EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0528

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/528 tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontenut minimu ta’ informazzjoni tad-dokument li għandu jiġi ppubblikat għall-eżenzjoni ta’ prospett b’konnessjoni ma’ xiri permezz ta’ offerta ta’ skambju, fużjoni jew diviżjoni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/8822

ĠU L 106, 26.3.2021, p. 32–46 (BG, ES, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 106, 26.3.2021, p. 34–48 (CS)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/528/oj

26.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/32


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/528

tas-16 ta’ Diċembru 2020

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontenut minimu ta’ informazzjoni tad-dokument li għandu jiġi ppubblikat għall-eżenzjoni ta’ prospett b’konnessjoni ma’ xiri permezz ta’ offerta ta’ skambju, fużjoni jew diviżjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġu pprovduti l-ogħla standards ta’ protezzjoni tal-investituri fl-Unjoni u biex l-investituri jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni ta’ investiment informata, id-dokument imsemmi fl-Artikolu 1(4)(f) u (g), u l-Artikolu 1(5), l-ewwel subparagrafu, il-punti (e) u (f), tar-Regolament (UE) 2017/1129 (“id-dokument ta’ eżenzjoni”) jenħtieġ li jkun fih informazzjoni suffiċjenti, oġġettiva u komprensibbli dwar il-kumpaniji involuti fit-tranżazzjoni, id-drittijiet marbuta mat-titoli ta’ ekwità, il-prospetti tal-emittent ta’ dawn it-titoli ta’ ekwitàu, skont it-tip ta’ tranżazzjoni, tal-kumpanija li qed tirċievi l-offerta, tal-kumpanija li qed tinxtara jew tal-kumpanija li qed tiġi diviża.

(2)

Sabiex jiġi żgurat li l-investituri jingħataw l-informazzjoni neċessarja biex jieħdu deċiżjoni ta’ investiment informata, jenħtieġ li jkun meħtieġ dokument ta’ eżenzjoni aktar komprensiv f’każ ta’ xiri permezz ta’ offerta ta’ skambju li tissodisfa l-kundizzjoni tal-Artikolu 1(6a)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1129 meta, f’dak il-każ, it-titoli ta’ ekwità offruti ma jkunux funġibbli ma’ titoli eżistenti li diġà ġew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat qabel ix-xiri u t-tranżazzjoni relatata miegħu, jew ix-xiri jitqies bħala tranżazzjoni ta’ akkwist invers. Jenħtieġ li jiġi speċifikat x’kontenut miżjud irid ikun fih id-dokument ta’ eżenzjoni f’sitwazzjonijiet bħal dawn.

(3)

B’konnessjoni ma’ tranżazzjoni fejn it-titoli ta’ ekwità offruti lill-pubbliku jew li għandhom jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat ikunu funġibbli ma’ titoli ta’ ekwità li diġà ġew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li jirrappreżentaw perċentwal żgħir ta’ dawk it-titoli ta’ ekwità, jenħtieġ li d-dokument ta’ eżenzjoni jkun inqas komprensiv biex l-emittenti jġarrbu inqas spejjeż bla bżonn. Jenħtieġ li jkun speċifikat x’kontenut imqassar għandu jkun fih id-dokument ta’ eżenzjoni f’sitwazzjoni bħal din. Madankollu, jenħtieġ li f’sitwazzjoni bħal din emittent ma jkunx imfixkel milli jibbenefika mill-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1(5), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) jew (b), tar-Regolament (UE) 2017/1129.

(4)

Sabiex jiġi simplifikat l-abbozzar tad-dokument ta’ eżenzjoni u jitnaqqsu l-kostijiet għall-produzzjoni tiegħu, jenħtieġ li l-emittenti jkunu jistgħu jinkorporaw f’dan id-dokument ċerta informazzjoni li tkun diġà ġiet ippubblikata f’forma elettronika, permezz ta’ referenza, dment li din l-informazzjoni tkun aċċessibbli faċilment u tkun miktuba bl-istess lingwa tad-dokument ta’ eżenzjoni.

(5)

Jenħtieġ li l-investituri jkunu jistgħu jifhmu s-sitwazzjoni ta’ emittent bi storja finanzjarja kumplessa jew li jkun wettaq impenn finanzjarju sinifikanti. F’dan il-każ jaf ikun neċessarju l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar entità oħra għajr l-emittent. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-emittenti jkunu obbligati biex fid-dokument ta’ eżenzjoni jiddeskrivu l-istorja finanzjarja kumplessa tagħhom jew l-effetti tal-impenn finanzjarju sinifikanti fuq l-emittent jew fuq in-negozju tal-emittent.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li dokument ta’ eżenzjoni jkun jista’ jintuża b’mod utli mill-investituri, jeħtieġ li jiġi speċifikat li hija l-awtorità nazzjonali kompetenti li trid tiddetermina b’liema lingwa se jiġi abbozzat id-dokument,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“tranżazzjoni” tfisser xiri permezz ta’ offerta ta’ skambju, fużjoni jew diviżjoni skont l-Artikolu 1(4)(f) jew (g), jew l-Artikolu 1(5), l-ewwel subparagrafu, il-punti (e) jew (f), tar-Regolament (UE) 2017/1129, li fir-rigward tagħha jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(6a) jew (6b) ta’ dak ir-Regolament;

(b)

“dokument ta’ eżenzjoni” tfisser dokument li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f’konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2017/1129 biex f’każ ta’ tranżazzjoni tkun tista’ ssir eżenzjoni mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett;

(c)

“kumpanija li qed tirċievi l-offerta” tfisser kumpanija li qed tirċievi l-offerta kif definita fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);

(d)

“kumpanija li qed tinxtara” tfisser kumpanija li tittrasferixxi assi u obbligazzjonijiet lejn kumpanija akkwirenti b’riżultat ta’ fużjoni li fir-rigward tagħha jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1(6b) tar-Regolament (UE) 2017/1129;

(e)

“kumpanija li qed tiġi diviża” tfisser kumpanija li tittrasferixxi assi u obbligazzjonijiet lejn kumpanija li tirċievi kontribuzzjonijiet b’riżultat ta’ kwalunkwe diviżjoni li fir-rigward tagħha jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(6b) tar-Regolament (UE) 2017/1129;

(f)

“offerent” tfisser offerent kif definit fl-Artikolu 2(i) tar-Regolament (UE) 2017/1129.

Artikolu 2

Kontenut minimu ta’ informazzjoni tad-dokument ta’ eżenzjoni

1.   Dokument ta’ eżenzjoni għandu jkun fih l-informazzjoni rilevanti li hija meħtieġa biex l-investituri jkunu jistgħu jifhmu:

(a)

il-prospetti tal-emittent, u, skont it-tip ta’ tranżazzjoni, tal-kumpanija li qed tirċievi l-offerta, tal-kumpanija li qed tinxtara jew tal-kumpanija li qed tiġi diviża, u kwalunkwe bidla sinifikanti fil-pożizzjoni kummerċjali u finanzjarja ta’ kull waħda mill-kumpaniji li tkun seħħet wara li spiċċat is-sena finanzjarja preċedenti;

(b)

id-drittijiet marbuta mat-titoli ta’ ekwità;

(c)

deskrizzjoni tat-tranżazzjoni u l-impatt tagħha fuq l-emittent.

