Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0664

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/664 tat-22 ta’ April 2021 dwar qafas regolatorju għall-U-space (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/2671

ĠU L 139, 23.4.2021, pp. 161–183 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 22/02/2026

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/664/oj

23.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/161


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/664

tat-22 ta’ April 2021

dwar qafas regolatorju għall-U-space

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57 u l-Artikolu 62(14) u (15) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/945 (2) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/947 (3) stabbilew l-ewwel sett ta’ dispożizzjonijiet dettaljati għat-tħaddim armonizzat ta’ sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord (“UAS”) u rekwiżiti tekniċi minimi għall-UAS.

(2)

L-għadd dejjem akbar ta’ UAS li jidħlu fl-ispazju tal-ajru u ż-żieda fil-kumplessità tal-operazzjonijiet tal-UAS lil hinn mil-linja viżwali tal-vista (BVLOS), inizjalment f’livell baxx ħafna, joħloq riskji fuq is-sikurezza, is-sigurtà, il-privatezza u l-ambjent.

(3)

F’ċerti żoni, pereżempju primarjament f’dawk b’għadd kbir mistenni ta’ operazzjonijiet simultanji tal-UAS jew żoni fejn il-UAS joperaw flimkien ma’ inġenji tal-ajru bi bdot abbord, l-integrazzjoni sikura, sigura u effiċjenti tal-UAS fl-ispazju tal-ajru teħtieġ l-introduzzjoni ta’ regoli u proċeduri speċifiċi addizzjonali għall-operazzjonijiet tagħhom u għall-organizzazzjonijiet involuti f’dawk l-operazzjonijiet, kif ukoll livell għoli ta’ awtomatizzazzjoni u diġitalizzazzjoni.

(4)

Meta l-Istati Membri jiddefinixxu ż-żoni ġeografiċi għall-UAS għal raġunijiet ambjentali, ta’ sikurezza, ta’ sigurtà jew ta’ privatezza kif previst fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947, huma jistgħu jimponu kundizzjonijiet speċifiċi għal ċerti operazzjonijiet tal-UAS jew kollha jew jippermettu l-aċċess biss għall-UAS mgħammra b’ċerti karatteristiċi tekniċi.

(5)

Jeħtieġ li jiġi ddefinit sett minimu ta’ rekwiżiti għall-operazzjonijiet tal-UAS f’ċerti żoni ġeografiċi tal-UAS, li jenħtieġ li jissejħu spazju tal-ajru tal-U-space għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament. L-aċċess mill-operaturi tal-UAS għal tali spazju tal-ajru tal-U-space jenħtieġ li jiddependi mill-użu ta’ ċerti servizzi (“servizzi tal-U-space”) li jippermettu l-ġestjoni sikura ta’ għadd kbir ta’ operazzjonijiet tal-UAS, filwaqt li jiġu rrispettati wkoll ir-rekwiżiti applikabbli dwar is-sigurtà u l-privatezza.

(6)

Jenħtieġ li jkun hemm rekwiżiti minimi għall-operaturi tal-UAS u għall-fornituri tas-servizzi tal-U-space għat-tagħmir u l-prestazzjoni tal-UAS u għas-servizzi pprovduti fl-ispazju tal-ajru tal-U-space sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-operazzjonijiet f’dak l-ispazju tal-ajru.

(7)

Jenħtieġ li r-regoli u l-proċedura applikabbli għall-UAS meta joperaw fl-ispazju tal-ajru tal-U-space jkunu proporzjonati man-natura u mar-riskju tal-operazzjonijiet.

(8)

B’mod partikolari, peress li l-operazzjonijiet b’inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord b’massa massima waqt il-qtugħ mill-art ta’ inqas minn 250 g u li jitwettqu f’linja viżwali tal-vista (VLOS) qed jippreżentaw riskju baxx, l-operaturi tal-UAS jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-ispazju tal-ajru tal-U-space fir-rigward ta’ dawk l-operazzjonijiet. Bl-istess mod, meta jitqies ir-rekord tas-sikurezza tajjeb tagħhom, l-operazzjonijiet ta’ mudelli tal-inġenji tal-ajru fil-qafas ta’ klabbs u assoċjazzjonijiet awtorizzati jenħtieġ li jkunu jistgħu jkomplu bl-operazzjonijiet tagħhom kif qed jagħmlu issa, jiġifieri mingħajr il-ħtieġa li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-ispazju tal-ajru tal-U-space.

(9)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli armonizzati għall-operazzjonijiet tal-UAS fl-ispazju tal-ajru tal-U-space, għas-servizzi standardizzati mogħtija lill-operaturi tal-UAS kif ukoll għall-metodi ta’ konnettività bejn il-fornituri tas-servizzi ta’ informazzjoni komuni, għall-fornituri tas-servizzi tal-U-space, għall-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru u għall-operaturi tal-UAS sabiex tiġi żgurata l-operazzjoni sikura, sigura u effiċjenti tal-UAS, filwaqt li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tas-servizzi relatati mal-UAS kif ukoll mal-fornituri tas-servizzi tal-U-space fl-Unjoni.

(10)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu spazju tal-ajru tal-U-space u rekwiżiti tal-ispazju tal-ajru tal-U-space, inklużi servizzi addizzjonali tal-U-space bl-appoġġ ta’ valutazzjoni tar-riskju sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-operazzjonijiet tal-UAS f’dak l-ispazju tal-ajru tal-U-space.

(11)

Jenħtieġ li jiġu introdotti rekwiżiti minimi ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri f’każ li dawk l-Istati Membri jistabbilixxu spazju tal-ajru transfruntier tal-U-space sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-operazzjonijiet tal-UAS f’dak l-ispazju tal-ajru tal-U-space.

(12)

Sabiex il-UAS ikunu jistgħu joperaw b’mod sikur flimkien ma’ inġenji tal-ajru bi bdot abbord, huma meħtieġa proċeduri ta’ koordinazzjoni u faċilitajiet ta’ komunikazzjoni speċifiċi bejn l-unitajiet tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru rilevanti, il-fornituri tas-servizzi tal-U-space u l-operaturi tal-UAS. Dawk il-proċeduri ta’ koordinazzjoni u l-faċilitajiet ta’ komunikazzjoni huma stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 (4) kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/665 (5).

(13)

Għalkemm l-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru militari u tal-Istat huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jeħtieġ li tiġi żgurata s-separazzjoni sikura tal-inġenji tal-ajru fil-U-space. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddefinixxu limitazzjonijiet statiċi u dinamiċi tal-ispazju tal-ajru tal-U-space biex jippermettu tali operazzjonijiet b’mod sikur u effiċjenti.

(14)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li servizzi ta’ informazzjoni komuni jsiru disponibbli għal kull spazju tal-ajru tal-U-space sabiex jippermettu aċċess mhux diskriminatorju għall-ispazju tal-ajru u s-servizzi tal-U-space għall-operaturi tal-UAS, b’attenzjoni partikolari għas-sikurezza. Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeżinjaw fornitur uniku ta’ servizz ta’ informazzjoni komuni biex jipprovdi s-servizzi ta’ informazzjoni komuni fuq bażi esklużiva fir-rigward tal-ispazji tal-ajru kollha tal-U-space jew uħud minnhom taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

(15)

Il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni lill-fornituri tas-servizzi tal-U-space jenħtieġ li jsir f’waqtu u jikkorrispondi għar-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti minn dan ir-Regolament.

(16)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi rekwiżiti għal protokolli ta’ komunikazzjoni miftuħa, interoperabbli u komuni bejn l-awtoritajiet, il-fornituri tas-servizzi u l-operaturi tal-UAS, kif ukoll il-kwalità, il-latenza u l-protezzjoni tad-data għall-informazzjoni skambjata, li huma meħtieġa għal operazzjonijiet sikuri u interoperabbli fl-ispazju tal-ajru tal-U-space.

(17)

L-operaturi tal-UAS jenħtieġ li joperaw fl-ispazju tal-ajru tal-U-space biss jekk jagħmlu użu mis-servizzi tal-U-space li huma indispensabbli biex jiġu żgurati operazzjonijiet sikuri, siguri, effiċjenti u interoperabbli. Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space jenħtieġ li jipprovdu mill-inqas is-servizzi obbligatorji tal-U-space li ġejjin: servizz ta’ identifikazzjoni tan-network, servizz ta’ ġeokonsapevolezza, servizz ta’ awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS u servizz ta’ informazzjoni dwar it-traffiku.

(18)

Servizz ta’ identifikazzjoni tan-network jenħtieġ li jipprovdi l-identità tal-operaturi tal-UAS, u l-post u l-vettur tat-titjir tal-UAS waqt operazzjonijiet normali u f’sitwazzjonijiet ta’ kontinġenza, u jikkondividi l-informazzjoni rilevanti ma’ utenti oħra tal-ispazju tal-ajru tal-U-space.

