Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0275

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/275 tat-22 ta’ Frar 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

    ĠU L 60I, 22.2.2021, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/275/oj

    22.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 60/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/275

    tat-22 ta’ Frar 2021

    li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2063 tat-13 ta’ Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-13 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/2063.

    (2)

    Fis-7 ta’ Diċembru 2020, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li ddikjarat li l-elezzjonijiet Venezwelani tas-6 ta’ Diċembru 2020 għall-Assemblea Nazzjonali sfortunatament saru mingħajr qbil nazzjonali dwar il-kondizzjonijiet elettorali, naqsu milli jikkonformaw mal-istandards internazzjonali minimi għal proċess kredibbli, u naqsu milli jimmobilizzaw lill-poplu Venezwelan biex jipparteċipa. Id-dikjarazzjoni ssottolinjat li dan in-nuqqas ta’ rispett għall-pluraliżmu politiku u l-iskwalifika, u l-prosekuzzjoni, tal-mexxejja tal-oppożizzjoni ma jippermettux lill-Unjoni tirrikonoxxi dan il-proċess elettorali bħala kredibbli, inklużiv jew trasparenti, u r-riżultati tiegħu bħala rappreżentattivi tar-rieda tal-poplu Venezwelan.

    (3)

    Fis-6 ta’ Jannar 2021, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ it-tieni dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni dwar l-elezzjonijiet Venezwelani għall-Assemblea Nazzjonali, li ssottolinjat id-dispjaċir kbir tal-Unjoni li l-Assemblea Nazzjonali bdiet il-mandat tagħha fil-5 ta’ Jannar 2021 abbażi tal-elezzjonijiet mhux demokratiċi. Huwa indika wkoll li l-elezzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali eletta fl-2015 kienu l-aħħar espressjoni ħielsa tal-Venezwelani fi proċess elettorali. Finalment, id-dikjarazzjoni semmiet li l-Unjoni kienet lesta li tieħu miżuri mmirati addizzjonali.

    (4)

    Fil-25 ta’ Jannar 2021, il-Kunsill adotta Konklużjonijiet dwar il-Venezwela, fejn iddikjara li l-Unjoni jiddispjaċiha ħafna li l-elezzjonijiet leġiżlattivi tas-6 ta’ Diċembru 2020 kienu opportunità mitlufa għad-demokrazija, saru mingħajr qbil nazzjonali dwar il-kondizzjonijiet elettorali, u naqsu milli jikkonformaw mal-istandards internazzjonali għal proċess demokratiku. Barra minn hekk, il-Kunsill issottolinja li d-drittijiet tal-bniedem iridu jiġu rispettati. Iddikjara wkoll li ma jista’ jkun hemm l-ebda soluzzjoni għall-kriżi politika fil-Venezwela jekk iċ-ċittadini tagħha jibżgħu li jiġu arrestati u ppersegwitati, inkluż il-familji tagħhom, talli jeżerċitaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom.

    (5)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Jannar 2021 indikaw li, fid-dawl tas-sitwazzjoni li qed tiddeterjora tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija fil-Venezwela, l-Unjoni tinsab lesta li tadotta miżuri restrittivi mmirati addizzjonali kontra dawk li jdgħajfu d-demokrazija jew l-istat tad-dritt u dawk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Dawn il-miżuri huma mfassla biex ma jagħmlux ħsara lill-popolazzjoni Venezwelana, u jistgħu jiġu revokati.

    (6)

    F’dan il-kuntest, u fid-dawl tas-sitwazzjoni gravi kontinwa fil-Venezwela, jenħtieġ li 19-il persuna jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063.

    (7)

    Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063 huwa emendat kif jinsab fl-Anness

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  ĠU L 295, 14.11.2017, p. 21.


    ANNESS

    Il-persuni li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063:

     

    Isem

    Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “37.

