Elija las funciones experimentales que desea probar

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 32021O2256

Linja Gwida (UE) 2021/2256 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-2 ta’ Novembru 2021 li tistabbilixxi l-prinċipji tal-Qafas tal-Etika għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2021/50) (riformulazzjoni)

ECB/2021/50

ĠU L 454, 17.12.2021, pp. 21-31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Estatuto jurídico del documento Vigente

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2021/2256/oj

17.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 454/21


LINJA GWIDA (UE) 2021/2256 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-2 ta’ Novembru 2021

li tistabbilixxi l-prinċipji tal-Qafas tal-Etika għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2021/50)

(riformulazzjoni)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) flimkien mal-Artikolu 6(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Għandhom isiru numru ta’ emendi għal-Linja Gwida (UE) 2015/856 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/12) (2). Fl-interessi taċ-ċarezza, jenħtieġ li l-Linja Gwida (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12) tiġi riformulata.

(2)

Sabiex iwettqu l-kompiti fdati lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (minn hawn ’il quddiem l-“MSU”) skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE u l-ANK jaderixxu mal-prinċipji ta’ indipendenza, akkontabilità, trasparenza u jżommu l-ogħla standards ta’ etika u integrità professjonali, inkluż l-ebda tolleranza lejn imġiba mhux xierqa u l-fastidju. Qafas ta’ governanza li jissalvagwardja dawn il-prinċipji u l-istandards huwa element ewlieni fl-iżgurar tal-kredibbiltà tal-MSU u huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-fiduċja ta’ entitajiet taħt superviżjoni u taċ-ċittadini tal-Unjoni.

(3)

B’dan il-ħsieb, fl-2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12), li stabbiliet il-prinċipji ta’ qafas tal-etika komuni għall-MSU (minn hawn ’il quddiem il-“Qafas tal-Etika għall-MSU”) li jissalvagwardja l-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-MSU kif ukoll il-fiduċja tal-pubbliku fl-integrità u l-imparzjalità tal-membri tal-korpi u tal-membri tal-persunal tal-BĊE u tal-ANK tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-MSU.

(4)

Il-Kunsill Governattiv huwa tal-fehma li sabiex jinżammu l-ogħla standards ta’ etika professjonali u integrità, l-istandards minimi komuni eżistenti u r-regoli mmirati lejn il-prevenzjoni ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-użu ħażin ta’ informazzjoni mhux pubblika tal-MSU, kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, jenħtieġ li jiġu żviluppati aktar. Għal dan il-għan, il-Kunsill Governattiv iqis li huwa importanti li l-BĊE u l-ANK jadottaw miżuri mmirati biex jevitaw anki kwalunkwe apparenza ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata, l-użu ħażin ta’ informazzjoni mhux pubblika jew ta’ kunflitti ta’ interess possibbli. Għalkemm il-BĊE u l-ANK jenħtieġ li jkollhom ċerta latitudni fid-definizzjoni tal-aktar qafas xieraq għal tali miżuri, huwa importanti fl-istess ħin li, bħala minimu jiġi applikat sett ta’ miżuri allinjati, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli dwar tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi għall-membri tal-persunal tal-BĊE u għall-ANK meta jwettqu kompiti tal-MSU – sabiex tiġi protetta b’mod adegwat ir-reputazzjoni tal-MSU. Dawk il-miżuri allinjati jenħtieġ li japplikaw ukoll għall-membri ta’ korp intern li għandu funzjonijiet amministrattivi u/jew konsultattivi relatati direttament jew indirettament mal-implimentazzjoni tal-kompiti tal-MSU mwettqa mill-ANK.

(5)

Sabiex tiġi salvagwardjata aktar il-fiduċja tal-entitajiet taħt superviżjoni u taċ-ċittadini tal-Unjoni li l-membri tal-persunal tal-BĊE u tal-ANK, kif ukoll il-membri tal-korpi tagħhom, iservu b’imparzjalità professjonali sħiħa, jenħtieġ li jiġu evitati perċezzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess. Għal dan il-għan, dawk il-membri tal-persunal u l-membri tal-korpi li għandhom aċċess għal informazzjoni sensittiva għas-suq jenħtieġ li jkunu meħtieġa jikkonformaw ma’ regoli u standards speċifiċi meta jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji privati, b’mod partikolari meta dawk it-tranżazzjonijiet jinvolvu entitajiet regolati.

