EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0697

Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/11/2021/INIT

ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149–177 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/03/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/697/oj

12.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/149


REGOLAMENT (UE) 2021/697 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ April 2021

li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 173(3), l-Artikolu 182(4), l-Artikolu 183 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 188 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-kuntest ġeopolitiku tal-Unjoni nbidel b’mod drammatiku f’dawn l-aħħar għaxar snin. Is-sitwazzjoni fir-reġjuni tal-viċinat tal-Ewropa hija instabbli u l-Unjoni qiegħda tħabbat wiċċha ma’ ambjent kumpless u diffiċli li jinkludi kemm il-feġġa ta’ theddid ġdid, bħal attakki ibridi u attakki ċibernetiċi, kif ukoll ir-ritorn ta’ aktar sfidi konvenzjonali. Fid-dawl ta’ dan il-kuntest, kemm iċ-ċittadini Ewropej kif ukoll il-mexxejja politiċi tagħhom huma tal-fehma li hemm aktar xi jrid isir b’mod kollettiv fil-qasam tad-difiża.

(2)

Is-settur tad-difiża huwa kkaratterizzat minn żieda fl-ispejjeż tat-tagħmir tad-difiża u minn spejjeż għoljin għar-riċerka u l-iżvilupp (“R&Ż”) li jillimitaw il-varar ta’ programmi ġodda fil-qasam tad-difiża u għandhom impatt dirett fuq il-kompetittività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB). Minħabba dik iż-żieda fl-ispejjeż, jenħtieġ li l-iżvilupp ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ sistemi ta’ difiża ewlenin u ta’ teknoloġiji ġodda ta’ difiża jiġi appoġġat fil-livell tal-Unjoni sabiex tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-investimenti fit-tagħmir ta’ difiża.

(3)

Fil-komunikazzjoni tagħha tat-30 ta’ Novembru 2016‘Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża’,il-Kummissjoni impenjat ruħha li tikkomplementa, tisfrutta u tikkonsolida l-isforzi ta’ kollaborazzjoni tal-Istati Membri biex jiġu żviluppati kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali tad-difiża li jwieġbu għall-isfidi tas-sigurtà, kif ukoll li trawwem industrija tad-difiża Ewropea kompetittiva, innovattiva u effiċjenti fl-Unjoni kollha u lil hinn minnha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tappoġġa l-ħolqien ta’ suq tad-difiża aktar integrat fl-Unjoni u li trawwem l-użu fis-suq intern ta’ prodotti u teknoloġiji tad-difiża Ewropej, biex b’hekk tonqos id-dipendenza minn sorsi mhux tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni pproponiet li jiġi varat Fond Ewropew għad-Difiża biex jappoġġa l-investimenti fir-riċerka konġunta u l-iżvilupp konġunt ta’ prodotti u teknoloġija tad-difiża, biex b’hekk jitrawmu s-sinerġiji u l-kosteffettività, u biex jiġu promossi x-xiri u l-manutenzjoni konġunti tat-tagħmir tad-difiża mill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Fond Ewropew għad-Difiża jikkomplementa l-finanzjament nazzjonali li diġà jintuża għal dak il-għan u jaġixxi bħala inċentiv għall-Istati Membri biex jikkooperaw u jinvestu aktar fid-difiża u jappoġġa l-kooperazzjoni tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodotti u t-teknoloġija tad-difiża.

(4)

Il-Fond Ewropew għad-Difiża jenħtieġ li jikkontribwixxi għal EDTIB b’saħħitha, kompetittiva u innovattiva u jikkomplementa l-inizjattivi tal-Unjoni għal suq Ewropew tad-difiża aktar integrat u, b’mod partikolari, id-Direttivi 2009/43/KE (3) u 2009/81/KE (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottati fl-2009 dwar it-trasferimenti u l-akkwisti fl-Unjoni fis-settur tad-difiża.

(5)

Sabiex jingħata kontribut għat-tisħiħ tal-kompetittività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġi stabbilit Fond għad-Difiża Ewropea (il-“Fond”) għal perijodu ta’ seba’ snin biex it-tul ta’ żmien tiegħu jkun allinjat ma’ dak tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 (QFP 2021-2027) stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (5) abbażi ta’ approċċ integrat. L-għan tal-Fond huwa li jsaħħaħ il-kompetittività, l-innovazzjoni, l-effiċjenza u l-awtonomija teknoloġika tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni, biex b’hekk jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni billi jappoġġa l-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi, iċ-ċentri tar-riċerka, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-universitajiet fl-Unjoni kollha, kemm fil-fażi tar-riċerka kif ukoll fil-fażijiet tal-iżvilupp ta’ prodotti u teknoloġiji tad-difiża. Biex jinkisbu soluzzjonijiet aktar innovattivi u biex jitrawwem suq intern miftuħ, jenħtieġ li l-Fond jappoġġa u jiffaċilita t-tkabbir tal-kooperazzjoni transfruntiera tal-intrapriżi żgħar u medji (“SMEs”) u tal-kumpanniji b’kapitalizzazzjoni medja (“mid-caps”) fis-settur tad-difiża. Fi ħdan l-Unjoni, in-nuqqasijiet komuni tal-kapaċità tad-difiża jiġu identifikati fi ħdan il-qafas tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, b’mod partikolari permezz tal-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP), filwaqt li l-Aġenda Strateġika Globali tar-Riċerka (OSRA) tidentifika wkoll objettivi komuni tar-riċerka fil-qasam tad-difiża.

Proċessi oħra tal-Unjoni, fosthom ir-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) u l-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) għandhom il-fini li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet rilevanti permezz tal-identifikazzjoni u t-teħid ta’ opportunitajiet għal kooperazzjoni msaħħa bil-ħsieb li jiġi ssodisfat il-livell ta’ ambizzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Meta xieraq, il-prijoritajiet reġjonali u internazzjonali, inkluż dawk fil-kuntest tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll, dment li dawn ikunu konformi mal-prijoritajiet tal-Unjoni u ma jwaqqfu lill-ebda Stat Membru jew pajjiż assoċjat milli jipparteċipa, filwaqt li jfittxu li jevitaw duplikazzjoni bla bżonn.

(6)

Il-fażi tar-riċerka marbuta mal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża hija kruċjali, għax tirfed il-kapaċità u l-awtonomija tal-industrija Ewropea biex tiżviluppa prodotti tad-difiża u l-indipendenza tal-Istati Membri bħala utenti finali ta’ tali prodotti. Il-fażi tar-riċerka tista’ tinkludi riskji sinifikanti, b’mod partikolari marbuta mal-livell baxx ta’ maturità u n-natura rivoluzzjonarja tat-teknoloġiji. Il-fażi tal-iżvilupp, li s-soltu tiġi wara l-fażi tar-riċerka, tinvolvi wkoll riskji u spejjeż sinifikanti li jxekklu l-isfruttament ulterjuri tar-riżultati tar-riċerka u jħallu impatt ħażin fuq il-kompetittività u l-innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni. Jenħtieġ għaldaqstant li l-Fond irawwem ir-rabta bejn il-fażijiet tar-riċerka u tal-iżvilupp.

(7)

Il-Fond ma jappoġġax ir-riċerka bażika, li minflok jenħtieġ li tiġi appoġġata permezz ta’ programmi ta’ finanzjament oħra, iżda l-appoġġ tiegħu jista’ jinkludi riċerka fundamentali orjentata lejn id-difiża li aktarx tifforma l-bażi tas-soluzzjoni għall-problemi jew il-possibiltajiet rikonoxxuti jew mistennija jew biex toħloq possibiltajiet ġodda.

(8)

Il-Fond jista’ jappoġġa azzjonijiet marbuta kemm ma’ prodotti u teknoloġiji ġodda tad-difiża kif ukoll mat-titjib ta’ prodotti u teknoloġiji tad-difiża eżistenti, inkluż l-interoperabbiltà tagħhom. Azzjonijiet għat-titjib tal-prodotti u t-teknoloġiji tad-difiża eżistenti jenħtieġ li jkunu eliġibbli biss fejn l-informazzjoni li diġà teżisti u li hija meħtieġa biex titwettaq l-azzjoni ma tkun soġġetta għal ebda restrizzjoni minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat b’tali mod li l-azzjoni ma tkunx tista’ titwettaq. Meta japplikaw għal finanzjament tal-Unjoni, l-entitajiet ġuridiċi jenħtieġ li jintalbu jipprovdu l-informazzjoni rilevanti biex jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ restrizzjonijiet. Fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, ma għandu jkun hemm l-ebda finanzjament mill-Unjoni..

(9)

Jenħtieġ li l-Fond jappoġġa azzjonijiet li jwasslu għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża. Billi t-teknoloġiji rivoluzzjonarji jistgħu jkunu bbażati fuq kunċetti jew ideat li joriġinaw minn atturi mhux tradizzjonali tad-difiża, jenħtieġ li l-Fond jipprevedi biżżejjed flessibbiltà fir-rigward tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u t-twettiq ta’ tali azzjonijiet.

(10)

Sabiex jiġi żgurat li, fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jiġu rrispettati, l-azzjonijiet marbuta ma’ prodotti jew teknoloġiji tad-difiża li l-użu, l-iżvilupp jew il-produzzjoni tagħhom tkun ipprojbita mid-dritt internazzjonali ma għandhomx ikunu appoġġati mill-Fond. F’dak ir-rigward, l-eliġibbiltà tal-azzjonijiet relatati ma’ prodotti jew teknoloġiji ġodda tad-difiża jenħtieġ li tkun soġġetta wkoll għall-iżviluppi fid-dritt internazzjonali. Barra minn hekk, l-azzjonijiet għall-iżvilupp ta’ armi awtonomi letali mingħajr il-possibbiltà ta’ kontroll uman sinifikattiv fuq deċiżjonijiet dwar l-għażla u l-ingaġġ meta jitwettqu attakki kontra l-bnedmin jenħtieġ li ma jkunux eliġibbli għal appoġġ mill-Fond, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jingħata finanzjament għal azzjonijiet għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twissija bikrija u kontromiżuri għal finijiet difensivi.

(11)

Il-fatt li huwa diffiċli li jinstab qbil dwar rekwiżiti armonizzati tal-kapaċitajiet tad-difiża u speċifikazzjonijiet jew standards tekniċi komuni jxekkel il-kollaborazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri u bejn entitajiet ġuridiċi stabbiliti fi Stati Membri differenti. In-nuqqas ta’ dawn ir-rekwiżiti, speċifikazzjonijiet u standards wassal għal aktar frammentazzjoni tas-settur tad-difiża, kumplessità teknika, dewmien, spejjeż esaġerati, duplikazzjoni bla bżonn kif ukoll inqas interoperabbiltà. Jenħtieġ li l-ftehim dwar speċifikazzjonijiet tekniċi komuni jkun prerekwiżit għal azzjonijiet li jinvolvu livell ogħla ta’ tħejjija teknoloġika. Jenħtieġ li anki l-attivitajiet li jwasslu għal rekwiżiti armonizzati tal-kapaċitajiet tad-difiża kif ukoll l-attivitajiet immirati biex jappoġġaw il-ħolqien ta’ definizzjoni komuni ta’ speċifikazzjonijiet jew standards tekniċi jkunu eliġibbli għall-appoġġ mill-Fond, b’mod partikolari meta jrawmu l-interoperabbiltà.

(12)

Peress li l-għan tal-Fond hu li jappoġġa l-kompetittività, l-effiċjenza u l-innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni billi jingrana u jikkomplementa l-attivitajiet kollaborattivi tar-riċerka u t-teknoloġija fil-qasam tad-difiża u jnaqqas ir-riskji fil-fażi tal-iżvilupp tal-proġetti kooperattivi, jenħtieġ li l-azzjonijiet relatati mal-fażijiet tar-riċerka u tal-iżvilupp ta’ prodott jew teknoloġija tad-difiża jkunu eliġibbli għal appoġġ mill-Fond.

(13)

Peress li l-għan tal-Fond huwa, b’mod partikolari, li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn entitajiet ġuridiċi u l-Istati Membri fl-Unjoni kollha, jenħtieġ li azzjoni tkun eliġibbli għal finanzjament biss jekk tkun ser issir minn entitajiet ġuridiċi li jikkooperaw fi ħdan konsorzju ta’ mill-inqas tliet entitajiet ġuridiċi eliġibbli li jkunu stabbiliti f’mill-inqas tliet Stati Membri jew pajjiżi assoċjati differenti. Jenħtieġ li matul il-perijodu sħiħ li fih titwettaq l-azzjoni, mill-inqas tlieta minn dawk l-entitajiet ġuridiċi eliġibbli stabbiliti f’mill-anqas żewġ Stati Membri jew pajjiżi assoċjati differenti ma jkunux ikkontrollati, direttament jew indirettament, mill-istess entità ġuridika u jenħtieġ li ma jikkontrollawx lil xulxin. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li kontroll tinftiehem li tkun il-kapaċità li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq entità ġuridika b’mod dirett, jew indirett permezz ta’ entità ġuridika intermedja waħda jew aktar. B’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet tat-teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża, kif ukoll tal-istudji, l-azzjonijiet jistgħu jitwettqu minn entità ġuridika waħda. Sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-Fond jappoġġa akkwist prekummerċjali konġunt.

(14)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (6), l-entitajiet stabbiliti f’pajjiżi jew territorji Extra-Ewropej huma eliġibbli għal finanzjament soġġetti għar-regoli u għall-għanijiet tal-Fond u għal arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li miegħu l-pajjiż jew it-territorju Extra-Ewropew rilevanti huwa marbut.

