Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1235

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1235 tat-12 ta’ Mejju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni u r-reġistru

    C/2021/2837

    ĠU L 270, 29.7.2021, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1235/oj

    29.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 270/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1235

    tat-12 ta’ Mejju 2021

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni u r-reġistru

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 33(1) u (2) u l-Artikolu 41 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2019/787 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2019/787 jistabbilixxi regoli dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-settur tax-xorb spirituż u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni f’dak ir-rigward. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq tax-xorb spirituż fil-qafas legali l-ġdid, u b’mod partikolari biex jiġi ssimplifikat u razzjonalizzat il-funzjonament tas-sistema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għax-xorb spirituż, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta’ atti bħal dawn. B’mod partikolari, dan ir-Regolament u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1236 (3) jenħtieġ li jissostitwixxu parti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2013 (4), li għalhekk jenħtieġ li jitħassar.

    (2)

    Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskrutinju tal-Kummissjoni u biex tingħata informazzjoni sħiħa lill-partijiet ikkonċernati fil-proċedura ta’ oppożizzjoni, fejn l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tinkludi rekwiżiti speċifiċi dwar l-ippakkjar, id-dokument uniku inkluż fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika jenħtieġ li jkun fih sommarju tal-ġustifikazzjoni li juri għaliex l-ippakkjar irid isir fiż-żona ġeografika definita biex tiġi ssalvagwardjata l-kwalità, biex tiġi żgurata l-oriġini jew biex jiġi żgurat il-kontroll tax-xorb spirituż.

    (3)

    Għal raġunijiet ta’ konsistenza tal-proċedura u sabiex jiġi ffaċilitat l-iskrutinju tal-Kummissjoni, Stat Membru jenħtieġ li jiggarantixxi li d-Dokument Uniku jkun sommarju fidil tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott li fuqha l-Kummissjoni tista’ toqgħod meta tivvaluta l-applikazzjoni u li fuqha l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati l-oħra jistgħu joqogħdu għall-finijiet tal-infurzar tal-indikazzjoni ġeografika. Għall-istess raġunijiet, ir-referenza tal-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott inkluża fl-applikazzjoni jew fil-fajl tal-applikazzjoni sottomessi lill-Kummissjoni mill-Istati Membri jenħtieġ li tikkonsisti mir-referenza elettronika għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott kif ippubblikata skont is-sistema amministrattiva tal-Istat Membru.

    (4)

    L-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa sabiex applikazzjoni għall-protezzjoni, applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni jew talba għall-kanċellazzjoni titqies bħala ammissibbli jenħtieġ li tiġi stipulata sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni ta’ tali applikazzjonijiet jew talbiet u biex jitħaffef l-eżaminar tagħhom.

    (5)

    Sabiex jingħelbu d-diffikultajiet temporanji u biex jiġi żgurat li l-produtturi kollha jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott fit-tul, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jagħtu lill-produtturi perjodi ta’ tranżizzjoni sa 10 snin biex jadattaw għall-bidliet ta’ ċerti regoli dwar l-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

    (6)

    Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-approvazzjoni tal-emendi tal-Unjoni għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott, filwaqt li l-emendi standard huma approvati mill-Istati Membri jew mill-persuna jew minn korp responsabbli f’pajjiż terz. Għall-effiċjenza tal-proċedura, meta applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni jkun fiha wkoll emendi standard, l-emendi standard jenħtieġ li jitqiesu li mhumiex eżistenti u ma jenħtiġux li jitqiesu bħala approvati fil-kuntest tal-emenda tal-Unjoni.

    (7)

    Il-proċedura għall-approvazzjoni ta’ emendi standard u emendi temporanji jenħtieġ li tiġi stabbilita biex tippermetti li l-Istati Membri jwettqu valutazzjoni xierqa tal-applikazzjonijiet u jiggarantixxu approċċ konsistenti fl-Istati Membri kollha. Il-preċiżjoni u l-kompletezza tal-valutazzjoni mill-Istati Membri jenħtieġ li jkunu ekwivalenti għall-preċiżjoni u l-kompletezza meħtieġa għall-proċess ta’ valutazzjoni fil-proċedura li tirregola l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika.

