EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1151

Regolament (UE) 2021/1151 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta’ sistemi oħra ta’ informazzjoni tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar

PE/16/2021/REV/1

ĠU L 249, 14.7.2021, p. 7–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1151/oj

14.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 249/7


REGOLAMENT (UE) 2021/1151 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Lulju 2021

li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta’ sistemi oħra ta’ informazzjoni tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (d) tal-Artikolu 82(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) stabbilixxa s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu li jkunu fil-pussess ta’ viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni. Dak ir-Regolament stabbilixxa l-kundizzjonijiet u l-proċeduri biex tinħareġ jew tiġi miċħuda awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar skont l-ETIAS.

(2)

L-ETIAS tippermetti kunsiderazzjoni dwar jekk il-preżenza ta’ dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri toħloqx riskju ta’ sigurtà, ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju epidemiku kbir.

(3)

Sabiex is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS tkun tista’ twettaq l-ipproċessar tal-fajls ta’ applikazzjoni kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2018/1240, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-interoperabbiltà bejn is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, minn naħa waħda, u s-sistema ta’ Dħul/Ħruġ (“EES”), is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (“VIS”), is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (“SIS”), il-Eurodac u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali - Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi (“ECRIS-TCN”) (“sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE”), u d-data tal-Europol kif definita f’dak ir-Regolament (“data tal-Europol”), min-naħa l-oħra.

(4)

Dan ir-Regolament, flimkien mar-Regolamenti (UE) 2021/1150 (3) u (UE) 2021/1152 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà bejn is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, minn naħa waħda, u sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE u d-data tal-Europol, min-naħa l-oħra, u l-kundizzjonijiet għall-konsultazzjoni tad-data maħżuna f’sistemi ta’ informazzjoni tal-UE oħrajn u tad-data tal-Europol mill-ETIAS għall-fini li jiġu identifikati awtomatikament il-hits. Riżultat ta’ dan, jeħtieġ li jiġu emendati r-Regolamenti (UE) 2019/816 (5) u (UE) 2019/818 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS tiġi konnessa ma’ sistemi ta’ informazzjoni tal-UE oħrajn u mad-data tal-Europol u biex tiġi speċifikata d-data li se tintbagħat bejn dawk is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u d-data tal-Europol.

(5)

Fir-rigward tal-interoperabbiltà mal-Eurodac, f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1240, l-emendi konsegwenzjali neċessarji ser jiġu adottati ladarba r-riformulazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) tiġi adottata.

(6)

Il-Portal Ewropew tat-Tfittxija (ESP), stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u r-Regolament (UE) 2019/818, ser jippermetti li d-data maħżuna fl-ETIAS u d-data maħżuna fis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE oħrajn kkonċernati tiġi mfittxija b’mod parallel.

(7)

L-arranġamenti tekniċi jenħtieġ li jiġu stabbiliti biex jippermettu lill-ETIAS tivverifika regolarment u awtomatikament f’sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE jekk il-kundizzjonijiet għaż-żamma tal-fajls tal-applikazzjoni, kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1240, għadhomx issodisfati.

(8)

L-Istati Membri diġà jiġbru u jipproċessaw data ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif definit fir-Regolament (UE) 2019/816 għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament. Dan ir-Regolament ma jimponi ebda obbligu fuq l-Istati Membri biex jibdlu jew biex jestendu l-kategoriji tad-data ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif definiti fir-Regolament (UE) 2019/816 li diġà qed tinġabar taħt dak ir-Regolament. Għall-fini ta’ talbiet għal informazzjoni tal-ECRIS-TCN mill-ETIAS, jenħtieġ li jiżdiedu biss il-marki li jindikaw li ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif definiti fir-Regolament (UE) 2019/816 ġew ikkundannati għal reat terroristiku jew għal kwalunkwe reat kriminali ieħor elenkat fl-Anness għar-Regolament (UE) 2018/1240, jekk ikun punibbli b’sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin skont il-liġi nazzjonali, u l-kodiċijiet tal-Istati Membri tal-kundanna, jenħtieġ li jiżdiedu mar-rekord tad-data ECRIS-TCN.