(15)

Billi l-Fond għandu l-għan li jtejjeb il-kompetittività u l-effiċjenza tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni, jenħtieġ li fil-prinċipju, ikunu biss eliġibbli għal appoġġ entitajiet ġuridiċi li jkunu stabbiliti fl-Unjoni jew fil-pajjiżi assoċjati u li ma jkunux soġġetti għal kontroll minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li kontroll tinftiehem li tkun il-kapaċità li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq entità ġuridika b’mod dirett jew indirett permezz ta’ entità ġuridika intermedja waħda jew aktar. Barra minn hekk, sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, jenħtieġ li l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tar-riċevituri u s-sottokuntratturi involuti f’azzjoni appoġġata mill-Fond ikunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż assoċjat għat-tul ta’ żmien kollu tal-azzjoni, u r-riċevituri u s-sottokuntratturi involuti f’azzjoni jenħtieġ li jkollhom l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat. Għaldaqstant, entità ġuridika li tkun stabbilita f’pajjiż mhux assoċjat jew entità ġuridika li tkun stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż terz assoċjat iżda li l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħha jkunu f’pajjiż terz mhux assoċjat jenħtieġ li ma tkunx eliġibbli li tkun riċevitur jew sottokuntrattur involut f’azzjoni. Sabiex jitħarsu l-interessi essenzjali tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, jenħtieġ li dawk il-kriterji ta’ eliġibbiltà japplikaw ukoll għal finanzjament mogħti permezz ta’ akkwist, b’deroga mill-Artikolu 176 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (ir-‘Regolament Finanzjarju’).

(16)

F’ċerti ċirkostanzi, jenħtieġ li jkun possibbli li ssir deroga mill-prinċipju li r-riċevituri u s-sottokuntratturi involuti f’azzjoni appoġġata mill-Fond ma jkunux soġġetti għal kontroll minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati. F’dak il-kuntest, l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat li huma kkontrollati minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat jenħtieġ li jkunu eliġibbli li jkunu riċevituri jew sottokuntratturi involuti f’azzjoni dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stretti relatati mal-interessi tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni ta’ dawn l-entitajiet ġuridiċi ma tmurx kontra l-għanijiet tal-Fond. L-applikanti jenħtieġ li jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi li jridu jintużaw fl-azzjoni. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li jitqies ukoll it-tħassib tal-Istati Membri rigward is-sigurtà tal-provvista.

(17)

Fil-qafas tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, adottati abbażi tal-Artikoli 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u 215(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ebda fond jew riżorsa ekonomika ma tista’ titqiegħed għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi deżinjati jew għall-vantaġġ tagħhom. Għaldaqstant, tali entitajiet deżinjati, u entitajiet fil-proprjetà jew fil-kontroll tagħhom ma jistgħux jiġu appoġġati mill-Fond.

(18)

Jenħtieġ li jingħata finanzjament mill-Unjoni wara sejħiet kompetittivi għal proposti maħruġa f’konformità mar-Regolament Finanzjarju. Madankollu, f’ċerti ċirkostanzi debitament sostanzjati u eċċezzjonali, jista’ jingħata finanzjament mill-Unjoni wkoll mingħajr sejħa għal proposti f’konformità mal-punt (e) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 195 tar-Regolament Finanzjarju. Peress li l-għoti ta’ finanzjament skont il-punt (e) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 195(tar-Regolament Finanzjarju jikkostitwixxi deroga mir-regola ġenerali li għandu jingħata finanzjament wara sejħiet kompetittivi għal proposti, dawk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jenħtieġ li jiġu interpretati b’mod strett. F’dak il-kuntest, biex għotja tingħata mingħajr sejħa għal proposti, il-livell sa fejn l-azzjoni proposta tikkorrispondi mal-għanijiet tal-Fond fir-rigward tal-kollaborazzjoni u l-kompetizzjoni industrijali transfruntiera fil-katina tal-forniment kollha jenħtieġ li jiġi vvalutat mill-Kummissjoni bl-assistenza ta’ kumitat ta’ Stati Membri (il-“kumitat”).

(19)

Jekk konsorzju jkun jixtieq jieħu sehem f’azzjoni eliġibbli u l-appoġġ tal-Unjoni tkun ser tieħu l-għamla ta’ għotja, il-konsorzju jenħtieġ li jaħtar wieħed mill-membri tiegħu bħala koordinatur. Jenħtieġ li l-koordinatur ikun il-punt ewlieni ta’ kuntatt għall-fini tar-relazzjonijiet tal-konsorzju mal-Kummissjoni..

(20)

Fejn azzjoni appoġġata mill-Fond tkun ġestita minn maniġer ta’ proġett maħtur mill-Istati Membri jew mill-pajjiżi assoċjati, qabel ma toħroġ il-pagament lir-riċevituri, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta l-maniġer ta’ proġett dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tal-azzjoni sabiex dan ikun jista’ jiżgura li r-riċevituri jirrispettaw l-iskadenzi. Jenħtieġ li l-maniġer ta’ proġett jipprovdi l-osservazzjonijiet dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tal-azzjoni lill-Kummissjoni sabiex din tkun tista’ tiddetermina jekk ikunux ġew issodisfati l-kondizzjonijiet biex tipproċedi bil-pagament.

(21)

Il-Fond jenħtieġ li jiġi implimentat taħt ġestjoni diretta sabiex jiġu massimizzati l-effikaċja u l-effiċjenza tiegħu u biex tiġi żgurata konsistenza sħiħa ma’ inizjattivi oħra tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tibqa’ responsabbli għall-proċeduri tal-għażla u tal-għoti, anki fir-rigward tal-eżami u l-valutazzjoni tal-etika. Madanakollu, f’każijiet sostanzjati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tinkariga l-kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit għal azzjonijiet speċifiċi appoġġati mill-Fond lill-korpi kif imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju, pereżempju fejn jinħatar maniġer ta’ proġett mill-Istati Membri li jikkofinanzjaw azzjoni, dment li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju. Tali inkarigu ta’ kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja jgħin biex tiġi razzjonalizzata l-ġestjoni tal-azzjonijiet kofinanzjati u jiżgura koordinazzjoni mingħajr intoppi bejn il-ftehim ta’ finanzjament u l-kuntratt iffirmat mill-konsorzju u l-maniġer ta’ proġett maħtur mill-Istati Membri li jikkofinanzjaw l-azzjoni.

(22)

Biex ikun żgurat li l-azzjonijiet ta’ żvilupp iffinanzjati jkunu finanzjarjament vijabbli, jeħtieġ li l-applikanti juru li l-ispejjeż tal-azzjoni li mhumiex koperti minn finanzjament tal-Unjoni jkunu koperti minn mezzi oħra ta’ finanzjament.

(23)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom aċċess għal tipi differenti ta’ arranġamenti finanzjarji għall-iżvilupp u l-akkwiżizzjoni konġunti ta’ kapaċitajiet ta’ difiża. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi tipi differenti ta’ arranġamenti li l-Istati Membri jistgħu jużaw fuq bażi volontarja biex jindirizzaw l-isfidi għall-iżvilupp u l-akkwist kollaborattivi minn perspettiva ta’ finanzjament. L-użu ta’ dawn l-arranġamenti finanzjarji jista’ jħeġġeġ iżjed il-varar ta’ proġetti kollaborattivi u transfruntiera fil-qasam tad-difiża u jżid l-effiċjenza tal-infiq għad-difiża, inkluż għal proġetti appoġġati mill-Fond.

(24)

Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-industrija tad-difiża, fejn id-domanda tiġi kważi esklużivament mill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati, li jikkontrollaw ukoll kull akkwiżizzjoni ta’ prodotti u teknoloġiji relatati mad-difiża, inkluż l-esportazzjonijiet, il-funzjonament tas-settur tad-difiża ma jimxix mar-regoli konvenzjonali u l-mudelli ta’ negozju li jirregolaw swieq aktar tradizzjonali. Għalhekk l-industrija ma tistax tiffinanzja hi stess proġetti sostanzjali tar-R&Ż fil-qasam tad-difiża, u l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati sikwit jiffinanzjaw l-ispejjeż kollha tar-R&Ż. Biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Fond, b’mod partikolari biex titrawwem il-kooperazzjoni bejn entitajiet ġuridiċi minn Stati Membri u pajjiżi assoċjati differenti, u filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża, jenħtieġ li l-azzjonijiet li jseħħu qabel il-fażi tal-iżvilupp tal-prototip jkunu koperti sat-totalità tal-ispejjeż eliġibbli.

(25)

Il-fażi tal-prototipi hija fażi kruċjali fejn normalment l-Istati Membri jew il-pajjiżi assoċjati jiddeċiedu dwar l-investiment konsolidat tagħhom u jibdew il-proċess tal-akkwiżizzjoni tal-prodotti jew tat-teknoloġiji tad-difiża futuri tagħhom. Minħabba f’hekk, f’dan l-istadju speċifiku, l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati jaqblu dwar l-impenji meħtieġa, inkluż il-qsim tal-ispejjeż u s-sjieda tal-proġett. Sabiex tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-impenn tagħhom, jenħtieġ li, f’każijiet normali, l-appoġġ mil-Fond ma jaqbiżx l-20 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(26)

Għall-azzjonijiet ta’ wara l-fażi tal-prototipi, jenħtieġ li jiġi previst finanzjament sa 80 %. Tali -azzjonijiet, li huma eqreb it-tlestija tal-prodotti u tat-teknoloġija, jaf xorta jkunu jinvolvu spejjeż sostanzjali.

(27)

Il-partijiet ikkonċernati fis-settur tad-difiża jiffaċċjaw spejjeż indiretti speċifiċi, bħal fir-rigward tas-sigurtà. Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati jaħdmu f’suq speċifiku fejn, fin-nuqqas ta’ domanda min-naħa tax-xerrejja, huma ma jistgħux jirkupraw l-ispejjeż tar-R&Ż bl-istess mod bħal dawk fis-settur ċivili. Għaldaqstant huwa xieraq li titħalla li tiġi applikata rata fissa ta’ 25 % tal-ispejjeż eliġibbli diretti totali tal-azzjoni kif ukoll il-possibbiltà li jintalbu l-ispejjeż eliġibbli indiretti determinati f’konformità mal-prattiki tas-soltu tal-kontabbiltà tal-ispejjeż tar-riċevituri jekk dawk il-prattiki jkunu aċċettati mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom għal attivitajiet komparabbli fil-qasam tad-difiża u jekk jkunu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni mir-riċevitur.

(28)

Azzjonijiet li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ SMEs u kumpanniji b’kapitalizzazzjoni medja transfruntiera jappoġġaw il-ftuħ ta’ katini tal-provvista u jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Fond. Jenħtieġ għalhekk li dawn l-azzjonijiet ikunu eliġibbli għal rata ogħla ta’ finanzjament li tkun ta’ benefiċċju għall-entitajiet ġuridiċi parteċipanti kollha.

(29)

Biex ikun żgurat li l-azzjonijiet iffinanzjati jikkontribwixxu għall-kompetittività u l-effiċjenza tal-industrija tad-difiża Ewropea, hu importanti li l-Istati Membri jkunu beħsiebhom jakkwistaw konġuntament il-prodott finali jew jużaw it-teknoloġija, b’mod partikolari permezz ta’ akkwist transfruntier konġunt, fejn l-Istati Membri jorganizzaw flimkien il-proċeduri tal-akkwist tagħhom b’mod partikolari permezz ta’ korp ċentrali tal-akkwisti.

(30)

Sabiex jiġi żgurat li l-azzjonijiet appoġġati mill-Fond jikkontribwixxu għall-kompetittività u l-effiċjenza tal-industrija tad-difiża Ewropea, jenħtieġ li dawn ikunu orjentati lejn is-suq, immexxija mid-domanda u kummerċjalment vijabbli fuq perijodu ta’ żmien medju sa twil. Jenħtieġ għalhekk li l-kriterji tal-eliġibbiltà għal azzjonijiet ta’ żvilupp iqisu l-fatt li l-Istati Membri jkollhom l-intenzjoni, anki permezz ta’ memorandum ta’ qbil jew ittra ta’ intenzjoni, li jakkwistaw il-prodott finali, jew jużaw it-teknoloġija, b’mod koordinat. Jenħtieġ li l-kriterji tal-għoti għal azzjonijiet ta’ żvilupp iqisu barra minn hekk il-fatt li l-Istati Membri jkunu impenjaw ruħhom, politikament jew ġuridikament, li jużaw, jippossjedu jew iżommu b’mod konġunt il-prodott jew it-teknoloġija finali b’mod ikkoordinat.

(31)

Jenħtieġ li l-promozzjoni tal-innovazzjoni u tal-iżvilupp teknoloġiku fl-industrija tad-difiża tal-Unjoni ssir b’mod konsistenti mal-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-kontribuzzjonijiet tal-azzjonijiet għal dawk l-interessi u għall-prijoritajiet tar-riċerka u tal-kapaċità fid-difiża maqbula b’mod komuni mill-Istati Membri jservu bħala kriterju tal-għoti.

(32)

L-azzjonijiet eliġibbli żviluppati fil-kuntest ta’ proġetti tal-PESCO fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni jenħtieġ li jiżguraw kooperazzjoni msaħħa bejn l-entitajiet ġuridiċi fl-Istati Membri differenti b’mod kontinwu u b’hekk jenħtieġ li jikkontribwixxu direttament għall-għanijiet tal-Fond. Għalhekk, jekk jintgħażlu, jenħtieġ li dawn il-proġetti jkunu eliġibbli għal rata ogħla ta’ finanzjament.

(33)

Il-Kummissjoni ser tqis attivitajiet oħra ffinanzjati permezz ta’ Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) sabiex tevita duplikazzjoni bla bżonn u tiżgura skambju ta’ ideat u sinerġiji bejn ir-riċerka ċivili u dik tad-difiża.

(34)

Iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża qed kulma jmur isiru sfidi aktar importanti u l-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà għarfu l-ħtieġa li jiġu stabbiliti sinerġiji bejn l-azzjonijiet taċ-ċiberdifiża fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament u tal-inizjattivi tal-Unjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà, bħal dawk imħabbra fil-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2017“Reżiljenza, Deterrenza u Difiża: Il-Bini ta’ ċibersigurtà b’saħħitha għall-UE”. B’mod partikolari, il-partijiet ikkonċernati jenħtieġ li jaħdmu biex isibu sinerġiji bejn id-dimensjonijiet ċivili u tad-difiża taċ-ċibersigurtà, bil-ħsieb li tiżdied ir-reżiljenza ċibernetika.