    (8)

    Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli biex tiġi stabbilita koordinazzjoni bejn il-proċeduri għal emendi fi speċifikazzjoni tal-prodott f’każijiet fejn l-applikazzjonijiet li jikkonċernaw emenda tal-Unjoni u emenda standard ikunu pendenti fl-istess ħin quddiem il-Kummissjoni u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, rispettivament. Billi ż-żewġ applikazzjonijiet jemendaw l-istess speċifikazzjoni tal-prodott, filwaqt li jsegwu żewġ proċeduri paralleli differenti bi skeda ta’ żmien differenti, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jevitaw l-inkonsistenzi.

    (9)

    Ir-regoli dwar il-proċedura għall-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika jenħtieġ li jiġu supplimentati biex jiġi ċċarat li l-Istati Membri huma fost il-persuni ġuridiċi li jista’ jkollhom interess leġittimu li jissottomettu talba għall-kanċellazzjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2019/787, u biex jispeċifikaw ir-referenzi eżatti għal Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fejn issir il-pubblikazzjoni.

    (10)

    Biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-uniformità fost l-Istati Membri, jeħtieġ li jiġi stabbilit reġistru elettroniku tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tax-xorb spirituż imsemmi fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2019/787 (“ir-reġistru”) u li jiġu adottati regoli ulterjuri dwar il-kontenut u l-forma tar-reġistru. B’mod partikolari, billi d-dokumenti disponibbli u dawk li għandhom isiru disponibbli jvarjaw għal kull isem irreġistrat skont il-bażi ġuridika li taħtha jkunu ġew protetti għall-ewwel darba, ir-rekwiżiti għal dawk id-dokumenti jenħtieġ li jiġu adattati bix-xieraq. Sabiex ikunu jistgħu jiġu ddeterminati dati ta’ prijorità li jikkonċernaw drittijiet oħra ta’ proprjetà intellettwali, ir-reġistru jenħtieġ li jindika d-data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u d-data u r-referenza tal-pubblikazzjoni tal-istrument li jipproteġi l-indikazzjoni ġeografika. Ir-reġistru jenħtieġ li jkun bażi ta’ data elettronika mmaniġġjata fi ħdan is-sistemi diġitali magħmula disponibbli mill-Kummissjoni, u jenħtieġ li jkun aċċessibbli għall-pubbliku,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    Dispożizzjoni introduttorja

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) 2019/787 fir-rigward ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, u b’mod partikolari fir-rigward ta’:

    (a)

    applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni;

    (b)

    emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott;

    (c)

    kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni;

    (d)

    ir-reġistru tal-indikazzjonijiet ġeografiċi.

    KAPITOLU II

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    TAQSIMA 1

    APPLIKAZZJONI GĦAR-REĠISTRAZZJONI

    Artikolu 2

    (Setgħa ddelegata Art.41(1)(a) tar-Regolament (UE) 2019/787) Rekwiżiti addizzjonali għad-dokument uniku

    Fejn id-dokument uniku msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2019/787 ikun jinkludi rekwiżiti speċifiċi dwar l-ippakkjar, għandu jiġi inkluż ukoll sommarju tal-ġustifikazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) ta’ dak ir-Regolament.

    Artikolu 3

    (Setgħa ddelegata Art.41(1)(a) tar-Regolament (UE) 2019/787) Il-fajl tal-applikazzjoni tal-Istat Membru

    Meta jissottometti fajl tal-applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 24(7) tar-Regolament (UE) 2019/787, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiċċertifika li d-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 23(2)(b) tar-Regolament (UE) 2019/787 ikun sommarju fidil tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott. L-Istat Membru għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe diverġenza materjali bejn id-Dokument Uniku u l-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Il-fajl tal-applikazzjoni għandu jinkludi r-referenza elettronika tal-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

    Artikolu 4

    (Setgħa ddelegata Art.41(1)(b) tar-Regolament (UE) 2019/787) Ammissibbiltà tal-applikazzjoni

    1.   L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandha titqies bħala ammissibbli jekk tkun ġiet sottomessa f’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2019/787 u tkun ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1236, inkluż id-dokument uniku mfassal f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u jekk ikun komplut.

    L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandha titqies bħala kompluta meta tikkonforma mal-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (UE) 2019/787 u mal-Artikoli 2 u 3 ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Jekk il-Kummissjoni tqis li applikazzjoni ma tkunx ammissibbli, hija għandha tinforma lill-awtoritajiet tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz ikkonċernat jew lill-applikant stabbilit f’pajjiż terz, skont il-każ, bir-raġunijiet għall-inammissibbiltà.