(9)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2019/816, u sabiex jiġi appoġġjat l-objettiv tal-ETIAS li tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà billi tipprovdi għal valutazzjoni bir-reqqa tar-riskju għas-sigurtà tal-applikanti qabel il-wasla tagħhom fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera esterna sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunx hemm indikazzjonijiet fattwali jew raġunijiet validi bbażati fuq indikazzjonijiet fattwali biex jiġi konkluż li l-preżenza tal-persuna fit-territorju tal-Istati Membri toħloq riskju għas-sigurtà, jenħtieġ li l-ETIAS tkun tista’ tivverifika jekk jeżistux korrispondenza bejn id-data tal-fajls ta’ applikazzjoni tal-ETIAS u d-data maħżuna fl-ECRIS-TCN, fir-rigward ta’ liema Stati Membri għandhom informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kif definit fir-Regolament (UE) 2019/816, li ġew ikkundannati fil-25 sena preċedenti ta’ reat terroristiku jew fil-15-il sena preċedenti ta’ kwalunkwe reat kriminali ieħor elenkat fl-Anness għar-Regolament (UE) 2018/1240 jekk ikunu punibbli b’sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin skont il-liġi nazzjonali.

(10)

Il-kundizzjonijiet, inklużi d-drittijiet tal-aċċess, li skonthom l-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS jistgħu jikkonsultaw data maħżuna f’sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tal-ETIAS jenħtieġ li jiġu salvagwardjati permezz ta’ regoli ċari u preċiżi rigward l-aċċess mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS għad-data maħżuna f’sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE, it-tipi ta’ tfittxija u l-kategoriji ta’ data, li kollha kemm huma jenħtieġ li jkunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ għat-twettiq ta’ dmirijiethom. Bl-istess mod, id-data maħżuna fil-fajls tal-applikazzjoni tal-ETIAS jenħtieġ li tkun viżibbli biss għal dawk l-Istati Membri li joperaw is-sistemi ta’ informazzjoni sottostanti f’konformità mal-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tagħhom.

(11)

Hit li tiġi rrapportata mill-ECRIS-TCN jenħtieġ li fiha nnifisha ma tkunx tfisser li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat kif definit fir-Regolament (UE) 2019/816 ġie kkundannat fl-Istati Membri indikati. Jenħtieġ li l-eżistenza ta’ kundanni preċedenti tkun ikkonfermata biss abbażi ta’ informazzjoni riċevuta mir-rekords kriminali tal-Istati Membri kkonċernati.

(12)

Skont ir-Regolament (UE) 2018/1240, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), tkun responsabbli għall-fażi ta’ tfassil u żvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni ETIAS.

(13)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(14)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(15)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda tista’ tinnotifika lill-President tal-Kunsill ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(16)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(17)

Ir-Regolamenti (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 għalhekk jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(18)

Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu emendati r-Regolamenti (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 sabiex is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS tiġi konnessa ma’ sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE u mad-data tal-Europol u biex tiġi speċifikata d-data li ser tintbagħat bejn dawk is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u d-data tal-Europol, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(19)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2019/816

Ir-Regolament (UE) 2019/816 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jiżdied il-punt li ġej:

“(e)

il-kundizzjonijiet li bihom id-data fl-ECRIS-TCN tista’ tintuża mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS, stabbilita fi ħdan l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), għall-fini tal-appoġġ tal-objettiv tal-ETIAS li tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà billi tiġi prevista valutazzjoni bir-reqqa tar-riskju għas-sigurtà tal-applikanti, qabel ma jaslu fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera esterna, sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunx hemm indikazzjonijiet fattwali jew raġunijiet validi bbażati fuq indikazzjonijiet fattwali biex jiġi konkluż li l-preżenza tal-persuna fit-territorju tal-Istati Membri toħloq riskju għas-sigurtà.