(19)

Servizz ta’ ġeokonsapevolezza jenħtieġ li jipprovdi lill-operaturi tal-UAS bl-informazzjoni dwar l-aħħar limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru u l-informazzjoni dwar iż-żoni ġeografiċi tal-UAS definiti magħmula disponibbli bħala parti mis-servizzi ta’ informazzjoni komuni. F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947, l-istabbiliment ta’ żoni ġeografiċi tal-UAS jenħtieġ li jqis ir-rekwiżiti ambjentali, ta’ sikurezza, ta’ sigurtà u ta’ privatezza.

(20)

Servizz ta’ awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS jenħtieġ li jiżgura li l-operazzjonijiet tal-UAS awtorizzati jkunu ħielsa minn intersezzjoni fl-ispazju u fil-ħin ma’ xi awtorizzazzjoni nnotifikata għal titjira tal-UAS fl-istess porzjon tal-ispazju tal-ajru tal-U-space.

(21)

Servizz ta’ informazzjoni dwar it-traffiku jenħtieġ li javża lill-operaturi tal-UAS dwar traffiku tal-ajru ieħor li jista’ jkun preżenti qrib il-UAS tagħhom.

(22)

Sabiex l-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord ikunu jistgħu joperaw b’mod sikur flimkien ma’ inġenji tal-ajru bi bdot abbord fl-ispazju tal-ajru tal-U-space, huma meħtieġa regoli li jipprevedu sinjalar effettiv tal-preżenza ta’ inġenji tal-ajru bi bdot abbord permezz ta’ teknoloġiji ta’ sorveljanza. Dawk ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 (6) kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/666 (7).

(23)

Sabiex tiġi żgurata l-operazzjoni sikura fi spazju tal-ajru partikolari tal-U-space u bl-appoġġ ta’ valutazzjoni tar-riskju, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrikjedu li servizzi oħra tal-U-space bħal servizz ta’ informazzjoni dwar it-temp u servizz ta’ monitoraġġ tal-konformità jkunu obbligatorji.

(24)

Servizz ta’ informazzjoni dwar it-temp jenħtieġ li jappoġġa lill-operaturi tal-UAS matul il-fażijiet tal-ippjanar u tat-twettiq tat-titjir, kif ukoll itejjeb il-prestazzjonijiet ta’ servizzi oħra tal-U-space pprovduti fl-ispazju tal-ajru tal-U-space.

(25)

Servizz ta’ monitoraġġ tal-konformità jenħtieġ li jipprovdi twissija f’ħin reali tan-nuqqas ta’ konformità mal-awtorizzazzjoni għal titjira mogħtija u jinforma lill-operaturi tal-UAS meta jkun hemm devjazzjoni minnha.

(26)

Sabiex jiġi żgurat il-forniment ta’ servizzi sikuri u ta’ kwalità għolja tal-U-space, dan ir-Regolament jistabbilixxi skema ta’ ċertifikazzjoni komuni għaċ-ċertifikazzjoni tal-fornituri tas-servizzi tal-U-space u, meta jiġu ddeżinjati mill-Istati Membri, għal fornitur uniku ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni, kif ukoll sett ta’ regoli għall-monitoraġġ regolari tal-konformità mar-rekwiżiti applikabbli.

(27)

Il-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti ddeżinjati mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 jenħtieġ li jiġu ddefiniti b’mod ċar.

(28)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma japplikax għal operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru li jwettqu attivitajiet militari, doganali, tal-pulizija, tat-tiftix u tas-salvataġġ, tat-tifi tan-nar, tal-kontroll tal-fruntieri u tal-gwardja tal-kosta jew attivitajiet u servizzi simili mwettqa fl-interess pubbliku, taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta’ Stat Membru jew f’isem korp mogħti s-setgħat ta’ awtorità pubblika sakemm l-Istat Membru ma jkunx iddeċieda skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament (UE) 2018/1139 li japplika regoli dwar inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord għal xi wħud minn dawk l-attivitajiet jew għal dawk l-attivitajiet kollha.

(29)

Il-ġestjoni tas-sikurezza tiżgura l-identifikazzjoni, il-valutazzjoni u l-minimizzazzjoni tar-riskji għas-sikurezza kif ukoll il-vulnerabbiltajiet tas-sigurtà, li jkollhom impatt fuq is-sikurezza. Għalhekk, il-fornituri tas-servizzi tal-U-space u l-fornituri uniċi tas-servizzi ta’ informazzjoni komuni jenħtieġ li jistabbilixxu kif xieraq sistemi ta’ ġestjoni biex jiżguraw l-operazzjonijiet sikuri u siguri tal-UAS fl-ispazju tal-ajru tal-U-space.

(30)

Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space u l-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni uniċi jenħtieġ li jistabbilixxu sistema ta’ żamma ta’ rekords li tippermetti l-ħżin adegwat tar-rekords u t-traċċabbiltà affidabbli tal-attivitajiet kollha tagħhom, sabiex ikunu koperti b’mod partikolari l-elementi kollha tas-sistemi ta’ ġestjoni tagħhom.

(31)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati affettwati jenħtieġ li jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw il-proċeduri tagħhom għall-qafas regolatorju l-ġdid qabel ma jibda japplika dan ir-Regolament.

(32)

L-Aġenzija ħejjiet abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni u ppreżentatu mal-Opinjoni Nru 01/2020 (8) f’konformità mal-punti (b) u (c) tal-Artikolu 75(2) u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(33)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

PRINĊIPJI U REKWIŻITI ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli u proċeduri għall-operazzjonijiet sikuri tal-UAS fl-ispazju tal-ajru tal-U-space, għall-integrazzjoni sikura tal-UAS fis-sistema tal-avjazzjoni u għall-forniment tas-servizzi tal-U-space.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika, fiż-żoni ġeografiċi tal-UAS stabbiliti bħala spazju tal-ajru tal-U-space mill-Istati Membri, għal:

(a)

operaturi tal-UAS;

(b)

fornituri tas-servizzi tal-U-space;

(c)

fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal operazzjonijiet tal-UAS imwettqa:

(a)

fil-qafas tal-klabbs u l-assoċjazzjonijiet tal-mudelli tal-inġenji tal-ajru li jkunu rċevew awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947;

(b)

fis-subkategorija A1 tal-kategorija “miftuħa” ta’ operazzjonijiet b’inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord li:

(i)

fil-każ ta’ UAS mibnija privatament, ikollu massa massima waqt il-qtugħ mill-art, inkluż it-tagħbija, ta’ inqas minn 250 g u veloċità massima ta’ operazzjoni ta’ inqas minn 19 m/s; jew

(ii)

ikun immarkat bħala klassi C0 u jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dik il-klassi, kif definit fil-Parti 1 tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2019/945; jew

(c)

f’konformità mar-regoli tat-titjir bl-istrumenti SERA.5015 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373, fir-Regolament Delegat (UE) 2019/945, u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947. Id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll:

(1)

“spazju tal-ajru tal-U-space” tfisser żona ġeografika tal-UAS iddeżinjata mill-Istati Membri, fejn l-operazzjonijiet tal-UAS jitħallew isiru biss bl-appoġġ ta’ servizzi tal-U-space;

(2)

“servizz tal-U-space” tfisser servizz li jiddependi fuq is-servizzi diġitali u l-awtomatizzazzjoni tal-funzjonijiet iddisinjati biex jappoġġaw l-aċċess sikur, sigur u effiċjenti għall-ispazju tal-ajru tal-U-space għal għadd kbir ta’ UAS;

(3)

“valutazzjoni tar-riskju tal-ispazju tal-ajru” tfisser evalwazzjoni tar-riskji operattivi, tas-sikurezza u tas-sigurtà li tqis il-livelli meħtieġa ta’ prestazzjoni tas-sikurezza kif definit fil-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u l-Programm tal-Istat għas-Sikurezza imsemmi fl-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (UE) 2018/1139, it-tip, il-kumplessità u d-densità tat-traffiku, il-post, l-altitudnijiet jew l-għoli u l-klassifikazzjoni tal-ispazju tal-ajru;

(4)

“servizz ta’ informazzjoni komuni” tfisser servizz li jikkonsisti mid-disseminazzjoni tad-data statika u dinamika biex jiġi permess il-forniment tas-servizzi tal-U-space għall-ġestjoni tat-traffiku tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord;

(5)

“post prinċipali tan-negozju” tfisser is-sede prinċipali jew l-uffiċċju reġistrat ta’ fornitur tas-servizzi tal-U-space jew tas-servizzi ta’ informazzjoni komuni fl-Istat Membru li fih jiġu eżerċitati l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operattiv tal-fornitur tas-servizzi;

(6)

“rikonfigurazzjoni dinamika tal-ispazju tal-ajru” tfisser il-modifika temporanja tal-ispazju tal-ajru tal-U-space sabiex takkomoda l-bidliet f’terminu qasir fid-domanda għat-traffiku bi bdot abbord, billi jiġu aġġustati l-limiti ġeografiċi ta’ dak l-ispazju tal-ajru tal-U-space.