    Remigio CEBALLOS ICHASO

    Data tat-twelid: 1 ta’ Mejju 1963

    Numru tal-karta tal-identità: V-6557495

    Sess: raġel

    Kmandant tal-Kmand Operazzjonali u Strateġiku tal-Forzi Armati Nazzjonali Bolivarjani tal-Venezwela (Comando Estratégico Operacional Fuerzas Armadas Nacionales Bolivarianas (CEOFANB)), l-ogħla organu fil-Forzi Armati Venezwelani, minn Ġunju 2017. Is-CEOFANB jikkontrolla l-Forzi Armati Nazzjonali Bolivarjani (FANB) u l-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana. Is-CEOFANB huwa wkoll responsabbli għall-koordinazzjoni tal-interventi tal-FANB fid-dimostrazzjonijiet.

    Fil-pożizzjoni tiegħu bħala kmandant tas-CEOFANB huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-użu ta’ forza eċċessiva u t-trattament inuman u degradanti minn uffiċjali tal-FANB u minn forzi subordinati taħt il-kmand tiegħu, inkluż il-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana. Sorsi varji, inkluż il-Missjoni Internazzjonali Indipendenti għat-Tiftix tal-Fatti dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, jattribwixxu ksur tad-drittijiet tal-bniedem lill-FANB u l-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana.

    22.2.2021

    38.

    Omar José PRIETO FERNÁNDEZ

    Data tat-twelid: 25 ta’ Mejju 1969

    Numru tal-karta tal-identità: V-9761075

    Sess: raġel

    Gvernatur tal-Istat ta’ Zulia minn Diċembru 2017. F’din il-pożizzjoni huwa dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Istat ta’ Zulia. Huwa ngħata l-ġurament mill-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali (ANC) mhux rikonoxxuta, wara li r-rebbieħ leġittimu tal-elezzjoni rrifjuta li jieħu l-ġurament tal-ħatra quddiem l-ANC. Omar José Prieto Fernández ippromwova b’mod attiv l-elezzjonijiet mhux demokratiċi għall-Assemblea Nazzjonali li saru fis-6 ta’ Diċembru 2020. Barra minn hekk, huwa hedded lil mexxejja tal-oppożizzjoni bi “żjarat id-dar” fl-Istat ta’ Zulia u ddikjara li jekk gvern interim immexxi minn Juan Guaidó jieħu l-poter, huwa jiddikjara l-Istat ta’ Zulia bħala indipendenti.

    22.2.2021

    39.

    José Dionisio BRITO RODRÍGUEZ

    Data tat-twelid: 15 ta’ Jannar 1971

    Numru tal-karta tal-identità: V-8263861

    Sess: raġel

    Membru tal-Assemblea Nazzjonali mhux eletta demokratikament u president tal-kummissjoni parlamentari li tinvestiga l-“azzjonijiet imwettqin kontra r-Repubblika” minn membri tal-Assemblea Nazzjonali eletta fl-2015. Barra minn hekk, José Dionisio Brito Rodríguez assuma b’mod illeġittimu t-tmexxija tal-partit tal-oppożizzjoni Primero Justicia, minħabba deċiżjoni tal-Qorti Suprema ta’ Ġunju 2020. Fl-2019, huwa ġie mkeċċi mill-Primero Justicia minħabba allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Barra minn hekk, bħala membru tal-Assemblea Nazzjonali fil-5 ta’ Jannar 2020 huwa pparteċipa fl-elezzjoni illeġittima ta’ Luis Eduardo Parra Rivero bħala l-President tal-Assemblea Nazzjonali, u b’hekk dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela. L-elezzjoni saret hekk kif l-aċċess ta’ diversi membri parlamentari għall-bini tal-Assemblea Nazzjonali ġie mblokkat mill-pulizija militari, u mingħajr ma ntlaħaq kworum. Għalhekk il-membri tal-oppożizzjoni kellhom jorganizzaw ruħhom barra mill-bini tal-Assemblea Nazzjonali biex jeleġġu mill-ġdid lil Juan Guaidó bħala l-President tagħha. L-azzjonijiet tiegħu għalhekk dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

    22.2.2021

    40.