(*)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).’;"

(2)

l-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar tal-informazzjoni dwar l-identità għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew soġġetti għal kundanni fl-Istati Membri, għall-fini tal-identifikazzjoni tal-Istati Membri fejn ingħataw tali kundanni. Bl-eċċezzjoni tal-punt (b)(ii) tal-Artikolu 5(1), id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li japplikaw għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi japplikaw ukoll għal ċittadini tal-Unjoni li huma wkoll fil-pussess ta’ ċittadinanza ta’ pajjiż terz u li ġew soġġetti għal kundanni fl-Istati Membri.

Dan ir-Regolament:

(a)

jappoġġa l-objettiv tal-VIS li tivvaluta jekk l-applikant għal viża, viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza jistax ikun ta’ theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(b)

jappoġġa l-objettiv tal-ETIAS li tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà, f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1240;

(c)

jiffaċilita u jassisti fl-identifikazzjoni korretta ta’ persuni f’konformità ma’ dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.";

(3)

fl-Artikolu 3, il-punt (6) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(6)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet ċentrali, il-Eurojust, il-Europol, l-UPPE, l-awtoritajiet maħtura tal-VIS kif imsemmija fl-Artikolu 9d u fl-Artikolu 22b(13) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, u l-Unità Ċentrali tal-ETIAS, li għandhom il-kompetenza li jaċċessaw jew jitolbu informazzjoni fl-ECRIS-TCN f’konformità ma’ dan ir-Regolament; ";

(4)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel inċiż tal-punt (a)(iii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

in-numru tal-identità, jew it-tip u n-numru tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni tal-persuna, inklużi d-dokumenti tal-ivvjaġġar, kif ukoll l-isem tal-awtorità emittenti,";

(ii)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

marka li tindika, għall-fini tar-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) 2018/1240, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun ġie kkundannat fil-25 sena preċedenti għal reat terroristiku jew fil-15-il sena preċedenti għal kwalunkwe reat kriminali ieħor elenkat fl-Anness għar-Regolament (UE) 2018/1240 jekk dawk ir-reati kriminali jkunu punibbli b’sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin skont il-liġi nazzjonali, inkluż il-kodiċi tal-Istat Membru tal-kundanna.";

(b)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Il-marki u l-kodiċijiet tal-Istati Membri tal-kundanna kif imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu aċċessibbli u għandha tkun tista’ ssir tfittxija tagħhom biss:

(a)

bis-Sistema Ċentrali tal-VIS, kif stabbilit mill-punt (b) tal-Artikolu 2a(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, għall-fini tal-verifiki skont l-Artikolu 7a ta’ dan ir-Regolament flimkien mal-punt (e) tal-Artikolu 9a(4) jew il-punt (e) tal-Artikolu 22b(3) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(b)

bis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, kif definit fil-punt (25) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240, għall-fini tal-verifiki skont l-Artikolu 7b ta’ dan ir-Regolament flimkien mal-punt (n) tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240 fejn il-hits jiġu rrapportati wara l-verifiki awtomatizzati skont l-Artikolu 20, il-punt (c)(ii) tal-Artikolu 24(6) u l-punt (b) tal-Artikolu 54(1) ta’ dak ir-Regolament.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-marki u l-kodiċi tal-Istat Membru tal-kundanna msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 m’għandhom ikunu viżibbli għal ebda awtorità oħra għajr l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tal-kundanna li tkun ħolqot ir-rekord tad-data immarkat.";

(5)

l-Artikolu 7(7) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   F’każ ta’ hit, is-sistema ċentrali jew is-CIR għandhom jipprovdu awtomatikament lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni dwar l-Istati Membri li huma fil-pussess ta’ informazzjoni dwar ir-rekord kriminali dwar iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, flimkien man-numri ta’ referenza assoċjati msemmija fl-Artikolu 5(1) u kwalunkwe informazzjoni korrispondenti dwar l-identità. Tali informazzjoni dwar l-identità għandha tintuża biss għall-fini li tiġi vverifikata l-identità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. Ir-riżultat ta’ tfittxija fis-sistema ċentrali għandu jintuża biss għall-fini li:

(a)

issir talba skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI;

(b)

issir talba kif imsemmi fl-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-Regolament;

(c)

jiġi appoġġat l-objettiv tal-VIS li jiġi vvalutat jekk l-applikant għal viża, viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza jistax ikun ta’ theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, skont ir-Regolament (KE) Nru 767/2008; jew

(d)

jiġi appoġġat l-objettiv tal-ETIAS li tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà, f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1240.";

(6)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 7b

Użu tal-ECRIS-TCN għall-verifiki tal-ETIAS

1.   Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti skont ir-Regolament (UE) 2018/1240 l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandu jkollha d-dritt ta’ aċċess u ta’ tfittix ta’ data tal-ECRIS-TCN. Madankollu, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandu jkollha d-dritt ta’ aċċess biss, f’konformità mal-Artikolu 11(8) ta’ dak ir-Regolament, għal dawk ir-rekords tad-data li magħhom żdiedet marka skont il-punt (c) tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament.

Id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tintuża biss għall-fini tal-verifika:

(a)

mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2018/1240; jew

(b)

mill-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS skont l-Artikolu 25a(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240 għall-fini tal-konsultazzjoni tar-rekords kriminali nazzjonali; ir-rekords kriminali nazzjonali għandhom jiġu kkonsultati qabel il-valutazzjonijiet u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 26 ta’ dak ir-Regolament u, fejn applikabbli, qabel il-valutazzjoni u l-opinjonijiet skont l-Artikolu 28 ta’ dak ir-Regolament.

2.   Is-CIR għandu jiġi konness mal-ESP biex ikunu jistgħu jsiru l-verifiki awtomatizzati skont l-Artikolu 20, il-punt (c)(ii) tal-Artikolu 24(6) u l-punt (b) tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2018/1240, il-verifiki awtomatizzati skont l-Artikolu 20, il-punt (c)(ii) tal-Artikolu 24(6) u l-punt (b) tal-Artikolu 54(1) ta’ dak ir-Regolament għandu jippermetti l-verifiki sussegwenti previsti fl-Artikoli 22 u 26 ta’ dak ir-Regolament.

Għall-fini tal-proċediment bil-verifiki msemmija fil-punt (n) tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tuża l-ESP biex tqabbel id-data fl-ETIAS mad-data ECRIS-TCN li magħha tkun żdiedet marka skont il- punt (c) tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 11(8) tar-Regolament (UE) 2018/1240, bl-użu tad-data elenkata fit-tabella ta’ korrispondenza stabbilita fl-Anness II għal dan ir-Regolament.";

(7)

l-Artikolu 8(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-marki msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 5(1) għandhom jitħassru awtomatikament mal-iskadenza tal-perjodu ta’ żamma msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew 25 sena wara l-ħolqien tal-marka, f’dak li jirrigwarda l-kundanni relatati ma’ reati terroristiċi jew 15-il sena wara l-ħolqien tal-marka f’dak li jirrigwarda kundanni relatati ma’ reati kriminali oħra, skont liema tiġi l-ewwel.";

(8)

l-Artikolu 24(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Id-data mdaħħla fis-sistema ċentrali u fis-CIR għandha tkun ipproċessata biss għall-finijiet ta’:

(a)

l-identifikazzjoni tal-Istati Membri li jkollhom fil-pussess tagħhom l-informazzjoni dwar ir-rekords kriminali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

(b)

l-appoġġ tal-objettiv tal-VIS li tivvaluta jekk l-applikant għal viża, viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza jkunx theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, skont ir-Regolament (KE) Nru 767/2008; jew

(c)

l-appoġġ tal-objettiv tal-ETIAS li tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà, f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1240.