KAPITOLU II

SPAZJU TAL-AJRU TAL-U-SPACE U SERVIZZI TA’ INFORMAZZJONI KOMUNI

Artikolu 3

Spazju tal-ajru tal-U-space

1.   Meta l-Istati Membri jiddeżinjaw spazju tal-ajru tal-U-space għal raġunijiet ta’ sikurezza, sigurtà, privatezza jew dawk ambjentali, tali deżinjazzjoni għandha tkun appoġġata minn valutazzjoni tar-riskju tal-ispazju tal-ajru.

2.   L-operazzjonijiet kollha tal-UAS fl-ispazju tal-ajru tal-U-space għandhom ikunu soġġetti għal mill-inqas is-servizzi obbligatorji tal-U-space li ġejjin:

(a)

is-servizz tal-identifikazzjoni tan-network imsemmi fl-Artikolu 8;

(b)

is-servizz ta’ ġeokonsapevolezza msemmi fl-Artikolu 9;

(c)

is-servizz ta’ awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS imsemmi fl-Artikolu 10;

(d)

is-servizz ta’ informazzjoni dwar it-traffiku msemmi fl-Artikolu 11.

3.   Għal kull spazju tal-ajru tal-U-space, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju tal-ispazju tal-ajru msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu servizzi addizzjonali tal-U-space magħżula mis-servizzi msemmija fl-Artikoli 12 u 13.

4.   Għal kull spazju tal-ajru tal-U-space, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju tal-ispazju tal-ajru msemmija fil-paragrafu 1 u permezz tal-kriterji stabbiliti fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw:

(a)

ir-rekwiżiti tal-kapaċitajiet u tal-prestazzjoni tal-UAS;

(b)

ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni tas-servizzi tal-U-space;

(c)

il-kundizzjonijiet operattivi u l-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru applikabbli.

5.   L-Istati Membri għandhom jagħtu aċċess lill-fornituri tas-servizzi tal-U-space għal data rilevanti, jekk tkun meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward:

(a)

is-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-operaturi tal-UAS, imsemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947, tal-Istat Membru li fih il-fornituri tas-servizzi tal-U-space joffru s-servizzi tagħhom; kif ukoll

(b)

is-sistemi ta’ reġistrazzjoni tal-operaturi tal-UAS ta’ Stati Membri oħra permezz tar-repożitorju tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) 2018/1139.

6.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-informazzjoni dwar l-ispazju tal-ajru tal-U-space disponibbli f’konformità mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2019/947, kif ukoll permezz tas-servizz tal-informazzjoni ajrunawtika tagħhom.

7.   Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jistabbilixxu spazju tal-ajru transfruntier tal-U-space, dawn għandhom jiddeċiedu b’mod konġunt dwar:

(a)

id-deżinjazzjoni tal-ispazju tal-ajru transfruntier tal-U-space;

(b)

il-forniment ta’ servizzi transfruntiera tal-U-space;

(c)

l-għoti ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni transfruntiera.

Artikolu 4

Rikonfigurazzjoni dinamika tal-ispazju tal-ajru

Meta Stat Membru jiddeżinja spazju tal-ajru tal-U-space fi spazju tal-ajru kkontrollat, għandu jiżgura li r-rikonfigurazzjoni dinamika tal-ispazju tal-ajru f’dak l-ispazju tal-ajru tal-U-space kif stabbilit fl-ATS.TR.237 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/665 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/373 tiġi applikata sabiex jiġi żgurat li l-inġenji tal-ajru bi bdot abbord li jkunu pprovduti b’servizz ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru u b’UAS jibqgħu ssegregati.

Artikolu 5

Servizzi ta’ informazzjoni komuni

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu d-data li ġejja disponibbli bħala parti mis-servizzi ta’ informazzjoni komuni ta’ kull spazju tal-ajru tal-U-space:

(a)

il-limiti orizzontali u vertikali tal-ispazju tal-ajru tal-U-space;

(b)

ir-rekwiżiti ddeterminati skont l-Artikolu 3(4);

(c)

lista ta’ fornituri ċċertifikati tas-servizzi tal-U-space li joffru servizzi tal-U-space fl-ispazju tal-ajru tal-U-space, bl-informazzjoni li ġejja:

(i)

id-dettalji ta’ identifikazzjoni u ta’ kuntatt tal-fornituri attivi tas-servizzi tal-U-space;

(ii)

is-servizzi tal-U-space pprovduti;

(iii)

il-limitazzjoni(jiet) taċ-ċertifikazzjoni, jekk ikun hemm;

(d)

kwalunkwe spazju(i) tal-ajru tal-U-space kontigwu/i;

(e)

iż-żoni ġeografiċi tal-UAS rilevanti għall-ispazju tal-ajru tal-U-space u ppubblikati mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947;

(f)

restrizzjonijiet statiċi u dinamiċi tal-ispazju tal-ajru definiti mill-awtoritajiet rilevanti u li jillimitaw b’mod permanenti jew temporanju l-volum tal-ispazju tal-ajru fl-ispazju tal-ajru tal-U-space fejn jistgħu jsiru l-operazzjonijiet tal-UAS.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data operattiva rilevanti msemmija fl-ATS.OR.127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/665 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/373, kif ukoll id-data li tirriżulta mir-rikonfigurazzjoni dinamika tal-ispazju tal-ajru msemmija fl-ATS.TR.237 tiegħu, tkun disponibbli bħala parti mis-servizzi ta’ informazzjoni komuni ta’ kull spazju tal-ajru tal-U-space.

3.   Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom jagħmlu t-termini u l-kundizzjonijiet tas-servizzi tagħhom disponibbli bħala parti mis-servizzi ta’ informazzjoni komuni ta’ kull spazju tal-ajru tal-U-space li fih joffru s-servizzi tagħhom.

4.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3:

(a)

issir disponibbli f’konformità mal-Anness II;

(b)

tkun konformi mar-rekwiżiti meħtieġa dwar il-kwalità, il-latenza u tal-protezzjoni tad-data stabbiliti fl-Anness III.

5.   L-aċċess għal servizzi ta’ informazzjoni komuni għandu jingħata lill-awtoritajiet rilevanti, lill-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, lill-fornituri tas-servizzi tal-U-space u lill-operaturi tal-UAS fuq bażi mhux diskriminatorja, inkluż bl-istess livelli ta’ kwalità, latenza u protezzjoni tad-data.

6.   L-Istati Membri jistgħu jiddeżinjaw fornitur uniku ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni biex jipprovdi s-servizzi ta’ informazzjoni komuni fuq bażi esklużiva fl-ispazji tal-ajru kollha tal-U-space jew f’uħud minnhom taħt ir-responsabbiltà tagħhom. F’dan il-każ, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 għandha tkun disponibbli għall-fornitur tas-servizzi ta’ informazzjoni komuni uniċi li mbagħad jipprovduha f’konformità mal-paragrafu 5.

7.   Tali fornitur uniku ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni għandu jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 4 u 5 u għandu jiġi ċċertifikat f’konformità mal-Kapitolu V ta’ dan ir-Regolament.

8.   Stat Membru li jiddeżinja fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni uniċi għandu jinforma lill-Aġenzija, u lill-Istati Membri l-oħra mingħajr dewmien bi kwalunkwe deċiżjoni li tikkonċerna ċ-ċertifikat tal-fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni uniċi. Fir-repożitorju msemmi fl-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) 2018/1139 l-Aġenzija għandha tinkludi l-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet kollha nnotifikati mill-Istati Membri skont dan il-paragrafu.

KAPITOLU III

REKWIŻITI ĠENERALI GĦALL-OPERATURI TAL-UAS U GĦALL-FORNITURI TAS-SERVIZZI TAL-U-SPACE

Artikolu 6

Operaturi tal-UAS

1.   Meta joperaw fl-ispazju tal-ajru tal-U-space, l-operaturi tal-UAS għandhom:

(a)

jiżguraw li l-UAS li għandhom joperaw fl-ispazju tal-ajru tal-U-space jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-kapaċitajiet u tal-prestazzjoni ddeterminati f’konformità mal-Artikolu 3(4)(a);

(b)

jiżguraw li matul l-operazzjonijiet tagħhom, jintużaw is-servizzi meħtieġa tal-U-space msemmija fl-Artikolu 3(2) u (3), u li r-rekwiżiti tagħhom jiġu osservati;

(c)

jikkonformaw mal-kundizzjonijiet operattivi applikabbli u l-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru msemmija fl-Artikolu 3(4)(c).