(6)

Filwaqt li l-Qafas tal-Etika għall-MSU japplika biss għat-twettiq ta’ kompiti superviżorji, biex jiġu żgurati integrità u standards ta’ governanza tajba koerenti kemm jista’ jkun fost il-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) u l-ANK, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/11) (3) li tistabbilixxi l-prinċipji ta’ Qafas tal-Etika tal-Eurosistema (minn hawn ’il quddiem il-“Qafas tal-Etika tal-Eurosistema”) applikabbli għat-twettiq ta’ kompiti tal-Eurosistema mill-BĊNi.

(7)

Il-prinċipji stabbiliti mil-Linja Gwida (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12) ġew issupplimentati mill-prattiki ta’ Implimentazzjoni tal-Qafas tal-Etika għall-MSU (EFSI) (4) approvati mill-Kunsill Governattiv u trasposti f’regoli u prattiki interni adottati mill-BĊE u mill-ANK. Dawn il-prattiki tal-EFSI, inkluż b’mod partikolari l-prattika ta’ Implimentazzjoni Nru 4 dwar il-funzjoni ta’ konformità, jenħtieġ li jiġu inkorporati fil-Qafas tal-Etika għall-MSU rivedut, b’mod li jissalvagwardja l-prinċipju tal-awtonomija organizzattiva ta’ kull ANK.

(8)

Sabiex jiġi żgurat li l-Qafas tal-Etika għall-MSU jkompli jirrifletti standards xierqa u l-aħjar prattiki li jqisu l-aħħar żviluppi fil-komunità superviżorja u fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-Linja Gwida (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12) tipprevedi rieżami regolari mill-Kunsill Governattiv. Id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-uffiċjali ta’ livell għoli tal-BĊE (5) (minn hawn ’il quddiem il-“Kodiċi Uniku”), kompla jsaħħaħ l-istandards uniformi tal-etika professjonali għall-membri kollha tal-korpi ta’ livell għoli tal-BĊE u s-sostituti tagħhom. F’dan l-isfond, il-Kunsill Governattiv iqis li huwa meħtieġ li l-istandards eżistenti jiġu adattati kif previst fil-Qafas tal-Etika għall-MSU.

(9)

Bil-ħsieb li jiġi pprovdut forum interistituzzjonali għall-iskambju dwar kwistjonijiet etiċi u ta’ konformità u dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Linja Gwida (UE) 2015/855 (BĊE/2015/11) u l-Linja Gwida (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12), il-Kunsill Governattiv stabbilixxa Task Force tal-Uffiċjali tal-Etika u l-Konformità (ECTF). Fid-dawl tas-sinifikanza dejjem tikber ta’ dawn il-kwistjonijiet u l-ħtieġa li tirriżulta li jsir sforz għal standards aktar ambizzjużi fil-livell tal-MSU kif ukoll biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni koerenti tal-Qafas tal-Etika għall-MSU, il-Kunsill Governattiv qies li huwa xieraq li jiġu assenjati responsabbiltajiet imsaħħa lill-ECTF u li dan jiġi ttrasformat f’Konferenza permanenti dwar l-Etika u l-Konformità (ECC). Dawn ir-responsabbiltajiet imsaħħa jenħtieġ li jippermettu lill-MSU jindirizza b’mod adegwat l-isfidi inerenti fin-natura dinamika tal-integrità u l-istandards ta’ governanza tajba.