    José Bernabé GUTIÉRREZ PARRA

    Data tat-twelid: 21 ta’ Diċembru 1952

    Numru tal-karta tal-identità: V-1565144

    Sess: raġel

    Membru tal-Assemblea Nazzjonali mhux eletta demokratikament u kap illeġittimu tal-partit tal-oppożizzjoni Acción Democrática. José Bernabé Gutiérrez Parra ħa kontroll illeġittimu tal-partit tal-oppożizzjoni Acción Democrática f’Ġunju tal-2020 permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti Suprema. Bi ksur tal-pożizzjoni tal-partit qabel ma ħa l-kontroll, Gutiérrez Parra pparteċipa mal-Acción Democrática fl-elezzjonijiet mhux demokratiċi tal-Assemblea Nazzjonali li saru fis-6 ta’ Diċembru 2020. Gutiérrez Parra biddel il-pożizzjoni tal-partit, uża s-simboli tiegħu u pparteċipa fl-elezzjonijiet u f’avvenimenti pubbliċi bħal dibattiti fuq it-televiżjoni. Gutiérrez Parra ġie mkeċċi mill-partit minn membri leġittimi ta’ Acción Democrática li sejħu l-azzjonijiet tiegħu bħala konfoffa u tradiment. L-azzjonijiet tiegħu għalhekk dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

    22.2.2021

    41.

    Luis Fernando DAMIANI BUSTILLOS

    Data tat-twelid: 27 ta’ April 1946

    Sess: raġel

    Imħallef tal-Kamra Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)). Bħala membru tal-Kamra Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema, huwa responsabbli għal azzjonijiet, dikjarazzjonijiet u sentenzi li użurpaw il-poteri kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali u dgħajfu d-drittijiet elettorali tal-oppożizzjoni inkluż il-ħatra unilaterali mill-Qorti Suprema tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral (CNE)) f’Ġunju 2020 u s-sospensjoni u s-sostituzzjoni unilaterali tat-tmexxija ta’ tlieta mill-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni demokratika f’Ġunju u Lulju 2020. L-azzjonijiet tiegħu għalhekk dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, u huwa appoġġa u ffaċilita d-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt mill-fergħa tal-eżekuttiv.

    22.2.2021

    42.

    Lourdes Benicia SUÁREZ ANDERSON

    Data tat-twelid: 7 ta’ Marzu 1965

    Sess: mara

    Imħallef tal-Kamra Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)). Bħala membru tal-Kamra Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema, hija responsabbli għal azzjonijiet, dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet li użurpaw il-poteri kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali u dgħajfu d-drittijiet elettorali tal-oppożizzjoni inkluż il-ħatra unilaterali mill-Qorti Suprema tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral (CNE)) f’Ġunju 2020 u s-sospensjoni u s-sostituzzjoni unilaterali tat-tmexxija ta’ tlieta mill-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni demokratika f’Ġunju u Lulju 2020. L-azzjonijiet tagħha għalhekk dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, u hi appoġġat u ffaċilitat id-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt mill-fergħa tal-eżekuttiv.

    22.2.2021

    43.

    Calixto Antonio ORTEGA RÍOS

    Data tat-twelid: 12 ta’ Ottubru 1950

    Sess: raġel

    Imħallef tal-Kamra Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)). Bħala membru tal-Kamra Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema, huwa responsabbli għal azzjonijiet, dikjarazzjonijiet u sentenzi li użurpaw il-poteri kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali u dgħajfu d-drittijiet elettorali tal-oppożizzjoni inkluż il-ħatra unilaterali mill-Qorti Suprema tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral (CNE)) f’Ġunju 2020 u s-sospensjoni u s-sostituzzjoni unilaterali tat-tmexxija ta’ tlieta mill-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni demokratika f’Ġunju u Lulju 2020. L-azzjonijiet tiegħu għalhekk dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, u huwa appoġġa u ffaċilita d-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt mill-fergħa tal-eżekuttiv.

    22.2.2021

    44.

    René Alberto DEGRAVES ALMARZA

    Sess: raġel

    Imħallef tal-Kamra Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)). Bħala membru tal-Kamra Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema, huwa responsabbli għal azzjonijiet, dikjarazzjonijiet u sentenzi li użurpaw il-poteri kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali u dgħajfu d-drittijiet elettorali tal-oppożizzjoni inkluż il-ħatra unilaterali mill-Qorti Suprema tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral (CNE)) f’Ġunju 2020 u s-sospensjoni u s-sostituzzjoni unilaterali tat-tmexxija ta’ tlieta mill-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni demokratika f’Ġunju u Lulju 2020. L-azzjonijiet tiegħu għalhekk dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, u huwa appoġġa u ffaċilita d-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt mill-fergħa tal-eżekuttiv.