2.   L-operaturi tal-UAS jistgħu jipprovdu servizzi tal-U-space lilhom infushom. F’każ bħal dan, dawn għandhom jitqiesu bħala fornituri tas-servizzi tal-U-space għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament.

3.   Qabel ma joperaw fl-ispazju tal-ajru tal-U-space, l-operaturi tal-UAS għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 inkluż, fejn rilevanti, ikollhom awtorizzazzjoni operattiva jew ċertifikat maħruġ mal-awtorità kompetenti tal-Istati Membri tar-reġistrazzjoni u jikkonformaw mal-limitazzjonijiet operattivi stabbiliti minn Stat Membru fi kwalunkwe żona ġeografika għall-UAS.

4.   Qabel kull titjira individwali, l-operatur tal-UAS għandu jippreżenta talba għal awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS lill-fornitur tas-servizzi tal-U-space tiegħu, permezz tas-servizz tal-awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS imsemmi fl-Artikolu 10, f’konformità mal-Anness IV.

5.   Meta jkun lest biex jibda t-titjira, l-operatur tal-UAS għandu jitlob lill-fornitur tas-servizzi tal-U-space għall-attivazzjoni tal-awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS. Malli jirċievi l-konferma tal-attivazzjoni għall-awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS mill-fornitur tas-servizz tal-U-space, l-operatur tal-UAS għandu jkun intitolat li jibda t-titjira tiegħu.

6.   L-operaturi tal-UAS għandhom jikkonformaw mal-awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS, inkluż il-limiti ta’ devjazzjoni tal-awtorizzazzjoni msemmi fl-Artikolu 10(2)(d), kif ukoll kwalunkwe bidla fihom. Il-fornitur tas-servizzi tal-U-space jista’ jintroduċi bidliet fl-awtorizzazzjoni matul kwalunkwe fażi tat-titjira u, f’tali każ, għandu jinforma lill-operaturi tal-UAS bihom.

7.   Meta l-operaturi tal-UAS ma jkunux jistgħu jikkonformaw mal-limiti tad-devjazzjoni tal-awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS imsemmija fl-Artikolu 10(2)(d), dawn għandhom jitolbu awtorizzazzjoni ġdida għal titjira tal-UAS.

8.   L-operaturi tal-UAS għandhom jipprevedu miżuri u proċeduri ta’ kontinġenza. Dawn għandhom jagħmlu l-miżuri u l-proċeduri ta’ kontinġenza tagħhom disponibbli għall-fornituri tas-servizzi tal-U-space.

Artikolu 7

Fornituri tas-servizzi tal-U-space

1.   Is-servizzi tal-U-space għandhom jiġu pprovduti minn persuni ġuridiċi ċċertifikati bħala fornituri tas-servizzi tal-U-space f’konformità mal-Kapitolu V.

2.   Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom ikunu responsabbli biex jipprovdu lill-operaturi tal-UAS bis-servizzi tal-U-space msemmija fl-Artikolu 3(2) u (3) matul il-fażijiet kollha tal-operazzjonijiet f’dak l-ispazju tal-ajru tal-U-space.

3.   Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom jistabbilixxu arranġamenti mal-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru biex jiżguraw koordinazzjoni adegwata tal-attivitajiet, kif ukoll l-iskambju ta’ data u informazzjoni operattivi rilevanti f’konformità mal-Anness V.

4.   Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom jimmaniġġjaw id-data dwar it-traffiku tal-ajru mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, irrispettivament mill-konsenjatur jew ir-riċevitur, il-kontenut, l-applikazzjoni jew is-servizz, jew it-tagħmir terminali tagħha.

5.   Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom:

(a)

jiskambjaw kwalunkwe informazzjoni li tkun rilevanti għall-forniment sikur tas-servizzi tal-U-space bejniethom;

(b)

jaderixxu ma’ protokoll ta’ komunikazzjoni miftuħa, interoperabbli, sigura u komuni u jużaw l-aħħar informazzjoni disponibbli f’konformità mal-Anness II;

(c)

jiżguraw li l-informazzjoni tiġi skambjata f’konformità mar-rekwiżiti tal-kwalità, il-latenza u l-protezzjoni tad-data stabbiliti fl-Anness III;

(d)

jiżguraw l-aċċess għall-informazzjoni skambjata u l-protezzjoni meħtieġa għaliha.

6.   Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom jirrapportaw dan li ġej lill-awtorità kompetenti:

(a)

il-bidu tal-operazzjonijiet wara li jirċievu ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 14;

(b)

il-waqfien u l-bidu mill-ġdid sussegwenti tal-operazzjonijiet, jekk ikun applikabbli.

KAPITOLU IV

SERVIZZI TAL-U-SPACE

Artikolu 8

Servizz ta’ identifikazzjoni tan-network

1.   Servizz ta’ identifikazzjoni tan-network għandu jippermetti l-ipproċessar kontinwu tal-identifikazzjoni mill-bogħod tal-UAS matul id-durata tat-titjira u għandu jipprovdi l-identifikazzjoni mill-bogħod tal-UAS lill-utenti awtorizzati msemmija fil-paragrafu 4 b’mod aggregat.

2.   Is-servizz ta’ identifikazzjoni tan-network għandu jippermetti li l-utenti awtorizzati jkunu jistgħu jirċievu l-messaġġi bil-kontenut li ġej:

(a)

in-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS;

(b)

in-numru tas-serje uniku tal-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jew, jekk l-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jinbena privatament, in-numru tas-serje uniku tal-aċċessorju supplimentari;

(c)

il-pożizzjoni ġeografika tal-UAS, l-altitudni tagħha ’l fuq mil-livell medju tal-baħar u l-għoli tagħha ’l fuq mill-art jew mill-punt tal-qtugħ mill-art;

(d)

il-korsa tar-rotta mkejla kif idur l-arloġġ mit-Tramuntana ġeografika u l-veloċità fuq l-art tal-UAS;

(e)

il-pożizzjoni ġeografika tal-bdot mill-bogħod jew, jekk ma tkunx disponibbli, il-punt tal-qtugħ mill-art;

(f)

l-istatus ta’ emerġenza tal-UAS;

(g)

il-ħin li fih ikunu ġew iġġenerati l-messaġġi.

3.   L-informazzjoni pprovduta mis-servizzi ta’ identifikazzjoni tan-network għandha tiġi aġġornata bil-frekwenza li l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat.

4.   L-utenti awtorizzati għandhom ikunu:

(a)

il-pubbliku ġenerali fir-rigward ta’ informazzjoni li titqies pubblika f’konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni u dawk nazzjonali;

(b)

fornituri oħra ta’ servizzi tal-U-space sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-operazzjonijiet fl-ispazju tal-ajru tal-U-space;

(c)

il-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru kkonċernati;

(d)

meta jkun iddeżinjat, il-fornitur tas-servizzi ta’ informazzjoni komuni uniċi;

(e)

l-awtoritajiet kompetenti rilevanti.

Artikolu 9

Servizz ta’ ġeokonsapevolezza

1.   Servizz ta’ ġeokonsapevolezza jikkonsisti mill-informazzjoni li ġejja ta’ ġeokonsapevolezza għandu jiġi pprovdut lill-operaturi tal-UAS:

(a)

informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet operattivi applikabbli u l-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru fl-ispazju tal-ajru tal-U-space;

(b)

żoni ġeografiċi tal-UAS, rilevanti għall-ispazju tal-ajru tal-U-space;

(c)

restrizzjonijiet temporanji applikabbli għall-użu tal-ispazju tal-ajru fl-ispazju tal-ajru tal-U-space.

2.   Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom jibagħtu l-informazzjoni ta’ ġeokonsapevolezza fil-ħin sabiex jippermettu li l-kontinġenzi u l-emerġenzi jiġu indirizzati mill-operaturi tal-UAS, u għandhom jinkludu l-ħin tal-aġġornament tagħha flimkien ma’ numru tal-verżjoni jew ħin validu, jew it-tnejn li huma.

Artikolu 10

Servizz ta’ awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS

1.   Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom jipprovdu lill-operaturi tal-UAS bl-awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS għal kull titjira individwali, filwaqt li jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ dik it-titjira, permezz ta’ servizz ta’ awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS.

2.   Meta l-fornituri tas-servizzi tal-U-space jirċievu mingħand l-operatur tal-UAS talba għall-awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS, dawn għandhom:

(a)

jivverifikaw jekk it-talba għal awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS hijiex kompluta, korretta u ppreżentata f’konformità mal-Anness IV;

(b)

jaċċettaw it-talba għall-awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS jekk it-titjira taħt l-awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS tkun ħielsa minn intersezzjoni fl-ispazju u l-ħin ma’ kwalunkwe awtorizzazzjoni oħra għal titjira tal-UAS notifikata fl-istess spazju tal-ajru tal-U-space f’konformità mar-regoli ta’ prijorità stabbiliti fil-paragrafu 8;

(c)

jinnotifikaw lill-operatur tal-UAS dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rifjut tat-talba għall-awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS;

(d)

meta jinnotifikaw lill-operatur tal-UAS dwar l-aċċettazzjoni tat-talba għall-awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS, jindikaw l-limiti tad-devjazzjoni permessi tal-awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS.