(35)

Jenħtieġ li jiġi żgurat approċċ integrat billi jingħaqdu l-attivitajiet koperti bl-Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża (“PADR”), li l-Kummissjoni varat f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Finanzjarju, u l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (‘EDIDP’) stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), kif ukoll billi jiġu armonizzati l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni. Tali approċċ integrat jenħtieġ li joħloq sett aktar koerenti ta’ strumenti u jżid l-impatt innovattiv, kollaborattiv u ekonomiku tal-Fond, filwaqt li jiġu evitati d-duplikazzjonijiet bla bżonn u l-frammentazzjoni. Dan jiżgura wkoll li l-Fond jikkontribwixxi għal sfruttament aħjar tar-riżultati tar-riċerka fil-qasam tad-difiża, ikopri d-distakk bejn il-fażijiet tar-riċerka u tal-iżvilupp, filwaqt li jqis l-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża, u jippromwovi l-għamliet kollha ta’ innovazzjoni, inkluż it-teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża. Barra minn hekk, jista’ wkoll ikunu mistennija effetti kollaterali pożittivi fis-settur ċivili, jekk ikun applikabbli.

(36)

Fejn ikun xieraq minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-azzjoni, l-għanijiet tal-Fond jenħtieġ li jiġu indirizzati wkoll bi strumenti finanzjarji u garanziji baġitarji permezz tal-Fond InvestEU stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(37)

L-appoġġ mill-Fond jenħtieġ li jintuża biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq jew is-sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali b’mod proporzjonat, u jenħtieġ li l-azzjonijiet ma jidduplikawx jew jeskludu l-finanzjament privat jew ifixklu l-kompetizzjoni fis-suq intern. L-azzjonijiet jenħtieġ li jkollhom valur miżjud ċar għall-Unjoni.

(38)

Il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u l-metodi tal-implimentazzjoni tal-Fond jenħtieġ li jintgħażlu abbażi tal-kapaċità tagħhom li jilħqu l-objettivi speċifiċi tal-azzjonijiet u biex jiksbu r-riżultati, filwaqt li b’mod partikolari jitqiesu l-ispejjeż tal-kontrolli, il-piż amministrattiv u r-riskju mistenni ta’ nuqqas ta’ konformità. Jenħtieġ li dik l-għażla tinkludi l-kunsiderazzjoni tal-użu ta’ somom f’daqqa, finanzjament b’rata fissa u kostijiet unitarji, kif ukoll finanzjament mhux marbut mal-kostijiet kif imsemmi fl-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju.

(39)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta programmi ta’ ħidma annwali f’konformità mal-għanijiet tal-Fond, u filwaqt li tqis it-tagħlimiet inizjali li ħadet mill-EDIDP u mill-PADR. Jenħtieġ li waqt l-istabbiliment tal-programmi ta’ ħidma, il-Kummissjoni jkollha l-assistenza tal-kumitat. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex issib soluzzjonijiet li jkollhom l-akbar appoġġ possibbli fi ħdan il-kumitat. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li il-kumitat ikun jista’ jiltaqa’ fil-konfigurazzjoni ta’ esperti nazzjonali tas-sigurtà u tad-difiża biex jagħti assistenza speċifika lill-Kummissjoni, inkluż pariri fir-rigward tal-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata fil-qafas tal-azzjonijiet. Huwa f’idejn l-Istati Membri biex jaħtru r-rappreżentanti rispettivi tagħhom f’dak il-kumitat. Il-membri tal-kumitat jenħtieġ li jingħataw opportunitajiet bikrija u effettivi biex jeżaminaw l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni u jesprimu l-fehmiet tagħhom.

(40)

Il-kategoriji stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma jenħtieġ li jkollhom rekwiżiti funzjonali fejn xieraq sabiex jiċċaraw għall-industrija liema funzjonalitajiet u kompiti jridu jitwettqu permezz tal-kapaċitajiet li jridu jiġu żviluppati. Tali rekwiżiti jenħtieġ li jagħtu indikazzjoni ċara dwar il-prestazzjonijiet mistennija iżda jenħtieġ li ma jkunux diretti lejn soluzzjonijiet speċifiċi jew entitajiet ġuridiċi speċifiċi u jenħtieġ li ma jipprevjenux il-kompetizzjoni fil-livell ta’ sejħiet għal proposti.

(41)

Waqt l-iżvilupp tal-programmi ta’ ħidma, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura wkoll, permezz ta’ konsultazzjonijiet xierqa mal-kumitat, li l-azzjonijiet ta’ riċerka u żvilupp proposti jevitaw d-duplikazzjoni bla bżonn. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni tista’ twettaq valutazzjoni minn qabel ta’ każijiet ta’ duplikazzjoni possibbli bil-kapaċitajiet eżistenti jew bi proġetti ta’ riċerka jew ta’ żvilupp diġà ffinanzjati fl-Unjoni.

(42)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-koerenza tal-programmi ta’ ħidma matul iċ-ċiklu tal-ħajja industrijali tal-prodotti u tat-teknoloġiji fil-qasam tad-difiża.

(43)

Jenħtieġ li l-programmi ta’ ħidma jiżguraw ukoll li azzjonijiet li jippermettu l-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs jibbenefikaw minn sehem kredibbli mill-baġit totali.

(44)

Sabiex tibbenefika mill-għarfien espert tagħha fis-settur tad-difiża, jenħtieġ li l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża jkollha l-istatus ta’ osservatur fi ħdan il-kumitat.. Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-qasam tad-difiża, jenħtieġ li anki s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jassisti lill-kumitat.

(45)

Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE sabiex temenda l-Anness għal dan ir-Regolament fir-rigward tal-indikaturi fejn dan jitqies neċessarju kif ukoll biex tissupplimenta dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (11). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(46)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ programmi ta’ ħidma u l-għoti ta’ finanzjament lill-azzjonijiet ta’ riċerka u żvilupp magħżula. B’mod partikolari, waqt it-twettiq ta’ azzjonijiet ta’ riċerka u żvilupp, jenħtieġ li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-settur tad-difiża, b’mod partikolari r-responsabbiltà tal-Istati Membri, tal-pajjiżi assoċjati jew tat-tnejn li huma għall-ippjanar u l-proċess tal-akkwiżizzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(47)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi lista ta’ esperti indipendenti. Il-kredenzjali ta’ sigurtà ta’ dawk l-esperti indipendenti jenħtieġ li jkunu validati mill-Istati Membri rilevanti. Jenħtieġ li dik il-lista ma ssirx pubblika. L-esperti indipendenti jenħtieġ li jintgħażlu abbażi tal-ħiliet, l-esperjenza u l-għarfien tagħhom, b’kont meħud tal-kompiti li jiġu assenjati lilhom. Sa fejn possibbli, meta taħtar l-esperti indipendenti, il-Kummissjoni jenħtieġ li tieħu miżuri adatti għall-fini ta’ kompożizzjoni bilanċjata fi ħdan il-gruppi tal-esperti indipendenti u l-bordijiet ta’ evalwazzjoni f’termini ta’ varjetà ta’ ħiliet, esperjenzi, għarfien, diversità ġeografika u ugwaljanza bejn is-sessi, b’kont meħud tas-sitwazzjoni fil-qasam tal-azzjoni. Jenħtieġ li jsir ukoll sforz biex ikun hemm rotazzjoni adatta ta’ esperti indipendenti u bilanċ xieraq bejn is-settur privat u dak pubbliku.

(48)

Jenħtieġ li l-esperti indipendenti la jevalwaw, la jagħtu pariri u lanqas ma jassistu fi kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom ikollhom kwalunkwe konflitt ta’ interess, b’mod partikolari fir-rigward tal-pożizzjoni tagħhom meta ssir l-evalwazzjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li ma jkunux f’pożizzjoni fejn ikunu jistgħu jużaw l-informazzjoni li taslilhom bi ħsara għall-konsorzju li huma jevalwaw.

(49)

Wara l-evalwazzjoni tal-proposti bl-għajnuna ta’ esperti indipendenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħżel l-azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati mill-Fond. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu infurmati dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni bl-elenku tal-klassifika tal-azzjonijiet magħżula u tal-progress tal-azzjonijiet iffinanzjati.

(50)

Meta jipproponu prodotti jew teknoloġiji ġodda tad-difiża jew it-titjib ta’ prodotti jew teknoloġiji tad-difiża eżistenti, jenħtieġ li l-applikanti jintrabtu li jikkonformaw mal-prinċipji etiċi, pereżempju dawk relatati mal-benesseri tal-bnedmin u mal-ħarsien tal-ġenoma uman, riflessi wkoll fid-dritt tal-Unjoni, nazzjonali u internazzjonali rilevanti, fosthom il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u, fejn rilevanti, il-Protokolli tagħha. Jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina l-proposti b’mod sistematiku sabiex jiġu identifikati dawk li jqajmu kwistjonijiet etiċi serji. Fejn ikun xieraq, jenħtieġ li tali proposti jiġu soġġetti għal valutazzjoni tal-etika.

(51)

Sabiex jingħata appoġġ lil suq intern miftuħ, jenħtieġ li tiġi mħeġġa l-l-parteċipazzjoni ta’ SMEs u kumpanniji b’kapitalizzazzjoni medja transfruntiera, bħala membri ta’ konsorzji, sottokuntratturi jew entitajiet ġuridiċi oħra fil-katina tal-provvista.

(52)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħmel ħilitha biex iżżomm djalogu mal-Istati Membri u mal-industrija biex tiżgura s-suċċess tal-Fond. Bħala koleġislatur u parti kkonċernata ewlenija, anki l-Parlament Ewropew jenħtieġ li jkun involut f’dak ir-rigward.

(53)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-Fond, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, skont it-tifsira tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja soda, kif ukoll dwar ir-riżorsi proprji l-ġodda, inkluż pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (13) (Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020), għall-Parlament Ewropew u għal-Kunsill waqt il-proċedura baġitarja annwali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-proċeduri amministrattivi jinżammu kemm jista’ jkun sempliċi u jinvolvu ammont minimu ta’ spejjeż addizzjonali.

(54)

Ir-Regolament Finanzjarju japplika għall-Fond, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji u assistenza finanzjarja.

(55)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 TFUE japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u b’mod partikolari jiddeterminaw il-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, premjijiet, akkwist, implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu verifiki tar-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(56)

F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (15), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (16) u (UE) 2017/1939 (17), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett, u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mill-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(57)

Il-pajjiżi terzi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jistgħu jieħdu sehem fil-programmi tal-Unjoni fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilita skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (19), li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-programmi abbażi ta’ deċiżjoni adottata skont dak il-Ftehim. F’dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi introdotta dispożizzjoni speċifika li tirrikjedi li dawk il-pajjiżi terzi jagħtu d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, l- OLAF u l-Qorti tal-Awdituri biex jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv.

(58)

Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, jenħtieġ li l-Fond jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura f’konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri, kif ukoll ir-regolamentazzjoni żejda. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Fond fil-prattika. Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni interim sa mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-perijodu ta’ implimentazzjoni tal-Fond, inkluż bil-ħsieb li tressaq proposti għal kwalunkwe emenda adatta għal dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq ukoll evalwazzjoni finali fi tmiem il-perijodu ta’ implimentazzjoni tal-Fond, li teżamina l-attivitajiet finanzjarji fir-rigward tar-riżultati tal-implimentazzjoni finanzjarja u, sa fejn possibbli f’dak il-mument, ir-riżultati tal-implimentazzjoni u l-impatt tal-Fond. F’dak il-kuntest, ir-rapport ta’ evalwazzjoni finali jenħtieġ ukoll li jgħin biex jiġi identifikat fejn l-Unjoni hija dipendenti fuq pajjiżi terzi għall-iżvilupp ta’ prodotti u teknoloġiji tad-difiża. Jenħtieġ li dak ir-rapport finali janalizza wkoll il-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs u tal-kumpanniji b’kapitalizzazzjoni medja fi proġetti appoġġati mill-Fond kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-SMEs u tal-kumpanniji b’kapitalizzazzjoni medja fil-katina tal-valur globali, u l-kontribut tal-Fond fl-indirizzar tan-nuqqasijiet identifikati fis- CDP, u jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar il-pajjiżi ta’ oriġini tar-riċevituri, l-għadd ta’ Stati Membri u pajjiżi assoċjati involuti f’azzjonijiet individwali u d-distribuzzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ġġenerati (IPRs). Il-Kummissjoni tista’ wkoll tipproponi emendi għal dan ir-Regolament biex tirreaġixxi għal żviluppi possibbli matul l-implimentazzjoni tal-Fond.

(59)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Fond fuq bażi regolari u jenħtieġ li tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar, inkluż il-mod kif qegħdin jitqiesu t-tagħlimiet identifikati u t-tagħlimiet meħuda mill-EDIDP u mill-PADR fl-implimentazzjoni tal-Fond. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq l-arranġamenti ta’ monitoraġġ meħtieġa. Jenħtieġ li r-rapport ma jkunx fih informazzjoni sensittiva.

(60)

Filwaqt li jirrifletti l-importanza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima f’konformità mal-impenji tal-Unjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (20) u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Fond jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjonijiet klimatiċi fil-politiki tal-Unjoni u għal kisba ta’ mira ġenerali li 30 % tan-nefqa tal-baġit tal-Unjoni tappoġġa l-objettivi tal-klima. Matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Fond ser jiġu identifikati azzjonijiet rilevanti, u dawn jerġgħu jiġu valutati fil-kuntest tal-evalwazzjoni interim tiegħu.