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza ġenerali ta’ dawn l-oqfsa etiċi, il-kunċetti ewlenin li jikkonċernaw il-kunflitti ta’ interess, l-aċċettazzjoni ta’ rigali u ospitalità u l-projbizzjoni tal-użu ħażin ta’ informazzjoni mhux pubblika kif stabbilit fil-Linji Gwida (UE) 2015/855 (BĊE/2015/11) u (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12) jenħtieġ li jiġu żviluppati aktar u allinjati mal-Kodiċi Uniku. B’mod partikolari, l-iskrutinju qabel l-impjieg u r-restrizzjonijiet ta’ wara l-impjieg jenħtieġ li jiġu estiżi lil hinn mill-membri għolja tal-persunal tal-MSU li jirrapportaw direttament lil-livell eżekuttiv sabiex jindirizzaw b’mod effettiv it-tħassib dwar ir-“revolving doors” bejn is-superviżuri bankarji u s-settur privat, b’mod partikolari l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji.

(11)

Għalkemm il-Qafas tal-Etika għall-MSU japplika biss għat-twettiq ta’ kompiti superviżorji, huwa madankollu mixtieq li l-BĊE u l-ANK japplikaw standards ekwivalenti għall-membri tal-korpi tagħhom, il-persunal tagħhom u oħrajn li jwettqu kompiti mhux relatati mal-MSU.

(12)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida huma mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol.

(13)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-Kodiċi Uniku u għal kwalunkwe rekwiżit ta’ kondotta etika stabbilit f’oqsma speċifiċi li jissodisfaw, bħala minimu, il-prinċipji tal-Qafas tal-Etika għall-MSU,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tapplika għall-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fit-twettiq tal-kompiti superviżorji mogħtija lill-BĊE. F'dan ir-rigward, regoli interni adottati mill-BĊE u mill-ANK fit-twettiq tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida għandhom japplikaw għall-membri tal-persunal tagħhom u għall-membri tal-korpi tagħhom.

2.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jimmiraw sabiex, sa fejn ikun legalment fattibbli, jestendu l-obbligi ddefiniti fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida għal persuni involuti fit-twettiq ta’ kompiti superviżorji li ma humiex membri tal-persunal tal-BĊE u tal-ANK.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din il-Linja Gwida:

(1)

“awtorità nazzjonali kompetenti” tfisser awtorità nazzjonali kompetenti kif definit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Din id-definizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti taħt il-liġi nazzjonali li jassenjaw ċerti kompiti superviżorji lil BĊN li ma jkunx innominat bħala ANK. Referenza għal ANK f’din il-Linja Gwida, f’każ bħal dan, tapplika wkoll għall-BĊN fir-rigward tal-kompiti assenjati lilu mil-liġi nazzjonali;

(2)

“Qafas tal-Etika għall-MSU” tfisser id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida kif implimentati mill-BĊE u kull waħda mill-ANK;

(3)

“informazzjoni mhux pubblika” tfisser informazzjoni, irrispettivament mill-forma tagħha, li tappartjeni għat-twettiq ta’ kompiti superviżorji mogħtija lill-BĊE u lill-ANK u li ma tkunx saret pubblika;

(4)

“informazzjoni sensittiva għas-suq” tfisser informazzjoni ta’ natura preċiża li jekk issir pubblika, x’aktarx ikollha effett sinifikanti fuq il-prezz ta’ assi jew il-prezzijiet fis-swieq finanzjarji;

(5)

“membru tal-persunal” tfisser persuna li għandha relazzjoni ta’ impjieg mal-BĊE jew ma’ ANK għajr jekk dik il-persuna tkun fdata biss b’kompiti li mhumiex relatati mat-twettiq ta’ kompiti superviżorji skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(6)

“membru ta’ korp” tfisser membru ta’ korp deċiżjonali jew korp intern ieħor tal-BĊE jew tal-ANK minbarra membru tal-persunal, ħlief jekk dak il-membru ta’ korp ikun unikament fdat b’kompiti mhux relatati mat-twettiq ta’ kompiti superviżorji skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(7)

“entità regolata” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

a)

istituzzjoni finanzjarja monetarja (MFI) kif iddefinita fil-punt (1)(b) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 2021/379 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2021/2) (6), imma esklużi l-fondi tas-suq monetarju;

b)

istituzzjoniji ta’ kreditu mhux MFI kif iddefinit fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/379 (BĊE/2021/2);

c)

kumpanija azzjonarja finanzjarja kif iddefinita fil-punt (20) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

d)

kumpannija holding finanzjarja mħallta li tamministra kif iddefinita fil-punt (15) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

e)

konglomerat finanzjarju kif definit fil-punt (14) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/87/KE li huwa soġġett għal superviżjoni supplimentari mill-BĊE skont l-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(8)