    Artikolu 5

    (Setgħa ddelegata Art.41(1)(b) tar-Regolament (UE) 2019/787) Perjodu ta’ tranżizzjoni nazzjonali

    1.   Biex jingħelbu d-diffikultajiet temporanji, bil-għan fit-tul li jiġi żgurat li l-produtturi kollha fiż-żona kkonċernata jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, Stat Membru jista’ jagħti perjodu ta’ tranżizzjoni bil-kundizzjoni li l-operaturi kkonċernati jkunu kkummerċjalizzaw legalment ix-xorb spirituż inkwistjoni bl-użu tal-ismijiet ikkonċernati kontinwament għal mill-inqas 5 snin qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni lill-awtoritajiet tal-Istat Membru, u li dawk id-diffikultajiet temporanji jkunu tqajmu fil-proċedura ta’ oġġezzjoni nazzjonali msemmija fl-Artikolu 24(6) tar-Regolament (UE) 2019/787.

    Il-perjodu ta’ tranżizzjoni għandu jibda mid-data li fiha l-fajl tal-applikazzjoni jiġi sottomess lill-Kummissjoni, u għandu jkun qasir kemm jista’ jkun. Dan ma għandux jaqbeż 10 snin.

    2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis għal indikazzjoni ġeografika li tirreferi għal żona ġeografika li tinsab f’pajjiż terz, għajr il-proċedura ta’ oġġezzjoni nazzjonali.

    3.   Il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi indikat fil-fajl tal-applikazzjoni sottomess lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 24(7) jew (8) tar-Regolament (UE) 2019/787.

    TAQSIMA 2

    EMENDI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT

    Artikolu 6

    (Setgħa ddelegata Art.41(2) tar-Regolament (UE) 2019/787) Applikazzjonijiet għal emendi tal-Unjoni għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott

    Għall-finijiet tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2019/787, applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni għal speċifikazzjoni tal-prodott għandha tinkludi emendi tal-Unjoni biss. Jekk applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni tkun tinkludi wkoll emendi standard jew temporanji, il-proċedura għal emenda tal-Unjoni għandha tapplika biss għall-emenda tal-Unjoni. Emendi standard jew temporanji inklużi fl-applikazzjoni għandhom jitqiesu bħala mhux sottomessi.

    Artikolu 7

    (Setgħa ddelegata Art.41(2) tar-Regolament (UE) 2019/787) Ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni tal-emendi tal-Unjoni

    1.   L-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni għal speċifikazzjoni tal-prodott għandhom jitqiesu bħala ammissibbli jekk ikunu ġew sottomessi f’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2019/787 u kkomunikati lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1236 u jikkonformaw mal-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

    L-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni għal speċifikazzjoni tal-prodott għandha tkopri biss l-emendi tal-Unjoni stipulati fl-applikazzjoni nnifisha.

    2.   Jekk il-Kummissjoni tqis li applikazzjoni ma tkunx ammissibbli, hija għandha tinforma lill-awtoritajiet tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz ikkonċernat jew lill-applikant stabbilit f’pajjiż terz, skont il-każ, bir-raġunijiet għall-inammissibbiltà.

    Artikolu 8

    (Setgħa ddelegata Art.41(2) tar-Regolament (UE) 2019/787) Emendi standard għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott

    1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 31(5) tar-Regolament (UE) 2019/787, l-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda standard għal speċifikazzjoni tal-prodott għandhom jiġu sottomessi lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab iż-żona ġeografika tal-prodott ikkonċernat. L-applikanti għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24(1), (2) jew (3) tar-Regolament (UE) 2019/787. Jekk l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda standard għal speċifikazzjoni tal-prodott ma tiġix mill-applikant li jkun issottometta l-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem jew tal-ismijiet li għalihom tirreferi l-ispeċifikazzjoni tal-prodott, l-Istat Membru għandu jagħti lil dak l-applikant l-opportunità li jikkummenta dwar l-applikazzjoni, jekk dak l-applikant ikun għadu jeżisti.

    L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda standard għandha tipprovdi deskrizzjoni tal-emendi standard u turi li l-emendi proposti jikkwalifikaw bħala standard f’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2019/787. Għandu jiżdied sommarju tar-raġunijiet li għalihom ikunu meħtieġa l-emendi.