(61)

Bħala riflessjoni tal-importanza li jiġi indirizzat it-telf drammatiku tal-bijodiversità, dan ir-Regolament jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjoni dwar il-bijodiversità fil-politiki tal-Unjoni u għall-kisba tal-ambizzjoni ġenerali li 7,5 % tal-infiq annwali taħt il- QFP 2021-2027 jiġi ddedikat għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2024 u 10 % minnu fl-2026 u fl-2027, filwaqt li jitqiesu s-sovrappożizzjonijiet eżistenti bejn l-għanijiet klimatiċi u dawk tal-bijodiversità f’konformità mal-Ftehim Finanzjarju Pluriennali tas-16 ta’ Diċembru 2020.

(62)

Billi l-Fond jenħtieġ li jappoġġa biss il-fażijiet tar-riċerka u tal-iżvilupp ta’ prodotti u teknoloġiji tad-difiża, jenħtieġ li l-Unjoni ma jkollhiex, fil-prinċipju, sjieda jew drittijiet ta’ IPRs fil-prodotti jew it-teknoloġiji li jirriżultaw mill-azzjonijiet iffinanzjati, dment li l-appoġġ tal-Unjoni ma jkunx mogħti permezz ta’ akkwist pubbliku. Madankollu, għall-azzjonijiet ta’ riċerka, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati interessati jkunu jistgħu jużaw ir-riżultati tal-azzjonijiet iffinanzjati biex jieħdu sehem fl-iżvilupp kooperattiv ta’ segwitu.

(63)

Jenħtieġ li l-appoġġ tal-Unjoni la jkun jaffettwa t-trasferiment ta’ prodotti relatati mad-difiża fi ħdan l-Unjoni skont id-Direttiva 2009/43/KE, u lanqas ma jaffettwa l-esportazzjonijiet ta’ prodotti, tagħmir jew teknoloġiji. L-esportazzjoni ta’ tagħmir u teknoloġiji militari min-naħa tal-Istati Membri hija rregolata mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (21).

(64)

L-użu ta’ informazzjoni ta’ sfond sensittiva, inkluż data, għarfien espert jew informazzjoni, iġġenerata qabel jew barra l-operat tal-Fond, jew aċċess minn individwi mhux awtorizzati għar-riżultati ġġenerati b’rabta mal-azzjonijiet appoġġati mill-Fond jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-interessi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru wieħed jew aktar. Għaldaqstant, jenħtieġ li t-trattament tal-informazzjoni sensittiva jiġi regolat mid-dritt rilevanti tal-Unjoni u dak nazzjonali.

(65)

Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-informazzjoni klassifikata fil-livell meħtieġ, jenħtieġ li jkun hemm konformità mal-istandards minimi ta’ sigurtà industrijali meta jiġu ffirmati ftehimiet klassifikati ta’ fondi u ta’ finanzjament. Għal dak il-għan, u f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (22), il-Kummissjoni trid tgħaddi l-Istruzzjonijiet ta’ Sigurtà tal-Programm, inkluż il-Gwida għall-Klassifikazzjoni tas-Sigurtà, bħala parir, lill-esperti indipendenti maħtura mill-Istati Membri.

(66)

Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(67)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li timmaniġġja l-Fond filwaqt li tagħti attenzjoni xierqa lir-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità u tas-sigurtà, b’mod partikolari dawk relatati mal-informazzjoni sensittiva, inkluż l-informazzjoni klassifikata.

(68)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fil-qasam ta’ politika rilevanti u biex l-implimentazzjoni tkun tista’ ssir mill-bidu tal-QFP 2021-2027, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li japplika, b’effett retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021.

(69)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/1092 jitħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI APPLIKABBLI GĦAR-RIĊERKA U L-IŻVILUPP

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża (“il-Fond”), kif stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2021/695 għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027. It-tul ta’ żmien tal-Fond huwa allinjat mat-tul ta’ żmien tal-QFP 2021-2027.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-għanijiet tal-Fond, il-baġit tiegħu għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal 31 ta’ Diċembru 2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli dwar l-għoti ta’ tali finanzjament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“entità ġuridika” tfisser persuna ġuridika maħluqa u rikonoxxuta bħala tali skont il-liġi tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali, li jkollha personalità ġuridika u l-kapaċità li taġixxi f’isimha stess, teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi, jew entità li ma għandhiex personalità ġuridika kif imsemmi fil-punt (c) tal-l-Artikolu 197(2) tar-Regolament Finanzjarju;

(2)

“applikant” tfisser entità ġuridika li tippreżenta applikazzjoni għal appoġġ mill-Fond wara sejħa għal proposti jew f’konformità mal-punt (e) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 195 tar-Regolament Finanzjarju;

(3)

“riċevitur” tfisser entità ġuridika li magħha jkun ġie ffirmat ftehim ta’ għoti ta’ fondi jew ta’ finanzjament jew li tkun ġiet notifikata b’deċiżjoni ta’ għoti ta’ fondi jew finanzjament;

(4)

“konsorzju” tfisser grupp kollaborattiv ta’ applikanti jew riċevituri li jkun soġġett għal ftehim u li jkun iffurmat biex iwettaq azzjoni taħt il-Fond;

(5)

“koordinatur” tfisser entità ġuridika li tkun membru ta’ konsorzju u li tkun inħatret mill-membri kollha tal-konsorzju biex tkun il-punt ewlieni ta’ kuntatt għall-fini tar-relazzjonijiet tal-konsorzju mal-Kummissjoni;

(6)

“kontroll” tfisser il-kapaċità li teżerċita influwenza deċiżiva fuq entità ġuridika, b’mod dirett, jew b’mod indirett permezz ta’ entità ġuridika intermedja waħda jew aktar;

(7)

“struttura maniġerjali eżekuttiva” tfisser korp ta’ entità ġuridika maħtur skont il-liġi nazzjonali, u, fejn applikabbli, li jirrapporta lill-uffiċjal kap eżekuttiv, li jkollu s-setgħa jistabbilixxi l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tal-entità ġuridika, u li jissorvelja u jwettaq monitoraġġ tat-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali;

(8)

“prototip tas-sistema” tfisser mudell ta’ prodott jew teknoloġija li jista’ juri l-prestazzjoni f’ambjent operazzjonali;

(9)

“kwalifika” tfisser il-proċess kollu biex jintwera li d-disinn ta’ prodott, ta’ komponent tanġibbli jew intanġibbli jew ta’ teknoloġija relatata mad-difiża jissodisfa r-rekwiżiti speċifikati, filwaqt li tingħata evidenza oġġettiva li turi li jkunu ġew sodisfatti rekwiżiti partikolari ta’ disinn;

(10)

“ċertifikazzjoni” tfisser il-proċess li permezz tiegħu awtorità nazzjonali tiċċertifika li l-prodott, il-komponent tanġibbli jew intanġibbli, jew it-teknoloġija relatata mad-difiża tikkonforma mar-regolamenti applikabbli;

(11)

“azzjoni ta’ riċerka” tfisser azzjoni li tikkonsisti primarjament minn attivitajiet ta’ riċerka, b’mod partikolari riċerka applikata u fejn meħtieġ riċerka fundamentali, bil-għan li jinkiseb għarfien ġdid u b’attenzjoni esklużiva għal applikazzjonijiet għad-difiża;

(12)

“azzjoni ta’ żvilupp” tfisser azzjoni li tikkonsisti minn attivitajiet orjentati lejn id-difiża primarjament fil-fażi tal-iżvilupp, li tkopri prodotti u teknoloġiji ġodda tad-difiża jew it-titjib ta’ dawk eżistenti, għajr il-produzzjoni jew l-użu ta’ armi;

(13)

“teknoloġija rivoluzzjonarja għad-difiża” tfisser teknoloġija mtejba jew kompletament ġdida li twassal għal bidla radikali, inkluż bidla tal-paradigma fil-kunċett u t-twettiq tal-affarijiet tad-difiża, billi pereżempju tissostitwixxi teknoloġiji tad-difiża eżistenti jew billi tagħmilhom irrelevanti;

(14)

“intrapriża żgħira u medja” jew “SME” tfisser intrapriża żgħira u medja kif definita fl-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (23);

(15)

“kumpannija b’kapitalizzazzjoni medja” jew “mid-cap” tfisser intrapriża li mhijiex SME u li timpjega massimu ta’ 3 000 persuna, fejn l-għadd tal-membri tal-persunal jiġi kkalkolat f’konformità mal-Artikoli 3 sa 6 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE

(16)

“operazzjoni ta’ taħlit” tfisser azzjoni sostnuta mill-baġit tal-Unjoni, inkluż f’faċilità jew pjattaforma ta’ taħlit kif definit fil-punt (6) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju, li tikkombina forom mhux rimborżabbli ta’ appoġġ jew strumenti finanzjarji mill-baġit tal-Unjoni ma’ forom rimborżabbli ta’ appoġġ mingħand istituzzjonijiet tal-iżvilupp jew istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi oħra, kif ukoll mingħand istituzzjonijiet finanzjarji kummerċjali u investituri;

(17)

“akkwist prekummerċjali” tfisser l-akkwist ta’ servizzi ta’ riċerka u żvilupp li jinvolvi l-qsim tar-riskji u l-benefiċċji skont il-kundizzjonijiet tas-suq, u l-iżvilupp kompetittiv f’fażijiet, fejn ikun hemm separazzjoni ċara tas-servizzi ta’ riċerka u żvilupp akkwistati mill-użu ta’ volumi kummerċjali ta’ prodotti finali;

(18)

“maniġer ta’ proġett” tfisser kwalunkwe awtorità kontraenti stabbilita fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat, maħtura minn Stat Membru jew pajjiż assoċjat jew minn grupp ta’ Stati Membri jew pajjiżi assoċjati biex timmaniġġja proġetti multinazzjonali ta’ armament fuq bażi permanenti jew ad hoc;

(19)

“riżultati” tfisser kwalunkwe effett tanġibbli jew intanġibbli tal-azzjoni, bħal data, għarfien espert jew informazzjoni, ta’ kwalunkwe forma jew natura, u sew jekk jista’ jitħares jew le, kif ukoll kwalunkwe dritt marbut miegħu, inkluż drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;

(20)

“informazzjoni ġdida” tfisser data, għarfien espert jew informazzjoni ġġenerata fil-funzjonament tal-Fond, irrispettivament mill-forma jew in-natura tagħha;

(21)

“informazzjoni klassifikata” tfisser informazzjoni jew materjal, fi kwalunkwe forma, li l-iżvelar mhux awtorizzat tiegħu jista’ jikkawża livelli differenti ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni, jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri, u li jkollha marka ta’ klassifikazzjoni tal-UE jew marka ta’ klassifikazzjoni korrispondenti, kif stabbilit fil-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skambjata fl-interessi tal-Unjoni Ewropea (24);

(22)

“informazzjoni sensittiva” tfisser informazzjoni u data, inkluż informazzjoni klassifikata, li trid tiġi protetta minn aċċess jew żvelar mhux awtorizzat minħabba obbligi stipulati fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali jew sabiex titħares il-privatezza jew is-sigurtà ta’ persuna fiżika jew ġuridika;

(23)

“rapport speċjali” tfisser kisba tanġibbli speċifika ta’ azzjoni ta’ riċerka li tiġbor fil-qosor ir-riżultati tagħha, tagħti informazzjoni estensiva fuq il-prinċipji bażiċi, l-għanijiet, l-eżiti, il-proprjetajiet bażiċi, it-testijiet imwettqa, il-benefiċċji potenzjali, l-applikazzjonijiet tad-difiża potenzjali u d-direzzjoni tal-isfruttament mistenni tar-riċerka favur l-iżvilupp, inkluż informazzjoni dwar is-sjieda ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali iżda li ma jeħtiġux l-inklużjoni ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;

(24)

“entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat” tfisser entità ġuridika li tkun stabbilita f’pajjiż terz mhux assoċjat jew, meta tkun stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat, li jkollha l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħha f’pajjiż terz mhux assoċjat.

Artikolu 3

Għanijiet

1.   L-għan ġenerali tal-Fond hu li jrawwem il-kompetittività, l-effiċjenza u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-bażi industrijali u teknoloġika Ewropea tad-difiża (EDTIB) fl-Unjoni kollha, u dan jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni u għal-libertà ta’ azzjoni tagħha, billi jingħata appoġġ għal azzjonijiet kollaborattivi u kooperazzjoni transfruntiera bejn entitajiet ġuridiċi mal-Unjoni kollha, b’mod partikolari l-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja, kif ukoll billi tissaħħaħ u tittejjeb l-aġilità kemm tal-katini tal-provvista kif ukoll tal-katini tal-valur tad-difiża, u titkabbar il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-entitajiet ġuridiċi u jitrawwem sfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali tal-innovazzjoni, tar-riċerka u tal-iżvilupp teknoloġiku, f’kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja industrijali tal-prodotti u t-teknoloġiji tad-difiża.

2.   Il-Fond għandu jkollu dawn l-għanijiet speċifiċi li ġejjin:

(a)

li jappoġġa riċerka kollaborattiva li tista’ tagħti spinta sinifikanti lill-prestazzjoni tal-kapaċitajiet futuri fl-Unjoni kollha, bil-għan li tiġi massimizzata l-innovazzjoni u jiġu introdotti prodotti u teknoloġiji ġodda tad-difiża, inkluż teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża, u bil-għan li jsir l-aktar użu effiċjenti tal-infiq għar-riċerka fil-qasam tad-difiża fl-Unjoni;

(b)

li jappoġġa l-iżvilupp kollaborattiv ta’ prodotti u teknoloġiji tad-difiża, biex b’hekk jingħata kontribut biex tiżdied l-effiċjenza tal-infiq fuq id-difiża fl-Unjoni, jinkisbu ekonomiji ta’ skala akbar, jonqos ir-riskju ta’ duplikazzjoni bla bżonn u b’hekk jitrawwem it-tixrid fis-suq ta’ prodotti u teknoloġiji Ewropej tad-difiża, u tonqos il-frammentazzjoni tal-prodotti u t-teknoloġiji tad-difiża fl-Unjoni kollha, li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal żieda fl-istandardizzazzjoni tas-sistemi tad-difiża u għal aktar interoperabbiltà bejn il-kapaċitajiet tal-Istati Membri.

