Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0723

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/723 tas-26 ta’ Frar 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward l-istabbiliment ta’ reġistru pubbliku li jelenka l-korpi maħtura minn kull Stat Membru biex jissorveljaw il-proċessi ta’ invekkjament għal xorb spirituż

    C/2021/1194

    ĠU L 155, 5.5.2021, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/723/oj

    5.5.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 155/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/723

    tas-26 ta’ Frar 2021

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward l-istabbiliment ta’ reġistru pubbliku li jelenka l-korpi maħtura minn kull Stat Membru biex jissorveljaw il-proċessi ta’ invekkjament għal xorb spirituż

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 13(6) tar-Regolament (UE) 2019/787 jirrikjedi li l-operazzjonijiet tal-invekkjament tax-xorb spirituż isiru taħt superviżjoni tat-taxxa ta’ Stat Membru jew superviżjoni li tipprovdi garanziji ekwivalenti.

    (2)

    Għal dan il-għan, kull Stat Membru għandu jaħtar il-korpi responsabbli biex jissorveljaw tali proċessi ta’ invekkjament u jinformaw lill-Kummissjoni b’dan sabiex tkun tista’ tistabbilixxi reġistru pubbliku li jelenka dawk il-korpi maħtura.

    (3)

    Għal dan il-għan, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar l-istabbiliment ta’ dan ir-reġistru pubbliku.

    (4)

    Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-25 ta’ Mejju 2021, f’konformità mal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) 2019/787,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Reġistru pubbliku li jkun fih il-lista tal-korpi maħtura biex jissorveljaw il-proċessi ta’ invekkjament għal xorb spirituż

    1.   Abbażi tan-notifiki magħmula mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/724 (2), il-Kummissjoni għandha tfassal u taġġorna lista ta’ korpi maħtura biex jissorveljaw il-proċessi ta’ invekkjament għal xorb spirituż.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi reġistru pubbliku li jkun fih il-lista tal-korpi maħtura biex jissorveljaw il-proċessi ta’ invekkjament. Dan ir-reġistru għandu jkun fil-forma ta’ data elettronika aċċessibbli pubblikament.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-25 ta’ Mejju 2021.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Frar 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/724tat-3 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-komunikazzjonijiet li jridu jsiru mill-Istati Membri lill-Kummissjoni fir-rigward tal-korpi maħtura biex jissorveljaw il-proċessi ta’ invekkjament għax-xorb spirituż u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jiżguraw il-konformità ma’ dak ir-Regolament (Ara paġna 3 ta’ dan il-Ġurnaf Uffiċjali).


    Top