This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021R0691
Regulation (EU) 2021/691 of the European Parliament and of the Council of 28 April 2021 on the European Globalisation Adjustment Fund for Displaced Workers (EGF) and repealing Regulation (EU) No 1309/2013
Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013
Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013
PE/22/2021/INIT
ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48–70
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
3.5.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 153/48 |
REGOLAMENT (UE) 2021/691 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-28 ta’ April 2021
dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, (1)
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, (2)
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),
Billi:
(1) |
Il-prinċipji orizzontali stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fl-Artikoli 9 u 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), inkluż il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5 TUE, iridu jiġu rrispettati fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni, b’kont meħud tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikoli 8 u 10 TFUE, l-Unjoni trid timmira li telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll li tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jimmiraw li jintegraw il-perspettiva tal-ġeneru fl-implimentazzjoni tal-fondi. L-objettivi tal-Fondi tal-Unjoni jenħtieġ li jintlaħqu fil-qafas tal-iżvilupp sostenibbli u tal-objettivi tal-Unjoni li tiġi ppreżervata, imħarsa u mtejba l-kwalità tal-ambjent kif stabbilit fl-Artikolu 11 u l-Artikolu 191(1) TFUE, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. |
(2) |
Fis-17 ta’ Novembru 2017, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (“il-Pilastru”) ġie pproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni bħala rispons għall-isfidi soċjali fl-Ewropa. Filwaqt li jitqiesu r-realtajiet li qed jinbidlu tad-dinja tax-xogħol, huwa neċessarju li l-Unjoni tlesti għall-isfidi tal-globalizzazzjoni u tad-diġitalizzazzjoni attwali u futuri, billi tagħmel it-tkabbir aktar inklużiv u billi ttejjeb il-politiki tal-impjieg u dawk soċjali. L-20 prinċipju ewlieni tal-Pilastru huma strutturati fi tliet kategoriji: opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol; kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti; u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Il-Pilastru jaġixxi bħala qafas ta’ gwida ġenerali għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) stabbilit b’dan ir-Regolament, li jippermetti lill-Unjoni tpoġġi l-prinċipji rilevanti fil-prattika fil-każ ta’ avvenimenti ta’ ristrutturar kbar. |
(3) |
Fl-20 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill approva r-rispons tal-Unjoni għall-“Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU”. Il-Kunsill issottolinja l-importanza tal-kisba tal-iżvilupp sostenibbli fit-tliet dimensjonijiet — ekonomika, soċjali u ambjentali — b’mod bilanċjat u integrat. Huwa vitali li l-iżvilupp sostenibbli jiġi integrat fil-qasam ta’ politika tal-Unjoni u li l-Unjoni tkun ambizzjuża fil-politiki li tuża biex tindirizza l-isfidi globali. Il-Kunsill laqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2016 intitolata “Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli” bħala l-ewwel pass fl-integrazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u fl-applikazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli bħala prinċipju gwida essenzjali għall-politiki kollha tal-Unjoni, inkluż permezz tal-istrumenti ta’ finanzjament tagħha. |
(4) |
Fi Frar 2018, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni intitolata “Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b’mod effiċjenti wara l-2020”. Il-komunikazzjoni tenfasizza li l-baġit tal-Unjoni jappoġġa l-ekonomija soċjali tas-suq unika tal-Ewropa. Huwa importanti ħafna li jitjiebu l-opportunitajiet tal-impjieg u li jiġu indirizzati l-isfidi tal-ħiliet, speċjalment dawk marbutin mad-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni u t-tranżizzjoni lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u sostenibbli, f’konformità sħiħa mal-Ftehim ta’ Pariġi, adottat taħt il-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-‘Ftehim ta’ Pariġi’). Il-flessibbiltà baġitarja ser tkun prinċipju ewlieni fil-qafas finanzjarju pluriennali 2021 sal-2027 (“QFP 2021 sal-2027”) stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (4).. Il-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà ser jinżammu sabiex jippermettu lill-Unjoni tirreaġixxi b’mod aktar f’waqtu u sabiex jiżguraw li r-riżorsi baġitarji jintużaw fejn ikun hemm l-aktar bżonn urġenti. |
(5) |
Fil-“White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa” tal-1 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni tesprimi tħassib dwar il-movimenti iżolazzjonisti u dubji li qed ikomplu jikbru dwar il-benefiċċji tal-kummerċ miftuħ u l-ekonomija soċjali tas-suq tal-Unjoni b’mod ġenerali. |
(6) |
Fid-“Dokument ta’ riflessjoni dwar l-immaniġġar tal-globalizzazzjoni” tal-10 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni tidentifika t-taħlita ta’ bejn il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ flimkien mal-bidla teknoloġika bħala l-ixprunatur ewlieni għaż-żieda fid-domanda għal ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati u t-tnaqqis fl-għadd ta’ impjiegi li jeħtieġu livell aktar baxx ta’ kwalifiki. Filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-vantaġġi ta’ kummerċ aktar miftuħ, Il-Kummissjoni tikkunsidra li huma meħtieġa mezzi adatti biex jiġu indirizzati l-effetti negattivi relatati. Peress li l-benefiċċji attwali tal-globalizzazzjoni diġà mhumiex imqassma b’mod ugwali fost in-nies u r-reġjuni, fatt li jikkawża impatt sinifikanti fuq dawk li huma affettwati ħażin, hemm il-periklu li l-bidliet teknoloġiċi u ambjentali jkomplu jħeġġu aktar dawk l-effetti. Għalhekk, f’konformità mal-prinċipji tas-solidarjetà u tas-sostenibbiltà, ser ikun meħtieġ li jiġi żgurat li l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni jiġu kondiviżi b’mod aktar ġust billi t-tkabbir ekonomiku u l-avvanz teknoloġiku jiġu rrikonċiljati ma’ protezzjoni soċjali adegwata u appoġġ attiv biex jingħata aċċess għall-impjieg u għal opportunitajiet ta’ impjieg indipendenti. |
(7) |
Fid-“Dokument ta’ riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE” tat-28 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni tissottolinja l-ħtieġa li jitnaqqsu d-diverġenzi ekonomiċi u soċjali fl-Istati Membri u bejniethom u tikkunsidra li, għalhekk, prijorità ewlenija hija li jsir investiment fl-iżvilupp sostenibbli, fl-ugwaljanza, fl-inklużjoni soċjali, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ kif ukoll fis-saħħa. |
(8) |
Il-globalizzazzjoni, il-bidla teknoloġika u t-tibdil fil-klima x’aktarx li ser ikomplu jżidu l-interkonnettività u l-interdipendenza tal-ekonomiji dinjija. Ir-riallokazzjoni tal-ħaddiema hija parti integrali u inevitabbli ta’ tali bidla. Biex il-benefiċċji tal-bidla jitqassmu b’mod ġust, l-għoti ta’ assistenza lil ħaddiema ssensjati u lil dawk mhedda b’sensja huwa ta’ importanza kbira. L-istrumenti prinċipali tal-Unjoni li jassistu lill-ħaddiema affettwati huma l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), li ser jiġi stabbilit b’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li huwa mfassal biex joffri assistenza b’mod antiċipatorju, u l-FEG, li huwa mfassal biex joffri assistenza b’mod reattiv fil-każ ta’ avvenimenti ta’ ristrutturar kbar. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Qafas tal-Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar” tat-13 ta’ Diċembru 2013, huwa l-istrument ta’ politika tal-Unjoni li jistabbilixxi l-qafas tal-aħjar prattiki biex jiġi antiċipat u indirizzat ir-ristrutturar korporattiv. Dan joffri qafas komprensiv dwar kif l-isfidi ta’ aġġustament ekonomiku u ta’ ristrutturar u l-impatt soċjali u fuq l-impjieg tagħhom iridu jiġu indirizzati b’mezzi ta’ politika adegwati. Huwa jappella wkoll biex l-Istati Membri jużaw il-finanzjament tal-Unjoni u dak nazzjonali b’mod li jiżgura li l-impatt soċjali tar-ristrutturar, speċjalment l-effetti negattivi fuq l-impjieg, ikunu jistgħu jittaffew b’mod aktar effettiv. |
(9) |
Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li ġie stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għall-QFP2007 sal-2013 (“il-Fond”), twaqqaf biex l-Unjoni tkun tista’ turi solidarjetà mal-ħaddiema li kienu tilfu l-impjiegi tagħhom b’riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni. |
(10) |
Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 ġie estiż bir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) bħala parti mill-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku, stabbilit mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Novembru 2008, sabiex jinkludi l-ħaddiema li kienu tilfu l-impjiegi tagħhom bħala konsegwenza diretta tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. |
(11) |
Għat-tul tal-QFP 2014 sal- 2020, ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), estenda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond biex ikopri s-sensji li jirriżultaw mhux biss minn taqlib ekonomiku serju kkawżat minn kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009, iżda wkoll dawk minn kwalunkwe kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (ir-‘Regolament Finanzjarju’) emenda r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 biex jintroduċi, fost l-oħrajn, regoli li jippermettu lill-Fond biex, eċċezzjonalment, ikopri applikazzjonijiet kollettivi li jinvolvu intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) li jinsabu f’reġjun wieħed li joperaw f’setturi ekonomiċi differenti definiti fil-livell tad-diviżjoni NACE Reviżjoni 2, fejn l-Istat Membru applikant juri li l-SMEs huma t-tip ewlieni ta’ negozju f’dak ir-reġjun, jew l-uniku wieħed fih. |