3.   Meta joħorġu awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS, il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom jużaw, fejn applikabbli, informazzjoni dwar it-temp ipprovduta mis-servizz ta’ informazzjoni dwar it-temp kif imsemmi fl-Artikolu 12.

4.   Meta l-fornituri tas-servizzi tal-U-space ma jkunux jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS f’konformità mat-talba tal-operatur tal-UAS, il-fornituri tas-servizzi tal-U-space jistgħu jipproponu awtorizzazzjoni alternattiva għal titjira tal-UAS lill-operatur tal-UAS.

5.   Malli jirċievu t-talba għal attivazzjoni tal-awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS imsemmija fl-Artikolu 6(5), il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom jikkonfermaw l-attivazzjoni tal-awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS mingħajr dewmien mhux ġustifikat.

6.   Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom jistabbilixxu arranġamenti xierqa biex isolvu talbiet għal awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS kunfliġġenti li jaslu mingħand operaturi tal-UAS minn fornituri differenti tas-servizzi tal-U-space.

7.   Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom jivverifikaw it-talba għall-awtorizzazzjonijiet għal titjira tal-UAS skont ir-restrizzjonijiet tal-ispazju tal-ajru tal-U-space u limitazzjonijiet temporanji tal-ispazju tal-ajru.

8.   Meta jipproċessaw it-talbiet għal awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS, il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom jagħtu prijorità lill-UAS li jwettqu operazzjonijiet speċjali kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012.

9.   Meta żewġ talbiet għall-awtorizzazzjonijiet għal titjira tal-UAS ikollhom l-istess prijorità, dawn għandhom jiġu pproċessati fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel.

10.   Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom jivverifikaw kontinwament l-awtorizzazzjonijiet għal titjiriet eżistenti skont restrizzjonijiet u limitazzjonijiet dinamiċi ġodda tal-ispazju tal-ajru, u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-inġenji tal-ajru bi bdot abbord kondiviża mill-unitajiet tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ inġenji tal-ajru bi bdot abbord magħrufa jew maħsuba li huma fi stat ta’ emerġenza, inklużi dawk li huma soġġetti għal interferenza illegali, u jaġġornaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet kif jista’ jkun meħtieġ miċ-ċirkostanzi.

11.   Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom joħorġu numru ta’ awtorizzazzjoni uniku għal kull awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS. Dan in-numru għandu jippermetti l-identifikazzjoni tat-titjira awtorizzata, l-operatur tal-UAS u l-fornitur tas-servizzi tal-U-space li joħroġ l-awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS.

Artikolu 11

Servizz ta’ informazzjoni dwar it-traffiku

1.   Servizz ta’ informazzjoni dwar it-traffiku pprovdut lill-operatur tal-UAS għandu jkun fih informazzjoni dwar kwalunkwe traffiku tal-ajru viżibbli b’mod ċar, li jista’ jkun qrib il-pożizzjoni jew ir-rotta maħsuba tat-titjira tal-UAS.

2.   Is-servizz ta’ informazzjoni dwar it-traffiku għandu jinkludi informazzjoni dwar l-inġenji tal-ajru bi bdot abbord u t-traffiku tal-UAS kondiviża minn fornituri oħra tas-servizzi tal-U-space u unitajiet rilevanti tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru.

3.   Is-servizz tat-traffiku tal-ajru għandu jipprovdi l-informazzjoni dwar traffiku tal-ajru magħruf ieħor u għandu:

(a)

jinkludi l-pożizzjoni, il-ħin tar-rapport kif ukoll il-veloċità, ir-rotta jew id-direzzjoni u l-istatus ta’ emerġenza tal-inġenju tal-ajru, meta jkunu magħrufa;

(b)

jaġġornaha bil-frekwenza ddeterminata mill-awtorità kompetenti.

4.   Malli jirċievu s-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku mill-fornitur tas-servizz tal-U-space, l-operaturi tal-UAS għandhom jieħdu l-azzjoni rilevanti biex jevitaw kwalunkwe periklu ta’ kolliżjoni.

Artikolu 12

Servizz ta’ informazzjoni dwar it-temp

1.   Meta jipprovdu servizz ta’ informazzjoni dwar it-temp, il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom:

(a)

jiġbru data dwar it-temp, ipprovduta minn sorsi fdati, biex iżommu is-sikurezza u jappoġġaw deċiżjonijiet operattivi ta’ servizzi oħra tal-U-space;

(b)

jipprovdu lill-operatur tal-UAS bi tbassir tat-temp u informazzjoni attwali dwar it-temp qabel jew matul it-titjira.

2.   Is-servizz ta’ informazzjoni dwar it-temp għandu jinkludi, bħala minimu:

(a)

id-direzzjoni tar-riħ imkejla fid-direzzjoni tal-arloġġ mit-Tramuntana ġeografika u l-veloċità f’metri kull sekonda, inklużi l-buffuri tar-riħ;

(b)

l-għoli tas-saff l-aktar baxx maqsum jew kopert mis-sħab f’mijiet ta’ piedi ’l fuq mil-livell tal-art;

(c)

il-viżibbiltà f’metri u f’kilometri;

(d)

it-temperatura u l-punt tan-nida;

(e)

indikaturi ta’ attività u preċipitazzjoni konvettivi;

(f)

il-post u l-ħin tal-osservazzjoni, jew il-ħinijiet u l-postijiet validi tat-tbassir;

(g)

QNH xieraq bil-post ġeografiku tal-applikabbiltà tiegħu.

3.   Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom jipprovdu informazzjoni dwar it-temp li tkun aġġornata u affidabbli biex tappoġġa l-operazzjoni tal-UAS.

Artikolu 13

Servizz ta’ monitoraġġ tal-konformità

1.   Servizz ta’ monitoraġġ tal-konformità għandu jippermetti lill-operaturi tal-UAS jivverifikaw jekk jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u t-termini tal-awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS. Għal dan l-għan, dan is-servizz għandu javża lill-operatur tal-UAS meta jinkisru l-limiti tad-devjazzjoni tal-awtorizzazzjoni għal titjira u meta ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżiti fl-Artikolu 6(1).

2.   Meta s-servizz ta’ monitoraġġ tal-konformità jinduna b’devjazzjoni mill-awtorizzazzjoni għal titjira, il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom jallertaw lill-operaturi l-oħra tal-UAS fil-viċinanza tal-UAS ikkonċernata, lil fornituri oħra tas-servizzi tal-U-space li joffru s-servizzi fl-istess spazju tal-ajru u lill-unitajiet rilevanti tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, li għandhom jirrikonoxxu l-allert.

KAPITOLU V

ĊERTIFIKAZZJONI TAL-FORNITURI TAS-SERVIZZI TAL-U-SPACE U TAL-FORNITURI UNIĊI TA’ SERVIZZI TA’ INFORMAZZJONI KOMUNI

Artikolu 14

Applikazzjoni għal ċertifikat

1.   Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space u, meta jinħatru, il-fornituri uniċi ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni għandu jkollhom ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-post prinċipali tan-negozju tagħhom.

2.   Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space u, meta jkunu ddeżinjati, il-fornituri tas-servizzi ta’ informazzjoni komuni uniċi li jkollhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom, ikunu stabbiliti, jew jirrisjedu f’pajjiż terz ieħor, għandhom japplikaw għal ċertifikat mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“l-Aġenzija”).

3.   Iċ-ċertifikat tal-fornitur tas-servizzi tal-U-space għandu jinħareġ f’konformità mal-Anness VI.

4.   Iċ-ċertifikat tal-fornitur tas-servizzi ta’ informazzjoni komuni uniċi għandu jinħareġ f’konformità mal-Anness VII.

5.   Iċ-ċertifikat għandu jiddetermina d-drittijiet u l-privileġġi tad-detentur tiegħu li jipprovdi servizzi marbuta miegħu.

6.   Applikazzjoni għal fornitur tas-servizzi tal-U-space jew ċertifikat ta’ fornitur uniku ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni, jew għal emenda għal ċertifikat eżistenti, għandha tiġi ppreżentata f’forma u b’manjiera stabbiliti mill-awtorità kompetenti, jew mill-Aġenzija, kif applikabbli.