L-informazzjoni li tinsab fid-dokument ta’ eżenzjoni għandha tinkiteb u tiġi ppreżentata f’forma li tkun faċilment analizzabbli, konċiża u li tinftiehem u għandha tippermetti lill-investituri sabiex jagħmlu deċiżjoni informata dwar l-investiment.

Dokument ta’ eżenzjoni għandu jinkludi l-informazzjoni minima msemmija fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Madankollu, dokument ta’ eżenzjoni għandu jinkludi l-informazzjoni minima msemmija fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

id-dokument ta’ eżenzjoni jirrigwarda xiri permezz ta’ offerta ta’ skambju li fir-rigward tagħha jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1(6a)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1129;

(b)

it-titoli ta’ ekwità offerti mhumiex funġibbli ma’ titoli eżistenti li diġà ġew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat qabel ix-xiri u t-tranżazzjoni relatata miegħu, jew ix-xiri jitqies bħala tranżazzjoni ta’ akkwist invers fis-sens tal-paragrafu B19 tal-istandards internazzjonali ta’ rappurtaġġ finanzjarju (IFRS) 3, Kombinamenti ta’ Negozji, adottati mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (3).

2.   B’deroga mill-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(5), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) jew (b), tar-Regolament (UE) 2017/1129, jekk, b’konnessjoni ma’ tranżazzjoni, it-titoli ta’ ekwità jiġu offruti lill-pubbliku jew għandhom jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u huma funġibbli ma’ titoli ta’ ekwità li diġà huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u ma jirrappreżentawx aktar minn 10 % ta’ dawn it-titoli ta’ ekwità, id-dokument ta’ eżenzjoni għandu jkun fih biss l-informazzjoni minima msemmija fit-Taqsimiet 1, 3 u 5 kif ukoll fil-punti 2.2 u 4.2 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Inkorporazzjoni b’referenza

1.   L-informazzjoni tista’ tkun inkorporata b’referenza f’dokument ta’ eżenzjoni fejn din l-informazzjoni tkun ġiet ippubblikata elettronikament preċedentement jew simultanjament, imfassla f’lingwa li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament u fejn l-informazzjoni tinsab f’wieħed mid-dokumenti li ġejjin:

(a)

dokumenti kif imsemmija fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2017/1129;

(b)

id-dokumenti meħtieġa bil-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2004/25/KE;

(c)

id-dokumenti meħtieġa bil-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

(d)

dokumenti oħra li jiġu ppubblikati f’konformità mal-liġi nazzjonali jekk dawn id-dokumenti jkunu rilevanti għat-tranżazzjoni.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun l-aktar reċenti disponibbli għall-emittent, għall-kumpanija li qed tirċievi l-offerta, għall-kumpanija li qed tinxtara jew għall-kumpanija li qed tiġi diviża.

2.   Jekk ċerti punti ta’ informazzjoni biss huma inkorporati b’referenza, id-dokument ta’ eżenzjoni għandu jkun fih dikjarazzjoni li l-partijiet li ma ġewx inkorporati mhumiex rilevanti għall-investitur jew huma inklużi xi mkien ieħor fid-dokument ta’ eżenzjoni.

3.   Il-persuni responsabbli għad-dokument ta’ eżenzjoni għandhom jiżguraw li l-informazzjoni inkorporata b’referenza fid-dokument ta’ eżenzjoni tkun aċċessibbli faċilment.

4.   Dokument ta’ eżenzjoni li fih informazzjoni inkorporata b’referenza għandu jkun fih lista ta’ kontroreferenza li biha l-investituri jkunu jistgħu faċilment jidentifikaw punti speċifiċi ta’ informazzjoni u għandu jkun fih links għad-dokumenti kollha li fihom informazzjoni li tkun inkorporata b’referenza.

Artikolu 4

Storja finanzjarja kumplessa u impenn finanzjarju sinifikanti

1.   Jekk l-emittent tat-titoli ta’ ekwità jkollu storja finanzjarja kumplessa skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/980 (5), jew ikun wettaq impenn finanzjarju sinifikanti skont l-Artikolu 18(4) ta’ dak ir-Regolament, id-dokument ta’ eżenzjoni għandu jkun fih l-informazzjoni kollha msemmija fl-Anness I jew, jekk applikabbli, fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament dwar l-entità għajr l-emittent, daqslikieku dik l-entità kienet l-emittent tat-titoli ta’ ekwità, sa fejn l-investituri jeħtieġu dik l-informazzjoni biex jieħdu deċiżjoni ta’ investiment informata skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament.

Din l-informazzjoni addizzjonali għandha tispeċifika l-effetti antiċipati tat-tranżazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-Regolament, fuq l-emittent jew fuq in-negozju tal-emittent, u l-effetti tal-istorja finanzjarja kumplessa jew tal-impenn finanzjarju sinifikanti fuq l-emittent jew fuq in-negozju tal-emittent.

2.   L-informazzjoni addizzjonali msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun akkumpanjata minn spjegazzjoni ċara għalfejn l-investituri jeħtieġu dik l-informazzjoni biex jieħdu deċiżjoni infurmata dwar l-investiment.

3.   Emittent li ma jkunx jista’ jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali msemmija fil-paragrafu 1 għandu jispjega għalfejn dan huwa l-każ fid-dokument ta’ eżenzjoni.

Artikolu 5

Użu tal-lingwi

Dokument ta’ eżenzjoni għandu jitfassal f’lingwa aċċettata mill-awtorità kompetenti kif definita fl-Artikolu 2(o) tar-Regolament (UE) 2017/1129.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12.

(2)  Id-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta’ Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/980 tal-14 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-format, il-kontenut, l-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 (ĠU L 166, 21.6.2019, p. 26).


ANNESS I

KONTENUT MINIMU TA’ INFORMAZZJONI TAD-DOKUMENT TA’ EŻENZJONI

Artikolu 2(1), it-tielet subparagrafu, u l-Artikolu 2(2)

TAQSIMA 1

PERSUNI RESPONSABBLI GĦAT-TFASSIL TAD-DOKUMENT TA’ EŻENZJONI, INFORMAZZJONI DWAR TERZI U RAPPORT TAL-ESPERTI

Punt 1.1

Identifikazzjoni tal-persuni responsabbli għat-tfassil tad-dokument ta’ eżenzjoni

Identifika l-persuni kollha responsabbli għall-informazzjoni jew għal kwalunkwe parti minnha mogħtija fid-dokument ta’ eżenzjoni ma’, fil-każ tal-aħħar, indikazzjoni ta’ liema partijiet. Fil-każ ta’ persuni naturali inklużi membri tal-korpi amministrattivi, tal-maniġment u superviżorji tal-emittent, indika l-isem u l-funzjoni tal-persuna; fil-każ ta’ persuni ġuridiċi indika l-isem u l-uffiċċju rreġistrat.

