Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021L1270

    Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2021/1270 tal-21 ta’ April 2021 li temenda d-Direttiva 2010/43/UE fir-rigward tar-riskji għas-sostenibbiltà u l-fatturi ta’ sostenibbiltà li għandhom jitqiesu għall-Impriżi ta’ Investiment Kollettiv f’Titoli Trasferibbli (UCITS) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/2617

    ĠU L 277, 2.8.2021, p. 141–144 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2021/1270/oj

    2.8.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 277/141


    DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1270

    tal-21 ta’ April 2021

    li temenda d-Direttiva 2010/43/UE fir-rigward tar-riskji għas-sostenibbiltà u l-fatturi ta’ sostenibbiltà li għandhom jitqiesu għall-Impriżi ta’ Investiment Kollettiv f’Titoli Trasferibbli (UCITS)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 14(2), u l-Artikolu 51(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    It-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livelli baxxi ta’ karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-Unjoni. Fl-2016, l-Unjoni kkonkludiet il-Ftehim ta’ Pariġi (2). L-Artikolu 2(1)(c) tal-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi l-objettiv li jissaħħaħ ir-rispons għat-tibdil fil-klima, fost affarijiet oħra billi l-flussi ta’ finanzjament isiru konsistenti ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra kif ukoll l-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

    (2)

    Huwa minħabba r-rikonoxximent ta’ dik l-isfida li f’Diċembru 2019 il-Kummissjoni ppreżentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew (3). Il-Patt Ekoloġiku jirrappreżenta strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-2050 ’il quddiem u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Dak l-objettiv jirrikjedi li l-investituri jingħataw sinjali ċari fir-rigward tal-investimenti tagħhom biex jevitaw assi mhux rekuperabbli u jippromwovu l-finanzjament sostenibbli.

    (3)

    F’Marzu 2018, il-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha “Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli” (4), li jistabbilixxi strateġija ambizzjuża u komprensiva dwar il-finanzjament sostenibbli. Wieħed mill-objettivi stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni huwa li tingħata direzzjoni ġdida lill-flussi tal-kapital lejn investimenti sostenibbli sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv. Il-valutazzjoni tal-impatt li tirfed l-inizjattivi leġiżlattivi sussegwenti ppubblikati f’Mejju 2018 (5) uriet il-ħtieġa li jiġi ċċarat li l-fatturi ta’ sostenibbiltà għandhom jitqiesu minn kumpaniji maniġerjali bħala parti mid-dmirijiet tagħhom lejn l-investituri. Il-kumpaniji maniġerjali għandhom għalhekk jivvalutaw mhux biss ir-riskji finanzjarji rilevanti kollha fuq bażi kontinwa, iżda wkoll ir-riskji għas-sostenibbiltà kollha rilevanti kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) li, fejn iseħħu, jistgħu jikkawżaw impatt negattiv materjali reali jew potenzjali fuq il-valur ta’ investiment. Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/43/UE (7) ma jirreferix b’mod espliċitu għar-riskji għas-sostenibbiltà. Għal din ir-raġuni u biex ikun żgurat li l-proċeduri interni u l-arranġamenti organizzattivi jiġu implimentati u osservati kif xieraq, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-proċessi, is-sistemi u l-kontrolli interni tal-kumpaniji maniġerjali jirriflettu r-riskji għas-sostenibbiltà, u li l-kapaċità teknika u l-għarfien huma meħtieġa biex jiġu analizzati dawk ir-riskji.

    (4)

    Sabiex jiġu evitati kundizzjonijiet mhux ekwi għall-kumpaniji maniġerjali, u għall-kumpaniji tal-investiment li ma jkunux ħatru kumpanija maniġerjali, u biex tiġi evitata l-frammentazzjoni, l-inkonsistenza u l-imprevedibbiltà relatati mal-funzjonament tas-suq intern, ir-regoli dwar l-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà għandhom japplikaw ukoll għall-kumpaniji tal-investiment, filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità.

    (5)

    Sabiex jinżamm standard għoli ta’ protezzjoni tal-investitur, il-kumpaniji ta’ ġestjoni għandhom, meta jidentifikaw it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess li l-eżistenza tagħhom tista’ tagħmel ħsara lill-interessi ta’ UCITS, jinkludu kunflitti ta’ interess li jistgħu jinħolqu bħala riżultat tal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-proċessi, is-sistemi u l-kontrolli interni tagħhom. Dawk il-konflitti jistgħu jinkludu kunflitti li jirriżultaw minn remunerazzjoni jew minn tranżazzjonijiet personali tal-persunal rilevanti, kunflitti ta’ interess li jistgħu jwasslu għal greenwashing, bejgħ inadatt jew rappreżentazzjoni ħażina ta’ strateġiji ta’ investiment u kunflitti ta’ interess bejn UCITS differenti ġestiti mill-istess kumpaniji maniġerjali.