Artikolu 15

Kundizzjonijiet għall-ksib ta’ ċertifikat

1.   Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space u, meta maħtura, il-fornituri uniċi ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni għandhom jingħataw ċertifikati jekk juru li:

(a)

ikunu jistgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom b’mod sikur, sigur, effiċjenti, kontinwu u sostenibbli, konsistenti mal-operazzjonijiet tal-UAS maħsuba u f’konformità mal-livell ta’ prestazzjoni stabbilit mill-Istati Membri għall-ispazju tal-ajru tal-U-space f’konformità mal-Artikolu 3(4);

(b)

jużaw sistemi u tagħmir li jiggarantixxu l-kwalità, il-latenza u l-protezzjoni tas-servizzi tal-U-space jew tas-servizzi ta’ informazzjoni komuni f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(c)

ikollhom il-kapital nett xieraq proporzjonat mal-kostijiet u r-riskji assoċjati mal-provvista ta’ servizzi tal-U-space jew ta’ informazzjoni komuni;

(d)

ikunu jistgħu jirrapportaw l-okkorrenzi f’konformità mal-punt ATM/ANS.OR.A.065 fis-Subparti A tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373;

(e)

jimplimentaw u jżommu sistema ta’ ġestjoni f’konformità mas-Subparti B tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373;

(f)

jimplimentaw u jżommu sistema ta’ ġestjoni tas-sigurtà f’konformità mal-punt ATM/ANS.OR.D.010 fis-Subparti D tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373;

(g)

iżommu għal perjodu ta’ mill-inqas 30 jum l-informazzjoni u d-data operattivi rrekordjati jew iktar, meta l-irrekordjar ikun pertinenti għall-investigazzjonijiet ta’ aċċidenti u ta’ inċidenti sakemm ikun evidenti li ma jkunux meħtieġa iktar;

(h)

ikollhom pjan ta’ direzzjoni tan-negozju sod li jindika li jistgħu jissodisfaw l-obbligi attwali tagħhom biex jipprovdu servizzi b’mod kontinwu għal perjodu ta’ mill-inqas 12-il xahar mill-bidu tal-operazzjonijiet;

(i)

ikollhom stabbiliti arranġamenti biex ikopru obbligazzjonijiet relatati mat-twettiq tal-kompiti tagħhom xierqa għat-telf u l-ħsara potenzjali;

(j)

meta jagħmlu użu minn servizzi ta’ fornitur ta’ servizz ieħor, ikollhom il-ftehimiet konklużi għal dak l-għan, filwaqt li jispeċifikaw l-allokazzjoni tar-responsabbiltà bejniethom;

(k)

ikunu żviluppaw pjan ta’ kontinġenza fil-każ ta’ avvenimenti, inkluż ksur tas-sigurtà li jaffettwa l-għoti ta’ servizzi, li jirriżulta f’degradazzjoni jew interruzzjoni sinifikanti tal-operazzjonijiet tagħhom;

2.   Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, il-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandu jkollhom pjan ta’ ġestjoni ta’ emerġenza biex jassistu lill-operatur tal-UAS li jkun qed jesperjenza emerġenza u pjan ta’ komunikazzjoni biex jinforma lil dawk ikkonċernati.

Artikolu 16

Validità taċ-ċertifikat

1.   Ċertifikat ta’ fornitur tas-servizzi tal-U-space jew ta’ fornitur uniku ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni għandu jibqa’ validu sakemm id-detentur taċ-ċertifikat jikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   Ċertifikat ta’ fornitur tas-servizzi tal-U-space jew ta’ fornitur uniku ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni ma għandux jibqa’ validu jekk id-detentur taċ-ċertifikat:

(a)

ikun għadu ma bediex l-operazzjonijiet fi żmien sitt xhur wara li jkun inħareġ iċ-ċertifikat;

(b)

ikun waqqaf l-operazzjonijiet għal aktar minn 12-il xahar konsekuttivi.

3.   L-awtorità kompetenti jew l-Aġenzija, kif applikabbli, għandha tivvaluta l-prestazzjoni operattiva u finanzjarja ta’ fornitur tas-servizzi tal-U-space jew ta’ fornitur tas-servizzi ta’ informazzjoni komuni uniċi taħt ir-responsabbiltà tagħha.

4.   L-awtorità kompetenti jew l-Aġenzija, kif applikabbli, tista’, abbażi tal-eżitu tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, timponi kundizzjonijiet partikolari fuq id-detentur taċ-ċertifikat, temenda, tissospendi, tillimita jew tirrevoka ċ-ċertifikat.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 17

Kapaċitajiet tal-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom il-kapaċità teknika u operattiva u l-għarfien espert biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 18. Għal dan l-għan, dawn:

(a)

għandu jkollhom proċeduri dokumentati kif xieraq, u riżorsi adegwati;

(b)

għandhom jimpjegaw persunal b’għarfien suffiċjenti, b’integrità professjonali, kif ukoll b’esperjenza u b’taħriġ biex iwettaq il-kompiti allokati tiegħu;

(c)

għandhom jieħdu kwalunkwe azzjoni meħtieġa biex jikkontribwixxu għall-operazzjonijiet sikuri, effiċjenti u siguri tal-UAS fl-ispazju tal-ajru tal-U-space u taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jieħdu jew jibdew kwalunkwe miżura ta’ infurzar xierqa meħtieġa biex jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-U-space u l-fornituri uniċi ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni taħt is-sorveljanza tagħhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 18

Kompiti tal-awtoritajiet kompetenti

L-awtoritajiet kompetenti ddeżinjati għandhom:

(a)

jistabbilixxu, iżommu u jagħmlu disponibbli sistema ta’ reġistrazzjoni għall-fornituri tas-servizzi tal-U-space u għall-fornituri uniċi ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni ċċertifikati;

(b)

jiddeterminaw liema data dwar it-traffiku, kemm jekk live jew irrekordjata trid tkun disponibbli mill-fornituri tas-servizzi tal-U-space, mill-fornituri tas-servizzi ta’ informazzjoni komuni uniċi għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi awtorizzati, inkluż il-frekwenza meħtieġa u l-livell ta’ kwalità tad-data, mingħajr preġudizzju għar-regolamenti dwar il-protezzjoni tad-data personali;

(c)

jiddeterminaw il-livell ta’ aċċess għall-informazzjoni għal utenti differenti tal-informazzjoni komuni, u jiżguraw li tkun disponibbli f’konformità mal-Anness II;

(d)

jiżguraw li l-iskambji tad-data bejn il-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru u l-fornituri tas-servizzi tal-U-space jsiru f’konformità mal-Anness V;

(e)

jiddefinixxu l-mod li bih il-persuni fiżiċi u ġuridiċi għandhom japplikaw għal ċertifikat ta’ fornitur tas-servizzi tal-U-space jew ta’ fornitur uniku ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni f’konformità mal-Kapitolu V;

(f)

jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni ma’ awtoritajiet u entitajiet oħra, inkluż fil-livell lokali, id-deżinjazzjoni tal-ispazju tal-ajru tal-U-space, l-istabbiliment tal-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru għall-UAS f’dak l-ispazju tal-ajru tal-U-space u d-determinazzjoni tas-servizzi tal-U-space li jridu jiġu pprovduti fl-ispazju tal-ajru tal-U-space;

(g)

jistabbilixxu programm ta’ ċertifikazzjoni u ta’ sorveljanza kontinwa abbażi tar-riskji, inkluż il-monitoraġġ tal-prestazzjoni operattiva u finanzjarja, skont ir-riskju assoċjat mas-servizzi pprovduti mill-fornituri tas-servizzi tal-U-space u mill-fornituri tas-servizzi ta’ informazzjoni komuni uniċi taħt ir-responsabbiltà ta’ sorveljanza tagħhom;

(h)

jirrikjedu li l-fornituri ta’ informazzjoni komuni u l-fornituri tas-servizzi tal-U-space jagħmlu disponibbli l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-forniment tas-servizzi tal-U-space jikkontribwixxu għal operazzjonijiet sikuri ta’ inġenji tal-ajru;

(i)

iwettqu awditi, valutazzjonijiet, investigazzjonijiet u spezzjonijiet tal-fornituri tas-servizzi tal-U-space u tal-fornituri uniċi ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni kif stabbilit fil-programm ta’ sorveljanza;

(j)

iqisu l-livelli meħtieġa ta’ prestazzjoni tas-sikurezza meta jiddefinixxu r-rekwiżiti għal kull spazju tal-ajru tal-U-space li jkun ġie soġġett għal valutazzjoni tar-riskju tal-ispazju tal-ajru kif imsemmi fl-Artikolu 3(1);