Punt 1.2

Dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà

Dikjarazzjoni minn dawk responsabbli għad-dokument ta’ eżenzjoni li sa fejn jafu huma, l-informazzjoni li tinsab fid-dokument ta’ eżenzjoni hija konformi mal-fatti u li d-dokument ta’ eżenzjoni ma fih l-ebda ommissjoni li x’aktarx taffettwa t-tifsira tiegħu.

Meta applikabbli, dikjarazzjoni minn dawk responsabbli għal ċerti partijiet tad-dokument ta’ eżenzjoni li sa fejn jafu huma, l-informazzjoni li tinsab fid-dokument f’dawk il-partijiet tad-dokument ta’ eżenzjoni hija konformi mal-fatti u li dawk il-partijiet tad-dokument ta’ eżenzjoni ma fihom l-ebda ommissjoni li x’aktarx taffettwa t-tifsira tagħhom.

Punt 1.3

Dikjarazzjoni jew rapport tal-espert

Fejn dikjarazzjoni jew rapport li huwa attribwit lil xi persuna bħala espert jiġu inklużi fid-dokument ta’ eżenzjoni, ipprovdi d-dettalji li ġejjin ta’ din il-persuna:

(a)

l-isem;

(b)

l-indirizz tan-negozju;

(c)

il-kwalifiki;

(d)

interess materjali, jekk hemm, fl-emittent.

Jekk id-dikjarazzjoni jew ir-rapport ikunu ġew prodotti fuq talba tal-emittent, iddikjara li din id-dikjarazzjoni jew dan ir-rapport ġew inklużi fid-dokument ta’ eżenzjoni bil-kunsens tal-persuna li tkun awtorizzat il-kontenut ta’ dik il-parti tad-dokument ta’ eżenzjoni.

Punt 1.4

Informazzjoni meħuda minn parti terza

Jekk l-informazzjoni tkun inġiebet minn parti terza, ipprovdi konferma li din l-informazzjoni tkun ġiet riprodotta b’mod preċiż u li sa fejn l-emittent huwa konxju u jista’ jaċċerta ruħu mill-informazzjoni ppubblikata minn dik il-parti terza, l-ebda fatti ma tħallew barra li jirrendu l-informazzjoni riprodotta ineżatta jew qarrieqa. Barra minn hekk, identifika s-sors(i) tal-informazzjoni.

Punt 1.5

Dikjarazzjonijiet regolatorji

Dikjarazzjoni li:

(a)

id-dokument ta’ eżenzjoni ma jikkostitwixxix prospett skont ir-Regolament (UE) 2017/1129;

(b)

id-dokument ta’ eżenzjoni ma kienx soġġett għall-iskrutinju u l-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti rilevanti f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2017/1129;

(c)

skont l-Artikolu 1(6a)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1129, jekk applikabbli, l-awtorità superviżorja li għandha l-kompetenza li tirrieżamina d-dokument ta’ offerta fil-qafas tad-Direttiva 2004/25/KE tkun ħarġet approvazzjoni preċedenti tad-dokument ta’ eżenzjoni.

TAQSIMA 2

INFORMAZZJONI DWAR L-EMITTENT U L-KUMPANIJA LI QED TIRĊIEVI L-OFFERTA, IL-KUMPANIJA LI QED TINXTARA JEW IL-KUMPANIJA LI QED TIĠI DIVIŻA

Dment li ma jiġix iddikjarat mod ieħor, il-punti mniżżla fit-Taqsima 2 għandhom jiġu pprovduti għall-emittent u, skont it-tip ta’ tranżazzjoni, il-kumpanija li qed tirċievi l-offerta, il-kumpanija li qed tinxtara jew il-kumpanija li qed tiġi diviża. Jekk waħda mill-entitajiet imsemmija hawn fuq tkun grupp u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati jkunu diġà ġew ippubblikati, l-informazzjoni mniżżla f’din it-taqsima għandha tiġi ppreżentata fuq bażi konsolidata.

Għat-titoli ta’ ekwità għajr l-ishma, il-punti elenkati fit-Taqsima 2 għandhom jiġu pprovduti wkoll għall-emittent tal-ishma sottostanti, jekk differenti mill-emittent tat-titoli ta’ ekwità.

F’każ ta’ xiri permezz ta’ offerta ta’ skambju, jekk l-informazzjoni mitluba fuq il-kumpanija li qed tirċievi l-offerta ma tkunx disponibbli għandha tiġi pprovduta dikjarazzjoni f’dan is-sens.

Punt 2.1

Tagħrif ġenerali

Punt 2.1.1

Isem legali u kummerċjali

Punt 2.1.2

(a)

domiċilju u forma ġuridika;

(b)

identifikatur ta’ entità ġuridika (Legal Entity Identifier, “LEI”);

(c)

il-liġi tal-pajjiż tal-inkorporazzjoni jew tar-residenza;

(d)

il-pajjiż tal-inkorporazzjoni jew tar-residenza, u l-indirizz, in-numru tat-telefon tal-uffiċċju reġistrat tagħha (jew il-post prinċipali ta’ negozju jekk ikun differenti mill-uffiċċju rreġistrat);

(e)

iperlink għas-sit web b’ċaħda ta’ responsabilità li l-informazzjoni fuq is-sit web ma tiffurmax parti mid-dokument ta’ eżenzjoni ħlief jekk l-informazzjoni tkun inkorporata fid-dokument ta’ eżenzjoni b’referenza.

Punt 2.1.3

L-ismijiet tal-awdituri għall-perjodu kopert mir-rapporti finanzjarji u l-isem tal-korp(i) professjonali li huma membri tiegħu/tagħhom.

Punt 2.2

Ħarsa ġenerali lejn in-negozju

Punt 2.2.1

L-attivitajiet prinċipali, inklużi l-kategoriji ewlenin ta’ prodotti mibjugħa u/jew servizzi mwettqa fl-aħħar sena finanzjarja.

Punt 2.2.2

Kwalunkwe bidla sinifikanti li għandha impatt fuq l-operazzjonijiet u l-attivitajiet prinċipali mit-tmiem tal-perjodu kopert mir-rapporti finanzjarji awditjati ppubblikati l-iżjed riċenti.

Punt 2.2.3

Deskrizzjoni fil-qosor tas-swieq prinċipali, inkluż rendikont tad-dħul totali skont is-segment tal-operat u s-suq ġeografiku għall-aħħar sena finanzjarja.

F’każ ta’ diviżjoni, id-deskrizzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tirreferi għas-swieq prinċipali fejn jinsabu l-assi u l-obbligazzjonijiet ewlenin tal-kumpanija li qed tiġi diviża.

Punt 2.3

Investimenti

Deskrizzjoni tal-investimenti materjali li saru mid-data tar-rapporti finanzjarji li ġew ippubblikati l-aħħar u li qed jitlestew u/jew li għalihom diġà saru impenji sodi, flimkien mas-sors antiċipat tal-fondi.