Tali kollaborazzjoni għandha tkun konsistenti mal-prijoritajiet tal-kapaċità tad-difiża miftiehma b’mod komuni mill-Istati Membri fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u b’mod partikolari fil-kuntest tas-CDP.

B’rabta ma’ dak, il-prijoritajiet reġjonali u internazzjonali, meta jservu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni kif determinati skont il-PESK, u filwaqt li titqies il-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni bla bżonn, jistgħu wkoll jitqiesu, fejn xieraq, fejn dawn ma jeskludux il-possibbiltà tal-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż assoċjat.

Artikolu 4

Il-baġit

1.   F’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2021/695 il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Fond għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun ta’ EUR 7 953 000 000 bi prezzijiet attwali.

2.   Id-distribuzzjoni tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun:

(a)

EUR 2 651 000 000 għal azzjonijiet ta’ riċerka;

(b)

EUR 5 302 000 000 għal azzjonijiet ta’ żvilupp.

Sabiex tilqa’ għal ċirkostanzi imprevisti jew għal żviluppi u għal bżonnijiet ġodda, il-Kummissjoni tista’ talloka mill-ġdid l-ammont allokat għall-azzjonijiet ta’ riċerka jew ta’ żvilupp, sa massimu ta’ 20 %.

3.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ wkoll jintuża għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Fond, bħall-attivitajiet ta’ tħejjija, monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni, inkluż id-disinn, l-istabbiliment, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattivi.

4.   Tal-anqas 4 % u sa 8 % tal-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi allokat għal sejħiet għal proposti jew għoti ta’ finanzjament li jappoġġaw teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża.

Artikolu 5

Pajjiżi assoċjati

Il-Fond għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri fiż-ŻEE, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (pajjiżi assoċjati).

Artikolu 6

Appoġġ għal teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża

1.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tagħti finanzjament wara konsultazzjonijiet miftuħa u pubbliċi dwar teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża fl-oqsma ta’ intervent definiti fil-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 24. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

2.   Il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu l-aktar forom xierqa ta’ finanzjament għat-teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża.

Artikolu 7

Etika

1.   L-azzjonijiet imwettqa permezz tal-Fond għandhom ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni, nazzjonali u internazzjonali rilevanti, inkluż il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, dawk l-azzjonijiet għandhom ikunu konformi mal-prinċipji etiċi riflessi wkoll fil-liġi tal-Unjoni, nazzjonali u internazzjonali rilevanti.

2.   Qabel jiġi ffirmat ftehim ta’ finanzjament, il-proposti għandhom jiġu eżaminati mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ awtovalutazzjoni tal-etika mħejjija mill-konsorzju, sabiex jiġu identifikati dawk li jqajmu kwistjonijiet etiċi serji, inkluż b’rabta mal-kundizzjonijiet li skonthom jridu jitwettqu l-attivitajiet.. Fejn xieraq, tali proposti għandhom jiġu soġġetti għal valutazzjoni tal-etika.

L-eżami u l-valutazzjoni tal-etika għandhom isiru mill-Kummissjoni, bl-appoġġ ta’ esperti indipendenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 26. Dawk l-esperti għandhom ikunu ġejjin minn ambjenti varji, b’mod partikolari għandu jkollhom għarfien espert rikonoxxut dwar l-etika tad-difiża u għandhom ikunu ċittadini ta’ firxa kemm jista’ jkun wiesgħa ta’ Stati Membri.

Il-kundizzjonijiet li skonthom jridu jitwettqu l-attivitajiet bi kwistjonijiet etikament sensittivi għandhom jiġu speċifikati fil-ftehim ta’ finanzjament.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-proċeduri tal-etika jkunu kemm jista’ jkun trasparenti u għandha tinkludihom fir-rapport ta’ evalwazzjoni interim tagħha f’konformità mal-Artikolu 29

3.   L-entitajiet ġuridiċi li jieħdu sehem fl-azzjoni għandhom jiksbu l-approvazzjonijiet rilevanti kollha, jew dokumenti oħra mitluba mill-kumitati tal-etika lokali jew nazzjonali u minn korpi oħrajn, bħal awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, qabel il-bidu tal-attivitajiet rilevanti. Dawk l-approvazzjonijiet u d-dokumenti oħra għandhom jinżammu u jingħataw lill-Kummissjoni fuq talba.

4.   Proposti li jitqiesu li mhumiex aċċettabbli etikament għandhom jiġu miċħuda.

Artikolu 8

Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament tal-Unjoni

1.   Il-Fond għandu jiġi implimentat b’ġestjoni diretta f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, f’każijiet sostanzjati, jistgħu jitwettqu azzjonijiet speċifiċi b’ġestjoni indiretta mill-korpi kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 62(1)tar-Regolament Finanzjarju. Dan ma għandux jinkludi l-proċedura tal-għażla u tal-għoti, imsemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-Fond jista’ jipprovdi finanzjament f’konformità mar-Regolament Finanzjarju, permezz ta’ għotjiet, premji u akkwist, u fejn xieraq minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-azzjoni, permezz ta’ strumenti finanzjarji fi ħdan operazzjonijiet ta’ taħlit.

4.   L-operazzjonijiet ta’ taħlit għandhom jitwettqu f’konformità mat-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju u r-Regolament UE 2021/523.

5.   L-istrumenti finanzjarji għandhom jiġu strettament diretti biss għar-riċevituri.

Artikolu 9

Entitajiet ġuridiċi eliġibbli

1.   Ir-riċevituri u s-sottokuntratturi involuti f’azzjoni għandhom ikunu stabbiliti fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat.

2.   L-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tar-riċevituri u s-sottokuntratturi involuti f’azzjoni li jintużaw għall-finijiet ta’ azzjoni appoġġata mill-Fond għandhom ikunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż assoċjat għat-tul ta’ żmien kollu ta’ azzjoni, u l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom għandhom ikunu stabbiliti fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat.

3.   Għall-finijiet ta’ azzjoni appoġġata mill-Fond, ir-riċevituri u s-sottokuntratturi involuti f’azzjoni ma għandhomx ikunu soġġetti għal kontroll minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat.

4.   B’deroga mill-paragrafu 3, entità ġuridika stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat u kkontrollata minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat għandha tkun eliġibbli li tkun riċevitur jew sottokuntrattur involut f’azzjoni biss jekk jingħataw lill-Kummissjoni l-garanziji approvati mill-Istat Membru jew mill-pajjiż assoċjat li fih tkun stabbilita f’konformità mal-proċeduri nazzjonali tiegħu. Dawk il-garanziji jistgħu jirreferu għall-istruttura maniġerjali eżekuttiva tal-entità ġuridika stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat. Jekk jitqies adatt mill-Istat Membru jew mill-pajjiż assoċjat li fih tkun stabbilita l-entità ġuridika, dawk il-garanziji jistgħu jirreferu wkoll għal drittijiet governattivi speċifiċi fil-kontroll fuq l-entità ġuridika.

Il-garanziji għandhom jipprovdu assigurazzjonijiet li l-involviment f’azzjoni ta’ tali entità ġuridika ma jmurx kontra l-interessi ta’ sigurtà u difiża tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif stabbiliti fil-qafas tal-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, jew l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. Il-garanziji għandhom jikkonformaw ukoll mal-Artikoli 20 u 23 ta’ dan ir-Regolament. Il-garanziji għandhom b’mod partikolari jissostanzjaw li, għall-finijiet ta’ azzjoni, hemm fis-seħħ miżuri biex jiġi żgurat li:

(a)

il-kontroll fuq l-entità ġuridika ma jiġix eżerċitat b’mod li jillimita jew jirrestrinġi l-abbiltà tagħha li twettaq l-azzjoni u tikseb riżultati, li jimponi restrizzjonijiet b’rabta mal-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi, ir-riżorsi, il-propjetà intellettwali jew l-għarfien espert tagħha meħtieġa għall-finijiet tal-azzjoni, jew li jimmina l-kapaċitajiet u l-istandards tagħha meħtieġa għat-twettiq tal-azzjoni;

(b)

jiġi evitat aċċess minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat għal informazzjoni sensittiva relatata mal-azzjoni u l-impjegati jew persuni oħra involuti fl-azzjoni jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà nazzjonali maħruġa minn Stat Membru jew minn pajjiż assoċjat, fejn xieraq;

(c)

is-sjieda tal-propjetà intellettwali li tkun ġejja mill-azzjoni u r-riżultati tagħha jibqgħu għand ir-riċevitur matul l-azzjoni u wara li din titlesta, ma jkunux soġġetti għal kontroll jew restrizzjoni minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat, u la jiġu esportati ’l barra mill-Unjoni jew ’il barra minn pajjiżi assoċjati u lanqas ma jkunu aċċessibbli minn barra l-Unjoni jew minn barra l-pajjiżi assoċjati mingħajr l-approvazzjoni tal-Istat Membru jew il-pajjiż assoċjat li fih tkun stabbilita l-entità ġuridika u f’konformità mal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 3.

Jekk jitqies adatt mill-Istat Membru jew mill-pajjiż assoċjat li fih tkun stabbilita l-entità ġuridika, jistgħu jiġu pprovduti garanziji addizzjonali.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 34 bi kwalunkwe entità ġuridika li titqies eliġibbli f’konformità ma’ dan il-paragrafu.

5.   Fejn ma jkunx hemm sostituti kompetittivi faċilment disponibbli fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat, ir-riċevituri u s-sottokuntratturi involuti f’azzjoni jistgħu jużaw l-assi, l-infrastruttura, il-faċilitajiet u r-riżorsi tagħhom li jinsabu jew li jinżammu barra mit-territorju tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi assoċjati dment li tali użu ma jmurx kontra l-interessi ta’ sigurtà u difiża tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, ikun konsistenti mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 u jikkonforma mal-Artikoli 20 u 23.

L-ispejjeż marbuta ma’ dawk l-attivitajiet ma għandhomx ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-Fond.

6.   Meta jwettqu azzjoni eliġibbli, ir-riċevituri u s-sottokuntratturi involuti f’azzjoni jistgħu wkoll jikkooperaw ma’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti barra mit-territorju tal-Istati Membri jew ta’ pajjiżi assoċjati, jew ikkontrollati minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat, inkluż billi jużaw l-assi, l-infrastruttura, il-faċilitajiet u r-riżorsi ta’ tali entitajiet ġuridiċi, dment li dan ma jmurx kontra l-interessi ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Tali kooperazzjoni għandha tkun konsistenti mal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 3 u għandha tikkonforma mal-Artikoli 20 u 23.

Ma għandu jkun hemm ebda aċċess mhux awtorizzat minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità oħra ta’ pajjiż terz mhux assoċjat għal informazzjoni klassifikata relatata mat-twettiq tal-azzjoni u għandhom jiġu evitati effetti negattivi potenzjali fuq is-sigurtà tal-provvista tal-inputs kritiċi għall-azzjoni.

L-ispejjeż marbuta ma’ dawk l-attivitajiet ma għandhomx ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-Fond.

7.   L-applikanti għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà. Fil-każ ta’ bidla waqt it-twettiq ta’ azzjoni li tista’ titfa’ dubju fuq l-issodisfar tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-entità ġuridika rilevanti għandha tinforma lill-Kummissjoni, li għandha tivvaluta jekk dawk il-kriterji ta’ eliġibbiltà jibqgħux jiġu sodisfatti u għandha tindirizza l-impatt potenzjali ta’ dik il-bidla fuq il-finanzjament tal-azzjoni.

8.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “sottokuntratturi involuti f’azzjoni” tirreferi għal sottokuntratturi b’relazzjoni kuntrattwali diretta ma’ riċevitur, sottokuntratturi oħra li għalihom huwa allokat mill-anqas 10 % tal-ispejjeż eliġibbli totali tal-azzjoni, u sottokuntratturi li jistgħu jeħtieġu aċċess għal informazzjoni klassifikata sabiex iwettqu l-azzjoni. Is-sottokuntratturi involuti f’azzjoni mhumiex membri tal-konsorzju.

Artikolu 10

Azzjonijiet eliġibbli

1.   Għall-finanzjament għandhom ikunu eliġibbli biss azzjonijiet li jimplimentaw l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

2.   Il-Fond għandu jagħti appoġġ lill-azzjonijiet li jkopru prodotti u teknoloġiji ġodda tad-difiża kif ukoll it-titjib tal-prodotti u t-teknoloġiji tad-difiża eżistenti dment li l-użu tal-informazzjoni li kienet teżisti qabel, meħtieġa biex titwettaq l-azzjoni għat-titjib, ma tkunx soġġetta għal restrizzjoni minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat, direttament, jew indirettament permezz ta’ entità ġuridika intermedjarja waħda jew aktar, b’tali mod li l-azzjoni ma tkunx tista’ titwettaq.

