkalojdi tal-ergotina fis-segala u l-prodotti tat-tħin tas-segala u l-alkalojdi tal-ergotina fil-prodotti tat-tħin tal-ħbub tax-xgħir, tal-qamħ, tal-farru u tal-ħafur.

    L-Istati Membri u l-partijiet interessati għandhom jirrapportaw regolarment fil-bażi tad-data tal-EFSA, id-data tal-okkorrenza dwar l-iskleroti tal-ergotina u l-alkalojdi tal-ergotina fis-segala u l-prodotti tat-tħin tas-segala u dwar l-alkalojdi tal-ergotina fil-prodotti tat-tħin tal-ħbub tax-xgħir, tal-qamħ, tal-farru u tal-ħafur.”

    (2)

    L-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-oġġetti tal-ikel elenkati fl-Anness imqiegħda legalment fis-suq qabel l-1 ta’ Jannar 2022, jistgħu jibqgħu fis-suq sad-data tad-durabbiltà minima jew sad-data tal-iskadenza tagħhom.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Awwissu 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

    (3)  Scientific Opinion on Ergot alkaloids in food and feed. EFSA Journal 2012;10(7):2798. [158 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2012.2798.

    (4)  Arcella, D., Gomez Ruiz, J-A., Innocenti, ML and Roldán, R., 2017. Scientific report on human and animal dietary exposure to ergot alkaloids. EFSA Journal 2017;15(7):4902, 53 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2017.4902.

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).


    ANNESS

    L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fit-taqsima 2, l-entrati “2.9 Skleroti tal-ergotina u alkalojdi tal-ergotina” huma sostitwiti b’dan li ġej:

    Oġġetti tal-ikel (1)

    Livell massimu

    “2.9

    Skleroti tal-ergotina u alkalojdi tal-ergotina

     

    2.9.1.

    Skleroti tal-ergotina

     

    2.9.1.1.

    Ċereali mhux ipproċessati(18) bl-eċċezzjoni

    tal-qamħirrum, tas-segala u tar-ross

    0,2 g/kg

    2.9.1.2.

    Segala mhux ipproċessata(18)

    0,5 g/kg sat-30 ta’ Ġunju 2024

    0,2 g/kg mill-1 ta’ Lulju 2024

    2.9.2.

    Alkalojdi tal-ergotina  (*1)

     

    2.9.2.1.

    Prodotti tat-tħin tax-xgħir, tal-qamħ, tal-farru u tal-ħafur

    (b’kontenut ta’ rmied inqas minn 900 mg/100 g)

    100 μg/kg

    50 μg/kg mill-1 ta’ Lulju 2024

    2.9.2.2.

    Prodotti tat-tħin tax-xgħir, tal-qamħ, tal-farru u tal-ħafur

    (b’kontenut ta’ rmied daqs 900 mg/100 g jew ogħla)

    Ħbub tax-xgħir, tal-qamħ, tal-farru u tal-ħafur imqiegħda fis-suq għall-konsumatur finali

    150 μg/kg

    2.9.2.3.

    Prodotti tat-tħin tas-segala

    Segala mqiegħda fis-suq għall-konsumatur finali

    500 μg/kg sat-30 ta’ Ġunju 2024

    250 μg/kg mill-1 ta’ Lulju 2024

    2.9.2.4.

    Glutina tal-qamħ

    400 μg/kg

    2.9.2.5.

    Ikel ipproċessat abbażi ta’ ċereali għat-trabi u t-tfal żgħar (3) (29)

    20 μg/kg

    (2)

    In-nota f’qiegħ il-paġna 1 hija sostitwita b’dan li ġej:

    “(1)

    Fir-rigward tal-frott, il-ħxejjex u ċ-ċereali, issir referenza għall-oġġetti tal-ikel elenkati fil-kategorija rilevanti kif definit fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1). Dan ifisser, inter alia, li l-qamħ saraċin (Fagopyrum sp) huwa inkluż fiċ-‘ċereali’ u l-prodotti tal-qamħ saraċin huma inklużi fil-‘prodotti taċ-ċereali’. Il-ġewż tas-siġar mhumiex koperti mil-livell massimu għall-frott.”

    (3)

    In-nota f’qiegħ il-paġna 18 hija sostitwita b’dan li ġej:

    “(18)

    Il-livell massimu japplika għaċ-ċereali mhux ipproċessati mqiegħda fis-suq qabel l-ipproċessar tal-ewwel stadju. Fis-sistemi ta’ produzzjoni u proċessar integrati, il-livell massimu japplika fil-katina tal-produzzjoni fl-istadju qabel l-ipproċessar tal-ewwel stadju. Sistemi ta’ produzzjoni u pproċessar integrati tfisser sistemi fejn il-lottijiet kollha li deħlin jitnaddfu, jiġu sseparati u jiġu pproċessati fl-istess stabbiliment.

    It-tnixxif u t-tindif, inkluż is-separazzjoni (separazzjoni skont il-kuluri fejn applikabbli) u l-għorik mhumiex meqjusa bħala ‘proċessar tal-ewwel stadju’ sakemm il-ħabba sħiħa tibqa’ intatta.

    L-għorik huwa t-tindif taċ-ċereali billi jiġu bbraxxjati jew jingħorku b’mod vigoruż, flimkien mat-tneħħija tat-trab (eż. aspirazzjoni).

    F’każ li t-togħrik jiġi applikat fil-preżenza tal-iskleroti tal-ergotina, iċ-ċereali jridu l-ewwel jgħaddu minn pass ta’ tindif qabel it-togħrik.”


    (*1)  Il-livell massimu għall-alkalojdi tal-ergotina jirreferi għas-somma inferjuri tat-12-il alkalojde tal-ergotina li ġejjin: ergokornina/ergokorninina; ergokristina/ergokristinina; ergokriptina/ergokriptinina (forma α- u β-); ergometrina/ergometrinina; ergosina/ergosinina; ergotammina/ergotaminina. Fis-somma inferjuri, il-kontribut ta’ kull epimer mhux kwantifikat huwa stabbilit għal żero.”


    Top