(12) |
Bħala reazzjoni għall-ħruġ possibbli tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim dwar il-ħruġ, ir-Regolament (UE) 2019/1796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) emenda r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 biex jiġi speċifikat li s-sensji li jirriżultaw minn tali ħruġ ikunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond. Minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit bi ftehim dwar il-ħruġ, dak ir-Regolament ma applikax. |
(13) |
Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ta’ nofs il-terminu tal-Fond biex tivvaluta kif u kemm il-Fond laħaq l-objettivi tiegħu. Il-Fond wera li huwa effettiv, billi laħaq rata ta’ reintegrazzjoni tal-ħaddiema ssensjati ogħla minn dik fil-perjodu ta’ programmar preċedenti. L-evalwazzjoni uriet ukoll li l-Fond iġġenera valur miżjud tal-Unjoni. Dan huwa partikolarment minnu f’termini tal-effetti tal-volum tiegħu, li jfisser li l-assistenza mill-Fond mhux biss iżżid l-għadd u l-varjetà ta’ servizzi offruti, iżda wkoll il-livell ta’ intensità ta’ dawk is-servizzi. Barra minn hekk, l-interventi tal-Fond kellhom viżibbiltà għolja u wrew il-valur miżjud tal-Unjoni direttament lill-pubbliku. Madankollu, ġew identifikati diversi sfidi. Il-proċedura tal-mobilizzazzjoni ġiet meqjusa bħala twila wisq. Barra minn hekk, bosta Stati Membri rrapportaw problemi biex jiġbru l-analiżi estensiva tal-kuntest li fih seħħ l-avveniment li wassal għas-sensji. Ir-raġuni prinċipali għaliex l-Istati Membri kienu skuraġġuti milli japplikaw għal appoġġ mill-Fond kienu problemi finanzjarji u ta’ kapaċità istituzzjonali. Dan jista’ jkun sempliċement dovut għal nuqqas ta’ persunal: bħalissa, l-Istati Membri jistgħu jitolbu għal assistenza teknika biss malli dawn jimplimentaw l-appoġġ mill-Fond. Billi s-sensji jistgħu jseħħu għall-għarrieda, huwa importanti li jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu lesti biex jirreaġixxu minnufih u jkunu jistgħu jippreżentaw applikazzjoni mingħajr dewmien. Barra minn hekk, f’ċerti Stati Membri, jidher li huma meħtieġa sforzi iktar profondi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-każijiet tal-FEG. Barra minn hekk, il-limitu ta’ 500 sensja ġie kkritikat bħala li huwa għoli wisq, speċjalment f’reġjuni inqas popolati. |
(14) |
L-irwol tal-FEG għadu importanti bħala fond flessibbli li jappoġġa lill-ħaddiema li jitilfu l-impjiegi tagħhom f’avvenimenti ta’ ristrutturar fuq skala kbira u li jgħinhom biex isibu impjiegi oħra kemm jista’ jkun malajr. Jenħtieġ li l-Unjoni tkompli tipprovdi appoġġ speċifiku u ta’ darba biex il-ħaddiema ssensjati f’oqsma, setturi, territorji jew swieq tax-xogħol li jkunu qed ibatu minn xokk ta’ taqlib ekonomiku serju jiġu megħjuna jintegraw mill-ġdid f’impjieg deċenti u sostenibbli. Meta jitqiesu l-interazzjoni u l-effetti reċiproċi tal-kummerċ miftuħ u l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji bħal skossi ekonomiċi asimetriċi, il-bidla teknoloġika, id-diġitizzazzjoni, tibdil sinifikanti fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni jew fil-kompożizzjoni tas-suq intern, kif ukoll fatturi oħra inkluż it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, u meta jitqies il-fatt li qed isir dejjem aktar diffiċli biex jiġi individwat fattur speċifiku li jikkawża s-sensji, jenħtieġ li l-mobilizzazzjoni tal-FEG tkun ibbażata biss fuq l-impatt sinifikanti ta’ avveniment ta’ ristrutturar. Fid-dawl tal-għan tal-FEG, li huwa li jipprovdi appoġġ f’emerġenzi, filwaqt li jikkomplementa l-assistenza aktar antiċipatorja offruta mill-FSE+, jenħtieġ li l-FEG jibqa’ strument flessibbli u speċjali barra mil-limiti massimi baġitarji tal-QFP, kif stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Baġit modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi - Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027” tat-2 ta’ Mejju 2018 u l-Anness tiegħu. |
(15) |
Sabiex tinżamm in-natura tal-FEG, jenħtieġ li applikazzjoni għal appoġġ tiskatta meta avveniment ta’ ristrutturar kbir ikollu impatt sinifikanti fuq l-ekonomija lokali jew reġjonali. Tali impatt jenħtieġ li jiġi determinat b’referenza għal għadd minimu ta’ sensji f’perjodu ta’ referenza speċifiku. Filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, jenħtieġ li l-limitu massimu jiġi stabbilit għal 200 sensja fi żmien perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur (jew sitt xhur f’każijiet settorjali). B’kont meħud tal-fatt li mewġ ta’ sensji f’setturi differenti fl-istess reġjun xorta waħda għandhom impatt sinifikanti fuq is-suq tax-xogħol lokali, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li jsiru applikazzjonijiet reġjonali. Fi swieq tax-xogħol żgħar, bħal fi Stati Membri żgħar jew reġjuni remoti, inkluż ir-reġjuni ultraperiferiċi kif imsemmija fl-Artikolu 349 TFUE, jew f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jenħtieġ li jkun possibbli li l-applikazzjonijiet jiġu ppreżentati f’każijiet b’għadd inqas ta’ sensji. B’mod ġenerali, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jippreżentawx l-applikazzjonijiet tagħhom għal assistenza mill-FEG aktar tard minn 12-il ġimgħa wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza. Barra minn hekk, sabiex ma jkunx hemm diskrepanza fil-finanzjament dovut għall-fatt li dan ir-Regolament ser jidħol fis-seħħ wara l-1 ta’ Jannar 2021, u sabiex ikun hemm ċertezza legali, jenħtieġ li dak il-limitu taż-żmien jiġi sospiż bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
(16) |
Il-FEG, bħala fond imfassal għal avvenimenti ta’ ristrutturar kbar, jenħtieġ li ma jiġix mobilizzat f’każijiet ta’ sensji fis-settur pubbliku li jkunu l-konsegwenza ta’ tnaqqis baġitarju. Madankollu, jenħtieġ li l-FEG ikun jista’ jappoġġa ħaddiema ssensjati minn intrapriżi attivi f’suq kompetittiv, li jipprovdu merkanzija jew servizzi lil entitajiet iffinanzjati pubblikament affettwati minn tnaqqis baġitarju. Il-FEG jenħtieġ li jkun jista’ jappoġġa wkoll lil persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet bħala riżultat ta’ tnaqqis baġitarju. |
(17) |
Sabiex tintwera s-solidarjetà tal-Unjoni lejn persuni qiegħda, jenħtieġ li r-rata ta’ kofinanzjament tal-FEG, bħala fond reattiv, tiġi allinjata mal-ogħla rata ta’ kofinanzjament tal-FSE+, bħala fond proattiv, fl-Istat Membru kkonċernat, iżda fi kwalunkwe każ jenħtieġ li ma tkunx inqas minn 60 %. |
(18) |
Jenħtieġ li parti mill-baġit tal-Unjoni allokata għall-FEG tiġi implimentata mill-Kummissjoni permezz ta’ ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri fis-sens tar-‘Regolament Finanzjarju. Għaldaqstant, meta jimplimentaw il-FEG b’ġestjoni kondiviża, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipji msemmija fir-Regolament Finanzjarju, bħall-ġestjoni finanzjarja tajba, it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni. |
(19) |
Iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Bidla, li huwa bbażat fil-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol f’Dublin, jgħin lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b’analiżi kwalitattivi u kwantitattivi sabiex jgħin fil-valutazzjoni tat-tendenzi tal-globalizzazzjoni, it-tibdil teknoloġiku u ambjentali, ir-ristrutturar u l-użu tal-FEG. L-Osservatorju Ewropew tar-Ristrutturar, aġġornat ta’ kuljum, isegwi r-rapportar ta’ avvenimenti ta’ ristrutturar fuq skala kbira madwar l-Unjoni, abbażi ta’ network ta’ korrispondenti nazzjonali. Jista’ jgħin biex jiġu identifikati każijiet potenzjali għal intervent fi stadju bikri. |
(20) |
Jenħtieġ li l-ħaddiema ssensjati u l-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet ikollhom aċċess ugwali għall-FEG, indipendentement minn xi jkun it-tip ta’ kuntratt ta’ impjieg jew ir-relazzjoni tagħhom. Għalhekk, il-ħaddiema ssensjati u l-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet jenħtieġ li jitqiesu bħala benefiċjarji tal-FEG possibbli għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. |
(21) |
Jenħtieġ li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG jkunu primarjament diretti lejn miżuri ta’ politika attivi tas-suq tax-xogħol u servizzi personalizzati li jimmiraw lejn ir-riintegrazzjoni rapida tal-benefiċjarji f’impjieg deċenti u sostenibbli fi ħdan jew barra s-settur tal-attività inizjali tagħhom, filwaqt li jħejjuhom għal ekonomija Ewropea aktar ekoloġika u aktar diġitali. Jenħtieġ li l-appoġġ jipprova ukoll jippromwovi l-impjieg indipendenti u l-ħolqien tal-intrapriżi, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ kooperattivi. Jenħtieġ li l-miżuri jirriflettu l-ħtiġijiet prospettivi tas-suq tax-xogħol lokali jew reġjonali. Madankollu, fejn rilevanti, jenħtieġ li tkun appoġġata wkoll il-mobilità tal-ħaddiema ssensjati sabiex jingħataw għajnuna biex isibu impjieg ġdid x’imkien ieħor. Jenħtieġ li ssir enfasi partikolari fuq id-disseminazzjoni tal-ħiliet meħtieġa fl-era diġitali u fuq il-ġlieda kontra l-istereotipi tal-ġeneru fl-impjieg, fejn ikun il-każ. Jenħtieġ li l-inklużjoni ta’ allowances fi flus f’pakketti ikkoordinati ta’ servizzi personalizzati tiġi ristretta. Jenħtieġ li l-miżuri appoġġati mill-FEG ma jissostitwixxux miżuri ta’ protezzjoni soċjali passivi. L-impjegaturi jistgħu jiġu mħeġġa jipparteċipaw fil-kofinanzjament nazzjonali għall-miżuri appoġġati mill-FEG, flimkien mal-miżuri li huma meħtieġa li jipprovdu bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi. |
(22) |
