Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2159

    Deċiżjoni (UE) 2021/2159 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2021 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Spanja — EGF/2021/001 ES/País Vasco metal

    ĠU L 436, 7.12.2021, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2159/oj

    7.12.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 436/38


    DEĊIŻJONI (UE) 2021/2159 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-25 ta’ Novembru 2021

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Spanja — EGF/2021/001 ES/País Vasco metal

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (2), u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandu l-għan li juri solidarjetà u li jippromwovi impjieg deċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema ssensjati u għal dawk li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet fil-każ ta’ avvenimenti kbar ta’ ristrutturar u jgħinhom jirritornaw għal xogħol deċenti u impjieg sostenibbli mill-aktar fis possibbli.

    (2)

    L-FEG ma jridx jaqbeż l-ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (il-prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (3).

    (3)

    Fil-25 ta’ Ġunju 2021, Spanja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward taċ-ċaqliq tal-ħaddiema fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt il-klassifikazzjoni Statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (“NACE”) (4) Reviżjoni 2 diviżjoni 25 (Manifattura ta’ prodotti tal-metall iffabbrikat, għajr makkinarju u tagħmir fir-reġjuni tal-livell 2 tal-Klassifikazzjoni Komuni ta’ Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (“NUTS”) (5) ta’ País Vasco (ES21) fi Spanja. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali mogħtija f’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2021/691. Din l-applikazzjoni tikkonforma mal-kondizzjonijiet għal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/691

    (4)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-FEG jiġi mobilizzat x jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 1 214 607 fir-rigward tal-applikazzjoni sottomessa minn Spanja.

    (5)

    Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2021, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 1 214 607 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Din id-Deċiżjoni tapplika mill-25 ta’ Novembru 2021.

    Magħmula fil-25 ta’ Novembru 2021.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D. M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Anže LOGAR


    (1)  ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.

    (2)  ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28.

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11).

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1755 tat-8 ta’ Awwissu 2019 li jemenda l-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 270, 24.10.2019, p. 1).


    Top