(k)

jimmonitorjaw u jivvalutaw regolarment il-livelli ta’ prestazzjoni tas-sikurezza u jużaw ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni tas-sikurezza b’mod partikolari fis-sorveljanza bbażata fuq ir-riskju tagħhom.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-26 ta’ Jannar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/945 tat-12 ta’ Marzu 2019 dwar sistemi ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u dwar operaturi ta’ sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord minn pajjiżi terzi (ĠU L 152, 11.6.2019, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/947 tal-24 ta’ Mejju 2019 dwar ir-regoli u l-proċeduri għall-operazzjoni ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (ĠU L 152, tal-11.6.2019, p. 45).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-fornituri ta’ servizzi fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħrajn tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-sorveljanza tagħhom, iħassar ir-Regolament (KE) Nru 482/2008, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1034/2011, (UE) Nru 1035/2011 u (UE) 2016/1377 u jemenda r-Regolament (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 62, 8.3.2017, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/665 tat-22 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-fornituri tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħra tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru tal-U-space ddeżinjati fl-ispazju tal-ajru kkontrollat (ara l-paġna 184 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 tas-26 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 u r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2007, (KE) Nru 1794/2006, (KE) Nru 730/2006, (KE) Nru 1033/2006 u (UE) Nru 255/2010 (ĠU L 281, 13.10.2012, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/666 tat-22 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 923/2012 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-inġenji tal-ajru bi bdot abbord li joperaw fl-ispazju tal-ajru tal-U-space (ara l-paġna 187 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  https://www.easa.europa.eu/document-library/opinions


ANNESS I

Kriterji għad-definizzjoni tal-kapaċitajiet, ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni, il-kundizzjonijiet operattivi u r-restrizzjonijiet tal-ispazju tal-ajru msemmija fl-Artikolu 3(4)

A.   Kriterji għad-definizzjoni tal-kapaċitajiet u r-rekwiżiti tal-prestazzjoni tal-UAS

Sabiex jiddeterminaw il-kapaċitajiet u r-rekwiżiti tal-prestazzjoni tal-UAS f’konformità mal-Artikolu 3(4)(a), l-Istati Membri għandhom iqisu l-kriterji li ġejjin:

1.

it-tipi ta’ operazzjonijiet mistennija tal-UAS u d-densità tat-traffiku bi bdot abbord;

2.

il-klassifikazzjoni u l-istrutturi eżistenti tal-ispazju tal-ajru;

3.

is-servizzi tal-U-space li jridu jiġu pprovduti;

4.

kwalunkwe limitazzjoni addizzjonali oħra.

B.   Kriterji għad-definizzjoni tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni tas-servizzi tal-U-space

Sabiex jiġu ddeterminati r-rekwiżiti tal-prestazzjonijiet tas-servizzi tal-U-space f’konformità mal-Artikolu 3(4)(b), l-Istati Membri għandhom iqisu l-kriterji li ġejjin:

1.

Ir-riskju fuq l-art u fl-ajru;

2.

Iż-żona ġeografika li fuqha jkunu se jittajru;

3.

Il-kundizzjonijiet severi tat-temp magħrufa;

4.

Disponibbiltà ta’ infrastruttura li tappoġġa s-servizz tal-U-space

C.   Kriterji għad-definizzjoni tal-kundizzjonijiet operattivi u tal-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru

Sabiex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet operattivi u l-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru f’konformità mal-Artikolu 3(4)(c), l-Istati Membri għandhom iqisu l-kriterji li ġejjin:

1.   Kundizzjonijiet operattivi

a.

Tipi mistennija ta’ titjiriet;

b.

Proċeduri ta’ kontinġenza u ta’ emerġenza għall-UAS;

c.

Il-proċedura bejn il-fornituri tas-servizzi tal-U-space u l-unitajiet tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru rilevanti għall-koordinazzjoni tat-talba għall-awtorizzazzjoni tat-titjira tal-UAS fl-ispazju tal-ajru kkontrollat;

d.

Il-proċeduri għat-tixrid tal-konfigurazzjoni dinamika tal-ispazju tal-ajru fi spazju tal-ajru kkontrollat.

2.   Limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru

a.

Il-kapaċità disponibbli għat-traffiku tal-UAS;

b.

Il-kapaċità disponibbli u ppjanata għall-avjazzjoni bi bdot abbord;

c.

L-aċċess tal-avjazzjoni bi bdot abbord għall-ispazju tal-ajru tal-U-space;

d.

Limitazzjonijiet tat-temp għall-użu tal-ispazju tal-ajru tal-U-space; L-impatt fuq l-ajrudromi u attivitajiet speċifiċi oħra qrib l-ispazju tal-ajru tal-U-space propost.


ANNESS II

Il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni komuni msemmija fl-Artikolu 5(4)(a)

1.   

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1), (2) u (3) tkun disponibbli online permezz ta’ teknoloġiji komuni miftuħa, siguri, skalabbli u sostenibbli li jkunu jistgħu jappoġġaw il-livelli meħtieġa ta’ disponibbiltà u ta’ prestazzjonijiet, u li jiżguraw l-interoperabbiltà u l-moviment liberu tas-servizzi tal-U-space fl-Unjoni.

2.   

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni komuni għandhom jagħtu aċċess għal informazzjoni komuni fuq bażi mhux diskriminatorja.

3.   

Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space u l-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru għandhom jużaw protokoll ta’ komunikazzjoni miftuħa, interoperabbli, sigura u komuni.


ANNESS III

Il-kwalità tad-data, il-latenza tad-data u r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 5(4)(b) u fl-Artikolu 7(5)(c)

A.   Sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-kwalità tad-data, il-fornituri tas-servizzi ta’ informazzjoni komuni u l-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom jiżguraw li:

1.

tinżamm il-kwalità tad-data;

2.

jintużaw tekniki ta’ verifika u ta’ validazzjoni biex jiġi żgurat li d-data tasal mingħajr korruzzjoni u li ma sseħħx korruzzjoni f’xi stadju tal-proċess tad-data;

3.

tinġabar u tiġi ppreservata l-metadata.

4.

it-trasferiment tad-data jkun soġġett għal proċess xieraq ta’ awtentikazzjoni b’tali mod li r-riċevituri jkunu jistgħu jikkonfermaw li d-data jew l-informazzjoni tkun ġiet trażmessa minn sors awtorizzat.

5.

ikunu stabbiliti u jinżammu r-rapportar tal-iżbalji, il-kejl tal-iżbalji u l-mekkaniżmi ta’ azzjoni korrettiva.

B.   Sabiex jipproteġu d-data, il-fornituri tas-servizzi ta’ informazzjoni komuni u l-fornituri tas-servizzi tal-U-space għandhom:

1.

jimplimentaw politiki ta’ sigurtà, inkluż il-kriptaġġ tad-data u l-protezzjoni tad-data kritika;

2.

jipproteġu l-protokolli ta’ komunikazzjoni interoperabbli, sigura u miftuħa minn interazzjonijiet elettroniċi intenzjonali mhux awtorizzati li jistgħu jirriżultaw fi ħsara inaċċettabbli fil-komunikazzjonijiet;

3.

jidentifikaw, jivvalutaw, u jimmitigaw, kif meħtieġ, ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet tas-sigurtà;

4.

jaderixxu mal-istandards u mar-regolamenti tas-sigurtà dwar fejn tista’ tinħażen id-data u jiżguraw li l-fornituri ta’ partijiet terzi jaqblu li jsegwu l-prattiki tas-sigurtà;

5.

jiddeskrivu politika għas-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ tal-impjegati u għodod biex jitnaqqsu r-riskji minn informazzjoni privileġġata, u l-protezzjoni tad-data – inkluża l-proprjetà intellettwali. Meta jagħmlu dan, dawn għandhom jimmonitorjaw l-attività tal-utent u tan-network biex jipprovdu għarfien dwar il-vulnerabbiltajiet u t-theddid tal-ekosistema.

6.

jiskjeraw soluzzjonijiet li jżidu l-kapaċitajiet ta’ detezzjoni u ta’ intelligence tat-theddid u jiżguraw l-użu ta’ salvagwardji teknoloġiċi.

ANNESS IV

Talba għall-awtorizzazzjoni tat-titjira tal-UAS imsemmija fl-Artikolu 6(4)

It-talba għall-awtorizzazzjoni tat-titjira tal-UAS għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

1.

in-numru tas-serje uniku tal-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jew, jekk l-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jinbena privatament, in-numru tas-serje uniku tas-suppliment;

2.

il-modalità tal-operazzjoni;

3.

it-tip ta’ titjira (operazzjonijiet speċjali);

4.

il-kategorija ta’ operazzjoni tal-UAS (“miftuħa”, “speċifika”, “iċċertifikata”) u l-klassi tal-inġenju tal-ajru tal-UAS jew iċ-ċertifikat tat-tip tal-UAS jekk applikabbli;

5.

it-trajettorja 4D;

6.

it-teknoloġija ta’ identifikazzjoni;

7.

il-metodi ta’ konnettività mistennija;

8.

ir-reżistenza;

9.

il-proċedura ta’ emerġenza applikabbli f’każ ta’ telf ta’ link tal-kmand u tal-kontroll;

10.

in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS u, fejn applikabbli, tal-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord.