Jenħtieġ li fl-implimentazzjoni u t-tfassil ta’ pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati, li jkollu l-għan li jiffaċilita r-riintegrazzjoni tal-benefiċjarji speċifikati, l-Istati Membri jindirizzaw l-objettivi tal-Aġenda Diġitali u l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lid-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi fis-setturi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) u x-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) billi jiġi promoss it-taħriġ mill-ġdid u l-kwalifikazzjoni mill-ġdid tan-nisa f’dawk is-setturi. Jenħtieġ li fl-implimentazzjoni u t-tfassil ta’ pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati, l-Istati Membri jimmiraw li jżidu r-rappreżentanza tal-ġeneru inqas rappreżentat, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi u l-pensjonijiet. |
(23) |
Meta jitqies li t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija tirrikjedi ċertu livell ta’ kompetenza diġitali tal-forza tax-xogħol, jenħtieġ li t-tixrid tal-ħiliet meħtieġa fl-era diġitali jitqies bħala element orizzontali ta’ kwalunkwe pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati offruti. |
(24) |
Jenħtieġ li fit-tfassil tal-politika attiva tas-suq tax-xogħol, l-Istati Membri jiffavorixxu miżuri li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-impjegabbiltà tal-benefiċjarji. Jenħtieġ li l-Istati Membri jħabirku biex l-akbar għadd possibbli ta’ benefiċjarji li jkunu qed jieħdu sehem f’dawn il-miżuri jiġu riintegrati f’impjieg sostenibbli kemm jista’ jkun malajr fi żmien sitt xhur minn tmiem il-perjodu ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li, fejn ikun rilevanti, it-tfassil tal-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati jqis ir-raġunijiet għas-sensji u jantiċipa l-perspettivi futuri dwar is-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa. Jenħtieġ li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati ikun kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u sostenibbli. |
(25) |
Jenħtieġ li fit-tfassil tal-miżuri ta’ politika attivi tas-suq tax-xogħol, l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-benefiċjarji żvantaġġati, inkluż il-persuni b’diżabilità, il-persuni li għandhom qraba dipendenti, il-persuni qiegħda li jkunu iżgħar fl-età u dawk li huma akbar fl-età, il-persuni b’livell baxx ta’ kwalifiki, il-persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni kif ukoll il-persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar, peress li dawk il-gruppi jesperjenzaw problemi partikolari biex jidħlu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. Madankollu, peress li l-prinċipji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tan-nondiskriminazzjoni, li huma fost il-valuri ewlenin tal-Unjoni u jinsabu minquxa fil-Pilastru, jenħtieġ li fl-implimentazzjoni tal-FEG dawn jiġu rispettati u promossi. |
(26) |
Sabiex jappoġġaw lill-benefiċjarji b’mod effettiv u rapidu, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom kollha biex jippreżentaw applikazzjonijiet kompluti meta japplikaw għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG. Meta l-Kummissjoni tirrikjedi aktar informazzjoni għall-valutazzjoni ta’ applikazzjoni, jenħtieġ li tali informazzjoni tkun soġġetta għal skadenza. Jenħtieġ li kemm l-Istati Membri kif ukoll l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jimmiraw li jipproċessaw l-applikazzjonijiet malajr kemm jista’ jkun. |
(27) |
Jenħtieġ li, fl-interessi tal-benefiċjarji u tal-korpi responsabbli mill-implimentazzjoni tal-miżuri, l-Istat Membru applikant iżomm lill-atturi kollha involuti fil-proċedura tal-applikazzjoni infurmati bil-progress tal-applikazzjoni u jenħtieġ li jinvolvihom kull meta jkun possibbli matul l-implimentazzjoni tal-miżuri. |
(28) |
F’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, jenħtieġ li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG ma jissostitwixxux il-miżuri ta’ appoġġ li huma disponibbli għall-benefiċjarji fi ħdan il-fondi tal-Unjoni jew fil-politiki jew il-programmi l-oħra tal-Unjoni, iżda, fejn ikun possibbli, jenħtieġ li jikkumplimentaw tali miżuri. |
(29) |
Jenħtieġ li jiġu inklużi dispożizzjonijiet speċjali għal azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni dwar il-każijiet tal-FEG u l-eżiti tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati tal-FEG iqajmu kuxjenza dwar il-kisbiet tal-finanzjament tal-Unjoni billi jżommu lill-pubbliku infurmat. It-trasparenza u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni huma essenzjali biex l-azzjoni tal-Unjoni tkun viżibbli fuq il-post u jenħtieġ li jkunu bbażati fuq informazzjoni preċiża u aġġornata. Bil-għan li jiġi promoss il-FEG u jintwera l-valur miżjud tiegħu bħala parti mill-baġit tal-Unjoni, jenħtieġ li, fuq talba, il-materjal ta’ komunikazzjoni u viżibbiltà żviluppat mill-Istati Membri jkun disponibbli għall-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tingħatalha liċenzja mingħajr dritt dovut għall-użu ta’ proprjetà, mhux esklużiva u irrevokabbli għall-użu ta’ dan il-materjal u għal kwalunkwe dritt preeżistenti marbut miegħu. |
(30) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li n-nefqa tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG jew mid-data li fiha Stat Membru jibda jipprovdi servizzi personalizzati jew mid-data li fiha Stat Membru jġarrab nefqa amministrattiva fl-implimentazzjoni tal-FEG. |
(31) |
Sabiex jiġu koperti ħtiġijiet li jinqalgħu, speċjalment matul l-ewwel xhur ta’ kull sena, meta l-possibilitajiet għal trasferimenti minn linji baġitarji oħra jkunu partikolarment diffiċli, jenħtieġ li jkun disponibbli ammont adegwat ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament fil-linja baġitarja tal-FEG fil-proċedura baġitarja annwali. |
(32) |
Il-QFP 2021-2027 u l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda. (10) jiddeterminaw il-qafas baġitarju tal-FEG. |
(33) |
Fl-interessi tal-benefiċjarji, jenħtieġ li l-assistenza ssir disponibbli kemm jista’ jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti. Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-FEG jagħmlu ħilithom kollha biex jitnaqqas iż-żmien tal-ipproċessar u biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri sabiex tiġi żgurata l-adozzjoni rapida u bla xkiel tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG. |
(34) |
L-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-appoġġ għall-SMEs huma essenzjali biex jiġu żgurati t-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u l-integrazzjoni soċjali. L-Unjoni tippromwovi b’mod attiv l-intraprenditorija billi tħeġġeġ lin-nies jibdew in-negozju tagħhom stess. Fil-każ ta’ avvenimenti ta’ ristrutturar kbar, jenħtieġ li jkun possibbli li l-ħaddiema ssensjati jiġu megħjuna jniedu n-negozju tagħhom stess. Fil-każ li intrapriża tagħlaq, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-ħaddiema ssensjati jieħdu f’idejhom xi wħud mill-attivitajiet jew l-attivitajiet kollha tal-impjegatur preċedenti. |
(35) |
Għal finijiet ta’ trasparenza u informazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżvelaw fir-rapporti finali d-dettalji ta’ kwalunkwe għajnuna mill-Istat jew finanzjament tal-Unjoni li l-intrapriża li tkun tat is-sensji lill-ħaddiema tkun irċeviet fil-ħames snin ta’ qabel ir-rapport. Madankollu, jenħtieġ li dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-mikrointrapriżi jew l-SMEs, b’mod partikolari negozji ġodda u negozji li qed jespandu, sabiex jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv sproporzjonat fuq l-Istati Membri, b’mod partikolari fil-każ ta’ applikazzjonijiet tal-FEG settorjali li jinvolvu aktar minn mikrointrapriża jew SME waħda. |
(36) |
Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 għat-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (11), jenħtieġ li l-FEG jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura skont rekwiżiti ta’ monitoraġġ speċifiċi, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri, u regolamentazzjoni żejda. Fejn xieraq, dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-FEG fuq il-post. |
(37) |
Sabiex il-Parlament Ewropew ikun jista’ jwettaq skrutinju politiku u l-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja b’mod kontinwu r-riżultati miksuba bl-assistenza tal-FEG, jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jippreżentaw rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-FEG. |
(38) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-evalwazzjonijiet billi jipprovdu d-data rilevanti għad-dispożizzjoni tagħhom. |
(39) |
Sabiex jiġu ffaċilitati evalwazzjonijiet futuri, jenħtieġ li jitwettaq stħarriġ dwar il-benefiċjarji wara l-implimentazzjoni ta’ kull kontribuzzjoni futura mill-FEG. Jenħtieġ li l-istħarriġ dwar il-benefiċjarji jinfetaħ għall-parteċipanti għal mill-inqas erba’ ġimgħat u jenħtieġ li jitnieda matul is-sitt xahar wara t-tmiem tal-perjodu ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jassistu lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-istħarriġ dwar il-benefiċjarji, filwaqt li jħeġġu lill-benefiċjarji jipparteċipaw billi jibagħtu l-istedina biex jieħdu sehem u tal-anqas tfakkira waħda. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-isforzi li jkunu għamlu biex jikkuntattjaw lill-benefiċjarji. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża d-data miġbura għall-finijiet ta’ evalwazzjoni. Biex tiżgura l-komparabbiltà bejn il-każijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni tfassal il-mudell tal-istħarriġ dwar il-benefiċjarji f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u jenħtieġ li tipprovdi traduzzjoni bil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
(40) |
F’konformità mal-objettiv tal-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, jenħtieġ li l-analiżi u r-rapporti relatati mal-FEG jinkludu informazzjoni diżaggregata skont il-ġeneru. |
(41) |
Jenħtieġ li tiġi stabbilita lista ta’ indikaturi f’anness għal dan ir-Regolament għall-fini tal-monitoraġġ tal-użu tal-FEG u, b’mod partikolari, tal-progress lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta leġiżlattiva biex temenda dawk l-indikaturi. |