    22.2.2021

    45.

    Arcadio DELGADO ROSALES

    Data tat-twelid: 23 ta’ Settembru 1954

    Sess: raġel

    Imħallef u Viċi President tal-Kamra Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)). Bħala membru tal-Kamra Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema, huwa responsabbli għal azzjonijiet, dikjarazzjonijiet u sentenzi li użurpaw il-poteri kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali u dgħajfu d-drittijiet elettorali tal-oppożizzjoni inkluż il-ħatra unilaterali mill-Qorti Suprema tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral (CNE)) f’Ġunju 2020 u s-sospensjoni u s-sostituzzjoni unilaterali tat-tmexxija ta’ tlieta mill-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni demokratika f’Ġunju u Lulju 2020. L-azzjonijiet tiegħu għalhekk dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, u huwa appoġġa u ffaċilita d-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt mill-fergħa tal-eżekuttiv.

    22.2.2021

    46.

    Carmen Auxiliadora ZULETA DE MERCHÁN

    Data tat-twelid: 13 ta’ Diċembru 1947

    Sess: mara

    Imħallef tal-Kamra Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)). Bħala membru tal-Kamra Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema, hija responsabbli għal azzjonijiet, dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet li użurpaw il-poteri kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali u dgħajfu d-drittijiet elettorali tal-oppożizzjoni inkluż il-ħatra unilaterali mill-Qorti Suprema tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral (CNE)) f’Ġunju 2020 u s-sospensjoni u s-sostituzzjoni unilaterali tat-tmexxija ta’ tlieta mill-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni demokratika f’Ġunju u Lulju 2020. L-azzjonijiet tagħha għalhekk dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, u hi appoġġat u ffaċilitat id-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt mill-fergħa tal-eżekuttiv.

    22.2.2021

    47.

    Indira Maira ALFONZO IZAGUIRRE

    Data tat-twelid: 29 ta’ April 1968

    Post tat-twelid: La Guaira (Stat ta’ La Guaira, Venezwela)

    Numru tal-karta tal-identità: V-6978710

    Sess: mara

    President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral (CNE)) mit-13 ta’ Ġunju 2020. Eks membru tal-Kamra Elettorali u l-Awla Plenarja tal-Qorti Suprema (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)), it-Tieni Viċi President tat-TSJ mill-2015 sal-24 ta’ Frar 2017, Viċi President tat-TSJ mill-24 ta’ Frar 2017 sat-12 ta’ Ġunju 2020. Bħala membru tal-Kamra Elettorali tat-TSJ, Indira Maira Alfonzo Izaguirre hija responsabbli għall-azzjonijiet meħuda kontra l-Assemblea Nazzjonali li kienet għadha kemm ġiet eletta f’Diċembru 2015, li għamlitha impossibbli għall-Assemblea Nazzjonali li teżerċita l-poter leġiżlattiv tagħha. Barra minn hekk, hija aċċettat il-ħatra tagħha bħala l-president tas-CNE f’Ġunju 2020 mit-TSJ għalkemm din il-prerogattiva tappartjeni għall-Assemblea Nazzjonali. F’dan ir-rwol hija ħejjiet u ssorveljat l-elezzjonijiet mhux demokratiċi tal-Assemblea Nazzjonali li saru fis-6 ta’ Diċembru 2020 u pparteċipat fil-bidla tat-30 ta’ Ġunju 2020 għan-normi elettorali għal dawn l-elezzjonijiet. L-azzjonijiet tagħha għalhekk dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

    22.2.2021

    48.

    Leonardo Enrique MORALES POLEO

    Sess: raġel

    Viċi President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral (CNE)) mis-7 ta’ Awwissu 2020 u President tal-Kummissjoni tal-Parteċipazzjoni Politika u l-Finanzjament.