“kunflitt ta’ interess” tfisser sitwazzjoni fejn l-interessi personali jistgħu jinfluwenzaw, jew jistgħu jitqiesu bħala li jinfluwenzaw, it-twettiq imparzjali u oġġettiv tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet;

(9)

“interess personali” tfisser benefiċċju jew benefiċċju potenzjali, ta’ natura finanzjarja jew mhux finanzjarja, għal membru tal-persunal jew membru ta’ korp, inkluż — iżda mhux limitat għal — benefiċċju għal membru dirett tal-familja (li jkun kwalunkwe ġenitur, tifel, ħu jew oħt), konjuġi jew sieħeb/sieħba;

(10)

“negozjar għal perijodu qasir” tfisser ix-xiri u l-bejgħ sussegwenti ta’ strument finanzjarju jew il-bejgħ u x-xiri sussegwenti tal-istess strument finanzjarju fi żmien 90 jum kalendarju;

(11)

“assi legat” tfisser assi pprojbit li ġie akkwistat minn membru ta’ korp jew membru tal-persunal qabel il-projbizzjoni tal-assi jew qabel ma l-projbizzjoni ssir applikabbli għalihom, jew li ġie fil-pussess tagħhom fi żmien aktar tard minħabba ċirkostanzi li fuqhom ma kellhom l-ebda influwenza;

(12)

“vantaġġ” tfisser rigal, ospitalità jew benefiċċju ieħor — kemm jekk finanzjarju, in natura jew ta’ natura oħra — li ma jkunx miftiehem bħala kumpens għal servizzi mogħtija u li r-riċevitur ma jkunx intitolat għalihom mod ieħor.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet nazzjonali konfliġġenti u l-applikabbiltà ta’ oqfsa etiċi differenti

1.   Fejn ANK ma tkunx tista’ timplimenta dispożizzjoni ta’ din il-Linja Gwida minħabba liġi nazzjonali applikabbli, hija għandha tinforma lill-BĊE mingħajr dewmien żejjed u tieħu miżuri raġonevoli għad-dispożizzjoni tagħha biex tegħleb l-ostaklu maħluq minn din il-liġi nazzjonali, sabiex tinkiseb implimentazzjoni armonizzata ta’ din il-Linja Gwida fl-MSU kollu.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Linja Gwida huma mingħajr preġudizzju għal regoli etiċi aktar stretti stabbiliti mill-BĊE jew mill-ANK li huma applikabbli għall-membri tal-persunal tagħhom u għall-membri tal-korpi tagħhom.

KAPITOLU II

Standards ta’ kondotta etika

PARTI 1

PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 4

Prinċipji ġenerali

1.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fit-twettiq tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom, il-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom josservaw l-ogħla standards ta’ kondotta etika.

2.   Meta jikkonformaw mal-obbligu skont il-paragrafu 1, il-BĊE u l-ANK għandhom, b’mod partikolari, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom jaġixxu b’mod onest, indipendenti, imparzjali, b’rispett u diskrezzjoni li jevita kwalunkwe forma ta’ mġiba mhux xierqa jew fastidju, u mingħajr kunsiderazzjoni għall-interess proprju, u b’hekk iżommu u jippromwovu l-fiduċja pubblika fl-MSU.

Artikolu 5

Interazzjonijiet ma’ partijiet esterni

Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom li jiltaqgħu ma’ partijiet esterni – u b’mod partikolari ma’ rappreżentanti mill-industrija tas-servizzi finanzjarji – (a) iżommu n-newtralità u t-trattament ugwali fl-interazzjonijiet tagħhom ma’ dawk il-partijiet esterni; (b) iżommu rekords bażiċi tal-laqgħat; u (c) jevitaw kwalunkwe kondotta li tista’ titqies bħala li tagħti lill-partijiet esterni kwalunkwe vantaġġ, inklużi vantaġġi ta’ natura kummerċjali jew prestiġjuża.