(42) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu responsabbli mill-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja u mill-ġestjoni u l-kontroll tal-azzjonijiet appoġġati mill-finanzjament tal-Unjoni, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-‘Regolament Finanzjarju. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġġustifikaw l-użu li jkun sar mill-kontribuzzjoni finanzjarja li jkunu rċevew mill-FEG. Minħabba l-perjodu ta’ implimentazzjoni qasir għall-interventi tal-FEG, jenħtieġ li l-obbligi ta’ rapportar jirriflettu n-natura partikolari ta’ dawk l-interventi. |
(43) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevjenu, isibu u jindirizzaw b’mod effettiv kwalunkwe irregolarità, inkluż frodi, imwettqa mill-benefiċjarji. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (13) u (Euratom, KE) Nru 2185/96 (14), l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (15), li jinvestiga u jressaq għal prosekuzzjoni reati kriminali li jaffetwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar is-sejba ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, u dwar kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu li jkunu ħadu fir-rigward ta’ tali irregolaritajiet, kif ukoll fir-rigward ta’ kwalunkwe investigazzjoni tal-OLAF. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni, mal-OLAF, mal-Qorti tal-Awdituri u, fejn applikabbli, mal-UPPE, f’konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Finanzjarju dwar il-kwistjonijiet kollha relatati ma’ frodi suspettata jew stabbilita. |
(44) |
Biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel disponibbli sistema integrata u interoperabbli ta’ informazzjoni u monitoraġġ li tkun tinkludi għodda unika għall-estrazzjoni ta’ data u l-valutazzjoni tar-riskju biex jingħata aċċess għad-data rilevanti u biex din tiġi analizzata, u jenħtieġ li l-Kummissjoni tħeġġeġ l-użu tagħha bil-ħsieb ta’ applikazzjoni ġeneralizzata mill-Istati Membri. |
(45) |
Ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta’ esperti esterni. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni. |
(46) |
Minħabba l-importanza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima f’konformità mal-impenji tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi, u l-impenn għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, jenħtieġ li l-azzjonijiet taħt dan ir-Regolament jikkontribwixxu għall-kisba ta’ mira ta’ 30 % tan-nefqa baġitarja tal-Unjoni li tappoġġa l-objettivi klimatiċi u l-ambizzjoni ta’ 7,5 % tal-baġit tal-Unjoni li tirrifletti l-infiq relatat mal-bijodiversità fl-2024 u 10 % fl-2026 u l-2027, filwaqt li jitqiesu s-sovrapożizzjonijiet eżistenti bejn l-għanijiet klimatiċi u dawk relatati mal-bijodiversità. |
(47) |
Sabiex l-użu tal-FEG ikun jista’ jiġi mmonitorjat aħjar, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex dan ir-Regolament jiġi ssupplimentat bl-istabbiliment tal-kriterji għad-determinazzjoni tal-każijiet ta’ irregolarità li jiġu rrapportati u d-data li tiġi pprovduta mill-Istati Membri għall-fini tal-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi u l-irkupru ta’ ammonti mħallsa bi żball flimkien mal-imgħax fuq pagamenti tard. Huwa partikolarment importanti li matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. |
(48) |
Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tat-twettiq tal-istħarriġ tal-benefiċjarji u l-format għar-rappurtar ta’ irregolaritajiet, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17). |
(49) |
Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet. |
(50) |
Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fil-qasam ta’ politika rilevanti u biex l-implimentazzjoni tkun tista’ ssir mill-bidu tal-QFF 2021 sal-2027, jeħtieġ li tkun prevista l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-bidu tas-sena finanzjarja 2021. Madankollu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tibda l-proċedura baġitarja biss mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
(51) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 jitħassar, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għall-perjodu tal-QFF 2021 sal-2027.
Huwa jistabbilixxi l-objettivi tal-FEG, il-forom tal-finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta’ tali finanzjament, inkluż l-applikazzjonijiet mill-Istati Membri għal kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG għal miżuri mmirati lejn il-benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 6.
2. F’konformità mal-Artikolu 4, il-FEG għandu joffri appoġġ lill-ħaddiema ssensjati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet waqt avvenimenti ta’ ristrutturar kbar.
Artikolu 2
Missjoni u objettivi
1. Il-FEG għandu jappoġġa trasformazzjonijiet soċjoekonomiċi li huma r-riżultat tal-globalizzazzjoni u tal-bidliet teknoloġiċi u ambjentali billi jgħin lill-ħaddiema ssensjati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet biex jadattaw għall-bidla strutturali. Il-FEG għandu jikkostitwixxi fond ta’ emerġenza li jopera b’mod reattiv. Bħala tali, il-FEG għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u għandu jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali u ekonomika fost ir-reġjuni u l-Istati Membri.
2. L-objettivi tal-FEG huma li tintwera solidarjetà u jiġi promoss l-impjieg deċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi joffri assistenza f’każ ta’ avvenimenti ta’ ristrutturar kbar, b’mod partikolari dawk ikkawżati minn sfidi relatati mal-globalizzazzjoni, bħal bidliet fix-xejriet tal-kummerċ globali, tilwim kummerċjali, tibdil sinifikanti fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni jew fil-kompożizzjoni tas-suq intern u kriżijiet finanzjarji jew ekonomiċi, kif ukoll it-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, jew bħala konsegwenza tad-diġitizzazzjoni jew l-awtomatizzazzjoni. Il-FEG għandu jappoġġa lill-benefiċjarji biex jerġgħu lura kemm jista’ jkun malajr għal impjieg deċenti u sostenibbli. Għandu jsir enfasi partikolari fuq miżuri li jgħinu lill-aktar gruppi żvantaġġati.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“ħaddiem issensjat” tfisser ħaddiem, irrispettivament mit-tip jew it-tul tar-relazzjoni tal-impjieg tiegħu, li l-kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg tiegħu tiġi mitmuma qabel iż-żmien minħabba l-għoti tas-sensja, jew li l-kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg tiegħu ma jiġġeddidx, għal raġunijiet ekonomiċi; |
(2) |
“persuna li taħdem għal rasha” tfisser persuna fiżika li timpjega anqas minn għaxar ħaddiema; |
(3) |
“benefiċjarju” tfisser persuna fiżika li tieħu sehem f’miżuri kofinanzjati mill-FEG; |
(4) |
“irregolarità” tfisser ksur tal-liġi applikabbli, li jirriżulta minn att jew omissjoni minn operatur ekonomiku involut fl-implimentazzjoni tal-FEG, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit tal-Unjoni billi jimponi infiq mhux ġustifikat fuq dak il-baġit; |
(5) |
“perjodu ta’ implimentazzjoni” tfisser il-perjodu li jibda fid-dati msemmija fil-punt (j) tal-Artikolu 8(7) u jispiċċa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja skont l-Artikolu 15(2). |
Artikolu 4
Kriterji ta’ intervent
1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw għal kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG għal miżuri mmirati lejn ħaddiema ssensjati u persuni li jaħdmu għal rashom f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Fil-każ ta’ avvenimenti ta’ ristrutturar kbar, għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG meta tapplika waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:
(a) |
il-waqfien tal-attività ta’ mill-inqas 200 ħaddiem issensjat jew persuna li taħdem għal rasha, matul perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur, f’intrapriża fi Stat Membru, inkluż fejn dak il-waqfien tal-attività japplika għall-fornituri jew il-produtturi downstream tagħha; |
(b) |
il-waqfien tal-attività ta’ mill-inqas 200 ħaddiem issensjat jew persuna li taħdem għal rasha, fuq perjodu ta’ referenza ta’ sitt xhur, b’mod partikolari fl-SMEs, fejn kollha joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fil-livell tad-diviżjoni NACE Reviżjoni 2 u li jinsabu f’reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2 jew f’aktar minn żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2 dment li jkun hemm mill-inqas 200 ħaddiem jew persuna li taħdem għal rasha affettwati fi tnejn mir-reġjuni kkombinati; |
(c) |
il-waqfien tal-attività ta’ mill-inqas 200 ħaddiem issensjat jew persuna li taħdem għal rasha, fuq perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur, b’mod partikolari l-SMEs, fejn joperaw kollha fl-istess settur ekonomiku jew f’setturi ekonomiċi differenti definiti fil-livell tad-diviżjoni NACE Reviżjoni 2 u li jinsabu fl-istess reġjun definit fil-livell NUTS 2. |
3. Fi swieq tax-xogħol żgħar, b’mod partikolari fir-rigward ta’ applikazzjonijiet li jinvolvu l-SMEs, fejn tkun debitament motivata mill-Istat Membru applikant, applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan l-Artikolu għandha titqies ammissibbli anki jekk il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2 ma jkunux jiġu ssodisfati kompletament, dment li s-sensji jkollhom impatt serju fuq l-impjieg u fuq l-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali. F’każijiet bħal dawn, l-Istat Membru applikant għandu jispeċifika liema mill-kriterji ta’ intervent stabbiliti fil-paragrafu 2 ma jkunux ġew issodisfati kompletament.
4. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-paragrafu 3 għandu japplika wkoll għal swieq tax-xogħol li mhumiex swieq tax-xogħol żgħar. L-ammont aggregat tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji f’dawn il-każijiet ma għandux jaqbeż il-15 % tal-limitu massimu annwali tal-FEG.
5. Il-FEG m’għandux jiġi mobilizzat meta impjegati tas-settur pubbliku jingħataw is-sensja bħala riżultat ta’ tnaqqis baġitarju minn Stat Membru.