    2.   Fejn l-Istat Membru jqis li r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2019/787 u d-dispożizzjonijiet adottati skont dak ir-Regolament huma ssodisfati, huwa jista’ japprova l-emenda standard. Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni għandha tinkludi l-ispeċifikazzjoni tal-prodott ikkonsolidata emendata u, fejn rilevanti, id-dokument uniku kkonsolidat emendat.

    Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni għandha tiġi ppubblikata. L-emenda standard approvata għandha tkun applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat mid-data li fiha tkun ġiet ippubblikata d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni. L-Istat Membru għandu jikkomunika l-emendi standard lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn xahar (1) wara d-data li fiha tkun ġiet ippubblikata d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni nazzjonali. L-Istat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien mhux iġġustifikat, kwalunkwe sentenza nazzjonali finali u mhux appellabbli li tħassar deċiżjoni li tapprova emenda standard.

    3.   Id-deċiżjonijiet li japprovaw emendi standard li jikkonċernaw xorb spirituż li joriġina minn pajjiżi terzi għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni minn grupp applikant li jkollu interess leġittimu, jew direttament lill-Kummissjoni jew permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat, u dan mhux aktar tard minn xahar (1) wara d-data li fiha tkun ġiet ippubblikata d-deċiżjoni rilevanti.

    4.   Il-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata lill-Kummissjoni għandha titqies li tkun saret kif xieraq meta tikkonforma mal-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1236.

    5.   Fil-każ li l-emenda standard timplika emenda tad-dokument uniku, il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deskrizzjoni tal-emenda standard u d-dokument uniku emendat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C, fi żmien 3 xhur mid-data li fiha tkun irċeviet il-komunikazzjoni ta’ dik l-emenda standard.

    Fil-każ li l-emenda standard ma timplikax emenda tad-dokument uniku, il-Kummissjoni għandha tippubblika, permezz tas-sistemi diġitali msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1236, id-deskrizzjoni tal-emenda standard fi żmien 3 xhur mid-data li fiha tkun irċeviet il-komunikazzjoni ta’ dik l-emenda standard.

    L-ispeditur ta’ komunikazzjoni ta’ emenda standard għandu jibqa’ responsabbli għall-kontenut tagħha.

    6.   L-emendi standard għandhom ikunu applikabbli fit-territorju tal-Unjoni mid-data li fiha jkunu ġew ippubblikati skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 jew ikunu saru pubbliċi skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5.

    7.   Fejn iż-żona ġeografika tkopri aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istati Membri kkonċernati għandhom japplikaw il-proċedura għal emendi standard separatament għall-parti taż-żona li taqa’ fit-territorju tagħhom. L-emenda standard għandha tkun applikabbli fit-territorju tal-Istati Membri kkonċernati biss wara li ssir applikabbli l-aħħar deċiżjoni ta’ approvazzjoni nazzjonali. L-Istat Membru li jkun l-aħħar wieħed li japprova l-emenda standard għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-komunikazzjoni rilevanti mhux aktar tard minn xahar (1) wara d-data li fiha tkun ġiet ippubblikata d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tiegħu.

    Jekk wieħed jew aktar mill-Istati Membri kkonċernati ma jadottawx id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni nazzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu, kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri kkonċernati jista’ jissottometti dik l-applikazzjoni skont il-proċedura ta’ emenda tal-Unjoni.

    8.   Il-paragrafu 7 għandu japplika mutatis mutandis fejn parti miż-żona ġeografika kkonċernata tkun tinsab fit-territorju ta’ pajjiż terz.

    Artikolu 9

    (Setgħa ddelegata Art.41(2) tar-Regolament (UE) 2019/787) Ir-relazzjoni bejn l-Unjoni u l-emendi standard

    1.   Fejn tiġi approvata emenda standard li timplika emenda tad-dokument uniku filwaqt li jkun hemm pendenti applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaġġorna d-dokument uniku inkluż fl-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni bix-xieraq. Jekk l-emenda tal-Unjoni pendenti tkun ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C, għall-oppożizzjoni, il-verżjoni aġġornata tad-dokument uniku għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje L, bħala Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni li japprova l-emenda tal-Unjoni.