PARTI 2

PREVENZJONI U ĠESTJONI TA’ KUNFLITTI TA’ INTERESS

Artikolu 6

Kunflitti ta’ interess

1.   Il-BĊE u l-ANK għandu jkollhom mekkaniżmu fis-seħħ biex jiġġestixxu sitwazzjoni li fiha kandidat li jkun se jinħatar bħala membru tal-persunal ikollu kunflitt ta’ interess li jirriżulta, inter alia, minn attivitajiet okkupazzjonali preċedenti, holdings finanzjarji, attivitajiet privati jew relazzjonijiet personali.

2.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jadottaw regoli interni li jirrikjedu li l-membri tal-persunal u tal-korpi tagħhom jevitaw matul l-impjieg tagħhom kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interess u biex jirrapportaw tali sitwazzjonijiet. Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta jiġi rrapportat kunflitt ta’ interess, dan ikun irreġistrat kif xieraq u jkun hemm disponibbli u jittieħdu miżuri xierqa biex isolvu jew itaffu dan il-kunflitt ta’ interess, inkluż ir-rilaxx minn dmirijiet relatati mal-kwistjoni rilevanti.

3.   Il-BĊE u l-ANK għandu jkollhom mekkaniżmu fis-seħħ biex jivvalutaw u jevitaw kunflitti ta’ interess possibbli li jirriżultaw minn attivitajiet okkupazzjonali ta’ wara l-impjieg imwettqa mill-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom, inklużi rekwiżiti ta’ notifika xierqa u perjodi ta’ preklużjoni.

4.   Il-BĊE u l-ANK għandu jkollhom, meta jkun rilevanti, mekkaniżmu fis-seħħ biex jivvalutaw u jevitaw kunflitti potenzjali ta’ interess li jirriżultaw minn attivitajiet ta’ xogħol li jagħmlu l-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom matul il-liv bla ħlas.

Artikolu 7

Projbizzjoni li wieħed jirċievi vantaġġi

1.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jadottaw regoli interni li jipprojbixxu lill-membri tal-persunal tagħhom u lill-membri tal-korpi tagħhom milli jitolbu, jirċievu jew jaċċettaw wegħda li jirċievu xi vantaġġ, għalihom jew għal kwalunkwe persuna oħra, li jkun b’xi mod marbut mal-qadi tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet uffiċjali tagħhom.

2.   Il-BĊE u l-ANK jistgħu jispeċifikaw fir-regoli interni tagħhom eżenzjonijiet mill-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-vantaġġi offruti mill-banek ċentrali, l-ANK, istituzzjonijiet, korpi jew aġenziji tal-Unjoni, organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji tal-gvern, kif ukoll akkademji, u fir-rigward ta’ vantaġġi ta’ valur tas-soltu jew negliġibbli offruti mis-settur privat, dment li fil-każ tal-aħħar dawn il-vantaġġi la jkunu ta’ spiss u lanqas mill-istess sors. Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li dawn l-eżenzjonijiet ma jinfluwenzawx u ma jkunux jistgħu jitqiesu bħala li jinfluwenzaw l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-persunal tagħhom u tal-membri tal-korpi tagħhom.

PARTI 3

SEGRETEZZA PROFESSJONALI U PREVENZJONI TA’ UŻU ĦAŻIN TA’ INFORMAZZJONI MHUX PUBBLIKA

Artikolu 8

Segretezza professjonali u projbizzjoni fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni mhux pubblika

B’kont meħud tar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali li jirriżultaw mill-Artikolu 37 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali applikabbli għalihom u jkunu pprojbiti milli jiżvelaw informazzjoni mhux pubblika lil partijiet terzi sakemm ma jkunux awtorizzati li jiżvelaw tali informazzjoni.

Artikolu 9

Projbizzjoni ta’ użu ħażin ta’ informazzjoni mhux pubblika

1.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom ikunu pprojbiti milli jużaw ħażin informazzjoni mhux pubblika.