3.   Azzjoni eliġibbli għandha tkun relatata ma’ waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin:

(a)

attivitajiet li għandhom il-mira li joħolqu, jirfdu u jtejbu għarfien, prodotti u teknoloġiji, inkluż teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża, li jista’ jkollhom effetti sinifikanti fil-qasam tad-difiża;

(b)

attivitajiet li għandhom il-mira li jżidu l-interoperabbiltà u r-reżiljenza, inkluż il-produzzjoni u l-iskambju siguri tad-data, biex tinkiseb ħakma ta’ teknoloġiji kritiċi tad-difiża, biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista jew biex ikun jista’ jsir l-isfruttament effettiv tar-riżultati għal prodotti u teknoloġiji tad-difiża;

(c)

studji, bħal studji ta’ fattibilità biex tiġi esplorata l-fattibilità ta’ prodotti, teknoloġiji, proċessi, servizzi u soluzzjonijiet ġodda jew imtejba;

(d)

id-disinn ta’ prodott, komponent tanġibbli jew intanġibbli, jew teknoloġija tad-difiża kif ukoll id-definizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li fuq il-bażi tagħhom ikun ġie żviluppat tali disinn inkluż kwalunkwe test parzjali għal tnaqqis tar-riskju f’ambjent industrijali jew rappreżentattiv;

(e)

il-ħolqien ta’ prototipi tas-sistema ta’ prodott, komponent jew teknoloġija tanġibbli jew intanġibbli, relatati mad-difiża;

(f)

l-ittestjar ta’ prodott, komponent tanġibbli jew intanġibbli, jew teknoloġija tad-difiża;

(g)

il-kwalifikazzjoni ta’ prodott, komponent tanġibbli jew intanġibbli, jew teknoloġija tad-difiża;

(h)

iċ-ċertifikazzjoni ta’ prodott, komponent tanġibbli jew intanġibbli, jew teknoloġija tad-difiża;

(i)

l-iżvilupp ta’ teknoloġiji jew assi li jżidu l-effiċjenza tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti u teknoloġiji tad-difiża;

4.   L-azzjoni għandha titwettaq minn entitajiet ġuridiċi li jikkooperaw fi ħdan konsorzju ta’ mill-inqas tliet entitajiet ġuridiċi eliġibbli li jkunu stabbiliti f’mill-anqas tliet Stati Membri jew pajjiżi assoċjati differenti. Tul il-perijodu kollu li matulu titwettaq l-azzjoni, mill-inqas tlieta minn dawk l-entitajiet ġuridiċi eliġibbli stabbiliti f’mill-anqas żewġ Stati Membri differenti jew pajjiżi assoċjati ma għandhomx jiġu kkontrollati, direttament jew indirettament, mill-istess entità ġuridika u ma għandhomx jikkontrollaw lil xulxin.

5.   Il-paragrafu 4 m’għandux japplika għal azzjonijiet relatati ma’ teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża jew għall-attivitajiet imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 3.

6.   L-azzjonijiet għall-iżvilupp ta’ prodotti u teknoloġiji li l-użu, l-iżvilupp jew il-produzzjoni tagħhom hu pprojbit mil-liġi internazzjonali applikabbli, ma għandhomx ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-Fond.

Barra minn hekk, azzjonijiet għall-iżvilupp ta’ armi awtonomi letali mingħajr il-possibbiltà ta’ kontroll uman sinifikattiv fuq deċiżjonijiet tal-għażla u l-intervent meta jsiru attakki kontra l-bnedmin ma għandhomx ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-Fond, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jingħata finanzjament għal azzjonijiet għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twissija bikrija u kontromiżuri għal finijiet difensivi.

Artikolu 11

Il-proċedura tal-għażla u tal-għoti

1.   Għandu jingħata finanzjament mill-Unjoni wara sejħiet kompetittivi għal proposti maħruġa f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

F’ċerti ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni u sostanzjati kif mistħoqq, jista’ jingħata wkoll finanzjament mill-Unjoni mingħajr sejħa għal proposti f’konformità mal-punt (e) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 195 tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, għandha tagħti l-finanzjament imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 12

Kriterji tal-għoti

Kull proposta għandha tiġi vvalutata fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji li ġejjin:

(a)

il-kontribut tagħha għall-eċċellenza jew il-potenzjal ta’ revoluzzjoni fil-qasam tad-difiża b’mod partikolari billi jintwera li r-riżultati mistennija tal-azzjoni proposta jippreżentaw vantaġġi sinifikanti fuq il-prodotti jew it-teknoloġiji eżistenti tad-difiża;

(b)

il-kontribut tagħha għall-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku tal-industrija Ewropea tad-difiża, b’mod partikolari billi jintwera li l-azzjoni proposta tinkludi kunċetti u approċċi innovattivi jew ġodda, titjib teknoloġiku ġdid promettenti għall-futur jew l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji jew kunċetti li qatt ma kienu ġew applikati fis-settur tad-difiża, filwaqt li tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn;

(c)

il-kontribut tagħha għall-kompetittività tal-industrija Ewropea tad-difiża billi jintwera li l-azzjoni proposta tkun b’mod ċar bilanċ pożittiv bejn il-kosteffiċjenza u l-effettività, u għalhekk toħloq opportunitajiet ġodda għas-suq fl-Unjoni kollha u lil hinn minnha u jiġi aċċellerat it-tkabbir ta’ kumpanniji madwar l-Unjoni;

(d)

il-kontribut tagħha għall-awtonomija tal-EDTIB, inkluż billi tiżdied in-nondipendenza fuq sorsi mhux tal-UE u tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista, u għall-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni f’konformità mal-prijoritajiet imsemmija fl-Artikolu 3;

(e)

il-kontribut tagħha għall-ħolqien ta’ kooperazzjoni transfruntiera ġdida bejn entitajiet ġuridiċi stabbiliti fi Stati Membri jew pajjiżi assoċjati, b’mod partikolari SMEs u mid-caps b’parteċipazzjoni sostanzjali fl-azzjoni, bħala riċevituri, sottokuntratturi jew bħala entitajiet ġuridiċi oħra fil-katina tal-provvista, u li huma stabbiliti fi Stati Membri jew f’pajjiżi assoċjati għajr dawk fejn huma stabbiliti l-entitajiet ġuridiċi li jikkooperaw f’konsorzju li mhumiex SMEs jew mid-caps;

(f)

il-kwalità u l-effiċjenza tat-twettiq tal-azzjoni.

Artikolu 13

Rati ta’ kofinanzjament

1.   Il-Fond għandu jiffinanzja sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli ta’ attività msemmija fl-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:

(a)

għall-attivitajiet imsemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 10(3), l-appoġġ mill-Fond ma għandux jaqbeż l-20 % tal-ispejjeż eliġibbli;

(b)

għall-attivitajiet imsemmija fil-punti (f), (g) u (h) tal-Artikolu 10(3), l-appoġġ mill-Fond ma għandux jaqbeż it-80 % tal-ispejjeż eliġibbli.

3.   Għall-azzjonijiet tal-iżvilupp, ir-rati ta’ għoti ta’ finanzjament għandhom jiżdiedu fil-każijiet li ġejjin:

(a)

azzjoni żviluppata fil-kuntest ta’ proġett tal-PESCO, kif stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 (25),tista’ tibbenefika minn rata ta’ finanzjament miżjuda b’10 punti perċentwali addizzjonali;

(b)

attività tista’ tibbenefika minn rata ta’ finanzjament miżjuda, kif imsemmi f’dan il-punt, fejn mill-inqas 10 % tal-ispejjeż totali eliġibbli tal-attività jiġu allokati lil SMEs stabbiliti fi Stati Membri jew f’pajjiżi assoċjati u li jipparteċipaw fl-attività bħala riċevituri, sottokuntratturi jew entitajiet ġuridiċi oħra fil-katina tal-provvista.

Ir-rata ta’ finanzjament tista’ tiżdied b’punti perċentwali ekwivalenti għall-perċentwal tal-ispejjeż eliġibbli totali tal-attività allokata għall-SMEs stabbiliti fi Stati Membri jew f’pajjiżi assoċjati li fihom huma stabbiliti riċevituri li mhumiex SMEs u li jipparteċipaw fl-attività bħala riċevituri, sottokuntratturi jew entitajiet ġuridiċi oħra fil-katina tal-provvista, sa 5 punti perċentwali addizzjonali.

Ir-rata ta’ finanzjament tista’ tiżdied b’punti perċentwali ekwivalenti għad-doppju tal-perċentwal tal-ispejjeż eliġibbli totali tal-attività allokat għall-SMEs stabbiliti fi Stati Membri jew f’pajjiżi assoċjati barra minn dawk li fihom ikunu stabbiliti riċevituri li mhumiex SMEs u li jipparteċipaw fl-attività bħala riċevituri, sottokuntratturi jew entitajiet ġuridiċi oħra fil-katina tal-provvista;

(c)

attività tista’ tibbenefika minn rata ta’ finanzjament miżjuda b’10 punti perċentwali addizzjonali fejn mill-inqas 15 % tal-ispejjeż eliġibbli totali tal-attività jiġu allokati għal mid-caps stabbiliti fl-Istati Membri jew f’pajjiżi assoċjati.

Iż-żieda ġenerali fir-rata ta’ finanzjament ta’ attività wara l-applikazzjoni tal-punti (a), (b) u (c) ma għandhiex taqbeż 35 punt perċentwali.

L-appoġġ mill-Fond, inkluż ir-rati ta’ finanzjament miżjuda, ma għandux ikopri iktar minn 100 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-azzjoni.

Artikolu 14

Kapaċità finanzjarja

1.   Minkejja l-Artikolu 198(5) tar-Regolament Finanzjarju,il-kapaċità finanzjarja ta’ koordinatur biss għandha tiġi verifikata u dan għandu jsir biss fejn il-finanzjament mitlub mingħand l-Unjoni jkun mill-inqas EUR 500 000.

Madankollu, fejn ikun hemm raġunijiet biex tiġi ddubitata l-kapaċità finanzjarja ta’ wieħed mill-applikanti jew tal-koordinatur, il-Kummissjoni għandha tivverifika wkoll il-kapaċità finanzjarja tal-’ applikanti kollha u tal-koordinatur fejn il-finanzjament mitlub mill-Unjoni jkun inqas minn EUR 500 000.

2.   Il-kapaċità finanzjarja ma għandhiex tiġi verifikata fir-rigward ta’ entitajiet ġuridiċi li l-vijabilità tagħhom tkun garantita mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri;

3.   Jekk il-kapaċità finanzjarja tkun garantita strutturalment minn entità ġuridika oħra, il-kapaċità finanzjarja ta’ dik l-entità ġuridika l-oħra għandha tiġi verifikata.

Artikolu 15

Spejjeż indiretti

1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 181(6) tar-Regolament Finanzjarju, l-ispejjeż eliġibbli indiretti għandhom jiġu determinati bl-applikazzjoni ta’ rata fissa ta’ 25 % tal-ispejjeż eliġibbli diretti totali tal-azzjoni, bl-esklużjoni tal-ispejjeż eliġibbli diretti tas-sottokuntrattar u l-appoġġ għal partijiet terzi u kwalunkwe spiża unitarja jew somma f’daqqa li tinkludi spejjeż indiretti.

2.   Bħala alternattiva, l-ispejjeż indiretti eliġibbli jistgħu jiġu determinati f’konformità mal-prattiki kontabilistiċi tal-ispejjeż tas-soltu tar-riċevitur abbażi tal-ispejjeż indiretti reali, dment li dawk il-prattiki kontabilistiċi tal-ispejjeż ikunu aċċettati mill-awtoritajiet nazzjonali għal attivitajiet komparabbli fil-qasam tad-difiża, f’konformità mal-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju, u jkunu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni mir-riċevitur.

Artikolu 16

L-użu ta’ kontribuzzjoni mhux marbuta mal-ispejjeż jew somma f’daqqa unika

Fejn l-għotja tal-Unjoni tikkofinanzja inqas minn 50 % tal-ispejjeż totali tal-azzjoni, il-Kummissjoni tista’ tuża jew:

(a)

kontribuzzjoni li ma tkunx marbuta mal-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 180(3) tar-Regolament Finanzjarju u li tkun ibbażata fuq il-kisba tar-riżultati mkejla b’referenza għal objettivi intermedji stabbiliti preċedentement jew permezz ta’ indikaturi tal-prestazzjoni; jew

(b)

somma f’daqqa unika msemmija fl-Artikolu 182 tar-Regolament Finanzjarju u li tkun ibbażata fuq il-baġit proviżorju tal-azzjoni diġà approvata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati kofinanzjaturi.

L-ispejjeż indiretti għandhom jiġu inklużi fis-somma f’daqqa msemmija fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu.

Artikolu 17

Akkwist prekummerċjali

1.   L-Unjoni tista’ tappoġġa akkwist prekummerċjali billi tagħti għotja lil awtoritajiet kontraenti jew lil entitajiet kontraenti kif definiti fid-Direttivi 2014/24/UE (26) u 2014/25/UE (27) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li b’mod konġunt jakkwistaw servizzi tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tad-difiża jew jikkoordinaw il-proċeduri tal-akkwist tagħhom.

2.   Il-proċeduri tal-akkwist imsemmija fil-paragrafu 1:

(a)

għandhom jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament;

(b)

jistgħu jawtorizzaw l-għoti ta’ kuntratti multipli fi ħdan l-istess proċedura (akkwisti multipli);

(c)

għandhom jipprevedu l-għoti tal-kuntratti lill-offerti li joffru l-aqwa valur għall-flus filwaqt li jiġi żgurat nuqqas ta’ konflitti ta’ interess.

Artikolu 18

Fond ta’ Garanzija

Il-kontribuzzjonijiet għal mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni reċiproka jistgħu jkopru r-riskju assoċjat mal-irkupru ta’ somom dovuti minn riċevituri, u għandhom jitqiesu li huma garanzija biżżejjed skont ir-Regolament Finanzjarju. Għandu japplika l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2021/695.

Artikolu 19

Kriterji tal-eliġibbiltà għall-akkwist u l-premjijiet

1.   L-Artikoli 9 u 10 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-premjijiet.

2.   B’deroga mill-Artikolu 176 tar-Regolament Finanzjarju, l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-akkwist ta’ studji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-Regolament.

TITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI APPLIKABBLI GĦAL AZZJONIJIET TA’ RIĊERKA

Artikolu 20

Sjieda tar-riżultati ta’ azzjonijiet ta’ riċerka

1.   Is-sjieda tar-riżultati ta’ azzjonijiet ta’ riċerka li jkunu appoġġati mill-Fond għandha tkun tar-riċevituri li jiġġenerawhom. Meta l-entitajiet ġuridiċi jiġġeneraw riżultati b’mod konġunt, u meta l-kontribut rispettiv tagħhom ma jkunx jista’ jiġi aċċertat, jew fejn ma jkunx possibbli li ssir separazzjoni ta’ dawn ir-riżultati konġunti, l-entitajiet ġuridiċi għandu jkollhom sjieda konġunta tar-riżultati. Is-sidien konġunti għandhom jikkonkludu ftehim dwar l-allokazzjoni tal-ishma tagħhom u t-termini tal-eżerċizzju tas-sjieda konġunta tagħhom, f’konformità mal-obbligi tagħhom taħt il-ftehim tal-għotja.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, fejn l-appoġġ tal-Unjoni jingħata fil-forma ta’ akkwist pubbliku, is-sjieda tar-riżultati tal-azzjonijiet ta’ riċerka appoġġati mill-Fond għandha tkun tal-Unjoni. L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati għandu jkollhom drittijiet ta’ aċċess għar-riżultati, mingħajr ħlas, meta jitolbu dan bil-miktub.

3.   Ir-riżultati tal-azzjonijiet ta’ riċerka appoġġati mill-Fond ma għandhom ikunu soġġetti għal ebda kontroll jew restrizzjoni minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat, direttament, jew indirettament, permezz ta’ entità ġuridika intermedjarja waħda jew aktar, inkluż f’termini ta’ trasferiment tat-teknoloġija.

4.   B’rabta mar-riżultati ġġenerati mir-riċevituri permezz ta’ azzjonijiet ta’ riċerka appoġġati mill-Fond u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tkun notifikata qabel kwalunkwe trasferiment ta’ sjieda jew għoti ta’ liċenzja esklużiva lil pajjiż terz mhux assoċjat jew entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat. Fejn dan it-trasferiment ta’ sjieda jew l-għoti ta’ liċenzja esklużiva imorrru kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jew kontra l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3, l-appoġġ mogħti mill-Fond għandu jiġi rimborżat.

5.   L-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi assoċjati għandu jkollhom drittijiet ta’ aċċess għar-rapporti speċjali. Dawn id-drittijiet ta’ aċċess għandhom jingħataw mingħajr il-ħlas ta’ royalties u jintbagħtu mill-Kummissjoni lill-Istati Membri u lill-pajjiżi assoċjati, wara li l-Kummissjoni tkun żgurat li hemm obbligi xierqa ta’ kunfidenzjalità fis-seħħ.

6.   L-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi assoċjati għandhom jużaw ir-rapport speċjali biss għal finijiet relatati mal-użu mill-forzi armati jew il-forzi tas-sigurtà jew tal-intelligence tagħhom, jew għal finijiet relatati mal-użu għalihom, inkluż fi ħdan il-qafas tal-programmi koperattivi tagħhom. Tali użu għandu jinkludi l-istudju, l-evalwazzjoni, il-valutazzjoni, ir-riċerka, id-disinn, u l-aċċettazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti, it-tħaddim, it-taħriġ u r-rimi kif ukoll il-valutazzjoni u l-abbozzar ta’ rekwiżiti tekniċi għall-akkwist.

7.   Ir-riċevituri għandhom jagħtu d-drittijiet ta’ aċċess għar-riżultati tal-attivitajiet ta’ riċerka appoġġati mill-Fond mingħajr il-ħlas ta’ royalties lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, għall-finijiet debitament sostanzjati ta’ żvilupp, implimentazzjoni u monitoraġġ tal-politiki jew tal-programmi eżistenti tal-Unjoni fl-oqsma ta’ kompetenza tagħha. Dawn id-drittijiet ta’ aċċess għandhom ikunu limitati għal użu mhux kummerċjali u mhux kompetittiv.

8.   Fil-ftehimiet dwar finanzjament u fil-kuntratti li jirrigwardaw l-akkwist prekummerċjali għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-sjieda, id-drittijiet ta’ aċċess u l-liċenzjar biex ikun żgurat l-użu massimu tar-riżultati u jkun evitat kull żvantaġġ inġust. L-awtoritajiet kontraenti għandu jkollhom mill-inqas drittijiet tal-aċċess għar-riżultati, mingħajr il-ħlas ta’ royalties, biex jużawhom għalihom stess, u għandu jkollhom id-dritt li jagħtu, jew li jirrikjedu li r-riċevituri jagħtu, liċenzji mhux esklużivi lil partijiet terzi biex jisfruttaw ir-riżultati b’kondizzjonijiet ġusti u raġonevoli mingħajr id-dritt ta’ sottoliċenzjar. L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati kollha għandu jkollhom aċċess għar-rapport speċjali mingħajr il-ħlas ta’ royalties. Fejn il-kuntrattur jonqos milli jisfrutta r-riżultati kummerċjalment tul perijodu partikolari wara l-akkwist prekummerċjali kif identifikat fil-kuntratt, huwa għandu jittrasferixxi kwalunkwe sjieda tar-riżultati lill-awtoritajiet kontraenti.

9.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-esportazzjoni ta’ prodotti, tagħmir jew teknoloġiji li jintegraw ir-riżultati ta’ azzjonijiet ta’ riċerka appoġġati mill-Fond, u ma għandhomx jaffettwaw id-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-politika tagħhom dwar l-esportazzjoni ta’ prodotti relatati mad-difiża.

10.   Fejn żewġ Stati Membri jew pajjiżi assoċjati jew aktar li, multilateralment jew fi ħdan il-qafas tal-Unjoni, ikunu kkonkludew b’mod konġunt kuntratt wieħed jew aktar ma’ riċevitur wieħed jew aktar biex ikomplu jiżviluppaw flimkien ir-riżultati tal-azzjonijiet ta’ riċerka appoġġati mill-Fond, huma għandhom igawdu mid-drittijiet ta’ aċċess għal dawk ir-riżultati sakemm dawn ikunu jappartjenu lil tali riċevituri u jkunu neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew il-kuntratti. Tali drittijiet ta’ aċċess għandhom jingħataw mingħajr il-ħlas ta’ royalties u taħt kondizzjonijiet speċifiċi bil-għan li jiġi żgurat li dawk id-drittijiet jintużaw biss għall-fini tal-kuntratt jew il-kuntratti u li jiġu stabbiliti obbligi ta’ kunfidenzjalità adatti.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI APPLIKABBLI GĦAL AZZJONIJIET TA’ ŻVILUPP

Artikolu 21

Kriterji addizzjonali tal-eliġibbiltà għal azzjonijiet ta’ żvilupp

1.   Il-konsorzju għandu juri li l-ispejjeż ta’ azzjoni li mhumiex koperti mill-appoġġ tal-Unjoni jridu jiġu koperti b’mezzi oħra ta’ finanzjament, bħal kontribuzzjonijiet minn Stati Membri jew pajjiżi assoċjati jew kofinanzjament minn entitajiet ġuridiċi.

2.   L-attivitajiet imsemmija fil-punt (d) tal- Artikolu 10(3) għandhom ikunu bbażati fuq rekwiżiti armonizzati tal-kapaċitajiet tad-difiża maqbula b’mod konġunt minn tal-inqas żewġ Stati Membri jew pajjiżi assoċjati.

3.   Fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fil-punti (e) sa (h) tal-Artikolu 10(3), il-konsorzju għandu juri permezz ta’ dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali li:

(a)

mill-inqas żewġ Stati Membri jew pajjiżi assoċjati beħsiebhom jakkwistaw il-prodott finali jew jużaw it-teknoloġija b’mod koordinat, inkluż permezz ta’ akkwist konġunt fejn applikabbli;

(b)

l-attività hija bbażata fuq speċifikazzjonijiet tekniċi komuni maqbula b’mod konġunt mill-Istati Membri jew il-pajjiżi assoċjati li jkunu ser jikkofinanzjaw l-azzjoni jew li jkun beħsiebhom jakkwistaw b’mod konġunt il-prodott finali jew jużaw it-teknoloġija b’mod konġunt.

Artikolu 22

Kriterji addizzjonali tal-għoti għal azzjonijiet ta’ żvilupp

Minbarra l-kriterji tal-għoti msemmija fl-Artikolu 12, il-programm ta’ ħidma għandu wkoll jikkunsidra:

(a)

il-kontribut għaż-żieda fl-effiċjenza tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u t-teknoloġiji tad-difiża, inkluż il-kosteffikaċja u l-potenzjal għal sinerġiji fil-proċessi tal-akkwist, tal-manutenzjoni u tar-rimi;

(b)

il-kontribut għal aktar integrazzjoni tal-industrija Ewropea tad-difiża fl-Unjoni kollha billi r-riċevituri juru li l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jużaw, ikollhom sjieda jew iżommu b’mod konġunt, il-prodott jew it-teknoloġija finali b’mod koordinat.

Artikolu 23

Sjieda tar-riżultati ta’ azzjonijiet ta’ żvilupp

1.   L-Unjoni la għandu jkollha sjieda tal-prodotti jew it-teknoloġiji tad-difiża li jirriżultaw mill-azzjonijiet ta’ żvilupp appoġġati mill-Fond, u lanqas ma għandu jkollha xi pretensjoni għal dritt tal-proprjetà intellettwali relatat ma’dawk l-azzjonijiet.

2.   Ir-riżultati ta’ azzjonijiet appoġġati mill-Fond ma għandhomx ikunu soġġetti għal ebda kontroll jew restrizzjoni minn pajjiżi terzi mhux assoċjati jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati, direttament, jew indirettament, permezz ta’ entità ġuridika intermedjarja waħda jew aktar, inkluż f’termini ta’ trasferiment tat-teknoloġija.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-politika tagħhom dwar l-esportazzjoni ta’ prodotti relatati mad-difiża.

4.   B’rabta mar-riżultati ġġenerati mir-riċevituri permezz ta’ azzjonijiet ta’ żvilupp appoġġati mill-Fond u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tkun notifikata qabel kwalunkwe trasferiment ta’ sjieda lil pajjiż terz mhux assoċjat jew entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat. Fejn tali trasferiment ta’ sjieda jmur kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jew kontra l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3, l-appoġġ mogħti mill-Fond għandu jiġi rimborżat.

5.   Fejn l-appoġġ tal-Unjoni jkun provdut fil-forma tal-akkwist pubbliku ta’ studju, l-Istati Membri jew il-pajjiżi assoċjati kollha għandu jkollhom id-dritt, mingħajr ħlas, għal liċenzja mhux esklużiva għall-użu tal-istudju fuq talba bil-miktub.

TITOLU IV

GOVERNANZA, MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U KONTROLL

Artikolu 24

Programmi ta’ ħidma

1.   Il-Fond għandu jiġi implimentat permezz ta’ programmi ta’ ħidma annwali kif imsemmija fl-Artikolu 110(2)tar-Regolament Finanzjarju. Il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu, meta applikabbli, l-ammont ġenerali riżervat għall-operazzjonijiet ta’ taħlit. Il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu l-baġit ġenerali li jkun ta’ benefiċċju għall-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs.

2.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, għandha tadotta l-programmi ta’ ħidma msemmija fil-paragrafi 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l- atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

3.   Il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu fid-dettall is-suġġetti tar-riċerka u l-kategoriji tal-azzjonijiet li jridu jingħataw appoġġ mill-Fond. Dawk il-kategoriji għandhom ikunu konformi mal-prijoritajiet tad-difiża msemmija fl-Artikolu 3.

Bl-eċċezzjoni tal-parti tal-programm ta’ ħidma ddedikata lit-teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża, is-suġġetti tar-riċerka u l-kategoriji tal-azzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikopru prodotti u teknoloġiji tad-difiża fl-oqsma ta’:

(a)

it-tħejjija, il-protezzjoni, l-użu u s-sostenibbiltà;

(b)

il-ġestjoni u s-superjorità tal-informazzjoni, u l-kmand, il-kontroll, il-komunikazzjoni, il-kompjuters, l-intelligence, is-sorveljanza u r-rikonjizzjoni (C4ISR), iċ-ċiberdifiża u ċ-ċibersigurtà; u

(c)

l-intervent u l-effetturi.

4.   Il-programmi ta’ ħidma għandu jkun fihom rekwiżiti funzjonali, fejn xieraq, u għandhom jispeċifikaw il-forma ta’ finanzjament tal-Unjoni skont l-Artikolu 8, filwaqt li ma jwaqqfux il-kompetizzjoni fil-livell ta’ sejħiet għal proposti.

It-transizzjoni tar-riżultati tal-azzjonijiet ta’ riċerka li juru valur miżjud diġà appoġġati mill-Fond fil-fażi ta’ żvilupp jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll fil-programmi ta’ ħidma.

Artikolu 25

Konsultazzjoni tal-maniġer ta’ proġett

Fejn jinħatar maniġer ta’ proġett, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-maniġer ta’ proġett dwar il-progress fir-rigward tal-azzjoni qabel ma jsir il-pagament.

Artikolu 26

Esperti indipendenti

1.   Il-Kummissjoni għandha taħtar esperti indipendenti biex jassistu fl-eżami u l-valutazzjoni tal-etika kif imsemmija fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament u fl-evalwazzjoni tal-proposti skont l-Artikolu 237 tar-Regolament Finanzjarju.

2.   L-esperti indipendenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu ċittadini minn firxa wiesgħa kemm jista’ jkun ta’ Stati Membri u għandhom jintgħażlu abbażi ta’ sejħiet għal espressjonijiet ta’ interess indirizzati lill-ministeri għad-difiża u l-aġenziji subordinati, korpi governattivi rilevanti oħra, istituti ta’ riċerka, universitajiet, assoċjazzjonijiet tan-negozju jew intrapriżi tas-settur tad-difiża, bil-għan li tiġi stabbilita lista ta’ esperti indipendenti. Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 237 tar-Regolament Finanzjarju, il-lista ta’ esperti indipendenti ma għandhiex issir pubblika.

3.   Il-kredenzjali ta’ sigurtà tal-esperti indipendenti maħtura għandhom jiġu vvalidati mill-Istat Membru rilevanti.

4.   Il-kumitat imsemmi fl-Artikolu 34għandu jiġi infurmat bil-lista ta’ esperti indipendenti, sabiex ikun trasparenti b’rabta mal-kredenzjali ta’ sigurtà tagħhom, fuq bażi annwali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-esperti ma jevalwawx, ma jagħtux pariri jew ma jagħtux assistenza dwar kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom ikollhom kwalunkwe konflitt ta’ interess.