    2.   Fejn il-verżjoni emendata tad-dokument uniku inkluż f’applikazzjoni għal emenda standard approvata fil-livell nazzjonali ma tiħux inkunsiderazzjoni l-aħħar emendi tal-Unjoni li jkunu ġew approvati, dik l-emenda standard ma għandhiex tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-Istat Membru li jkun approva dik l-emenda standard għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-verżjoni konsolidata tad-dokument uniku kif emendat kemm mill-Unjoni kif ukoll mill-emendi standard għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 10

    (Setgħa ddelegata Art.41(2) tar-Regolament (UE) 2019/787) Emendi temporanji għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott

    1.   Emendi temporanji għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għandhom jiġu approvati u ppubblikati mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab iż-żona ġeografika tal-prodott ikkonċernat. L-emendi temporanji għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni flimkien mar-raġunijiet li jappoġġawhom sa mhux aktar tard minn xahar (1) wara d-data li fiha tkun ġiet ippubblikata d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni nazzjonali. Emenda temporanja għandha tkun applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat mid-data li fiha tkun ġiet ippubblikata d-deċiżjoni li tapprova l-emenda.

    2.   Fejn iż-żona ġeografika tkun tkopri aktar minn Stat Membru wieħed, il-proċedura għal emendi temporanji għandha tapplika separatament fl-Istati Membri kkonċernati għall-parti taż-żona li taqa’ fi ħdan it-territorju tagħhom.

    3.   Emendi temporanji li jikkonċernaw xorb spirituż li joriġina minn pajjiżi terzi għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni, flimkien mar-raġunijiet li jappoġġawhom, minn grupp applikant li jkollu interess leġittimu, jew direttament jew permezz tal-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż terz, u dan mhux aktar tard minn xahar (1) wara l-approvazzjoni tagħhom.

    4.   Il-komunikazzjoni ta’ emenda temporanja approvata lill-Kummissjoni għandha titqies li tkun saret kif xieraq meta tikkonforma mal-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1236.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-komunikazzjoni ta’ emenda temporanja permezz tas-sistemi diġitali msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1236 fi żmien 3 xhur mid-data li fiha tkun irċeviet il-komunikazzjoni ta’ dik l-emenda temporanja. Emenda temporanja għandha tkun applikabbli fit-territorju tal-Unjoni mid-data li fiha tkun ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni.

    L-ispeditur ta’ komunikazzjoni ta’ emenda temporanja għandu jibqa’ responsabbli għall-kontenut tagħha.

    TAQSIMA 3

    KANĊELLAZZJONI TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA

    Artikolu 11

    (Setgħa ddelegata Art.41(1)(b) tar-Regolament (UE) 2019/787) Proċedura ta’ kanċellazzjoni

    1.   Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2019/787, talba għat-tħassir tar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika tista’ tiġi sottomessa mill-Istati Membri fuq inizjattiva tagħhom stess.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika t-talbiet għall-kanċellazzjoni sottomessi skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2019/787 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, is-serje C.

    Artikolu 12

    (Setgħa ddelegata Art.41(1)(b) tar-Regolament (UE) 2019/787) Ammissibbiltà tat-talbiet għall-kanċellazzjoni

    1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 32(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/787, talba għall-kanċellazzjoni għandha titqies bħala ammissibbli jekk:

    (a)

    tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1236; u

    (b)

    għal talbiet skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2019/787, hija bbażata fuq ir-raġunijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dik id-dispożizzjoni.

    2.   Jekk il-Kummissjoni tqis li t-talba għall-kanċellazzjoni hija inammissibbli, hija għandha tinforma r-raġunijiet għall-inammissibbiltà lill-awtoritajiet tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz ikkonċernat jew lill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun ippreżentat it-talba, skont il-każ.

    3.   Id-dikjarazzjonijiet motivati ta’ oppożizzjoni fir-rigward tal-kanċellazzjoni għandhom ikunu ammissibbli biss fejn juru użu kummerċjali mill-isem irreġistrat mill-persuna interessata.

    TAQSIMA 4

    REĠISTRU

    Artikolu 13

    (Setgħa ddelegata Art.33(1)(2) tar-Regolament (UE) 2019/787) Reġistru

    1.   Għandu jiġi stabbilit ir-reġistru elettroniku tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż imsemmi fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2019/787 (“ir-reġistru”). Dan għandu jkun ibbażat fuq sistemi diġitali mmaniġġjati mill-Kummissjoni u aċċessibbli għall-pubbliku.