Punt 2.4

Governanza korporattiva

Punt 2.4.1

L-ismijiet, l-indirizzi tan-negozju u l-funzjonijiet tal-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji fi ħdan l-emittent jew, skont it-tip ta’ tranżazzjoni, il-kumpanija li qed tirċievi l-offerta, il-kumpanija li qed tinxtara jew il-kumpanija li qed tiġi diviża, u, f’każ ta’ soċjetà limitata b’kapital ta’ ishma, tal-imsieħba b’responsabilità illimitata.

Punt 2.4.2

Identità tal-azzjonisti ewlenin.

Punt 2.4.3

Għadd ta’ impjegati

Punt 2.5

Tagħrif finanzjarju

Punt 2.5.1

Rapporti finanzjarji

Ir-rapporti finanzjarji (annwali u ta’ kull sitt xhur) li ġew ippubblikati fit-12-il xahar ta’ qabel il-pubblikazzjoni tad-dokument ta’ eżenzjoni.

Fejn kemm rapporti finanzjarji annwali kif ukoll dawk ta’ kull sitt xhur ġew ippubblikati, ir-rapporti annwali biss għandhom ikunu meħtieġa meta dawn ikunu saru wara r-rapporti finanzjarji ta’ kull sitt xhur.

Ir-rapporti finanzjarji għandhom jinkludu r-rapporti tal-awditjar.

Jekk l-awdituri statutorji jkunu rrifjutaw rapporti tal-awditjar dwar ir-rapporti finanzjarji jew jekk dawn ir-rapporti tal-awditjar ikun fihom kwalifiki, modifiki ta’ opinjoni, ċaħdiet ta’ responsabilità jew osservazzjonijiet, dawn il-kwalifiki, modifiki, ċaħdiet ta’ responsabbiltà jew osservazzjonijiet għandhom jiġu riprodotti b’mod sħiħ u għandha tingħata raġuni għalihom.

Punt 2.5.1.a

(Fużjonijiet biss)

B’deroga mill-punt 2.5.1, jekk il-kumpanija li tkun qed tinxtara ma jkollhiex titoli ta’ ekwità li huma diġà ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, il-kumpanija għandha tipprovdi r-rapporti finanzjarji awditjati (annwali u ta’ kull sitt xhur) li ġew adottati fit-12-il xahar qabel il-pubblikazzjoni tad-dokument ta’ eżenzjoni.

Fejn kemm rapporti finanzjarji annwali kif ukoll dawk ta’ kull sitt xhur ġew ippubblikati, ir-rapporti annwali biss għandhom ikunu meħtieġa meta dawn ikunu saru wara r-rapporti finanzjarji ta’ kull sitt xhur.

Ir-rapporti finanzjarji għandhom jinkludu r-rapporti tal-awditjar.

Jekk l-awdituri statutorji jkunu rrifjutaw rapporti tal-awditjar dwar ir-rapporti finanzjarji jew jekk dawn ir-rapporti tal-awditjar ikun fihom kwalifiki, modifiki ta’ opinjoni, ċaħdiet ta’ responsabilità jew osservazzjonijiet, dawn il-kwalifiki, modifiki, ċaħdiet ta’ responsabbiltà jew osservazzjonijiet għandhom jiġu riprodotti b’mod sħiħ u għandha tingħata raġuni għalihom.

Jekk il-kumpanija li tkun qed tinxtara ma jkollhiex rapporti finanzjarji awditjati, din għandha tipprovdi rapporti finanzjarji mħejjija fl-aħħar 12-il xahar u dikjarazzjoni negattiva li tiddikjara li r-rapporti finanzjarji ma ġewx rieżaminati jew awditjati.

Punt 2.5.2

Standards kontabilistiċi

L-informazzjoni finanzjarja għandha titħejja f’konformità mal-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju kif approvati fl-Unjoni f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (1).

Jekk ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 ma japplikax l-informazzjoni finanzjarja għandha tiġi ppreparata skont:

(a)

l-istandards kontabilistiċi nazzjonali tal-Istat Membru għal emittenti miż-ŻEE, kif meħtieġ mid-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (2);

(b)

l-istandards kontabilistiċi nazzjonali ta’ pajjiż terz ekwivalenti għar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 għal emittenti ta’ pajjiż terz. Jekk tali standards kontabilistiċi nazzjonali ta’ pajjiż terz mhumiex ekwivalenti għar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 id-dikjarazzjonijiet finanzjarji għandhom jerġgħu jiġu ddikjarati skont dak ir-Regolament.

Punt 2.5.3

Deskrizzjoni ta’ kull bidla sinifikanti fil-pożizzjoni finanzjarja li seħħet mit-tmiem tal-aħħar perjodu finanzjarju li għalih ikunu ġew ippubblikati dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati jew informazzjoni finanzjarja interim, jew, fejn ma tkunx seħħet bidla sinifikanti bħal din, dikjarazzjoni xierqa għal dak l-għan.

Jekk applikabbli, informazzjoni dwar kwalunkwe xejra magħrufa, inċertezzi, talbiet, impenji jew avvenimenti li raġonevolment x’aktarx li jkollhom effett materjali fuq l-emittent u, skont it-tip ta’ tranżazzjoni, il-kumpanija li qed tirċievi l-offerta, il-kumpanija li qed tinxtara jew il-kumpanija li qed tiġi diviża, mill-inqas għas-sena finanzjarja attwali.

Punt 2.5.4

Jekk applikabbli, ir-rapport ta’ ġestjoni msemmi fl-Artikoli 19 u 29 tad-Direttiva 2013/34/UE.

Punt 2.6

Proċeduri legali u ta’ arbitraġġ

Informazzjoni dwar kull proċediment governattiv, ġuridiku jew ta’ arbitraġġ (inkluż kull proċediment li huwa pendenti jew jista’ jinbeda li minnu huwa konxju l-emittent, il-kumpanija li qed tirċievi l-offerta, il-kumpanija li qed tinxtara jew il-kumpanija li qed tiġi diviża), matul perjodu li jkopri mill-inqas it-12-il xahar preċedenti li jista’ jkollu, jew fil-passat riċenti kellu effetti sinifikanti fuq l-emittent, il-kumpanija li qed tirċievi l-offerta, il-kumpanija li qed tinxtara, il-kumpanija li qed tiġi diviża jew il-grupp u/jew il-pożizzjoni finanzjarja jew il-profitabbiltà tal-grupp, jew ipprovdi dikjarazzjoni negattiva xierqa.

F’każ ta’ diviżjoni, l-informazzjoni dwar il-proċedimenti ġuridiċi u ta’ arbitraġġ għandha tirreferi għall-assi u għall-obbligazzjonijiet li huma l-oġġett tad-diviżjoni.