Artikolu 5
Kalkolu tas-sensji u tal-waqfien ta’ attività
L-Istat Membru applikant għandu jispeċifika l-metodu użat għall-kalkolu tan-numru ta’ ħaddiema ssensjati u persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet għall-fini tal-Artikolu 4 kif ikun f’waħda jew aktar mid-dati li ġejjin:
(a) |
id-data li fiha l-impjegatur jinnotifika bil-miktub lill-awtorità pubblika kompetenti bis-sensji kollettivi pproġettati f’konformità mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE (18); |
(b) |
id-data tan-notifika individwali tal-impjegatur tas-sensja tal-ħaddiem jew tat-tmiem tal-kuntratt jew relazzjoni tax-xogħol tal-ħaddiem; |
(c) |
id-data ta’ meta jintemm de facto jew tal-iskadenza tal-kuntratt jew relazzjoni tax-xogħol; |
(d) |
id-data ta’ tmiem id-delega tal-ħaddiem mal-impriża utenti; |
(e) |
fir-rigward ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, id-data tal-waqfien tal-attivitajiet kif iddeterminat skont il-liġi nazzjonali jew dispożizzjonijiet amministrattivi. |
Fil-każijiet imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru applikant għandu jipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali dwar in-numru reali ta’ sensji li ngħataw f’konformità mal-Artikolu 4, qabel ma titlesta l-valutazzjoni mill-Kummissjoni.
Artikolu 6
Benefiċjarji eliġibbli
L-Istat Membru applikant jista’ jipprovdi lil benefiċjarji eliġibbli b’pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati (“pakkett ikkordinat”) f’konformità mal-Artikolu 7 li jkun ikkofinanzjat mill-FEG. Tali benefiċjarji eliġibbli jistgħu jinkludu:
(a) |
ħaddiema ssensjati u persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet, iddeterminati f’konformità mal-Artikolu 5, fil-perjodi ta’ referenza previsti fl-Artikolu 4(1) sa (4); |
(b) |
ħaddiema ssensjati u persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet, iddeterminata f’konformità mal-Artikolu 5, barra mill-perjodu ta’ referenza previst fl-Artikolu 4, jiġifieri sitt xhur qabel il-bidu tal-perjodu ta’ referenza jew bejn it-tmiem tal-perjodu ta’ referenza u l-aħħar jum qabel id-data meta titlesta l-valutazzjoni mill-Kummissjoni. |
Ħaddiema u persuni li jaħdmu għal rashom kif imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu għandhom jitqiesu benefiċjarji eliġibbli dment li tkun tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-avveniment li jkun skatta s-sensji waqt il-perjodu ta’ referenza.
Artikolu 7
Miżuri eliġibbli
1. Tista’ tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG għal miżuri ta’ politika attivi tas-suq tax-xogħol li jagħmlu parti minn pakkett ikkoordinat, imfassla biex jiffaċilitaw ir-riintegrazzjoni tal-benefiċjarji speċifikati, b’mod partikolari dawk l-aktar żvantaġġati fosthom, f’impjieg jew f’impjieg indipendenti.
2. Minħabba l-importanza tal-ħiliet meħtieġa fl-era industrijali diġitali u f’ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, it-tixrid ta’ tali ħiliet għandu jitqies bħala element orizzontali għat-tfassil ta’ pakketti kkoordinati. Il-ħtieġa u l-livell ta’ taħriġ għandhom jiġu adattati għall-kwalifiki u l-ħiliet ta’ kull benefiċjarju.
Il-pakkett ikkoordinat jista’ jinkludi:
(a) |
taħriġ u taħriġ mill-ġdid imfassal apposta, inkluż fir-rigward tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u ħiliet oħra meħtieġa fl-era diġitali, ċertifikazzjoni tal-għarfien u l-ħiliet miksuba, servizzi ta’ assistenza individwali għat-tfittix ta’ impjieg u, attivitajiet għall-gruppi fil-mira, gwida okkupazzjonali, servizzi ta’ konsulenza, mentoraġġ, għajnuna għar-rikollokament, promozzjoni tal-intraprenditorija, għajnuna għal impjieg indipendenti, ħolqien ta’ negozju, teħid ta’ kontroll mill-impjegati, u attivitajiet ta’ kooperazzjoni; |
(b) |
miżuri speċjali b’limitu ta’ żmien, bħal allowances għat-tfittix ta’ impjieg, inċentivi għar-reklutaġġ tal-impjegaturi, allowances għall-mobbiltà, allowances għall-indukrar tat-tfal, allowances għat-taħriġ, allowances għas-sussistenza, u allowances għall-persuni li jindukraw. |
L-ispejjeż tal-miżuri msemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu ma għandhomx jaqbżu l-35 % tal-ispiża totali tal-pakkett ikkoordinat.
L-investimenti għal impjieg indipendenti, il-ħolqien tan-negozju u t-teħid ta’ kontroll mill-impjegati ma għandhomx jaqbżu l-EUR 22 000 għal kull benefiċjarju.
It-tfassil tal-pakkett ikkoordinat għandu jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa. Il-pakkett ikkoordinat għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u sostenibbli, għandu jiffoka fuq it-tixrid tal-ħiliet meħtieġa fl-era industrijali diġitali, u għandu jqis id-domanda fis-suq tax-xogħol lokali.
3. Il-miżuri li ġejjin ma għandhomx ikunu eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG:
(a) |
miżuri speċjali b’limitu ta’ żmien, kif imsemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, jekk dawk il-miżuri mhumiex kondizzjonali fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji speċifikati f’attivitajiet ta’ tfittix tax-xogħol jew ta’ taħriġ; |
(b) |
miżuri li huma r-responsabbiltà ta’ intrapriżi skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi. |
Il-miżuri appoġġati mill-FEG ma għandhomx jissostitwixxu miżuri passivi tal-protezzjoni soċjali.
4. Il-pakkett ikkoordinat għandu jitfassal f’konsultazzjoni mal-benefiċjarji speċifikati, mar-rappreżentanti tagħhom jew mas-sħab soċjali, kif applikabbli.
5. Fuq inizjattiva tal-Istat Membru applikant, tista’ ssir kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG għall-attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, u ta’ kontroll u rapportar.
Artikolu 8
Applikazzjonijiet
1. L-Istat Membru applikant għandu jippreżenta applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG lill-Kummissjoni fi żmien 12-il ġimgħa mid-data meta jkunu ġew issodisfati l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2), (3) jew (4).
2. Il-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi sospiż bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u t-3 ta’ Mejju 2021.
3. Jekk issir talba mill-Istat Membru applikant, il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida matul il-proċedura ta’ applikazzjoni.
4. Fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, jew, fejn applikabbli, fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol mid-data li fiha l-Kummissjoni jkollha f’idejha traduzzjoni tal-applikazzjoni, tkun liema tkun l-aħħar waħda li tasal, il-Kummissjoni għandha tikkonferma li rċeviet l-applikazzjoni u titlob lill-Istat Membru applikant kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li jkollha bżonn sabiex tivvaluta l-applikazzjoni.
5. Meta l-Kummissjoni titlob informazzjoni addizzjonali, l-Istat Membru għandu jwieġeb fi żmien 15-il jum ta’ xogħol mid-data tat-talba. Il-Kummissjoni għandha testendi dik l-iskadenza b’10 ijiem ta’ xogħol fuq it-talba tal-Istat Membru applikant. Kwalunkwe talba għal estensjoni ta’ din ix-xorta għandha tkun debitament ġustifikata.
6. Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru applikant, il-Kummissjoni għandha tlesti l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kondizzjonijiet biex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja fi żmien 50 jum ta’ xogħol minn meta tasal l-applikazzjoni kompluta jew, fejn applikabbli, it-traduzzjoni tal-applikazzjoni.
Fejn il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tirrispetta dik l-iskadenza, għandha tinforma lill-Istat Membru applikant qabel dik l-iskadenza, filwaqt li tispjega r-raġunijiet għad-dewmien u tistabbilixxi data ġdida għat-tlestija tal-valutazzjoni tagħha. Dik id-data l-ġdida ma għandhiex tkun aktar tard minn 20 jum ta’ xogħol wara l-iskadenza mogħtija fl-ewwel subparagrafu.
7. Applikazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:
(a) |
valutazzjoni tal-għadd ta’ sensji f’konformità mal-Artikolu 5, kif ukoll il-metodu ta’ kalkolu; |
(b) |
fejn l-intrapriża li tat is-sensji kompliet għaddejja bl-attivitajiet tagħha wara s-sensji, il-konferma li tkun irrispettat l-obbligi legali tagħha li jirregolaw dawk l-issensjar u tkun ipprovdiet għall-ħaddiema tagħha skont dawk l-obbligi; |
(c) |
spjegazzjoni dwar kemm ittieħed kont tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u tar-ristrutturar, u kif il-pakkett ikkoordinat jikkomplementa l-azzjonijiet iffinanzjati minn fondi oħrajn tal-Unjoni jew nazzjonali, inkluż informazzjoni dwar miżuri li huma obbligatorji għall-intrapriżi li taw is-sensji kkonċernati skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u informazzjoni dwar l-attivitajiet diġà mwettqa mill-Istati Membri għall-assistenza tal-ħaddiema ssensjati; |
(d) |
deskrizzjoni qasira tal-avvenimenti li wasslu għall-issensjar tal-ħaddiema; |
(e) |
fejn applikabbli, l-identifikazzjoni tal-intrapriżi, il-fornituri jew il-produtturi u s-setturi downstream li taw is-sensji; |
(f) |
tqassim stmat tal-kompożizzjoni tal-benefiċjarji speċifikati skont il-ġeneru, il-grupp ta’ età u l-livell edukattiv, użata fit-tfassil tal-pakkett ikkoordinat; |
(g) |
l-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija u l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali; |
(h) |
deskrizzjoni dettaljata tal-pakkett ikkoordinat u n-nefqa relatata, inkluż, b’mod partikolari, kwalunkwe miżura li tappoġġa inizjattivi ta’ impjiegi għall-benefiċjarji żvantaġġati, żgħażagħ u ta’ età akbar; |
(i) |
il-baġit stmat għal kull wieħed mill-komponenti tal-pakkett ikkoordinat li jappoġġaw il-benefiċjarji speċifikati u għal kwalunkwe attività ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, ta’ kontroll u rapportar; |
(j) |
id-dati li fihom inbdew jew għad iridu jinbdew l-għoti ta’ pakkett ikkoordinat lill-benefiċjarji speċifikati u l-attivitajiet biex jiġi implimentat il-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 7; |
(k) |
il-proċeduri li ġew segwiti biex jiġu kkonsultati l-benefiċjarji speċifikati jew ir-rappreżentanti tagħhom jew is-sħab soċjali kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali jew organizzazzjonijiet rilevanti oħra kif applikabbli; |
(l) |
stqarrija li l-appoġġ mitlub mill-FEG huwa konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat kif ukoll stqarrija li tiddeskrivi r-raġuni għaliex il-pakkett ikkoordinat ma jiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà tal-impjegaturi skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi; |
(m) |
is-sorsi ta’ prefinanzjament nazzjonali jew ta’ kofinanzjament nazzjonali u kofinanzjament ieħor, jekk applikabbli. |
Artikolu 9
Komplementarjetà, konformità u koordinazzjoni
1. Kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma għandhiex tieħu post miżuri li huma r-responsabbiltà tal-impjegaturi skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi.