    2.   Mad-dħul fis-seħħ ta’ strument legali li jagħti protezzjoni lill-isem ta’ indikazzjoni ġeografika, il-Kummissjoni għandha tirreġistra d-data li ġejja fir-reġistru:

    (a)

    l-isem jew l-ismijiet li għandhom jiġu protetti bħala indikazzjoni ġeografika, inklużi t-traskrizzjonijiet jew it-traslitterazzjonijiet tagħhom bl-ittri Latini, fejn applikabbli. Ismijiet, traskrizzjonijiet u traslitterazzjonijiet multipli għandhom jiġu rreġistrati bħala ismijiet alternattivi, separati bi spazju, oblikwa u spazju ieħor;

    (b)

    il-kategorija tax-xorb spirituż;

    (c)

    in-numru tal-fajl;

    (d)

    it-tip ta’ “indikazzjoni ġeografika”;

    (e)

    isem il-pajjiż jew il-pajjiżi ta’ oriġini;

    (f)

    id-data tal-applikazzjoni u r-referenza għall-istrument legali li jipproteġi l-isem:

    (i)

    għall-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/787 jew mar-Regolament (KE) Nru 110/2008, għajr l-indikazzjonijiet ġeografiċi stabbiliti msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, id-data tal-applikazzjoni u r-referenza elettronika għall-istrumenti li jipproteġu l-isem fil-livell tal-Unjoni;

    (ii)

    għall-indikazzjonijiet ġeografiċi stabbiliti msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, id-data tal-pubblikazzjoni tal-istrument tal-ewwel protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika fil-livell tal-Unjoni u r-referenza elettronika għal dak l-istrument;

    (g)

    ir-referenza jew ir-referenzi elettroniċi għall-istrument jew strumenti legali li jikkonċernaw l-indikazzjoni ġeografika sussegwenti għall-istrumenti legali msemmija fil-punt (f);

    (h)

    ir-referenzi għad-dokument uniku, l-ispeċifikazzjonijiet ewlenin tal-fajl tekniku, l-ispeċifikazzjoni tal-prodott jew il-fajl tekniku, fejn disponibbli, kif ġej:

    (i)

    għall-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/787, ir-referenza elettronika għad-dokument uniku, inkluża r-referenza elettronika għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Fejn iż-żona ġeografika taqa’ fi ħdan it-territorju ta’ pajjiż terz, ir-referenza elettronika għad-dokument uniku, inkluża r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott;

    (ii)

    għall-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 110/2008, ir-referenza elettronika għall-ispeċifikazzjonijiet ewlenin tal-fajl tekniku;

    (iii)

    għall-indikazzjonijiet ġeografiċi stabbiliti msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, il-fajl tekniku.

    3.   Fejn il-Kummissjoni tapprova emenda tal-Unjoni għal speċifikazzjoni tal-prodott jew tirċievi komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata għal speċifikazzjoni tal-prodott li tinvolvi bidla fl-informazzjoni rreġistrata fir-reġistru, hija għandha tirreġistra d-data l-ġdida b’effett mid-data tal-applikazzjoni tal-emenda fl-Unjoni. Għandha tiġi rreġistrata wkoll id-data li tikkonċerna l-emendi temporanji.

    4.   Fejn ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika tkun ġiet ikkanċellata, il-Kummissjoni għandha tħassar l-isem mir-reġistru mid-data li fiha jidħol fis-seħħ l-att ta’ implimentazzjoni rilevanti skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2019/787 u għandha żżomm rekord tal-kanċellazzjoni.

    5.   L-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti mir-regolamenti ta’ implimentazzjoni adottati bejn it-8 ta’ Ġunju 2019 u d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiddaħħlu fir-reġistru.

    6.   Il-Kummissjoni għandha żżomm dokumentazzjoni relatata mar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika f’forma diġitali jew stampata għall-perjodu ta’ validità tal-indikazzjoni ġeografika, u f’każ ta’ kanċellazzjoni għal 10 snin wara dan.

    KAPITOLU III

    Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 14

    Tħassir

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 716/2013 huwa mħassar.

    Artikolu 15

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1236 tat-12 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, il-proċedura ta’ oppożizzjoni, emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni, l-użu ta’ simbolu u l-kontroll (Ara l-paġna 10 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2013 tal-25 ta’ Lulju 2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż (ĠU L 201, 26.7.2013, p. 21).


    Top