Id-data mdaħħla fis-CIR għandha tiġi pproċessata wkoll skont ir-Regolament (UE) 2019/818 għall-faċilitazzjoni u l-assistenza fl-identifikazzjoni korretta ta’ persuni rreġistrati fis-sistema ECRIS-TCN f’konformità ma’ dan ir-Regolament.";

(9)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 31b

Żamma ta’ reġistrazzjonijiet għall-finijiet tal-interoperabbiltà mal-ETIAS

Għall-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7b ta’ dan ir-Regolament, għandha tiġi rreġistrata kull operazzjoni ta’ pproċessar ta’ data tal-ECRIS-TCN imwettqa fi ħdan is-CIR u l-ETIAS f’konformità mal-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2018/1240.";

(10)

fl-Artikolu 32(3), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Kull xahar, l-eu-LISA għandha tippreżenta lill-Kummissjoni statistika relatata mar-reġistrar, il-ħażna u l-iskambju ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali permezz tal-ECRIS-TCN u l-implimentazzjoni ta’ referenza ECRIS, inkluż statistika dwar ir-rekords tad-data li jinkludu marka kif msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 5(1). L-eu-LISA għandha tiżgura li ma jkunx possibbli li l-individwi jiġu identifikati abbażi ta’ dik l-istatistika. Fuq talba tal-Kummissjoni, l-eu-LISA għandha tipprovdilha l-istatistika dwar aspetti speċifiċi relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.";

(11)

jiżdied l-anness li ġej:

“ANNESS II

Tabella ta’ korrispondenzi

Data kif imsemmija fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240 mibgħuta mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS

Id-data korrispondenti tal-ECRIS-TCN kif imsemmija fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament li magħha għandha tiġi mqabbla d-data fl-ETIAS

il-kunjom (isem il-familja)

il-kunjom (isem il-familja)

il-kunjom mat-twelid

ismijiet preċedenti

l-isem/ismijiet (isem/ismijiet mogħti(ja))

ismijiet (ismijiet mogħtija)

ismijiet oħra (psewdonimu/i, isem/ismijiet artistiku/ċi, isem/ismijiet tas-soltu)

psewdonimi jew laqmijiet

id-data tat-twelid

id-data tat-twelid

il-post tat-twelid

il-post tat-twelid (belt u pajjiż)

il-pajjiż tat-twelid

il-post tat-twelid (belt u pajjiż)

is-sess

il-ġeneru

in-nazzjonalità attwali

in-nazzjonalità jew nazzjonalitajiet

nazzjonalitajiet oħra (jekk hemm)

in-nazzjonalità jew nazzjonalitajiet

it-tip ta’ dokument tal-ivvjaġġar

it-tip ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar tal-persuna

in-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar

in-numru tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-persuna

il-pajjiż emittenti tad-dokument tal-ivvjaġġar

isem l-awtorità emittenti

.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) 2019/818

Ir-Regolament (UE) 2019/818 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 18, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1b.   Għall-fini tal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2018/1240, is-CIR għandu jaħżen ukoll, separata b’mod loġiku mid-data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, id-data msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2019/816. Id-data msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2019/816 għandha tkun aċċessibbli biss bil-mod imsemmi fl-Artikolu 5(7) ta’ dak ir-Regolament.";

(2)

fl-Artikolu 68, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1b.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-ESP għandha tibda l-operazzjonijiet, għall-finijiet tal-verifiki awtomatizzati skont l-Artikolu 20, l-Artikolu 23, il-punt (c)(ii) tal-Artikolu 24(6), l-Artikolu 41 u l-punt (b) tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240 biss, ladarba l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 88 ta’ dak ir-Regolament ikunu ġew issodisfati.".

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, is-7 ta’ Lulju 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. LOGAR


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2021.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta’ sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861 u (UE) 2019/817 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta’ sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ara paġna 15 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).

(10)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


Top