Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0645

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/645 tal-15 ta’ April 2021 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 fir-rigward tal-lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet tagħhom li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ kunsinni ta’ ħalib mhux ipproċessat, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/2505

    ĠU L 133, 20.4.2021, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32020R0692

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/645/oj

    20.4.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 133/29


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/645

    tal-15 ta’ April 2021

    li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 fir-rigward tal-lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet tagħhom li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ kunsinni ta’ ħalib mhux ipproċessat, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8, is-sentenza introduttorja, l-Artikolu 8(1) u (4) u l-Artikolu 9(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 (2) jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ħalib mhux ipproċessat, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru u l-lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ dawn il-kunsinni.

    (2)

    L-Anness I tar-Regolament jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi jew ta’ partijiet minnhom li huma awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ħalib mhux ipproċessat, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru li tindika t-tip ta’ trattament meħtieġ għal dawn il-komoditajiet.

    (3)

    Il-proċedura li tawtorizza lill-Moldova biex tesporta l-ħalib u l-prodotti tal-ħalib għaddejja u se tiġi finalizzata fi żmien debitu. Filwaqt li dik il-proċedura għadha pendenti, il-Moldova għamlet talba għall-awtorizzazzjoni għat-tranżitu, mill-Unjoni, ta’ ġelati, li jitqiesu bħala prodotti komposti li ma jistgħux jinħażnu li fihom prodotti tal-ħalib. Sabiex tingħata dik l-awtorizzazzjoni, il-Moldova għamlet talba biex titqiegħed fil-kolonna C tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010, bħala pajjiż terz li l-ħalib mhux ipproċessat u l-prodotti tal-ħalib tagħha għaddew mit-trattament meħtieġ minn dak ir-Regolament (trattament “C”) biex jittaffa r-riskju tat-tixrid tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer permezz tal-prodotti tal-ħalib.

    (4)

    Fid-dawl tal-garanziji mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Moldova dwar l-applikazzjoni korretta tat-trattament “C” fuq il-prodotti tal-ħalib li jinsabu fil-prodotti komposti, xieraq li l-Moldova titqiegħed fil-kolonna “C” tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010.

    (5)

    Jenħtieġ li din iż-żieda mal-kolonna “C” tal-Anness I tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni, u t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, b’mod partikolari dawk li huma relatati mal-elenkar tal-istabbilimenti skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/625 (3).

    (6)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 605/2010 jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fit-tabella stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010, l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata ta’ “MA-Il-Marokk”:

    “MD

    Il-Moldova

    0

    0

    +”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ April 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 tat-2 ta’ Lulju 2010 li jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ ħalib mhux ipproċessat, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 175, 10.7.2010, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/625 tal-4 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti annimali u oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 18).


    Top