2.   Il-projbizzjoni tal-użu ħażin ta’ informazzjoni mhux pubblika għandha tkopri, bħala minimu, l-użu ta’ informazzjoni mhux pubblika: (a) għal tranżazzjonijiet finanzjarji privati għan-nom proprju jew għan-nom ta’ partijiet terzi; u (b) sabiex partijiet terzi jingħataw rakkomandazzjonijiet jew jiġu mħajjra biex jaġixxu fuq dik l-informazzjoni mhux pubblika.

Artikolu 10

Prinċipji ġenerali rigward tranżazzjonijiet finanzjarji privati

Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-membri tal-persunal tagħhom u l-membri tal-korpi tagħhom ikunu meħtieġa — meta jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji privati għan-nom proprju jew għan-nom ta’ kwalunkwe parti terza — jużaw kawtela, iżommu lura u jkollhom orizzont ta’ investiment fuq terminu medju sa twil.

Artikolu 11

Restrizzjonijiet speċifiċi fuq tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi

1.   Meta jqisu kunsiderazzjonijiet ta’ effettività, effiċjenza u proporzjonalità, il-BĊE u l-ANK għandhom jadottaw regoli interni applikabbli għall-membri tal-persunal u l-membri tal-korpi li fit-twettiq ta’ kompiti tal-MSU jkollhom aċċess għal informazzjoni sensittiva għas-suq, għajr fuq bażi ta’ darba (minn hawn ’il quddiem “persuni b’aċċess għal informazzjoni sensittiva għas-suq”), billi jintroduċu r-restrizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-paragrafu 2 dwar tranżazzjonijiet finanzjarji privati li huma jew li jistgħu jitqiesu li huma relatati mill-qrib mat-twettiq ta’ kompiti tal-MSU (minn hawn ’il quddiem “tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi”).

2.   Ir-regoli interni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom:

a)

jipprojbixxu tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi fi:

i)

strumenti ta’ ekwità u ta’ dejn maħruġa minn entità regolata;

ii)

derivattivi relatati ma’ strumenti ta’ ekwità u ta’ dejn maħruġa minn entità regolata;

iii)

unitajiet ta’ skemi ta’ investiment kollettiv li għandhom politika ta’ investiment iddikjarata mmirata esklussivament lejn entitajiet regolati; u

b)

jirrestrinġu tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi oħrajn skont il-ħtieġa; u

c)

jirrestrinġu n-negozjar għal perijodu qasir.

3.   Filwaqt li jqisu kunsiderazzjonijiet ta’ effettività, effiċjenza u proporzjonalità, ir-regoli interni adottati skont il-paragrafu 2(b) u (c) jistgħu jikkonsistu f’waħda jew aktar mir-restrizzjonijiet li ġejjin fuq it-tranżazzjoni rilevanti:

a)

projbizzjoni;

b)

rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel;

c)

rekwiżit ta’ rapportar ex ante jew ex post;

d)

perijodu ta’ embargo li fih ma għandhiex titwettaq tali tranżazzjoni.

4.   Fir-regoli interni tagħhom, il-BĊE u l-ANK: (i) għandhom jipprovdu li persuni b’aċċess għal informazzjoni sensittiva għas-suq jirrapportaw l-assi legati tagħhom kull meta ż-żamma ta’ dawn l-assi toħloq kunflitt ta’ interess mal-involviment tagħhom f’kompiti tal-MSU; u (ii) għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu biex jiżguraw li l-kunflitti ta’ interess li jirriżultaw minn assi legati jiġu solvuti f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, fosthom li jista’ jintalab li l-assi legati li joħolqu kwalunkwe kunflitt ta’ interess jinbiegħu f’perijodu ta’ żmien raġonevoli. Il-BĊE u l-ANK jistgħu jipprovdu fir-regoli interni tagħhom li l-assi legati li ma joħolqux kunflitti ta’ interess jistgħu jinżammu.

5.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jispeċifikaw fir-regoli interni tagħhom il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji li taħthom il-persuni li jafdaw il-ġestjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji privati tagħhom lil terza persuna indipendenti skont ftehim ta’ ġestjoni tal-assi bil-miktub ikunu eżentati mir-restrizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’dan l-Artikolu.