Punt 2.7

Sommarju tal-informazzjoni żvelata skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (3)

Għall-entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, sommarju tal-informazzjoni żvelata fil-qafas tar-Regolament fl-aħħar 12-il xahar, jekk l-informazzjoni tkun rilevanti fid-data tad-dokument ta’ eżenzjoni.

Is-sommarju għandu jiġi ppreżentat f’forma li faċli tiġi analizzata, konċiża u li tinftiehem u m’għandux ikun dupplikazzjoni tal-informazzjoni diġà ppubblikat skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014. Is-sommarju għandu jiġi ppreżentat f’għadd limitat ta’ kategoriji skont is-suġġett tagħhom.

TAQSIMA 3

DESKRIZZJONI TAT-TRANŻAZZJONI

Punt 3.1

Skop u objettivi tat-tranżazzjoni

Punt 3.1.1

L-iskop tat-tranżazzjoni għall-emittent u l-azzjonisti tiegħu.

Punt 3.1.2

L-iskop tat-tranżazzjoni għall-kumpanija li qed tirċievi l-offerta, il-kumpanija li qed tinxtara jew il-kumpanija li qed tiġi diviża u l-azzjonisti tagħha.

Punt 3.1.3

Id-deskrizzjoni tal-benefiċċji antiċipati li jirriżultaw mit-tranżazzjoni.

Punt 3.2

Kundizzjonijiet tat-tranżazzjoni

Punt 3.2.1

L-informazzjoni dwar il-proċeduri u t-termini tat-tranżazzjoni u l-liġi li tirregola l-ftehim li jeżegwixxi t-tranżazzjoni.

F’każ ta’ xiri permezz ta’ offerta ta’ skambju, id-dokument ta’ eżenzjoni għandu jinkludi l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2004/25/KE, jew indikazzjoni ta’ fejn dik l-informazzjoni tista’ tinstab għall-qari.

F’każ ta’ fużjoni, id-dokument ta’ eżenzjoni għandu jkun fih l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 91(2) jew l-Artikolu 122 tad-Direttiva (UE) 2017/1132, skont it-tip ta’ fużjoni, jew indikazzjoni ta’ fejn tista’ tinstab dik l-informazzjoni għall-qari.

F’każ ta’ diviżjoni, id-dokument ta’ eżenzjoni għandu jinkludi l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 137(2) tad-Direttiva (UE) 2017/1132, jew indikazzjoni ta’ fejn din l-informazzjoni tista’ tinstab għall-qari.

Punt 3.2.2

Jekk applikabbli, kwalunkwe kundizzjoni li għaliha hija soġġetta l-effettività tat-tranżazzjoni, inkluża kwalunkwe garanzija.

Punt 3.2.3

Jekk applikabbli, kwalunkwe informazzjoni dwar ħlasijiet ta’ penali (“break-up fees”) jew multi oħra li jkollhom jitħallsu jekk it-tranżazzjoni ma tiġix kompluta.

Punt 3.2.4

Jekk it-tranżazzjoni tkun soġġetta għal kwalunkwe notifika u/jew talba għal awtorizzazzjonijiet, deskrizzjoni ta’ dawn in-notifiki u/jew talbiet għal awtorizzazzjonijiet.

Punt 3.2.5

Jekk applikabbli, l-informazzjoni kollha meħtieġa biex wieħed jifhem b’mod sħiħ l-istruttura ta’ finanzjament tat-tranżazzjoni.

Punt 3.2.6

Skeda ta’ żmien tat-tranżazzjoni

Punt 3.3

Fatturi ta’ riskju

Deskrizzjoni, f’numru limitat ta’ kategoriji, tar-riskji materjali li huma speċifiċi għat-tranżazzjoni, fit-taqsima intitolata “Fatturi ta’ riskju b’rabta mat-tranżazzjoni”.

F’kull kategorija, għandhom jissemmew l-ewwel il-fatturi ta’ riskju l-iżjed materjali fil-valutazzjoni tal-emittent, b’kunsiderazzjoni tal-impatt negattiv fuq l-emittent u l-probabbiltà tal-okkorrenza tagħhom.

Il-fatturi tar-riskju għandhom jiġu kkorroborati mill-kontenut tad-dokument ta’ eżenzjoni.

Punt 3.4

Kunflitt ta’ interess

Id-dettalji dwar kwalunkwe kunflitt ta’ interess li l-emittent, il-kumpanija li qed tirċievi l-offerta, il-kumpanija li qed tinxtara jew il-kumpanija li qed tiġi diviża u kwalunkwe wieħed mill-azzjonisti tagħha jista’ jkollu fir-rigward tat-tranżazzjoni.

Punt 3.5

Korrispettiv tal-offerta

Punt 3.5.1

Id-destinatarji tal-offerta jew tal-assenjazzjoni tat-titoli ta’ ekwità marbuta mat-tranżazzjoni.

Punt 3.5.2

Il-korrispettiv offrut għal kull titolu ta’ ekwità jew klassi ta’ titoli ta’ ekwità, u b’mod partikolari l-proporzjon ta’ skambju u l-ammont ta’ kwalunkwe ħlas fi flus kontanti.

Punt 3.5.3

Informazzjoni dwar kwalunkwe korrispettiv kontinġenti miftiehem fil-kuntest tat-tranżazzjoni, inkluż, f’każ ta’ fużjoni, kwalunkwe obbligu tal-kumpanija akkwirenti li tittrasferixxi titoli jew flus addizzjonali lis-sidien preċedenti tal-kumpanija li qed tinxtara jekk iseħħu avvenimenti futuri jew jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet.

Punt 3.5.4

Il-metodi ta’ valwazzjoni u l-ipoteżijiet użati biex jiġi ddeterminat il-korrispettiv offrut għal kull titolu ta’ ekwità jew klassi ta’ titoli ta’ ekwità, u b’mod partikolari fir-rigward tal-proporzjon ta’ skambju.

Punt 3.5.5

Indikazzjoni ta’ kwalunkwe valutazzjoni jew rapport imħejji minn esperti indipendenti u informazzjoni dwar fejn dawn il-valutazzjonijiet jew ir-rapporti jistgħu jinstabu għall-qari.

F’każ ta’ fużjoni, id-dokument ta’ eżenzjoni għandu jkun fih l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 96 jew 125 tad-Direttiva (UE) 2017/1132, skont it-tip ta’ fużjoni, jew indikazzjoni ta’ fejn tista’ tinstab dik l-informazzjoni għall-qari.

F’każ ta’ diviżjoni, id-dokument ta’ eżenzjoni għandu jinkludi l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 142 tad-Direttiva (UE) 2017/1132, jew indikazzjoni ta’ fejn din l-informazzjoni tista’ tinstab għall-qari.

TAQSIMA 4

TITOLI TA’ EKWITÀ OFFRUTI LILL-PUBBLIKU JEW AMMESSI GĦALL-KUMMERĊ F’SUQ REGOLAT GĦALL-FINI TAT-TRANŻAZZJONI

Għat-titoli ta’ ekwità għajr l-ishma, l-informazzjoni mogħtija għandha tkun komprensiva u tinkludi l-informazzjoni elenkata hawn taħt għall-ishma sottostanti.