    (6)

    Skont ir-Regolament (UE) 2019/2088 kumpaniji maniġerjali jew ta’ investiment li huma obbligati jikkunsidraw l-impatti negattivi prinċipali ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà, jew li jqisu dawk l-impatti negattivi prinċipali b’mod volontarju, huma obbligati jiżvelaw kif il-politiki ta’ diliġenza dovuta tagħhom iqisu dawk l-impatti negattivi prinċipali. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn ir-Regolament (UE) 2019/2088 u d-Direttiva 2010/43/UE, dak l-obbligu għandu jkun rifless fid-Direttiva 2010/43/UE.

    (7)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2010/43/UE tiġi emendata kif xieraq,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Direttiva 2010/43/UE

    Id-Direttiva 2010/43/UE hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 3, jiżdiedu l-punti 11 u 12 li ġejjin:

    “11.

    “riskju għas-sostenibbiltà” strument finanzjarju li l-objettiv tiegħu huma investimenti sostenibbli kif definiti fl-Artikolu 2(22) tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

    12.

    “fatturi ta’ sostenibbiltà” tfisser fatturi ta’ sostenibbiltà kif definiti fl-Artikolu 2(24) tar-Regolament (UE) 2019/2088.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).”;"

    (2)

    fl-Artikolu 4(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija maniġerjali jqisu r-riskji għas-sostenibbiltà meta jkunu qed jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.”;

    (3)

    fl-Artikolu 5, għandu jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

    “5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3, il-kumpaniji maniġerjali jżommu r-riżorsi u l-kompetenza meħtieġa għall-integrazzjoni effettiva tar-riskji għas-sostenibbiltà.”;

    (4)

    għandu jiddaħħal l-Artikolu 5 a li ġej:

    “Artikolu 5a

    Obbligu għall-kumpaniji ta’ investiment li jintegraw ir-riskji għas-sostenibbiltà fl-immaniġġjar tal-UCITS

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji ta’ investiment jintegraw ir-riskji għas-sostenibbiltà fl-immaniġġjar tal-UCITS, filwaqt li jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tal-kumpaniji ta’ investiment.”;

    (5)

    fl-Artikolu 9(2), jiżdied il-punt (g) li ġej:

    “(g)

    huwa responsabbli għall-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fl-attivitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (f).”.

    (6)

    fl-Artikolu 17, għandu jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

    “3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-kumpaniji maniġerjali jidentifikaw it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess, li l-eżistenza tagħhom tista’ tagħmel ħsara lill-interessi ta’ UCITS, dawn għandhom jinkludu dawk it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess li jistgħu jinħolqu bħala riżultat tal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-proċessi, is-sistemi u l-kontrolli interni tagħhom.”;

    (7)

    fl-Artikolu 23, jiżdiedu l-paragrafi 5 u 6 li ġejjin:

    “5.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-kumpaniji maniġerjali jqisu r-riskji għas-sostenibbiltà meta jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4.

    6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-kumpaniji maniġerjali, jew, fejn applikabbli, il-kumpaniji ta’ investiment iqisu dawn l-impatti prinċipali avversi tad-deċiżjonijiet ta’ investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà kif deskritt fl-Artikolu 4(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2019/2088, jew kif meħtieġ mill-paragrafi 3 jew 4 tal-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament, dawk il-kumpaniji maniġerjali jew il-kumpaniji ta’ investiment għandhom iqisu l-impatti negattivi prinċipali bħal dawn meta jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu.”;

    (8)

    fl-Artikolu 38(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Il-politika tal-immaniġġjar tar-riskji għandha tinkludi dawn il-proċeduri meħtieġa biex il-kumpanija maniġerjali tkun tista’ tivvaluta l-iskopertura ta’ kull UCITS li timmaniġġja għar-riskji tas-suq, il-likwidità, is-sostenibbiltà u l-kontraparti, u l-iskopertura tal-UCITS għar-riskji l-oħra kollha, inklużi riskji operazzjonali, li jistgħu jaffettwaw kull waħda mill-UCITS li timmaniġġja.”.

    Artikolu 2

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta Lulju 2022 u mhux iktar tard, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

    Dawn għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Awwissu 2022.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Id-dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).

    (3)  COM(2019) 640 final.

    (4)  COM(2018) 97 final.

    (5)  SWD(2018) 264 final.

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

    (7)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni Nru 2010/43/UE tal-1 ta’ Lulju 2010 li timplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti organizzazzjonali, il-konflitti ta’ interess, il-kondotta fin-negozju, l-immaniġġjar tar-riskji u l-kontenut tal-ftehim ta’ bejn id-depożitarju u l-kumpanija maniġerjali (ĠU L 176, 10.7.2010, p. 42).


    Top