Odaberite eksperimentalnu funkciju koju želite isprobati

Ovaj je dokument isječak s web-mjesta EUR-Lex

Dokument 32021L0647

Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2021/647 tal-15 ta’ Jannar 2021 li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu ta’ ċerti komposti taċ-ċomb u tal-kromu eżavalenti fl-inizjaturi elettriċi u elettroniċi tal-isplussivi għall-użu ċivili (professjonali) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/50

ĠU L 133, 20.4.2021., str. 54.–56. (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Pravni status dokumenta Na snazi

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2021/647/oj

20.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 133/54


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/647

tal-15 ta’ Jannar 2021

li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu ta’ ċerti komposti taċ-ċomb u tal-kromu eżavalenti fl-inizjaturi elettriċi u elettroniċi tal-isplussivi għall-użu ċivili (professjonali)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE teżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għall-applikazzjonijiet eżentati elenkati fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Iċ-ċomb u l-kromu eżavalenti huma sustanzi ristretti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE.

(4)

Fid-19 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni li saret f’konformità mal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/65/UE biex tiġi elenkata eżenzjoni fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva, għall-użu ta’ komposti taċ-ċomb u tal-kromu eżavalenti fl-inizjaturi elettriċi u elettroniċi tal-isplussivi għall-użu ċivili (professjonali)(“l-eżenzjoni mitluba”).

(5)

L-evalwazzjoni tal-eżenzjoni mitluba kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE. Il-kummenti li waslu matul dawn il-konsultazzjonijiet saru disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta.

(6)

Ċerti komposti taċ-ċomb u tal-kromu eżavalenti jintużaw f’partijiet essenzjali ta’ inizjaturi elettriċi u elettroniċi (EEI), bħal fuseheads elettriċi, kariki splussivi primarji u kariki ta’ dewmien pirotekniku. L-EEI huma parti minn detonaturi elettriċi u elettroniċi li jintużaw primarjament għall-estrazzjoni ta’ minerali, għall-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u ta’ demolizzjoni, kif ukoll f’komponenti tas-sistemi ta’ salvataġġ integrati.

(7)

Bħalissa, ma hemm l-ebda alternattiva għad-diażid taċ-ċomb, għall-istifnat taċ-ċomb, għad-dipikramat taċ-ċomb, għaċ-ċomb oranġjo (it-tetraossidu taċ-ċomb), għad-diossidu taċ-ċomb fl-EEI u għall-kromat tal-barju f’kariki ta’ dewmien pirotekniku twil tal-EEI disponibbli fis-suq li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali kollha sabiex jiġi żgurat it-tħaddim sikur tal-EEI.

(8)

Minħabba n-nuqqas ta’ alternattivi, is-sostituzzjoni jew l-eliminazzjoni tad-diażid taċ-ċomb, tal-istifnat taċ-ċomb, tad-dipikramat taċ-ċomb, taċ-ċomb oranġjo (it-tetraossidu taċ-ċomb), tad-diossidu taċ-ċomb fl-EEI u tal-kromat tal-barju mhumiex prattiċi mil-lat xjentifiku u tekniku f’ċerti komponenti tal-EEI. L-eżenzjoni hija konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u għalhekk ma ddgħajjifx il-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa mogħtija minnu.

(9)

Għalhekk, jixraq li tingħata l-eżenzjoni mitluba billi jiddaħħlu l-applikazzjonijiet koperti minnha fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE b’rabta mat-tagħmir elettriku u elettroniku tal-kategorija 11.

(10)

L-eżenzjoni mitluba jenħtieġ li tingħata għal tul ta’ żmien ta’ ħames snin li jibda mill-20 ta’ April 2021, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE. Fid-dawl tar-riżultati tal-isforzi għaddejjin biex tinstab sostituzzjoni affidabbli, aktarx li t-tul ta’ żmien tal-eżenzjoni mhux se jħalli impatti negattivi fuq l-innovazzjoni.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2021 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Novembru 2021.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, jiżdied il-punt 45 li ġej:

“45

Diażid taċ-ċomb, stifnat taċ-ċomb, dipikramat taċ-ċomb, ċomb oranġjo (tetraossidu taċ-ċomb), diossidu taċ-ċomb fl-inizjaturi elettriċi u elettroniċi ta’ splussivi għall-użu ċivili (professjonali) u kromat tal-barju f’kariki ta’ dewmien pirotekniku twil ta’ inizjaturi elettriċi ta’ splussivi għall-użu ċivili (professjonali)

Tapplika għall-kategorija 11 u tiskadi fl-20 ta’ April 2026.”


Vrh