2. L-appoġġ għall-benefiċjarji speċifikati għandu jikkomplementa l-miżuri tal-Istati Membri fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, inkluż dawk il-miżuri li jirċievu wkoll appoġġ finanzjarju ieħor mill-baġit tal-Unjoni, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u tar-ristrutturar.
3. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG għandha tkun limitata għal dak li huwa neċessarju biex tipprovdi appoġġ ta’ darba, b’mod temporanju, għall-benefiċjarji speċifikati. Il-miżuri appoġġati mill-FEG għandhom ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, inkluż ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
4. F’konformità mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istat Membru applikant għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni tal-assistenza minn appoġġ finanzjarju ieħor mill-baġit tal-Unjoni.
5. L-Istat Membru applikant għandu jiżgura li l-miżuri speċifiċi li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma jirċevux appoġġ finanzjarju ieħor mill-baġit tal-Unjoni.
Artikolu 10
Ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u n-nondiskriminazzjoni
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru jkunu parti integrali mill-istadji kollha tal-perijodu ta’ implimentazzjoni u jiġu promossi matulha.
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa kollha biex jipprevjenu kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, l-identità tal-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali fl-aċċess għall-FEG u matul l-istadji varji tal-perijodu ta’ implimentazzjoni.
Artikolu 11
Assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni
1. Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, perċentwal ta’ mhux aktar minn 0,5 % tal-limitu massimu annwali tal-FEG jista’ jintuża għan-nefqa teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tiegħu, bħal attivitajiet ta’ tħejjija ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditjar u ta’ evalwazzjoni, kif ukoll ġbir ta’ data, inkluż fir-rigward ta’ sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattiva, attivitajiet ta’ komunikazzjoni u dawk li jsaħħu l-viżibbiltà tal-FEG bħala fond jew fir-rigward ta’ proġetti speċifiċi u miżuri oħrajn u ta’ assistenza teknika. Tali miżuri jistgħu jkopru perjodi ta’ programmar futuri u preċedenti.
2. Soġġett għal-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tissottometti talba għal trasferiment tal-approprjazzjonijiet għall-assistenza teknika għal-linji baġitarji rilevanti f’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament Finanzjarju.
3. Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-assistenza teknika fuq inizjattiva tagħha stess taħt ġestjoni diretta jew indiretta f’konformità mal-punti (a) u (c) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju.
Meta l-Kummissjoni timplimenta assistenza teknika taħt ġestjoni indiretta, hija għandha tiżgura proċedura trasparenti għad-deżinjazzjoni tal-parti terza responsabbli għat-twettiq tal-kompiti assenjati lilha skont ir-Regolament Finanzjarju. Għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kif ukoll lill-pubbliku ġenerali dwar is-sottokuntrattur magħżul għal dak il-għan.
4. L-assistenza teknika tal-Kummissjoni għandha tinkludi l-għoti ta’ informazzjoni u gwida għall-Istati Membri dwar l-użu, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-FEG. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll informazzjoni flimkien ma’ gwida ċara lis-sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali dwar l-użu tal-FEG. Il-miżuri ta’ gwida jistgħu jinkludu wkoll il-ħolqien ta’ taskforces f’każijiet ta’ taqlib ekonomiku sever fi Stat Membru.
Artikolu 12
Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità
1. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni u jenfasizzaw il-valur miżjud tal-Unjoni tal-intervent, billi jipprovdu informazzjoni koerenti, effettiva u mmirata lil udjenzi multipli, inkluż informazzjoni mmirata lejn il-benefiċjarji, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, il-media u l-pubbliku.
L-Istati Membri għandhom jużaw l-emblema tal-UE f’konformità mal-Anness IX għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (“ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027”) flimkien mad-dikjarazzjoni sempliċi tal-finanzjament kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea.
2. Il-Kummissjoni għandha żżomm preżenza online u taġġornaha regolarment, li tkun aċċessibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, biex tipprovdi informazzjoni aġġornata dwar il-FEG, gwida dwar il-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, eżempji ta’ miżuri eliġibbli u lista aġġornata regolarment tal-kuntatti tal-Istati Membri kif ukoll informazzjoni dwar applikazzjonijiet aċċettati u miċħuda u dwar ir-rwol tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-proċedura baġitarja.
3. Il-Kummissjoni għandha tippromwovi t-tixrid wiesa’ tal-aħjar prattiki eżistenti u għandha twettaq azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni bil-għan li żżid is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u tal-ħaddiema tal-Unjoni, inkluż persuni li għandhom diffikultajiet biex jaċċessaw l-informazzjoni, dwar il-FEG.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li materjal ta’ komunikazzjoni u ta’ viżibbiltà jkun disponibbli fuq talba lill-Istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji tal-Unjoni u li l-Unjoni tingħata liċenzja mingħajr dritt dovut għall-użu ta’ proprjetà, mhux esklużiva u irrevokabbli biex tuża dan il-materjal u kwalunkwe dritt preeżistenti marbut magħha, biex tippubbliċizza l-FEG jew b’rabta mar-rapportar dwar l-użu tal-baġit tal-Unjoni. Dak l-obbligu ma għandux jeħtieġ li l-Istati Membri jidħlu għal spejjeż addizzjonali sinifikanti jew piżijiet amministrattiv sinifikanti.
Il-liċenzja għandha tagħti lill-Unjoni d-drittijiet stabbiliti fl-Anness I.
4. Ir-riżorsi allokati għall-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni skont dan ir-Regolament għandhom jikkontribwixxu wkoll biex tiġi koperta l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni dment li tali prijoritajiet ikunu relatati mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2.
Artikolu 13
Determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja
1. Abbażi tal-valutazzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikolu 8, b’mod partikolari b’konsiderazzjoni għall-għadd ta’ benefiċjarji speċifikati, il-miżuri proposti u l-istima tal-ispejjeż, il-Kummissjoni għandha tevalwa u tipproponi l-ammont ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, jekk teżisti, li jista’ jsir fil-limiti tar-riżorsi disponibbli. Il-Kummissjoni għandha tlesti l-evalwazzjoni tagħha u tippreżenta l-proposta tagħha sal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 8(6).
2. Ir-rata ta’ kofinanzjament tal-FEG għall-miżuri offruti għandha tkun l-ogħla rata ta’ kofinanzjament tal-FSE+ fl-Istat Membru rilevanti, kif stabbilit fl-Artikolu 112(3) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027 jew 60 %, skont liema tkun l-ogħla.
3. Meta, abbażi tal-valutazzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikolu 8, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kondizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament ikunu ġew issodisfati, għandha tagħti bidu minnufih għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15.
4. Meta, abbażi tal-valutazzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikolu 8, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kondizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament ma jkunux ġew issodisfati, għandha tinnotifika minnufih lill-Istat Membru applikant, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 14
Perjodu ta’ eliġibbiltà
1. In-nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mid-dati stabbiliti fl-applikazzjoni f’konformità mal-punt (j) tal-Artikolu 8(7) li fihom l-Istat Membru kkonċernat jibda, jew huwa mistenni li jibda, jipprovdi pakkett ikkoordinat għall-benefiċjarji speċifikati jew li fihom iġarrab in-nefqa amministrattiva biex jiġi implimentat il-FEG f’konformità mal-Artikolu 7(1) u (5).
2. L-Istat Membru għandu jibda jimplimenta l-miżuri eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 mingħajr dewmien żejjed u għandu jwettaq dawk il-miżuri kemm jista’ jkun malajr, u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja.
3. Fejn benefiċjarju jkollu aċċess għal kors edukattiv jew ta’ taħriġ li jdum tal-inqas sentejn, in-nefqa għal dak il-kors għandha tkun eliġibbli għall-kofinanzjament tal-FEG sad-data li fiha jkun mistenni li joħroġ ir-rapport finali msemmi fl-Artikolu 20(1), dment li n-nefqa rilevanti tkun iġġarrbet qabel dik id-data.
4. In-nefqa skont l-Artikolu 7(5) għandha tkun eliġibbli għall-kofinanzjament tal-FEG sal-iskadenza għall-preżentazzjoni tar-rapport finali f’konformità mal-Artikolu 20(1).
Artikolu 15
Proċedura baġitarja u implimentazzjoni
1. Meta l-Kummissjoni tkun ikkonkludiet li l-kondizzjonijiet biex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ikunu ssodisfati, għandha tippreżenta proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Id-deċiżjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG għandha tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi żmien sitt ġimgħat minn meta tkun saritilhom il-preżentazzjoni tal-proposta mill-Kummissjoni.