6.   Il-BĊE u l-ANK jistgħu jadottaw regoli interni li japplikaw restrizzjonijiet kif stabbilit f’dan l-Artikolu għall-membri tal-persunal tagħhom u għall-membri tal-korpi tagħhom għajr persuni b’aċċess għal informazzjoni sensittiva għas-suq.

7.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jaġġustaw ir-regoli interni tagħhom li jimponu restrizzjonijiet speċifiċi fuq tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi kif imsemmi fil-paragrafu 2 biex jirriflettu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.

KAPITOLU III

Kollaborazzjoni u implimentazzjoni tal-Qafas tal-Etika tal-MSU

Artikolu 12

Funzjonijiet indipendenti ta’ etika u/jew ta’ konformità

1.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkollhom funzjoni ddedikata għall-etika u/jew il-konformità — li għandha tkun funzjoni ewlenija ta’ ġestjoni tar-riskju — biex tappoġġa lill-korpi deċiżjonali tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-Etika għall-MSU. Il-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità għandu jkollha l-pożizzjoni, l-awtorità u l-indipendenza xierqa meħtieġa biex twettaq il-kompiti tagħha. Din għandha tirrapporta direttament — ġerarkikament jew funzjonalment — lill-ogħla livell ta’ ġestjoni fi ħdan il-BĊE jew l-ANK rilevanti, kif applikabbli. Għandha tingħata riżorsi adegwati biex twettaq il-kompiti tagħha, u biex iżomm ruħha aġġornata dwar l-iżviluppi pertinenti u biex iżżomm l-għarfien espert tagħha attwali.

2.   Ir-responsabbiltajiet tal-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità fir-rigward tal-Qafas tal-Etika għall-MSU għandhom jinkludu: (a) l-għoti ta’ pariri u gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Qafas tal-Etika għall-MSU; (b) iż-żieda tal-għarfien u t-twettiq ta’ taħriġ obbligatorju; (c) l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji ta’ konformità; (d) il-monitoraġġ u l-verifika tal-konformità; (e) ir-rapportar ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità; (f) l-abbozzar, jew il-kontribut għall-abbozzar, tar-regoli u l-prattiki interni tal-BĊE jew l-ANK rilevanti, skont kif applikabbli; u (g) it-tħejjija tar-rapport annwali mill-BĊE jew mill-ANK rilevanti, skont kif applikabbli u kif imsemmi fl-Artikolu 15(1).

3.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità tagħhom tkun involuta, kif xieraq u fil-ħin, fi kwistjonijiet li jista’ jkollhom impatt fuq il-Qafas tal-Etika għall-MSU.

4.   Il-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità tal-BĊE u tal-ANK għandha tittratta l-informazzjoni miksuba fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħha bl-akbar kunfidenzjalità u għandha tipproċessa u żżomm kwalunkwe data personali skont ir-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

5.   F’każijiet fejn il-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità tal-banek ċentrali tal-Eurosistema twettaq kompiti u dmirijiet oħra, il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe kompitu u dmir bħal dan ikunu kompatibbli mal-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità nnifisha jew il-kompiti u d-dmirijiet tat-taqsima organizzattiva li magħha hija marbuta l-funzjoni tal-etika u/jew tal-konformità mil-lat organizzattiv.

Artikolu 13

Monitoraġġ tal-konformità

1.   Il-BĊE u l-ANK għandu jkollhom stabbiliti mekkaniżmi biex jimmonitorjaw il-konformità mar-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida. Il-monitoraġġ għandu jinkludi, b’mod partikolari, il-konformità mar-regoli interni li jimplimentaw ir-restrizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi kif previst fl-Artikolu 11 u, kontrolli ta’ konformità regolari u/jew ad hoc skont il-ħtieġa.

2.   Il-monitoraġġ tal-konformità għandu jkun mingħajr preġudizzju għal regoli interni li jippermettu investigazzjonijiet interni jekk membru tal-persunal tagħhom jew membru ta’ korp tagħhom ikun issuspettat li kiser ir-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida.

