Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0807

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/807 tal-10 ta’ Marzu 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex is-sorbat tal-potassju jkun inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tiegħu (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/1513

ĠU L 180, 21.5.2021, pp. 81–83 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/807/oj

21.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/81


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/807

tal-10 ta’ Marzu 2021

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex is-sorbat tal-potassju jkun inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tiegħu

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-(E,E)-eża-2,4-dienoat tal-potassju (sorbat tal-potassju) ġie vvalutat bħala sustanza attiva eżistenti inkluża fil-programm ta’ ħidma għall-eżami sistematiku tas-sustanzi attivi eżistenti kollha, imsemmi fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u mwettaq f’konformità mar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2).

(2)

Fl-4 ta’ Diċembru 2014, il-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali (3) adotta l-opinjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1062/2014, wara li tqiesu l-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni. Billi l-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti tlestiet fl-20 ta’ Ottubru 2010, l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sorbat tal-potassju ġiet eżaminata f’konformità mad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kif previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, u l-Aġenzija kkonkludiet fl-opinjoni tagħha li l-prodotti bijoċidali tal-prodotti tat-tip 8 li jkun fihom is-sorbat tal-potassju jistgħu jkunu mistennija li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE.

(3)

Għaldaqstant, is-sorbat tal-potassju ġie approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tal-prodotti tat-tip 8 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1729 (5).

(4)

Is-sorbat tal-potassju għadu inkluż fil-programm ta’ ħidma għall-eżami sistematiku tas-sustanzi attivi eżistenti kollha għall-użu tiegħu fil-prodotti bijoċidali tal-prodotti tat-tip 6.

(5)

Fl-opinjoni tal-4 ta’ Diċembru 2014, l-Aġenzija kkonkludiet ukoll li s-sorbat tal-potassju jissodisfa l-kriterji għall-inklużjoni fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(6)

Filwaqt li titqies l-opinjoni tal-Aġenzija, huwa xieraq li s-sorbat tal-potassju jkun inkluż fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Billi s-sorbat tal-potassju ġie vvalutat abbażi ta’ dossier tas-sustanza attiva li ġie aċċettat f’konformità mal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 98/8/KE, jenħtieġ li s-sorbat tal-potassju jkun inkluż fil-kategorija 6 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(7)

L-Artikolu 89(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 fih miżuri tranżizzjonali fejn sustanza attiva eżistenti inkluża fil-programm ta’ ħidma għall-eżami sistematiku ta’ sustanzi attivi eżistenti tiġi approvata f’konformità ma’ dak ir-Regolament. Fir-rigward tas-sorbat tal-potassju għall-prodotti tat-tip 6, id-data tal-approvazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 89(3) ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li tiġi stabbilita għall-1 ta’ Frar 2023, sabiex ikun hemm biżżejjed żmien biex l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jitressqu f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 89(3) ta’ dak ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Għall-finijiet tal-Artikolu 89(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, id-data tal-approvazzjoni tas-sorbat tal-potassju għall-prodotti tat-tip 6 hija l-1 ta’ Frar 2023.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).

(3)  L-Opinjoni tal-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali dwar l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva: Sorbat tal-potassju, Tip ta’ prodott: 8, ECHA/BPC/37/2014, adottata fl-4 ta’ Diċembru 2014.

(4)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegћid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1729 tat-28 ta’ Settembru 2015 li japprova s-sorbat tal-potassju bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 8 (ĠU L 252, 29.9.2015, p. 24).


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, fil-Kategorija 6 tal-Lista tas-sustanzi attivi msemmija fl-Artikolu 25(a), tiżdied l-entrata li ġejja:

Numru KE

Isem/Grupp

Restrizzjoni

Kumment

“246-376-1

(E,E)-eża-2,4-dienoat tal-potassju (sorbat tal-potassju)  (*1)

Grad minimu ta’ purità tas-sustanza attiva  (*2): 990 g/kg

Nru CAS 24634-61-5


(*1)  Id-data tal-approvazzjoni tas-sorbat tal-potassju għall-prodotti tat-tip 6 għall-finijiet tal-Artikolu 89(3) hija l-1 ta’ Frar 2023.

(*2)  Il-purità indikata f’din il-kolonna kienet il-grad minimu ta’ purità tas-sustanza attiva evalwata. Is-sustanza attiva fil-prodott imqiegħed fis-suq jista’ jkollha l-istess purità jew purità differenti jekk ikun intwera li teknikament din tkun ekwivalenti għas-sustanza attiva evalwata.”.


Top