Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2188

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2188 tad-9 ta’ Diċembru 2021 li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Emirati Għarab Magħquda maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/9429

    ĠU L 443I, 10.12.2021, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/2188/oj

    10.12.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 443/4


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2188

    tad-9 ta’ Diċembru 2021

    li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Emirati Għarab Magħquda maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) 2021/953 jippermetti l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom jekk il-Kummissjoni tikkonstata li dawk iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu f’konformità ma’ standards li jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dak ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom u li għandhom id-dritt li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe sejba ta’ ekwivalenza stabbilita f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mill-Emirati Għarab Magħquda liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. B’mod simili, abbażi tar-Regolament (UE) 2021/954, jenħtieġ li tali sejbiet ta’ ekwivalenza japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mill-Emirati Għarab Magħquda liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

    (3)

    Fis-16 ta’ Settembru 2021, l-Emirati Għarab Magħquda pprovdew lill-Kummissjoni b’informazzjoni dettaljata dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim u tat-testijiet skont is-sistema intitolata “Alhosn EU Pass”. L-Emirati Għarab Magħquda nfurmaw lill-Kummissjoni li huma jqisu li ċ-ċertifikati COVID-19 tagħhom qed jinħarġu f’konformità ma’ sistema standard u teknoloġika li jkunu interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, l-Emirati Għarab Magħquda infurmaw lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Emirati Għarab Magħquda skont is-sistema “Alhosn EU Pass” fihom id-data stabbilita fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953.

    (4)

    L-Emirati Għarab Magħquda nfurmaw ukoll lill-Kummissjoni li huma jaċċettaw ċertifikati tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mill-Istati Membri u mill-pajjiżi taż-ŻEE f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

    (5)

    Fl-20 ta’ Ottubru 2021, wara talba mill-Emirati Għarab Magħquda, il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati tat-tilqim u tat-testijiet kontra l-COVID-19 huma maħruġa mill-Emirati Għarab Magħquda f’konformità ma’ sistema intitolata “Alhosn EU Pass”, li hija interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u tippermetti l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mill-Emirati Għarab Magħquda f’konformità mas-sistema “Alhosn EU Pass” fihom id-data meħtieġa.

    (6)

    Minbarra dan, l-Emirati Għarab Magħquda nfurmaw lill-Kummissjoni li huma joħorġu ċertifikati tat-tilqim interoperabbli għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Dawn bħalissa jinkludu Comirnaty, Spikevax, Covishield, COVID-19 Vaccine Janssen, NVX-CoV2373, Sputnik V, WIBP-CorV, BBIBP-CorV, Hayat-Vax u CoronaVac.

    (7)

    L-Emirati Għarab Magħquda nfurmaw ukoll lill-Kummissjoni li huma joħorġu ċertifikati tat-testijiet interoperabbli għat-testijiet tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku, iżda ma joħorġux testijiet rapidi tal-antiġeni.

    (8)

    Barra minn hekk, l-Emirati Għarab Magħquda nfurmaw lill-Kummissjoni li huma ma joħorġux ċertifikati interoperabbli tal-fejqan.

    (9)

    Barra minn hekk, l-Emirati Għarab Magħquda infurmaw lill-Kummissjoni li meta verifikaturi fl-Emirati Għarab Magħquda jivverifikaw iċ-ċertifikati, id-data personali inkluża fihom se tiġi pproċessata biss biex tivverifika u tikkonferma t-tilqim tad-detentur u r-riżultat tat-test u mhux se tinżamm wara.

    (10)

    L-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mill-Emirati Għarab Magħquda f’konformità mas-sistema “Alhosn EU Pass” għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 u għalhekk huma ssodisfati.

    (11)

    Għaldaqstant, iċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mill-Emirati Għarab Magħquda f’konformità mas-sistema “Alhosn EU Pass” jenħtieġ li jiġu aċċettati bil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5) u fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) 2021/953.

    (12)

    Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operattiva, jenħtieġ li l-Emirati Għarab Magħquda jkunu konnessi mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

    (13)

    Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jew tħassarha, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

    (14)

    Fid-dawl tal-ħtieġa li l-Emirati Għarab Magħquda jiġu konnessi mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (15)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 2021/953,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mill-Emirati Għarab Magħquda f’konformità mas-sistema “Alhosn EU Pass” għandhom, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

    Artikolu 2

    L-Emirati Għarab Magħquda għandhom ikunu konnessi mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).


    Top