Fl-istess waqt li tippreżenta l-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment lejn il-linji baġitarji rilevanti.
It-trasferimenti relatati mal-FEG għandhom isiru f’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament Finanzjarju.
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja, li għandha tidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tiġi nnotifikata bl-approvazzjoni tat-trasferiment baġitarju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.
Dik id-deċiżjoni għandha tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament fis-sens tal-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju.
3. Proposta għal deċiżjoni biex jiġi mobilizzat il-FEG skont il-paragrafu 1 għandha tinkludi dan li ġej:
(a) |
il-valutazzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikolu 8(6), flimkien ma’ sommarju tal-informazzjoni li fuqha tkun ibbażata dik il-valutazzjoni; u |
(b) |
ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-ammonti proposti f’konformità mal-Artikolu 13(1). |
Artikolu 16
Fondi insuffiċjenti
B’deroga mill-iskadenzi stabbiliti fl-Artikoli 8 u 15, f’każijiet eċċezzjonali u dment li l-approprjazzjonijiet ta’ impenn li jifdal disponibbli fil-FEG ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-ammont ta’ assistenza neċessarju skont il-proposta tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ tipposponi l-proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG u t-talba sussegwenti għal trasferiment baġitarju sakemm l-approprjazzjonijiet ta’ impenn ikunu disponibbli fis-sena ta’ wara. Il-limitu baġitarju annwali tal-FEG għandu jiġi rispettat fiċ-ċirkostanzi kollha.
Artikolu 17
Pagament u użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja
1. Il-Kummissjoni għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja lill-Istat Membru kkonċernat f’pagament uniku ta’ prefinanzjament ta’ 100 %, fil-prinċipju fi żmien 15-il ġurnata ta’ xogħol mid-dħul fis-seħħ ta’ deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja f’konformità mal-Artikolu 15(2). Il-prefinanzjament għandu jiġi approvat ladarba l-Istat Membru jissottometti d-dikjarazzjoni ċertifikata tan-nefqa f’konformità mal-Artikolu 20(1). L-ammont li ma ntefaqx għandu jiġi rimborżat lill-Kummissjoni.
2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi implimentata b’ġestjoni kondiviża f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju.
3. It-termini tekniċi dettaljati tal-finanzjament għandhom jiġu determinati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 15(2).
4. Meta jwettaq il-miżuri li jinsabu fil-pakkett ikkoordinat, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jippreżenta proposta lill-Kummissjoni biex jemenda l-azzjonijiet biż-żieda ta’ miżuri eliġibbli oħrajn kif elenkat fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 7(2), dment li tali emendi jkunu debitament ġustifikati u t-total ma jaqbiżx il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 15(2). Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-emendi proposti u, jekk taqbel magħhom, għandha temenda d-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja skont dan.
5. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jalloka mill-ġdid l-ammonti bejn il-partiti tal-baġit stipulati fid-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja skont l-Artikolu 15(2). Jekk tali riallokazzjoni taqbeż iż-żieda ta’ 20 % għal partita waħda jew aktar mill-partiti speċifikati, l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni minn qabel.
Artikolu 18
Użu tal-euro
L-ammonti msemmija fl-applikazzjonijiet, id-deċiżjonijiet dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u r-rapporti li jaqgħu taħt dan ir-Regolament, kif ukoll kwalunkwe dokument relatat ieħor, għandhom jiġu espressi f’euro.
Artikolu 19
Indikaturi
1. L-indikaturi għar-rapportar dwar il-progress tal-Programm biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 2 huma stabbiliti fl-Anness II. Data personali li tirrelata ma’ dawk l-indikaturi għandha tinġabar abbażi ta’ dan ir-Regolament biss għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Din għandha tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).
2. Is-sistema tar-rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm tinġabar b’mod effiċjenti, effettiv, u fil-ħin.
Għal dak il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta’ rapportar proporzjonati fuq l-Istati Membri.
Artikolu 20
Rapport finali u għeluq
1. Sa mhux aktar tard minn tmiem is-seba’ xahar wara li jiskadi l-perjodu ta’ implimentazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta rapport finali lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja rilevanti, inkluż informazzjoni dwar:
(a) |
it-tip ta’ miżuri u r-riżultati, li tispjega l-isfidi, it-tagħlimiet meħuda, is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet ma’ fondi oħra tal-Unjoni, partikolarment il-FSE+, u li tindika, fejn possibbli, il-komplementarjetà tal-miżuri ma’ miżuri ffinanzjati minn programmi oħra tal-Unjoni jew dawk nazzjonali skont il-Qafas tal-Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar; |
(b) |
l-ismijiet tal-korpi li wettqu l-pakkett ikkoordinat fl-Istat Membru; |
(c) |
l-indikaturi stabbiliti fil-punti (1) u (2) tal-Anness II; |
(d) |
jekk l-intrapriża li tat is-sensji, ħlief fejn tkun mikrointrapriża jew SME, kienet benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat jew ta’ finanzjament preċedenti mill-fondi ta’ koeżjoni jew strutturali tal-Unjoni fil-ħames snin ta’ qabel; u |
(e) |
dikjarazzjoni li tiġġustifika n-nefqa. |
2. Sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara li l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni kollha meħtieġa skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandha tagħlaq il-kontribuzzjoni finanzjarja billi tiddetermina l-ammont finali tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG u, jekk ikun hemm, il-bilanċ li għandu jitħallas mill-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-Artikolu 24.
Artikolu 21
Rapport biennali
1. Sal-1 ta’ Awwissu 2021 u kull sentejn minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport komprensiv, kwantitattiv u kwalitattiv dwar l-attivitajiet taħt dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 li saru fis-sentejn ta’qabel. Ir-rapport għandu jiffoka prinċipalment fuq ir-riżultati miksuba mill-FEG u b’mod partikolari għandu jkun fih informazzjoni relatata mal-applikazzjonijiet ippreżentati, iż-żmien tal-ipproċessar. id-deċiżjonijiet adottati, il-miżuri ffinanzjati, inkluż l-istatistika dwar l-indikaturi stabbiliti fl-Anness II, u l-komplementarjetà ta’ tali miżuri ma’ miżuri ffinanzjati minn fondi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari l-FSE+, u informazzjoni relatata mal-għeluq tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji li jkunu saru. Ir-rapport għandu jiddokumenta wkoll l-applikazzjonijiet li jkunu ġew irrifjutati minħabba nuqqas ta’ eliġibbiltà jew li għalihom l-ammont ikun tnaqqas minħabba approprjazzjonijiet suffiċjenti.
2. Ir-rapport għandu wkoll jiġi ppreżentat għall-informazzjoni lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lis-sħab soċjali.
Artikolu 22
Evalwazzjonijiet
1. Fuq l-inizjattiva tagħha stess u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha twettaq:
(a) |
evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu sat-30 ta’ Ġunju 2025; u |
(b) |
evalwazzjoni retrospettiva sal-31 ta’ Diċembru 2029. |
2. Ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lis-sħab soċjali bħala informazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjonijiet għandhom jitqiesu għat-tfassil ta’ programmi ġodda fil-qasam tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali jew l-iżvilupp ulterjuri ta’ programmi eżistenti.
3. L-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu statistika rilevanti dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji, imqassma skont is-settur u l-Istat Membru.
4. Stħarriġ tal-benefiċjarji għandu jitnieda matul is-sitt xahar wara tmiem kull perjodu ta’ implimentazzjoni. L-istħarriġ tal-benefiċjarji għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni għal mill-inqas erba’ ġimgħat. L-Istati Membri għandhom iqassmu l-istħarriġ tal-benefiċjarji lill-benefiċjarji, jibagħtu mill-inqas tfakkira waħda u jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-distribuzzjoni u t-tfakkira li tkun intbagħtet. It-tweġibiet għall-istħarriġ tal-benefiċjarji għandhom jinġabru u jiġu analizzati mill-Kummissjoni għall-użu f’evalwazzjonijiet futuri.
5. Stħarriġ tal-benefiċjarji għandhom jintużaw biex tinġabar data dwar il-bidla perċepita fl-impjegabbiltà tal-benefiċjarji, jew, għal dawk li diġà jkunu sabu impjieg, dwar il-kwalità tal-impjieg misjub, bħal bidliet fis-sigħat tax-xogħol, it-tip ta’ kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg (full time jew part time; terminu fiss jew indefinit), il-livell ta’ responsabbiltà jew bidla fil-livell tas-salarju meta mqabbel ma’ impjieg preċedenti, u s-settur li fih il-persuna sabet impjieg. Dik l-informazzjoni għandha tinqasam skont il-ġeneru, il-grupp ta’ età, il-livell ta’ edukazzjoni u l-livell ta’ esperjenza professjonali.
6. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi meta u kif stħarriġ tal-benefiċjarju għandu jitwettaq u l-format li għandu jintuża.
Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 26(2).
