EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0866

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/866 tat-28 ta’ Mejju 2021 li jissospendi ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886

C/2021/3943

ĠU L 190, 31.5.2021, p. 94–95 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/866/oj

31.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/94


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/866

tat-28 ta’ Mejju 2021

li jissospendi ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta’ politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (1), u b’mod partikolari l-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 (2) dwar miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka (l-Istati Uniti) li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ għadd ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti.

(2)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, imponiet dazji doganali addizzjonali fuq il-prodotti elenkati fl-Anness I u fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886, sabiex:

(a)

id-dazji ad valorem addizzjonali ta’ rata ta’ 10 % u 25 % fuq importazzjonijiet tal-prodotti elenkati fl-Anness I, kif speċifikat hemmhekk, daħlu fis-seħħ fil-21 ta’ Ġunju 2018 u kienu se jibqgħu japplikaw sakemm l-Istati Uniti jieqfu japplikaw il-miżuri ta’ salvagwardja tagħhom fuq prodotti mill-Unjoni;

(b)

id-dazji ad valorem addizzjonali ta’ rata ta’ 10 %, 25 %, 35 % u 50 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti elenkati fl-Anness II, kif speċifikat hemmhekk, kienu jibdew japplikaw mill-1 ta’ Ġunju 2021 jew malli sseħħ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO li l-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti huma inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim tad-WTO, jew malli jkun innotifikat biha, jekk dan iseħħ qabel, sakemm l-Istati Uniti jieqfu japplikaw il-miżuri ta’ salvagwardja tagħhom għall-Unjoni.

(3)

Wara l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/724 (3), il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, issospendiet, fid-WTO, l-applikazzjoni tal-konċessjonijiet tad-dazju tal-importazzjoni għall-kummerċ mal-Istati Uniti skont il-GATT tal-1994 fir-rigward tal-prodotti inklużi fl-Anness I u l-Anness II għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/724. Tali pass ippermetta l-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti kif elenkati fl-Anness I u l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886.

(4)

Il-premessa 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 tipprevedi li l-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, tista’ temenda dak ir-Regolament, jekk tqisu xieraq, biex tieħu kont ta’ kwalunkwe modifika jew emenda tal-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti.

(5)

Fis-17 ta’ Mejju 2021, l-Unjoni u l-Istati Uniti ppubblikaw Dikjarazzjoni Konġunta li fiha t-tnejn “qablu li jħejju rotta li ttemm it-tilwimiet fid-WTO wara l-applikazzjoni mill-Istati Uniti ta’ tariffi fuq l-importazzjonijiet mill-UE skont it-taqsima 232”. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Unjoni tissospendi l-applikazzjoni tad-dazji ad valorem addizzjonali fuq il-prodotti elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 bħala pass importanti lejn l-eliminazzjoni reċiproka ta’ miżuri restrittivi u bl-għan li tipprovdi ż-żmien u l-kundizzjonijiet meħtieġa biex il-kwistjoni tiġi solvuta politikament.

(6)

Jenħtieġ li l-perjodu tas-sospensjoni jdum sat-30 ta’ Novembru 2021, li huwa meqjus bħala perjodu suffiċjenti għall-finijiet imsemmija fil-premessa preċedenti.

(7)

F’konformità mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) Nru 654/2014, il-Kummissjoni tista’ tadotta minnufih atti ta’ implimentazzjoni applikabbli li jissospendu miżuri ta’ politika kummerċjali għal raġunijiet ta’ urġenza, meta din is-sospensjoni tkun relatata mal-modifika tal-miżura kkonċernata tal-pajjiż terz. L-applikazzjoni immedjata ta’ dan ir-Regolament hija ġġustifikata fid-dawl tal-objettiv li jiġu pprovduti ż-żmien u l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tissolva l-kwistjoni, kif iddikjarat fil-premessa (5), u għal dak il-għan huwa neċessarju li tiġi sospiża l-applikazzjoni imminenti tal-Anness II, sabiex id-dazji ad valorem addizzjonali fuq il-prodotti elenkati fl-Anness II ma japplikawx matul il-perjodu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi inkwistjoni.

(8)

Dan ir-Regolament ma jaffettwax is-sospensjoni, fid-WTO, tal-applikazzjoni tal-konċessjonijiet tad-dazju tal-importazzjoni għall-kummerċ mal-Istati Uniti skont il-GATT tal-1994 fir-rigward taż-żewġ prodotti inklużi fl-Anness I u l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/724, kif immodifikat permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886. Din is-sospensjoni tal-obbligi tad-WTO tibqa’ applikabbli, filwaqt li dan ir-Regolament jissospendi l-applikazzjoni tad-dazji addizzjonali tal-importazzjoni.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), mhux aktar tard minn 14-il jum wara l-adozzjoni tiegħu, il-Kummissjoni se tissottometti dan ir-Regolament lill-Kumitat dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ, stabbilit bir-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), għall-opinjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-UE tissospendi l-applikazzjoni ta’ dazji ad valorem addizzjonali bir-rata ta’ 10 %, 25 %, 35 % u 50 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 li tkopri l-perjodu sat-30 ta’ Novembru 2021 (inkluż).

Għaldaqstant, id-dazji previsti fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 għandhom japplikaw b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2021 (inkluż).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 189, 27.6.2014, p. 50; emendat bir-Regolament (UE) 2015/1843 u bir-Regolament (UE) 2021/167 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 49, 12.2.2021, p. 1).

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/886 tal-20 ta’ Ġunju 2018 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/724 (ĠU L 158, 21.6.2018, p. 5)

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/724 tas-16 ta’ Mejju 2018 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 122, 17.5.2018, p. 14).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (kodifikazzjoni) (ĠU L 272, 16.10.2015, p. 1).


Top