    Leonardo Enrique Morales Poleo inħatar Viċi President tas-CNE u President tal-Kummissjoni tal-Parteċipazzjoni Politika u l-Finanzjament fis-7 ta’ Awwissu 2020 mill-Qorti Suprema (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)) għalkemm din il-prerogattiva tappartjeni għall-Assemblea Nazzjonali. Barra minn hekk, eżatt qabel il-ħatra tiegħu huwa serva fil-Partit Progressiv Avvanzat (Avanzada progresista). Bħala membru tas-CNE, huwa ħa sehem bis-sħiħ fis-superviżjoni tal-proċess elettorali li wassal għall-elezzjonijiet mhux demokratiċi tal-Assemblea Nazzjonali fis-6 ta’ Diċembru 2020. L-azzjonijiet tiegħu għalhekk dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

    22.2.2021

    49.

    Tania D’AMELIO CARDIET

    Data tat-twelid: 5 ta’ Diċembru 1971

    Post tat-twelid: l-Italja

    Nazzjonalità: Venezwelana

    Numru tal-karta tal-identità: V-11691429

    Sess: mara

    Membru (Rettur) tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral (CNE)) għall-perjodu 2016-2023. Eks-Membru (Rettur) tas-CNE għall-perjodu 2010-2016.

    Tania d’Amelio Cardiet, bħala rettur tas-CNE mill-2010, ikkontribwiet direttament permezz tal-attività tagħha fil-funzjonijiet tagħha għad-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż billi ħejjiet l-elezzjonijiet mhux demokratiċi tal-Assemblea Nazzjonali tal-2020, ipparteċipat fil-bidla tat-30 ta’ Ġunju 2020 għan-normi elettorali għal dawn l-elezzjonijiet, u pparteċipat fl-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-2018. Barra minn hekk, d’Amelio Cardiet aċċettat il-ħatra tagħha tal-2016 fis-CNE mill-Qorti Suprema (Tribunal Supremo de Justicia (TSJ)), għalkemm din il-prerogattiva tappartjeni għall-Assemblea Nazzjonali.

    22.2.2021

    50.

    José Miguel DOMÍNGUEZ RAMÍREZ

    Data tat-twelid: 17 ta’ Ottubru 1979

    Numru tal-karta tal-identità: V-14444352

    Sess: raġel

    Direttur tal-Forzi ta’ Azzjoni Speċjali (Fuerzas de Acciones Especiales (FAES)) mis-6 ta’ Mejju 2019. Eks-Kummissarju Ewlieni tal-FAES fl-Istat ta’ Táchira. Barra minn hekk, José Miguel Domínguez Ramírez kien id-Direttur tal-Operazzjonijiet tal-FAES, li jaqgħu taħt il-Pulizija Nazzjonali Bolivarjana tal-Venezwela. Responsabbli għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-ripressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela mwettqa mill-uffiċjali tal-FAES taħt l-awtorità tiegħu. L-FAES huma magħrufa għall-qtil extraġudizzjarju u r-rwol vjolenti tagħhom fit-trażżin tad-dissens mill-avversarji politiċi ta’ Maduro, l-oppożizzjoni, u d-dimostranti, u huwa għalhekk li Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet talbet ix-xoljiment tal-FAES. Barra minn hekk, preċedentement, Domínguez Ramírez kien membru tat-tim tas-sigurtà tal-Venezwela li fetaħ in-nar fuq l-istudenti dimostranti mhux armati fit-12 ta’ Frar 2014, li rriżulta fil-mewt ta’ mill-inqas wieħed mill-istudenti, Bassil Da Costa.

    22.2.2021

    51.

    Carlos Ramón Enrique CARVALLO GUEVARA

    Numru tal-karta tal-identità: V-10132041

    Sess: raġel

    Ġeneral tad-Diviżjoni, u mill-21 ta’ Awwissu 2020, Viċi Direttur tad-Direttorat Ġenerali tal-Counter-Intelligence Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)). Suċċessur tal-Ġeneral Rafael Ramón Blanco Marrero. Preċedentement, Carlos Ramón Enrique Carvallo Guevara serva fid-DGCIM fir-reġjun ta’ Los Andes, u okkupa pożizzjoni ta’ kariga għolja fil-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela mwettqa minn uffiċjali tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu. Fis-sejbiet ippubblikati reċentement tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti għat-Tiftix tal-Fatti fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, id-DGCIM huwa kkaratterizzat bħala istituzzjoni direttament responsabbli għat-twettiq ta’ ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem.

