This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021D1877
Commission Implementing Decision (EU) 2021/1877 of 22 October 2021 on the framework of inclusion measures of the Erasmus+ and European Solidarity Corps Programmes 2021-2027 (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1877 tat-22 ta’ Ottubru 2021 dwar il-qafas ta’ miżuri ta’ inklużjoni tal-Programm Erasmus+ u tal-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2021–2027 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1877 tat-22 ta’ Ottubru 2021 dwar il-qafas ta’ miżuri ta’ inklużjoni tal-Programm Erasmus+ u tal-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2021–2027 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2021/7493
ĠU L 378, 26.10.2021, p. 15–21
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
26.10.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 378/15 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1877
tat-22 ta’ Ottubru 2021
dwar il-qafas ta’ miżuri ta’ inklużjoni tal-Programm Erasmus+ u tal-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2021–2027
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 165(4) u 166(4) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/888 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jħassar ir-Regolamenti (UE) 2018/1475 u (UE) Nru 375/2014 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-ħtieġa li jissaħħaħ u li jiġi estiż il-Programm Erasmus+ ġiet espressa mill-Kunsill Ewropew f’diversi okkażjonijiet. Barra minn hekk, fil-konsultazzjonijiet dwar l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm Erasmus+ (2014–2020) stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u dwar il-programm li jissostitwixxi dak il-programm (4), ġiet stabbilita l-ħtieġa għall-kontinwità fil-kamp ta’ applikazzjoni, fl-arkitettura u fil-mekkaniżmi tat-twettiq tal-Programm Erasmus+. Fl-istess ħin ġiet identifikata ħtieġa għal xi titjib, bħal li l-Programm Erasmus+ isir aktar inklużiv, aktar sempliċi u aktar ġestibbli għall-benefiċjarji. |
(2) |
Kemm ir-Regolament dwar Erasmus+ kif ukoll ir-Regolament dwar il-Korp ta’ Solidarjetà jipprevedu li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa qafas ta’ miżuri ta’ inklużjoni għal persuni b’inqas opportunitajiet (5). Filwaqt li jitqiesu s-similaritajiet tal-programmi Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà fir-rigward ta’ xi wħud mill-gruppi fil-mira indirizzati (persuni b’inqas opportunitajiet fil-Programm Erasmus+ u żgħażagħ b’inqas opportunitajiet fil-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà), in-natura kondiviża tal-istrutturi ta’ implimentazzjoni taż-żewġ Programmi, u s-similaritajiet fl-istruttura ta’ finanzjament, jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas konġunt ta’ miżuri ta’ inklużjoni. |
(3) |
Il-qafas tal-miżuri ta’ inklużjoni jenħtieġ li jqis l-oqsma ta’ intervent għall-isfidi globali kif stabbilit fl-Anness III, il-punt 4, tar-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), kif ukoll il-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport 2021–2024. Organizzazzjonijiet bħall-entitajiet li jirċievu għotjiet taħt il-Programmi għandhom rwol ewlieni biex jagħmlu l-inklużjoni realtà, b’mod partikolari f’termini ta’ żvilupp organizzazzjonali, l-akkwist u l-bini ta’ aktar kapaċità fl-immaniġġar ta’ proġetti ta’ inklużjoni u rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà, il-promozzjoni tal-inklużjoni fl-organizzazzjoni kollha, u s-sensibilizzazzjoni u l-appoġġ lill-parteċipanti qabel, matul u wara l-proġett. |
(4) |
F’xi każijiet, il-persuni b’inqas opportunitajiet x’aktarx jipparteċipaw inqas fil-Programmi għal raġunijiet finanzjarji, kemm minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom jew minħabba l-ispejjeż ikbar ta’ parteċipazzjoni li tiġġenera s-sitwazzjoni speċifika tagħhom, kif spiss ikun il-każ għall-persuni b’diżabbiltà. F’każijiet bħal dawn, il-parteċipazzjoni tagħhom tista’ tiġi ffaċilitata b’appoġġ finanzjarju mmirat. |
(5) |
In-nuqqas ta’ għarfien dwar id-disponibbiltà ta’ miżuri ddedikati għal persuni b’inqas opportunitajiet jista’ jirriżulta f’inqas parteċipazzjoni ta’ dawn il-gruppi fil-mira. Hemm bżonn ta’ sforz akbar biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u biex jiżdiedu l-livelli ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni tagħhom dwar l-opportunitajiet fis-seħħ u dwar kif għandhom jiġu aċċessati. |
(6) |