Punt 4.1

Fatturi ta’ riskju

Deskrizzjoni tar-riskji materjali li huma speċifiċi għat-titoli ta’ ekwità offruti u/jew ammessi għall-kummerċ f’numru limitat ta’ kategoriji, fit-taqsima bl-isem “Fatturi ta’ Riskju marbuta mat-titoli ta’ ekwità”.

F’kull kategorija, għandhom jiġu stabbiliti l-ewwel ir-riskji l-iżjed materjali, fil-valutazzjoni tal-emittent, offerent jew persuna li qed titlob ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat, b’kunsiderazzjoni tal-impatt negattiv fuq l-emittent u t-titoli ta’ ekwità u l-probabbiltà tal-okkorrenza tagħhom.

Il-fatturi tar-riskju għandhom jiġu kkorroborati mill-kontenut tad-dokument ta’ eżenzjoni.

Punt 4.2

Dikjarazzjoni tal-kapital operatorju

Dikjarazzjoni mill-emittent, li fl-opinjoni tiegħu, il-kapital operatorju huwa suffiċjenti għar-rekwiżiti preżenti tal-emittent jew, jekk le, kif jipproponi li jipprovdi l-kapital operatorju addizzjonali meħtieġ.

Punt 4.3

Informazzjoni dwar it-titoli ta’ ekwità li se jiġu offruti u/jew ammessi għall-kummerċ

Punt 4.3.1

Informazzjoni ġenerali li għandha tkun provduta:

(a)

deskrizzjoni tat-tip, il-klassi u l-ammont tat-titoli ta’ ekwità li qed jiġu offruti u/jew ammessi għall-kummerċ, inkluż in-numru internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (“ISIN”);

(b)

munita tat-titoli ta’ ekwità maħruġa.

Punt 4.3.2

Dikjarazzjoni tar-riżoluzzjonijiet, l-awtorizzazzjonijiet u l-approvazzjonijiet li bis-saħħa tagħhom ġew jew kienu se jiġu maħluqa u/jew maħruġa t-titoli ta’ ekwità.

Punt 4.3.3

Deskrizzjoni ta’ kull restrizzjoni fuq it-trasferibbiltà libera tat-titoli ta’ ekwità.

Punt 4.3.4

Indikazzjoni ta’ offerti ta’ xiri mill-pubbliku minn partijiet terzi fir-rigward tal-ekwità tal-emittent, li seħħew matul l-aħħar sena finanzjarja u fis-sena finanzjarja kurrenti. Għandu jiġi ddikjarat il-prezz jew it-termini tal-iskambju marbuta ma’ dawn l-offerti u dak li jirriżulta minnhom.

Punt 4.4

Ammissjoni għall-kummerċ u arranġamenti ta’ negozjar

Punt 4.4.1

Indikazzjoni dwar jekk it-titoli ta’ ekwità offruti humiex jew humiex se jkunu l-għan ta’ applikazzjoni għall-ammissjoni għall-kummerċ, bil-għan tad-distribuzzjoni tagħhom f’suq regolat, jew swieq ekwivalenti ta’ pajjiż terz oħrajn kif definiti fl-Artikolu 1(b) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/980,  (4), b’indikazzjoni tas-swieq inkwistjoni.

Jekk ikunu magħrufa, l-aktar dati kmieni li fihom it-titoli ta’ ekwità se jiġu ammessi għall-kummerċ.

Punt 4.4.2

Is-swieq regolati kollha, jew is-swieq ekwivalenti ta’ pajjiżi terzi kif definiti fl-Artikolu 1(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980 li fihom, sa fejn jaf l-emittent, titoli ta’ ekwità tal-istess klassi tat-titoli ta’ ekwità li se jiġu offruti jew ammessi għall-kummerċ huma diġà ammessi għall-kummerċ inklużi, jekk applikabbli, riċevuti depożitarji u ishma sottostanti.

Punt 4.4.3

Dettalji tal-entitajiet li taw impenn sod li jaġixxu bħala intermedjarji f’kummerċ sekondarju, u jipprovdu likwidità permezz ta’ rati ta’ offerta u deskrizzjoni tat-termini ewlenin tal-impenn tagħhom.

Punt 4.4.4

Ftehimiet ta’ immobbiltà:

(a)

il-partijiet involuti;

(b)

il-kontenut u l-eċċezzjonijiet tal-ftehim;

(c)

indikazzjoni tal-perjodu ta’ immobbiltà.

Punt 4.5

Dilwizzjoni

Punt 4.5.1

Tqabbil tal-valur nett tal-assi għal kull sehem fid-data tal-aħħar karta tal-bilanċ qabel it-tranżazzjoni u l-prezz tal-ħruġ għal kull sehem f’dik it-tranżazzjoni.

Punt 4.5.2

Informazzjoni addizzjonali jekk ikun hemm offerta jew ammissjoni għall-kummerċ simultanja jew kważi simultanja ta’ titoli ta’ ekwità tal-istess klassi.

Punt 4.5.3

Tabella li tippreżenta l-għadd tat-titoli ta’ ekwità u d-drittijiet tal-vot kif ukoll il-kapital tal-ishma kemm qabel kif ukoll wara t-tranżazzjoni. Indikazzjoni tad-dilwizzjoni (inkluża d-dilwizzjoni fid-drittijiet tal-vot) li l-azzjonisti eżistenti tal-emittent jesperjenzaw b’riżultat tal-offerta.

Punt 4.6

Konsulenti

Jekk konsulenti konnessi ma’ ħruġ jiġu msemmija fid-dokument ta’ eżenzjoni, dikjarazzjoni tal-kapaċità li fiha jkunu aġixxew il-konsulenti.

TAQSIMA 5

IMPATT TAT-TRANŻAZZJONI FUQ L-EMITTENT

Punt 5.1

Strateġija u objettivi

L-emittent għandu jipprovdi deskrizzjoni tal-intenzjonijiet tiegħu fir-rigward tan-negozju futur wara t-tranżazzjoni, inkluża indikazzjoni ta’ kwalunkwe bidla sinifikanti li jkollha impatt fuq l-operazzjonijiet, l-attivitajiet prinċipali kif ukoll il-prodotti u s-servizzi b’riżultat tat-tranżazzjoni.

Jekk applikabbli, din l-informazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-prospetti tan-negozju u kwalunkwe ristrutturar u/jew riorganizzazzjoni.

Punt 5.2

Kuntratti materjali

Sommarju qasir ta’ kull kuntratt materjali tal-emittent, tal-kumpanija li qed tirċievi l-offerta, tal-kumpanija li qed tinxtara jew tal-kumpanija li qed tiġi diviża, għajr il-kuntratti li saru fil-kors ordinarju tan-negozju, li jintlaqtu b’mod materjali mit-tranżazzjoni.

