Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021L1206

    Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2021/1206 tat-30 ta’ April 2021 li temenda l-Anness III tad-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tagħmir tal-baħar fir-rigward tal-istandard applikabbli għal-laboratorji li jintużaw mill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għat-tagħmir tal-baħar (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/2903

    ĠU L 261, 22.7.2021, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2021/1206/oj

    22.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 261/45


    DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1206

    tat-30 ta’ April 2021

    li temenda l-Anness III tad-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tagħmir tal-baħar fir-rigward tal-istandard applikabbli għal-laboratorji li jintużaw mill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għat-tagħmir tal-baħar

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2014/90/UE tirrikjedi li l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III sabiex isiru korpi notifikati.

    (2)

    Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jiżguraw li l-laboratorji tal-ittestjar li jintużaw għall-finijiet ta’ valutazzjoni tal-konformità jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-istandard EN ISO/IEC 17025.

    (3)

    L-istandard EN ISO/IEC 17025 jispeċifika r-rekwiżiti ġenerali għall-kompetenza, l-imparzjalità u l-operat konsistenti tal-laboratorji.

    (4)

    Fl-2017, l-ISO ppubblikat reviżjoni tal-istandard EN ISO/IEC 17025 u rtirat il-verżjoni preċedenti tal-istandard, li xorta waħda setgħet tintuża matul perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ tliet snin li ntemm f’Novembru 2020.

    (5)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-referenza li saret fid-Direttiva 2014/90/UE għall-istandard EN ISO/IEC 17025 tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Fil-punt 19 tal-Anness III tad-Direttiva 2014/90/UE, ir-referenza għall-istandard “EN ISO/IEC 17025:2005” hija sostitwita b’referenza għall-istandard “EN ISO/IEC 17025:2017”.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux iktar tard minn l-31 ta' Jannar 2022. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146.


    Top