    22.2.2021

    52.

    Jesús Emilio VÁSQUEZ QUINTERO

    Numru tal-karta tal-identità: V-7422049

    Sess: raġel

    Ġeneral tad-Diviżjoni mill-5 ta’ Lulju 2019 u Avukat Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Militari minn Diċembru 2017. Bħala Avukat Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Militari kien responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Militari kien marbut ma’ prosekuzzjoni ġudizzjarja interna fil-Forzi Armati, u nuqqasijiet li jinvestiga inċidenti, inkluż il-każ tal-mewt tal-kaptan Acosta fl-2019. Barra minn hekk, il-ġustizzja militari qed tiġi applikata għal persuni ċivili.

    22.2.2021

    53.

    Carlos Enrique TERÁN HURTADO

    Numru tal-karta tal-identità: V-8042567

    Sess: raġel

    Brigadier Ġeneral mill-5 ta’ Lulju 2019 u kap tad-Direttorat Speċjali tal-Investigazzjoni Kriminali tad-Direttorat Ġenerali tal-Counter-Intelligence Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)) mill-2019. Fil-funzjonijiet preċedenti, il-Brigadier Ġeneral Carlos Enrique Terán Hurtado serva bħala kap tal-pulizija fl-istat ta’ Falcón u kap tad-DGCIM fl-istat ta’ Táchira. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż trattament krudili u inuman ta’ detenuti, imwettqa minn uffiċjali tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu. Fis-sejbiet dettaljati tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti għat-Tiftix tal-Fatti fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, il-Brigadier Ġeneral Terán Hurtado huwa speċifikament indikat bħala wieħed mill-atturi responsabbli, u huwa marbut mal-każ tal-kaptan de la Sotta.

    22.2.2021

    54.

    Manuel Eduardo PÉREZ URDANETA

    Data tat-twelid: 29 ta’ Diċembru 1960 jew 26 ta’ Mejju 1962

    Post tat-twelid: Cagua, Stat ta’ Aragua

    Numru tal-karta tal-identità: V-6357038

    Numru tal-passaport: 001234503 (skada fl-2012)

    Sess: raġel

    Viċi Ministru għall-Intern u l-Ġustizzja mis-7 ta’ April 2015. Fi ħdan il-Ministeru għall-Intern u l-Ġustizzja tal-Venezwela, il-Brigadier Ġeneral Manuel Eduardo Pérez Urdaneta jikklassifika bħala wieħed mill-ħames Viċi Ministri. Il-portafoll tiegħu jinkludi s-Sigurtà Preventiva u s-Sikurezza Pubblika (Viceministro de prevención y Seguridad Ciudadana). Preċedentement, il-Brigadier Ġeneral Pérez serva bħala Direttur tal-Pulizija Nazzjonali Bolivarjana. F’dan ir-rwol kien responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-użu ta’ forza fiżika severa kontra dimostranti paċifiċi, imwettaq minn uffiċjali tal-Pulizija Nazzjonali Bolivarjana taħt l-awtorità tiegħu.

    22.2.2021

    55.

    Douglas Arnoldo RICO GONZÁLEZ

    Data tat-twelid: 28 ta’ Settembru 1969

    Numru tal-karta tal-identità: V-6864238

    Sess: raġel

    Direttur tal-Korp tal-Investigazzjonijiet Xjentifiċi, Penali u Kriminali (Cuerpo de Investigaciones Científicas, Penales y Criminalísticas (CICPC)) mill-5 ta’ Frar 2016. Qabel, huwa aġixxa bħala viċi direttur tas-CICPC. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, minn uffiċjali tas-CICPC taħt l-awtorità tiegħu. Ir-rapport tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti għat-Tiftix tal-Fatti fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela jikkaratterizza lis-CICPC bħala istituzzjoni li twettaq ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela.

    22.2.2021”.


    Top