5.   L-esperti indipendenti għandhom jintgħażlu abbażi tal-ħiliet, l-esperjenza u l-għarfien rilevanti tagħhom għall-kompiti li jridu jiġu assenjati lilhom.

Artikolu 27

Applikazzjoni tar-regoli dwar informazzjoni klassifikata

1.   Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

(a)

kull Stat Membru għandu jiżgura li joffri grad ta’ protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE ekwivalenti għal dak ipprovdut mir-regoli dwar is-sigurtà tal-Kunsill stabbiliti bid-Deċiżjoni 2013/488/UE (28);

(b)

il-Kummissjoni għandha tipproteġi l-informazzjoni klassifikata f’konformità mar-regoli dwar is-sigurtà stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/444;

(c)

il-persuni fiżiċi li jkunu residenti f’pajjiż terz u l-persuni ġuridiċi stabbiliti f’pajjiż terz jistgħu jittrattaw informazzjoni klassifikata tal-UE fir-rigward tal-Fond biss meta dawn ikunu soġġetti, f’dawk il-pajjiżi, għal regolamenti dwar is-sigurtà li jiżguraw grad ta’ protezzjoni li jkun minn tal-inqas ekwivalenti għal dak li jagħtu r-regoli dwar is-sigurtà tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, kif stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/444 u d-Deċiżjoni 2013/488/UE rispettivament;

(d)

l-ekwivalenza tar-regolamenti dwar is-sigurtà applikati f’pajjiż terz jew minn organizzazzjoni internazzjonali għandha tiġi stabbilita fi ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni, li jkun jinkludi kwistjonijiet tas-sigurtà industrijali jekk ikunu rilevanti, li jiġi konkluż jew li jrid jiġi konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz jew dik l-organizzazzjoni internazzjonali f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE u billi jitqies l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 2013/488/UE; u

(e)

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE u għar-regoli li jirregolaw il-qasam tas-sigurtà industrijali stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/444, persuna fiżika jew ġuridika, pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista’ jingħatalhom aċċess għal informazzjoni klassifikata tal-UE meta jitqies li jkun neċessarju fuq bażi ta’ każ b’każ, skont in-natura u l-kontenut ta’ din l-informazzjoni, il-ħtieġa għall-għarfien tar-riċevitur u l-grad ta’ vantaġġ għall-Unjoni.

2.   Meta l-azzjonijiet ikunu jinvolvu, jeħtieġu jew jinkludu informazzjoni klassifikata, il-korp rilevanti ta’ finanzjament għandu jispeċifika fid-dokumenti li jikkonċernaw is-sejħa għal proposti jew offerti, il-miżuri u r-rekwiżiti meħtieġa biex tkun żgurata s-sigurtà ta’ din l-informazzjoni fil-livell meħtieġ.

3.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema ta’ skambju sigur sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva, inkluż informazzjoni klassifikata, bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u pajjiżi assoċjati u, fejn xieraq, mal-applikanti u r-riċevituri. Dik is-sistema għandha tqis ir-regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà tal-Istati Membri.

4.   L-oriġini ta’ informazzjoni ġdida klassifikata ġġenerata fit-twettiq ta’ azzjoni ta’ riċerka jew ta’ żvilupp għandha ssir deċiżjoni dwarha mill-Istati Membri li fit-territorju tagħhom huma stabbiliti r-riċevituri. Għal dak il-għan, dawk l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar qafas ta’ sigurtà speċifiku għall-protezzjoni u t-trattament tal-informazzjoni klassifikata relatata mal-azzjoni u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan. Dan il-qafas ta’ sigurtà għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni jkollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-azzjoni ta’ riċerka jew ta’ żvilupp.

Jekk ma jiġi stabbilit l-ebda qafas ta’ sigurtà speċifiku minn dawk l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-qafas ta’ sigurtà għall-azzjoni skont id- -Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444.

Il-qafas ta’ sigurtà applikabbli għall-azzjoni għandu jkun fis-seħħ mhux aktar tard minn qabel l-iffirmar tal-ftehim dwar il-finanzjament jew tal-kuntratt.

Artikolu 28

Monitoraġġ u rappurtar

1.   L-indikaturi għar-rappurtar dwar il-progress tal-Fond biex jintlaħqu l-għanijiet speċifiċi stipulati fl-Artikolu 3(2) huma stabbiliti fl-Anness.

2.   Biex tiżgura l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Fond lejn il-kisba tal-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 33, biex temenda l-Anness fir-rigward tal-indikaturi meta dan ikun meqjus meħtieġ kif ukoll biex tissupplementa dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Fond fuq bażi regolari u għandha tirrapporta kull sena dwar il-progress li jkun sar, inkluż il-mod li bih jitqiesu t-tagħlimiet identifikati u t-tagħlimiet meħuda mill-EDIDP u mill-PADR fl-implimentazzjoni tal-Fond, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa tal-monitoraġġ.

4.   Is-sistema tar-rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-Fond jinġabru b’mod effiċjenti, effettiv u fil-ħin.

Għal dak il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta’ rapportar proporzjonati fuq ir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni u, fejn ikun xieraq, fuq l-Istati Membri.

Artikolu 29

Evalwazzjoni tal-Fond

1.   L-evalwazzjonijiet tal-Fond għandhom jitwettqu sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet f’waqthom.

2.   L-evalwazzjoni interim tal-Fond għandha ssir malli jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tiegħu, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-perijodu ta’ implimentazzjoni tal-Fond.

Ir-rapport tal-evalwazzjoni li jkopri l-perijodu sal-31 ta’ Lulju 2024 għandu jinkludi b’mod partikolari:

(a)

valutazzjoni tal-governanza tal-Fond, inkluż fir-rigward:

(i)

tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ esperti indipendenti;

(ii)

l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ etika stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

it-tagħlimiet meħuda mill-EDIDP u mill-PADR;

(c)

ir-rati ta’ implimentazzjoni;

(d)

ir-riżultati tal-għotja tal-proġetti, inkluż il-livell ta’ involviment tal-SMEs u l-mid-caps u l-grad tal-parteċipazzjoni transfruntiera tagħhom;

(e)

ir-rati ta’ rimborż tal-ispejjeż indiretti kif stabbiliti fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament;

(f)

l-ammonti allokati għat-teknoloġiji rivoluzzjonarji għad-difiża fis-sejħiet għal proposti; u

(g)

il-finanzjament mogħti f’konformità ma l-Artikolu 195 tar-Regolament Finanzjarju.

L-evalwazzjoni interim għandu jkun fiha wkoll informazzjoni dwar il-pajjiżi tal-oriġini tar-riċevituri u n-numru ta’ pajjiżi involuti fi proġetti individwali, u, fejn possibbli, id-distribuzzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ġġenerati. Il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposti għal kwalunkwe emenda xierqa għal dan ir-Regolament.

3.   Fi tmiem il-perijodu tal-implimentazzjoni, iżda sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2031, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali u tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Fond.

Ir-rapport tal-evalwazzjoni finali għandu:

(a)

jinkludi r-riżultati tal-implimentazzjoni u, sa fejn possibbli, l-impatt tal-Fond;

(b)

jissejjes fuq il-konsultazzjonijiet rilevanti mal-Istati Membri, mal-pajjiżi assoċjati u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin u għandu jevalwa b’mod partikolari l-progress li jkun sar biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3;

(c)

jgħin biex jiġi identifikat fejn l-Unjoni hija dipendenti fuq pajjiżi terzi għall-iżvilupp ta’ prodotti u teknoloġiji tad-difiża;

(d)

janalizza wkoll il-parteċipazzjoni fl-azzjonijiet imwettqa skont il-Fond kif ukoll l-integrazzjoni tal-SMEs u tal-mid-caps fil-katina tal-valur globali u l-kontribut tal-Fond biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati fis-CDP; u

(e)

ikun fih informazzjoni dwar il-pajjiżi tal-oriġini tar-riċevituri u, meta possibbli, id-distribuzzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ġġenerati.

4.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, mehmużin mal-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 30

Awditjar

L-awditjar tal-użu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni mwettaq minn persuni jew entitajiet, inkluż minn dawk li mhumiex inkarigati mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, għandu jifforma l-bażi tal-assigurazzjoni kumplessiva skont l-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju. Il-Qorti tal-Awdituri għandha teżamina l-kontijiet tad-dħul u l-ħruġ kollha tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 287 TFUE.

Artikolu 31

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Meta pajjiż terz jieħu sehem fil-Fond permezz ta’ deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta’ kwalunkwe strument ġuridiku ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji biex l-uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni responsabbli, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

Artikolu 32

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.   Ir-riċevituri ta’ finanzjament mill-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibilità tal-finanzjament tal-Unjoni (b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom) billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż lill-media u lill-pubbliku. Il-ftehim dwar il-fondi jew finanzjament għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw il-possibbiltà ta’ pubblikazzjoni ta’ dokumenti akkademiċi abbażi tar-riżultati ta’ azzjonijiet ta’ riċerka

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni relatati mal-Fond, mal-azzjonijiet meħuda skont il-Fond u mar-riżultati miksuba

Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Fond għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3.

3.   Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Fond jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ tixrid, avvenimenti ta’ tlaqqigħ u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, b’mod partikolari mmirati lejn il-ftuħ ta’ ktajjen ta’ provvista biex titrawwem il-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs.

TITOLU V

ATTI DELEGATI, ATT TA’ IMPLIMENTAZZJONI,DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 33

Eżerċitar tad-delega

1.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 28 għal perijodu ta’ żmien mhux determinat li jibda mit-12 ta’ Mejju 2021.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 28 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li diġà jkun fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 28 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 34

Proċedura ta’ Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża għandha tiġi mistiedna tagħti l-fehmiet u l-għarfien espert tagħha lill-kumitat bħala osservatur. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jiġi mistieden ukoll biex jassisti fil-kumitat.

Il-kumitat għandu wkoll jiltaqa’ f’konfigurazzjonijiet speċjali, inkluż sabiex jiġu diskussi aspetti tad-difiża u s-sigurtà relatati ma’ azzjonijiet imwettqa taħt il-Fond.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 35

Tħassir

Ir-Regolament (UE) 2018/1092 huwa mħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 36

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-azzjonijiet mibdija skont ir-Regolament (UE) 2018/1092 jew il-PADR, li għandhom jibqgħu japplikaw għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom, kif ukoll għar-riżultati tagħhom.

2.   Il-pakkett finanzjarju għall-Fond jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tkun żgurata t-transizzjoni bejn il-Fond u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) 2018/1092 u l-PADR..

3.   Jekk meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 4, biex tkun tista’ ssir il-ġestjoni tal-azzjonijiet li ma jkunux tlestew sa tmiem it-tul taż-żmien tal-Fond.

Artikolu 37

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU C 110, 22.3.2019, p. 75.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-16 ta’ Marzu 2021 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ April 2021 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità, (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1).

(4)  Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76).

(5)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (OJ L 433I , 22.12.2020, p. 11).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta’ Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea) (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).

(7)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(8)  Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni fih u t-tixrid tiegħu u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(9)  Regolament (UE) 2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża bil-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni (ĠU L 200, 7.8.2018, p. 30).

(10)  Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi il-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30).

(11)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(12)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(13)  ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28.

(14)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(15)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(17)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(18)  Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(19)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(20)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(21)  Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).

(22)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat- 13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(23)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(24)  Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skambjata fl-interessi tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 202, 8.7.2011, p. 13).

(25)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’Stati Membri Parteċipanti (ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57).

(26)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE. (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(27)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(28)  Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


ANNESS

INDIKATURI GĦAR-RAPPURTAR DWAR IL-PROGRESS TAL-FOND BIEX JINTLAĦQU L-GĦANIJIET SPEĊIFIĊI TIEGĦU

Għan speċifiku stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2):

Indikatur 1:

parteċipanti

Imkejjel bi:

l-għadd ta’ entitajiet ġuridiċi involuti (sottodiviż skont id-daqs, it-tip u l-pajjiż tal-istabbiliment)

Indikatur 2:

riċerka kollaborattiva

Imkejjel bi:

2.1.

l-għadd u l-valur tal-proġetti ffinanzjati

2.2.

il-kollaborazzjoni transfruntiera: is-sehem ta’ kuntratti mogħtija lil SMEs u mid-caps, bil-valur tal-kuntratti għal kollaborazzjoni transfruntiera

2.3.

is-sehem tar-riċevituri li ma wettqux attivitajiet ta’ riċerka b’applikazzjonijiet tad-difiża qabel it-12 ta’ Mejju 2021.

Indikatur 3

Prodotti ta’ innovazzjoni

Imkejjel bi:

3.1.

l-għadd ta’ privattivi ġodda li joħorġu mill-proġetti appoġġati mill-Fond

3.2.

id-distribuzzjoni aggregata ta’ privattivi fost SMEs, mid-caps u entitajiet ġuridiċi li la huma SMEs u lanqas ma huma mid-caps

3.3.

id-distribuzzjoni aggregata ta’ privattivi għal kull Stat Membru

Għan speċifiku stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2):

Indikatur 4:

żvilupp kollaborattiv tal-kapaċitajiet

Imkejjel bi:

l-għadd u l-valur ta’ azzjonijiet iffinanzjati li jindirizzaw in-nuqqasijiet tal-kapaċità identifikati fis-CDP

Indikatur 5:

appoġġ kontinwu tul iċ-ċiklu sħiħ tar-R&Ż

Imkejjel bi:

il-preżenza fl-isfond tad-drittijiet ta’ propjetà intellettwali jew ir-riżultati ġġenerati f’azzjonijiet appoġġati preċedentement

Indikatur 6

ħolqien ta’ impjiegi/appoġġ

Imkejjel

bi: għadd ta’ impjegati tar-R&Ż tad-difiża appoġġati għal kull Stat Membru


Top