Artikolu 23
Ġestjoni u kontroll finanzjarju
1. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni biex timplimenta l-baġit ġenerali tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jassumu r-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-miżuri appoġġati mill-FEG u għall-kontroll finanzjarju tal-miżuri. Għandhom jieħdu tal-inqas il-passi li ġejjin:
(a) |
il-verifika li ġew stabbiliti l-arranġamenti tal-ġestjoni u l-kontroll u li qed jiġu implimentati b’tali mod li jiżguraw li l-fondi tal-Unjoni qed jintużaw b’mod effiċjenti u korrett, f’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba; |
(b) |
l-iżgurar li t-twassil tad-data tal-monitoraġġ huwa rekwiżit obbligatorju f’kuntratti mal-korpi li jwettqu l-pakketti kkoordinati; |
(c) |
il-verifika li l-miżuri ffinanzjati twettqu kif xieraq; |
(d) |
l-iżgurar li n-nefqa iffinanzjata tkun ibbażata fuq dokumenti ta’ ġustifikazzjoni verifikabbli, u tkun legali u regolari; |
(e) |
il-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet inkluż il-frodi u l-irkupru ta’ ammonti li tħallsu mingħajr ma kienu dovuti flimkien mal-interessi fuq pagamenti tard fejn xieraq. |
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw irregolaritajiet inkluż il-frodi, kif imsemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu, lill-Kummissjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-legalità u r-regolarità tan-nefqa inkluża fil-kontijiet ippreżentati lill-Kummissjoni u għandhom jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jipprevjenu, jaqbdu, jikkoreġu u jirrapportaw irregolaritajiet inkluż frodi. Tali azzjonijiet għandhom jinkludu l-ġbir ta’ informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji tar-riċevituri tal-finanzjament f’konformità mal-Anness XVII tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027. Ir-regoli relatati mal-ġbir u l-ipproċessar ta’ tali data għandhom jikkonformaw mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. Il-Kummissjoni, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom l-aċċess meħtieġ għal dik l-informazzjoni.
3. Għall-finijiet tal-Artikolu 63(3) tar-Regolament Finanzjarju, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-korpi responsabbli mill-ġestjoni u l-kontroll tal-miżuri appoġġati mill-FEG. Dawk il-korpi għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li tinsab fl-Artikolu 63(5), (6) u (7) tar-Regolament Finanzjarju dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja meta jippreżentaw ir-rapport finali msemmi fl-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-Regolament.
Meta l-awtoritajiet maħtura f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 ikunu pprovdew biżżejjed garanziji li l-pagamenti huma legali u regolari, u kkontabilizzati kif xieraq, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jinnotifika lill-Kummissjoni li dawk l-awtoritajiet huma kkonfermati skont dan ir-Regolament. Meta ssir tali notifika, dal l-Istat Membru għandu jindika liema awtoritajiet huma kkonfermati u l-funzjonijiet tagħhom.
4. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa fejn tkun aċċertata irregolarità. Il-korrezzjonijiet magħmula mill-Istati Membri għandhom jikkonsistu fil-kanċellazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja kollha jew parti minnha. L-Istati Membri għandhom jirkupraw kwalunkwe ammont li tħallas indebitament bħala riżultat ta’ irregolarità misjuba u jħallsu dak l-ammont lura lill-Kummissjoni. Meta l-ammont ma jitħallasx lura mill-Istat Membru rilevanti fil-ħin permess, għandu jkun dovut l-imgħax ta’ inadempjenza.
5. Il-Kummissjoni, fir-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, għandha tieħu l-passi kollha neċessarji biex tivverifika li l-azzjonijiet iffinanzjati jitwettqu f’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat biex jiżgura li għandu sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li qed jiffunzjonaw tajjeb. Il-Kummissjoni għandha tivverifika hija stess li jinsabu fis-seħħ tali sistemi.
Għal dak il-għan, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Qorti tal-Awdituri jew il-verifiki mwettqa mill-Istat Membru f’konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, l-uffiċjali jew l-impjegati tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu verifiki fil-post, inkluż verifiki rappreżentattivi, dwar il-miżuri ffinanzjati mill-FEG b’avviż li jintbagħat fiż-żmien minimu ta’ 12-il jum ta’ xogħol. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li tinkiseb l-assistenza kollha meħtieġa. Uffiċjali jew impjegati tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jieħdu sehem f’tali verifiki.
6. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 25 sabiex tissupplimenta l-punt (e) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu billi tistabbilixxi l-kriterji għad-determinazzjoni tal-każijiet ta’ irregolarità li jridu jiġu rrappurtati u d-data li trid tiġi pprovduta.
7. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-format li għandu jintuża għar-rapportar tal-irregolaritajiet.
Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 26(2).
8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni dwar in-nefqa mġarrba jinżammu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri għal perjodu ta’ tliet snin wara l-għeluq ta’ kontribuzzjoni finanzjarja riċevuta mill-FEG.
Artikolu 24
Irkupru tal-kontribuzzjoni finanzjarja
1. Meta n-nefqa reali tal-pakkett ikkoordinat tkun inqas mill-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja skont l-Artikolu 15, il-Kummissjoni għandha tirkupra l-ammont korrispondenti wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.
2. Jekk, wara li jkunu tlestew il-verifiki neċessarji, il-Kummissjoni tikkonkludi li Stat Membru jkun naqas milli jikkonforma mal-obbligi ddikjarati fid-deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja jew ma jkunx konformi mal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 23(1), għandha tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.
Jekk ma jkun intlaħaq l-ebda ftehim, il-Kummissjoni għandha, fi żmien 12-il xahar mir-riċevuta tal-osservazzjonijiet mill-Istati Membri, tadotta deċiżjoni biex tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa billi tikkanċella l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEG kollha kemm hi jew parti minnha għall-miżura inkwistjoni.
L-Istat Membru kkonċernat għandu jirkupra kwalunkwe ammont li tħallas indebitament bħala riżultat ta’ irregolarità u, fejn l-ammont ma jitħallasx lura minn dak l-Istat Membru fil-ħin permess, għandu jkun dovut l-imgħax ta’ inadempjenza.
Artikolu 25
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall- kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu..
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 23(6) għandha tingħata lill-Kummissjoni għat-tul ta’ żmien tal-FEG.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 23(6) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 23(6) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 26
Proċedura ta’ Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 27
Tħassir
1. Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huwa mħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.
2. Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-punt (b) tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 għandu jkompli japplika sakemm titwettaq l-evalwazzjoni ex-post imsemmija f’dak il-punt.
Artikolu 28
Dispożizzjonijiet tranżitorji
1. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-azzjonijiet mibdija skont ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013, li għandu jibqa’ japplika għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom.
2. Il-pakkett finanzjarju għall-FEG jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika neċessarji biex tkun żgurata t-tranżizzjoni bejn il-FEG u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
3. Jekk ikun neċessarju, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mill-2027 biex ikopru l-miżuri eliġibbli previsti fl-Artikolu 7(1) u (5), biex tkun tista’ ssir il-ġestjoni tal-azzjonijiet li ma jkunux tlestew sal-31 ta’ Diċembru 2027.
Artikolu 29
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 15, li għandu japplika mit-3 ta’ Mejju 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ April 2021.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D. M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
A. P. ZACARIAS
(1) ĠU C 110, 22.3.2019, p. 82.
(2) ĠU C 86, 7.3.2019, p. 239.
(3) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Jannar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tad-19 ta’ April 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-27 ta’ April 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1).
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).
(8) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(9) Ir-Regolament (UE) 2019/1796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) (ĠU L 279 I, 31.10.2019, p. 4).
(10) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(11) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(12) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal- Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(13) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).
(14) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
(15) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
(16) Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
(17) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(18) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16).
(19) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
ANNESS I
KOMUNIKAZZJONI U VIŻIBILITÀ
Il-liċenzja msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(3) għandha tagħti lill-Unjoni, tal-anqas id-drittijiet li ġejjin:
(1) |
użu intern, jiġifieri d-dritt li tirriproduċi, tikkopja u tagħmel disponibbli l-materjal ta’ komunikazzjoni u ta’ viżibbiltà lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni u tal-Istati Membri u l-impjegati tagħhom; |
(2) |
ir-riproduzzjoni ta’ materjal ta’ komunikazzjoni u ta’ viżibbiltà b’kwalunkwe mezz u f’kwalunkwe forma, totalment jew parzjalment; |
(3) |
il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ materjal ta’ komunikazzjoni u ta’ viżibbiltà b’kwalunkwe u b’kull mezz ta’ komunikazzjoni; |
(4) |
id-distribuzzjoni lill-pubbliku ta’ materjal ta’ komunikazzjoni u ta’ viżibbiltà (jew kopji tiegħu) fi kwalunkwe u f’kull forma; |
(5) |
il-ħżin u l-arkivjar ta’ materjal ta’ komunikazzjoni u ta’ viżibbiltà; |
(6) |
is-subliċenzjar tad-drittijiet ta’ materjal ta’ komunikazzjoni u ta’ viżibbiltà lil partijiet terzi. |
ANNESS II
INDIKATURI KOMUNI TAL-OUTPUT U TAR-RIŻULTATI GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET TAL-FEG (imsemmija fl-artikolu 19(1), fil-punt (c) tal-artikolu 20(1) u fl-artikolu 21(1))
Id-data personali (1) kollha għandha titqassam skont il-ġeneru (mara, raġel, mhux binarju (2)) (3).
(1) |
Indikaturi komuni tal-output dwar il-benefiċjarji:
L-għadd totali ta’ benefiċjarji jiġi kkalkulat awtomatikament abbażi tal-indikaturi komuni tal-output relatati mal-istatus tal-impjieg (4). |
(2) |
Indikaturi tar-riżultati komuni għall-benefiċjarji fuq terminu ta’ żmien twil:
Dik id-data tkopri t-total ikkalkulat tal-benefiċjarji kif irrapportat skont l-indikaturi komuni tal-output stabbiliti fil-punt (1). Il-perċentwali b’hekk għandhom jirrelataw ukoll ma’ dan it-total ikkalkulat. |
(1) L-awtoritajiet ta’ ġestjoni jridu jistabbilixxu sistema li tirreġistra u taħżen id-data tal-parteċipanti individwali f’forma kompjuterizzata. L-arranġamenti tal-ipproċessar tad-data implimentati mill-Istati Membri jridu jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari l-Artikoli 4, 6 u 9 tiegħu.
(2) Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.
(3) Id-data rrappurtata bl-indikaturi mmarkati b’asterisk (*) hija data personali kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679. L-ipproċessar tagħha huwa neċessarju għall-konformità mal-obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur (il-punt (c) tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/679).
(4) Persuni qiegħda, inattivi, impjegati, li jaħdmu għal rashom.