Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0081

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/81 tas-27 ta’ Jannar 2021 li japprova s-sustanza bażika tal-estratt tal-basla tal-Allium cepa L. f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/372

    ĠU L 29, 28.1.2021, p. 12–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/81/oj

    28.1.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 29/12


    IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/81

    tas-27 ta’ Jannar 2021

    li japprova s-sustanza bażika tal-estratt tal-basla tal-Allium cepa L. f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23(5) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fl-4 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni mill-Institut de l’agriculture et de l’alimentation biologique (ITAB), għall-approvazzjoni tal-estratt tal-basla tal-Allium cepa L. bħala sustanza bażika. Dik l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mill-informazzjoni meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    (2)

    Il-Kummissjoni talbet l-assistenza xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”). L-Awtorità pprovdiet rapport tekniku dwar l-estratt tal-basla tal-Allium cepa L. lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Diċembru 2019 (2). Fit-18 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta’ rieżami (3) u abbozz ta’ dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

    (3)

    L-informazzjoni pprovduta mill-applikant turi li l-estratt tal-basla tal-Allium cepa L. jissodisfa l-kriterji ta’ oġġett tal-ikel kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Barra minn hekk, ma jintużax b’mod predominanti għal skopijiet ta’ protezzjoni tal-pjanti iżda l-estratt jista’ jkun utli għall-protezzjoni tal-pjanti f’prodott li jikkonsisti mis-sustanza. B’hekk, irid jitqies bħala sustanza bażika.

    (4)

    Wara li jiġu eżaminati l-applikazzjoni u d-dokumenti relatati kollha, jista’ jkun mistenni li l-estratt tal-basla tal-Allium cepa L. jissodisfa, inġenerali, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, b’mod partikolari fir-rigward tal-użi li ġew eżaminati u spjegati fir-rapport ta’ rieżami tal-Kummissjoni. Għaldaqstant jixraq li l-estratt tal-basla tal-Allium cepa L. jiġi approvat bħala sustanza bażika.

    (5)

    F’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiġu inklużi ċerti kundizzjonijiet għall-approvazzjoni.

    (6)

    F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5) jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Approvazzjoni ta’ sustanza bażika

    Is-sustanza estratt tal-basla tal-Allium cepa L. kif speċifikat fl-Anness I hija approvata bħala sustanza bażika, soġġett għall-kundizzjonijiet kif stabbiliti f’dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  L-EFSA (Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2019. Technical report on the outcome of the consultation with Member States and EFSA on the basic substance application for Allium cepa bulb extract for use in plant protection as a fungicide in potatoes, tomatoes and cucumbers. Pubblikazzjoni ta’ sostenn tal-EFSA 2019:EN-1767. doi:10.2903/sp.efsa.2019.EN-1767.

    (3)  Final Review report for the basic substance Allium cepa L. bulb extract finalised in the Standing Committee on Plants, Animals, Food and Feed at its meeting on22 October 2020in view of the approval of Allium cepa L. bulb extract as basic substance in accordance with Regulation (KE) No 1107/2009 (SANTE/10842/2020 Rev.2).

    (4)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


    ANNESS I

    Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità  (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    Estratt tal-basla tal-Allium cepa L.

    Nru CAS: mhux allokat

    Nru CIPAC: mhux allokat

    Mhux applikabbli

    Il-basliet tal-basal li jintużaw għat-tħejjija tal-estratti għandu jkollhom kwalità tajba għall-konsum mill-bniedem li tissodisfa r-rekwiżiti tal-monografi tad-WHO fuq pjanti mediċinali partikolari (Volum 1, Ġinevra, 1999) tal-Bulbus Allii Cepae

    17.2.2021

    L-estratt tal-basla tal-Allium cepa L. għandu jintuża f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar l-estratt tal-basla tal-Allium cepa L. (SANTE/10842/2020 Rev2) u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.


    (1)  Iktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-modalitajiet tal-użu tas-sustanza bażika huma pprovduti fir-rapport ta’ rieżami.


    ANNESS II

    Fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiżdied l-entrata li ġejja:

    Numru

    Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità  (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “23

    Estratt tal-basla tal-Allium cepa L.

    Nru CAS: mhux allokat

    Nru CIPAC: mhux allokat

    Mhux applikabbli

    Il-basliet tal-basal li jintużaw għat-tħejjija tal-estratti għandu jkollhom kwalità tajba għall-konsum mill-bniedem li tissodisfa r-rekwiżiti tal-monografi tad-WHO fuq pjanti mediċinali partikolari (Volum 1, Ġinevra, 1999) tal-Bulbus Allii Cepae

    17.2.2021

    L-estratt tal-basla tal-Allium cepa L. għandu jintuża f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar l-estratt tal-basla tal-Allium cepa L. (SANTE/10842/2020 Rev2) u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.”


    (1)  Iktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-modalitajiet tal-użu tas-sustanza bażika huma pprovduti fir-rapport ta’ rieżami.


    Top