Artikolu 14

Rapportar ta’ nuqqas ta’ konformità u segwitu

1.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jadottaw regoli interni dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta kif ukoll proċeduri interni għar-rapportar ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida. Dawn ir-regoli u proċeduri interni għandhom jinkludu miżuri biex jiżguraw il-protezzjoni xierqa ta’ persuni li jirrapportaw każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità.

2.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li jkun hemm segwitu għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, fosthom, kif ikun xieraq, l-impożizzjoni ta’ miżuri dixxiplinari proporzjonati skont ir-regoli u l-proċeduri dixxiplinari applikabbli.

3.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jirrapportaw kwalunkwe inċident kbir relatat man-nuqqas ta’ konformità mar-regoli interni tagħhom li jimplimentaw din il-Linja Gwida mingħajr dewmien żejjed permezz tal-Kumitat tal-Iżvilupp Organizzattiv u l-Bord Superviżorju lill-Kunsill Governattiv f’konformità mal-proċeduri interni applikabbli, u jinformaw lill-Kumitat tal-Awditjar u lill-ECC b’mod parallel.

KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 15

Rapportar u valutazzjoni mill-ġdid

1.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jibagħtu lill-ECC ir-rapport annwali tagħhom dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-Linja Gwida bil-ħsieb li jiskambjaw informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-Linja Gwida u jippreparaw rieżamijiet futuri u/jew jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ approċċi komuni, kif imsemmi fl-Artikolu 12(2).

2.   Il-Kunsill Governattiv għandu jirrieżamina din il-Linja Gwida mill-inqas kull tliet snin sa mhux aktar tard mid-data li fiha r-regoli u l-miżuri li jimplimentaw il-Linja Gwida kellhom jiġu applikati kif definit fl-Artikolu 17(2) jew fuq ir-rakkomandazzjoni tal-ECC.

Artikolu 16

Revoka

1.   Il-Linja Gwida (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12) hija b'dan imħassra.

2.   Ir-referenzi għal-Linja Gwida (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12) għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din il-Linja Gwida u għandhom jinqraw b’mod konformi mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness għal din il-Linja Gwida.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-ANK.

2.   Il-BĊE u l-ANK għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw u jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida u japplikaw ir-regoli u l-miżuri li jimplimentaw il-Linja Gwida mill-1 ta’ Ġunju 2023. L-ANK għandhom jinfurmaw lill-BĊE dwar kwalunkwe ostakolu għall-implimentazzjoni ta’ din il-Linja Gwida u għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma’ dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2023.

Artikolu 18

Destinatarji

Din il-linja ta’ gwida hija indirizzata lill-BĊE u lill-ANK.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-2 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Linja Gwida (UE) 2015/856 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji ta’ Qafas tal-Etika għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2015/12) (ĠU L 135, 2.6.2015, p. 29).

(3)  Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji ta’ Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2002/6 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet ta’ politika monetarja, operazzjonijiet ta’ kambju internazzjonali mar-riservi esteri tal-BĊE u l-ġestjoni tal-assi ta’ riżerva estera tal-BĊE (BĊE/2015/11) (ĠU L 135, 2.6.2015, p. 23).

(4)  Prattiki ta’ Implimentazzjoni tal-Qafas tal-Etika għall-MSU, 12 ta’ Marzu 2015, disponibbli fuq EUR-Lex.

(5)  Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri ta’ livell għoli tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 89, 8.3.2019, p. 2).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 2021/379 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2021 dwar l-entrati tal-karta bilanċjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2021/2) (ĠU L 73, 3.3.2021, p. 16).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(8)  Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti tal-investiment f’konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).


ANNESS

Tabella ta’ korrelazzjoni

Linja Gwida (UE) 2015/856 (BĊE/2015/12)

Din il-Linja Gwida

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 1

Artikolu 3

/

Artikolu 4

/

Artikolu 5

Artikolu 13

Artikolu 6

Artikolu 14

Artikolu 7

Artikolu 9

Artikolu 8

Artikolu 11

Artikolu 9

Artikolu 6

Artikolu 10

Artikolu 7

Artikolu 11

Artikolu 17

Artikolu 12

Artikolu 15

Artikolu 13

Artikolu 18


Arriba