Punt 5.3

Żvestiment

Punt 5.3.1

Sa fejn tkun magħrufa, informazzjoni dwar żvestiment materjali bħal bejgħ materjali ta’ sussidjarji jew kwalunkwe linja/i prinċipali ta’ negozju wara li t-tranżazzjoni ssir effettiva, flimkien ma’ deskrizzjoni tal-impatti possibbli fuq il-grupp tal-emittent.

Punt 5.3.2

Informazzjoni dwar kwalunkwe kanċellazzjoni materjali ta’ investimenti jew żvestimenti futuri mħabbra qabel.

Punt 5.4

Governanza korporattiva

(a)

sa fejn ikunu magħrufa mill-emittent, l-ismijiet, l-indirizzi tan-negozju u l-funzjonijiet fl-emittent tal-persuni li immedjatament wara t-tranżazzjoni jkunu membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji u, f’każ ta’ soċjetà limitata b’kapital ta’ ishma, tal-imsieħba b’responsabilità illimitata;

(b)

kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali li jista’ jinqala’ b’riżultat tat-twettiq ta’ dmirijiet mill-persuni msemmija fil-punt (a) f’isem l-emittent u l-interessi privati tagħhom jew dmirijiet oħra għandu jiġi ddikjarat b’mod ċar. Fil-każ li m’hemmx kunflitti bħal dawn, għandha ssir dikjarazzjoni għal dak l-għan;

(c)

dettalji ta’ kull restrizzjoni miftiehma mill-persuni msemmija fil-punt (a) għat-titoli ta’ ekwità tal-emittent miżmuma minnhom f’ċertu perjodu ta’ żmien wara t-tranżazzjoni.

Punt 5.5

Ishma

L-istruttura tal-parteċipazzjoni azzjonarja immedjatament wara t-tranżazzjoni.

Punt 5.6

Informazzjoni finanzjarja pro forma

Punt 5.6.1

Fil-każ ta’ bidla grossa sinifikanti kif definita fl-Artikolu 1(e) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980, deskrizzjoni ta’ kif it-tranżazzjoni setgħet affettwat l-assi u l-obbligazzjonijiet u l-qligħ tal-emittent, li kieku t-tranżazzjoni kienet twettqet fil-bidu tal-perjodu li qed jiġi rrapportat jew fid-data rrapportata.

Normalment, dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfat permezz tal-inklużjoni ta’ informazzjoni finanzjarja pro forma. Din l-informazzjoni finanzjarja pro forma għandha tiġi ppreżentata kif stabbilit fil-punti minn 5.7 sa 5.9 u għandha tinkludi l-informazzjoni indikata fihom.

Informazzjoni finanzjarja pro forma għandha tiġi akkompanjata minn rapport imħejji minn kontabilisti jew awdituri indipendenti.

Punt 5.6.2

Jekk l-informazzjoni finanzjarja pro forma ma tkunx applikabbli, l-emittent għandu jipprovdi deskrizzjoni narrattiva u informazzjoni finanzjarja fuq l-impatti materjali li t-tranżazzjoni jkollha fuq id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-emittent. Din l-informazzjoni deskrittiva u finanzjarja ma għandhiex teħtieġ awditjar.

L-informazzjoni deskrittiva u finanzjarja għandha tiġi ppreparata b’mod konsistenti mal-qafas tar-rapportar finanzjarju applikabbli u mal-politika kontabilistika adottata mill-emittent fl-aħħar dikjarazzjonijiet finanzjarji tiegħu jew dawk li jmiss. Jekk din l-informazzjoni tkun ġiet awditjata, fid-dokument ta’ eżenzjoni għandu jiġi żvelat li din l-informazzjoni ġiet awditjata kif ukoll informazzjoni dwar l-awdituri li wettqu l-awditu.

Punt 5.7

Kontenut tal-informazzjoni finanzjarja pro forma

L-informazzjoni finanzjarja pro forma għandha tikkonsisti fi:

(a)

introduzzjoni li tistabbilixxi:

(i)

l-iskop li għalih tħejjiet l-informazzjoni finanzjarja pro forma, inkluża deskrizzjoni tax-xiri permezz ta’ offerta ta’ skambju, tal-fużjoni jew tad-diviżjoni jew impenn sinifikanti u n-negozji jew l-entitajiet involuti;

(ii)

il-perjodu u/jew id-data koperti mill-informazzjoni finanzjarja pro forma;

(iii)

il-fatt li l-informazzjoni finanzjarja pro forma tħejjiet għal skopijiet ta’ spjega biss;

(iv)

spjegazzjoni li:

(A)

l-informazzjoni finanzjarja pro forma tispjega l-impatt tat-tranżazzjoni bħallikieku t-tranżazzjoni twettqet f’data aktar bikrija;

(B)

il-pożizzjoni finanzjarja jew ir-riżultati ipotetiċi inklużi fl-informazzjoni finanzjarja pro forma jistgħu jvarjaw mill-pożizzjoni finanzjarja jew mir-riżultati reali tal-entità;

(b)

kont tal-profitt u t-telf, karta tal-bilanċ jew it-tnejn li huma, skont iċ-ċirkostanzi ppreżentati f’format b’kolonni magħmula minn:

(i)

informazzjoni storika mhux aġġustata;

(ii)

aġġustamenti fil-politika kontabilistika, fejn neċessarji;

(iii)

aġġustamenti pro forma;

(iv)

ir-riżultati tal-informazzjoni finanzjarja pro forma fl-aħħar kolonna;

(c)

akkumpanjati minn noti li jispjegaw:

(i)

is-sorsi li minnhom ittieħdet l-informazzjoni finanzjarja mhux aġġustata u jekk ġiex ippubblikat jew le awditu jew rapport ta’ rieżami fuq is-sors;

(ii)

il-bażi li fuqha tħejjiet l-informazzjoni finanzjarja pro forma;

(iii)

is-sors u l-ispjegazzjoni ta’ kull aġġustament;

(iv)

jekk kull aġġustament fir-rigward ta’ dikjarazzjoni tal-profitt u t-telf pro forma hux mistenni li jkollu impatt kontinwu fuq l-emittent jew le;

(d)

fejn applikabbli, sa fejn mhux kopert xi mkien ieħor fid-dokument ta’ eżenzjoni, l-informazzjoni finanzjarja u l-informazzjoni finanzjarja interim tan-negozji jew entitajiet (li se jiġu) mixtrija użata fit-tħejjija tal-informazzjoni finanzjarja pro forma għandha tiġi inkluża fid-dokument ta’ eżenzjoni. B’mod simili, f’każ ta’ diviżjoni, l-informazzjoni finanzjarja tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża għandha tiġi inkluża.

Punt 5.8

Prinċipji fit-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni finanzjarja pro forma

Punt 5.8.1

L-informazzjoni finanzjarja pro forma għandha tiġi identifikata sabiex ikun hemm distinzjoni mill-informazzjoni finanzjarja storika.

L-informazzjoni finanzjarja pro forma għandha tiġi ppreparata b’mod konsistenti mal-politika kontabilistika adottata mill-emittent fl-aħħar dikjarazzjonijiet finanzjarji tiegħu jew dawk li jmiss.