ANNESS V

L-iskambju ta’ data u ta’ informazzjoni operattivi rilevanti bejn il-fornituri tas-servizzi tal-U-space u l-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru f’konformità mal-Artikolu 7(3)

1.   

L-iskambju ta’ informazzjoni għandu jiġi żgurat permezz ta’ ftehim dwar il-livell ta’ servizzi li jistabbilixxi l-kwalità tal-informazzjoni u permezz tal-mudell ta’ skambju li jintuża għad-data u għall-informazzjoni operattivi rilevanti.

2.   

Il-mudell ta’ skambju għandu:

a.

jippermetti l-ġestjoni u d-distribuzzjoni tal-informazzjoni f’format diġitali;

b.

jiddeskrivi l-karatteristiċi ta’ informazzjoni skambjata, kif ukoll il-proprjetajiet, l-attributi, it-tipi ta’ data, u l-assoċjazzjonijiet tagħhom;

c.

jinkludi l-limitazzjonijiet tad-data u r-regoli tal-validazzjoni;

d.

japplika format standard għall-ikkowdjar tad-data;

e.

jipprovdi mekkaniżmu ta’ estensjoni li bih il-gruppi ta’ utenti jistgħu jestendu l-proprjetajiet ta’ karatteristiċi eżistenti u jżidu karatteristiċi ġodda li ma jaffettwawx b’mod negattiv l-istandardizzazzjoni fl-Istati Membri u bejniethom.

3.   

Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space u l-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru għandhom jużaw metodu ta’ kriptaġġ rikonoxxut.

4.   

Il-fornituri tas-servizzi tal-U-space u l-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru għandhom jużaw protokoll ta’ komunikazzjoni miftuħa, interoperabbli, sigura u komuni.


ANNESS VI

LOGO tal-EASA jew tal-NAA kif applikabbli

Ċertifikat għall-fornitur tas-servizzi tal-U-space msemmi fl-Artikolu 14(3)

ĊERTIFIKAT GĦALL-FORNITUR TAS-SERVIZZI TAL-U-SPACE

[NUMRU TAĊ-ĊERTIFIKAT/NRU TAL-ĦARĠA]

Skont ir-Regolament (UE) …/…. (u r-Regolament (UE) …/….) u soġġett għall-kundizzjonijiet speċifikati hawn taħt, l-[awtorità kompetenti] b’dan tiċċertifika

[ISEM IL-FORNITUR TAS-SERVIZZI TAL-U-SPACE]

[INDIRIZZ TAL-FORNITUR TAS-SERVIZZI TAL-U-SPACE]

bħala fornitur tas-servizzi tal-U-space bil-privileġġi, kif indikat fil-kundizzjonijiet mehmużin dwar il-forniment ta’ servizzi.

KUNDIZZJONIJIET:

Dan iċ-ċertifikat huwa limitat għall-kundizzjonijiet u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-forniment ta’ servizzi kif elenkat fil-kundizzjonijiet mehmużin dwar il-forniment ta’ servizzi.

Dan iċ-ċertifikat huwa validu diment li l-fornitur iċċertifikat tas-servizzi tal-U-space jibqa’ konformi mar-Regolament (UE) …/…. u r-regolamenti applikabbli l-oħrajn u, fejn rilevanti, mal-proċeduri fid-dokumentazzjoni tal-fornitur tas-servizzi tal-U-space kif meħtieġ bir-Regolament (UE) …/…., il-Parti-….

Soġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, dan iċ-ċertifikat għandu jibqa’ validu sakemm iċ-ċertifikat ma jiġix ċedut, limitat, sospiż jew revokat.

Data tal-ħruġ:

Iffirmat:

[Awtorità kompetenti]

IL-KUNDIZZJONIJIET U L-LIMITAZZJONIJIET TAL-FORNIMENT TA’ SERVIZZ TAL-U-SPACE

kiseb il-privileġġi li jipprovdi s-servizzi tal-U-space li ġejjin skont il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet li ġejjin:

(Ħassar il-linji kif xieraq)

Servizzi

Tip ta’ servizz

Kundizzjonijiet

Limitazzjonijiet

Servizzi tal-U-space

Servizz ta’ identifikazzjoni tan-network

 

 

Servizz ta’ ġeokonsapevolezza

 

 

Servizz ta’ awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS

 

 

Servizz ta’ informazzjoni tat-traffiku

 

 

Servizz tat-temp

 

 

Servizz ta’ monitoraġġ tal-konformità

 

 

Oħrajn (kif definiti mill-Istat Membru)

 

 


ANNESS VII

LOGO tal-EASA jew tal-NAA kif applikabbli

Ċertifikat għal fornitur ta’ servizz ta’ informazzjoni komuni uniku msemmi fl-Artikolu 14(3)

ĊERTIFIKAT GĦAL FORNITUR TA’ SERVIZZ TA’ INFORMAZZJONI KOMUNI UNIKU

[NUMRU TAĊ-ĊERTIFIKAT/NRU TAL-ĦARĠA]

Skont ir-Regolament (UE) …/…. (u r-Regolament (UE) …/….), l-[awtorità kompetenti] b’dan tiċċertifika

[ISEM IL-FORNITUR TA’ SERVIZZ TA’ INFORMAZZJONI KOMUNI UNIKU]

[INDIRIZZ TAL-FORNITUR TA’ SERVIZZ TA’ INFORMAZZJONI KOMUNI UNIKU]

bħala fornitur ta’ servizz ta’ informazzjoni komuni uniku.

Dan iċ-ċertifikat huwa validu diment li l-fornitur ta’ servizz ta’ informazzjoni komuni uniku ċċertifikat jibqa’ konformi mar-Regolament (UE) …/…. u r-regolamenti applikabbli l-oħrajn u, fejn rilevanti, mal-proċeduri fid-dokumentazzjoni tal-fornitur ta’ servizz ta’ informazzjoni komuni uniku kif meħtieġ mir-Regolament (UE) …/…., Parti-….

Soġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, dan iċ-ċertifikat għandu jibqa’ validu sakemm iċ-ċertifikat ma jiġix ċedut, limitat, sospiż jew revokat.

Data tal-ħruġ:

Iffirmat:

[Awtorità kompetenti]


Appendiċi

Il-klassijiet tal-ispazju tal-ajru tal-ATS — is-servizzi pprovduti

L-iskop ta’ dan l-Appendiċi huwa li jintwerew is-servizzi relatati mal-ispazju tal-ajru tal-U-space pprovduti f’kull klassi speċifika tal-ispazju tal-ajru b’mod konċiż. Għalhekk, ma jipprovdi l-ebda speċifikazzjoni addizzjonali ma’ dawk diġà espressi f’dan ir-Regolament u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/666 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 923/2012. Is-servizzi tat-traffiku tal-ajru pprovduti mill-unitajiet u r-rekwiżiti tal-ATS għat-titjiriet IFR u VFR jibqgħu dawk espressi fir-Regolament (UE) Nru 923/2012 u miġbura fil-qosor fl-Appendiċi 4 tiegħu.

Klassi

Tip ta’ titjira

Permess fl-ispazju tal-ajru tal-U-space

Servizzi fl-ispazju tal-ajru tal-U-space mill-USSPs

A

IFR biss

Mhux mingħajr rikonfigurazzjoni dinamika tal-ispazju tal-ajru

 

UAS  (1)

Iva

Awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS

Informazzjoni dwar it-traffiku rigward il-UAS

B, C u D

IFR u VFR

Mhux mingħajr rikonfigurazzjoni dinamika tal-ispazju tal-ajru

 

UAS  (1)

Iva

Awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS

Informazzjoni dwar it-traffiku rigward il-UAS

E

IFR

Mhux mingħajr rikonfigurazzjoni dinamika tal-ispazju tal-ajru

 

VFR

Iva, soġġett għall-pożizzjoni ta’ kondiviżjoni mal-USSPs

Xejn

UAS  (1)

Iva

Awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS

Informazzjoni tat-traffiku dwar il-UAS u l-VFR

F

IFR

Iva, soġġett għall-pożizzjoni ta’ kondiviżjoni mal-USSPs

Xejn

VFR

Iva, soġġett għall-pożizzjoni ta’ kondiviżjoni mal-USSPs

Xejn

UAS  (1)

Iva

Awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS

Informazzjoni tat-traffiku dwar il-UAS, l-IFR u l-VFR

G

IFR

Iva, soġġett għall-pożizzjoni ta’ kondiviżjoni mal-USSPs

Xejn

VFR

Iva, soġġett għall-pożizzjoni ta’ kondiviżjoni mal-USSPs

Xejn

UAS  (1)

Iva

Awtorizzazzjoni għal titjira tal-UAS

Informazzjoni tat-traffiku dwar il-UAS, l-IFR u l-VFR


(1)  Ħlief it-titjir tal-UAS skont ir-Regoli tat-Titjir bl-Istrumenti.


Top