Punt 5.8.2

L-informazzjoni pro forma tista’ tiġi ppubblikata biss fir-rigward ta’ xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-aħħar perjodu finanzjarju li tlesta;

(b)

il-perjodu interim l-aktar riċenti li għalih ġiet ippubblikata informazzjoni rilevanti mhux aġġustata jew hi inkluża fid-dokument ta’ eżenzjoni.

Punt 5.8.3

L-aġġustamenti pro forma għandhom:

(a)

ikunu murija u spjegati b’mod ċar;

(b)

jippreżentaw l-effetti sinifikanti kollha direttament attribwibbli għat-tranżazzjoni;

(c)

ikunu jistgħu jiġu sostnuti fattwalment.

Punt 5.9

Rekwiżiti għal rapport ta’ kontabilist/tal-awditjar

Id-dokument ta’ eżenzjoni għandu jinkludi rapport ippreparat minn kontabilisti jew awdituri indipendenti li jiddikjaraw li fl-opinjoni tagħhom:

(a)

l-informazzjoni finanzjarja pro forma tħejjiet b’mod korrett fuq il-bażi ddikjarata;

(b)

li l-bażi msemmija fil-punt (a) hija konsistenti mal-politiki kontabilistiċi tal-emittent.

TAQSIMA 6

DOKUMENTI DISPONIBBLI

Punt 6.1

L-informazzjoni dwar fejn, jekk applikabbli, jistgħu jinqraw id-dokumenti li ġejjin fit-12-il xahar wara l-pubblikazzjoni tad-dokument ta’ eżenzjoni:

(a)

il-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni aġġornati tal-emittent;

(b)

ir-rapporti, l-ittri u d-dokumenti l-oħra, l-informazzjoni finanzjarja storika, il-valwazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet kollha mħejjija minn kull espert fuq it-talba tal-emittent li kwalunkwe parti minnhom tiġi inkluża jew imsemmija fid-dokument ta’ eżenzjoni;

(c)

ir-rapporti, l-ittri u d-dokumenti l-oħra, il-valwazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet kollha mhux koperti mill-punti (a) jew (b) ta’ dan il-punt jew kwalunkwe punt ieħor f’dan l-Anness, imħejjija f’konformità mad-Direttiva 2004/25/KE jew mad-Direttiva (UE) 2017/1132.

Indikazzjoni tas-sit web fejn jistgħu jinqraw id-dokumenti.


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabbiltà (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).

(2)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/980 tal-14 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-format, il-kontenut, l-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 (ĠU L 166, 21.6.2019, p. 26).


ANNESS II

KONTENUT MINIMU TA’ INFORMAZZJONI TAD-DOKUMENT TA’ EŻENZJONI

Artikolu 2(1), ir-raba’ subparagrafu

TAQSIMA 1

INFORMAZZJONI DWAR L-EMITTENT

 

Għandha tiġi pprovduta din l-informazzjoni:

(a)

l-informazzjoni meħtieġa fit-Taqsima 1 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(b)

l-informazzjoni meħtieġa fl-Anness 1 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980, bl-eċċezzjoni tat-Taqsima 1 ta’ dak l-Anness. Jekk applikabbli, din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta wkoll għall-emittent tal-ishma sottostanti, jekk differenti mill-emittent tat-titoli ta’ ekwità.

Kwalunkwe referenza għal “dokument tar-reġistrazzjoni” jew għal “prospett” fl-Anness 1 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980 għandha tinftiehem bħala referenza għal dokument ta’ eżenzjoni kif imsemmi f’dan ir-Regolament.

TAQSIMA 2

INFORMAZZJONI DWAR IL-KUMPANIJA LI QED TIRĊIEVI L-OFFERTA, IL-KUMPANIJA LI QED TINXTARA JEW IL-KUMPANIJA LI QED TIĠI DIVIŻA

 

L-informazzjoni meħtieġa fit-Taqsima 2 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi pprovduta, skont it-tip ta’ tranżazzjoni, għall-kumpanija li qed tirċievi l-offerta, il-kumpanija li qed tinxtara jew il-kumpanija li qed tiġi diviża.

Jekk waħda mill-entitajiet imsemmija hawn fuq tkun grupp, u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati jkunu diġà ġew ippubblikati, l-informazzjoni mniżżla f’din it-taqsima għandha tiġi ppreżentata fuq bażi konsolidata.

F’każ ta’ xiri permezz ta’ offerta ta’ skambju, jekk l-informazzjoni mitluba fuq il-kumpanija li qed tirċievi l-offerta ma tkunx disponibbli għandha tiġi pprovduta dikjarazzjoni f’dan is-sens.

TAQSIMA 3

INFORMAZZJONI DWAR IT-TITOLI TA’ EKWITÀ OFFRUTI LILL-PUBBLIKU JEW AMMESSI GĦALL-KUMMERĊ F’SUQ REGOLAT GĦALL-FINI TAT-TRANŻAZZJONI

Punt 3.1

Għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni meħtieġa fl-Anness 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980, bl-eċċezzjoni tat-Taqsima 1 ta’ dak l-Anness.

Jekk applikabbli, din l-informazzjoni għandha tkun ipprovduta wkoll għall-ishma sottostanti.

Kwalunkwe referenza għan-“nota dwar it-titoli” jew għal “prospett” fl-Anness 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980 għandha tinftiehem bħala referenza għal dokument ta’ eżenzjoni kif imsemmi f’dan ir-Regolament.

Punt 3.2

B’deroga mill-punt 3.1, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi pprovduta fil-każijiet li ġejjin:

(a)

għat-titoli msemmija fl-Artikolu 19, il-paragrafi 1 jew 2, jew fl-Artikolu 20, il-paragrafi 1 jew 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980, jekk dawn it-titoli ma jkunux ishma jew titoli trasferibbli oħra ekwivalenti għal ishma, għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni meħtieġa fl-Anness 14 ta’ dak ir-Regolament (ħlief it-Taqsima 1 ta’ dak l-Anness), kif ukoll l-informazzjoni addizzjonali msemmija fl-Artikolu 19, il-paragrafi 1 jew 2, jew fl-Artikolu 20, il-paragrafi 1 jew 2;

(b)

għar-riċevuti depożitorji maħruġa għal ishma għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni meħtieġa fl-Anness 13 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980.

Kwalunkwe referenza għan-“nota dwar it-titoli” jew għal “prospett” fl-Annessi rilevanti tar-Regolament Delegat (UE) 2019/980 għandha tinftiehem bħala referenza għal dokument ta’ eżenzjoni kif imsemmi f’dan ir-Regolament.

TAQSIMA 4

DESKRIZZJONI TAT-TRANŻAZZJONI

 

Għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni meħtieġa fit-Taqsima 3 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

TAQSIMA 5

IMPATT TAT-TRANŻAZZJONI FUQ L-EMITTENT

 

Għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni meħtieġa fit-Taqsima 5 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.


Top