L-organizzazzjonijiet huma mistiedna jindirizzaw l-inklużjoni u d-diversità f’konformità mal-ħtiġijiet tagħhom u ma’ dawk tal-komunità tagħhom. Il-membri tal-persunal li jittrattaw speċifikament kwistjonijiet ta’ inklużjoni u ta’ diversità u b’parteċipanti b’inqas opportunitajiet fl-organizzazzjonijiet tagħhom, jistgħu jibbenefikaw minn ħidma flimkien ma’ pari minn organizzazzjonijiet oħrajn biex jappoġġaw lin-nies b’inqas opportunitajiet. Forom differenti ta’ appoġġ, bħal sessjonijiet ta’ taħriġ, esperjenzi ta’ tagħlim bejn il-pari u opportunitajiet ta’ job shadowing, jistgħu jiġu organizzati bil-għan li jgħinu biex tiżdied il-kapaċità tagħhom f’dan ir-rigward. |
(7) |
Approċċ qawwi ta’ appoġġ għall-parteċipanti b’inqas opportunitajiet huwa kruċjali biex jgħin fit-tneħħija tal-ostakli għall-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fil-Programmi. |
(8) |
L-inklużjoni u d-diversità huma parti mill-kriterji biex jintgħażlu l-applikazzjonijiet għall-finanzjament u biex jiġi allokat l-appoġġ finanzjarju. Il-proġetti ta’ kwalità li jindirizzaw b’mod attiv l-inklużjoni u d-diversità u li jinvolvu parteċipanti b’inqas opportunitajiet jistgħu jingħataw prijorità fil-proċess tal-għoti tal-għotjiet. |
(9) |
Il-persuni b’inqas opportunitajiet jenħtieġ li jintlaħqu fl-ambjenti personali rispettivi tagħhom billi l-approċċ jitfassal għall-ħtiġijiet ta’ informazzjoni u ta’ aċċessibbiltà speċifiċi tagħhom. Fattur importanti ta’ suċċess għall-għoti ta’ informazzjoni lil gruppi sottorappreżentati huwa l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati li jaħdmu ma’ dawn il-gruppi fil-mira u l-involviment tal-utenti fil-livell lokali u reġjonali. |
(10) |
Attivitajiet ta’ monitoraġġ iddedikati, bl-użu ta’ sett ta’ indikaturi speċifiċi, jenħtieġ li jipprovdu data kwalitattiva u kwantitattiva biex gradwalment jiġi appoġġat użu saħansitra aktar strateġiku u mmirat tal-baġit disponibbli taħt il-Programmi. |
(11) |
Il-miżuri ta’ inklużjoni diġà jistgħu jkunu fis-seħħ fil-kuntest nazzjonali. Il-komplementarjetà u s-sinerġiji mal-miżuri implimentati b’dan il-qafas jistgħu jikkontribwixxu biex iħallu impatt ikbar, għax jilħqu u jappoġġaw il-parteċipanti b’inqas opportunitajiet. |
(12) |
Din id-Deċiżjoni u l-pjanijiet ta’ azzjoni għall-inklużjoni li jirriżultaw jenħtieġ li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u jenħtieġ ukoll li josservaw il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (7). Jenħtieġ li jiżguraw ukoll ir-rispett sħiħ għad-dritt għan-nondiskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Karta. |
(13) |
L-atturi involuti fil-proċess li jagħmel il-programmi Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jsiru aktar inklużivi u diversi huma eteroġeni u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ ideat u mekkaniżmi ġodda jew imtejba, kif ukoll jaġixxu bħala multiplikaturi ewlenin tal-isforzi tal-inklużjoni u d-diversità, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi qafas ta’ miżuri ta’ inklużjoni għall-Programmi Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għall-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027.
2. Dan jistabbilixxi l-objettivi tal-qafas u l-azzjonijiet u l-mekkaniżmi li għandhom jiġu implimentati.
Artikolu 2
L-objettivi tal-qafas tal-miżuri ta’ inklużjoni
1. L-objettiv ġenerali tal-qafas tal-miżuri ta’ inklużjoni huwa li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-Programm Erasmus+ u għall-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għal persuni b’inqas opportunitajiet, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jitneħħew l-ostakli li jistgħu jipprevjenu tali aċċess, u li jservi bħala bażi għal gwida ta’ implimentazzjoni ulterjuri kif stabbilit fl-Anness. Abbażi tal-prinċipju li l-Programmi jridu jkunu aċċessibbli għal kulħadd, irrispettivament mill-ostakli li jistgħu jiffaċċjaw in-nies, l-għan huwa li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura u li jikkontribwixxi għal soċjetajiet aktar inklużivi.
2. Il-qafas tal-miżuri ta’ inklużjoni għandu erba’ objettivi speċifiċi:
(a) |
l-integrazzjoni tal-inklużjoni u tad-diversità bħala prijorità u prinċipju gwida trasversali; |
(b) |
l-iżgurar tal-offerta ta’ karatteristiċi u mekkaniżmi inklużivi fi ħdan it-tfassil tal-Programmi u l-baġit allokat għall-azzjonijiet tagħha, u li l-fokus fuq l-inklużjoni u d-diversità jitqies fl-istadji kollha tal-ġestjoni tal-Programmi; |
(c) |
l-istabbiliment ta’ fehim komuni ta’ dawk li jistgħu jitqiesu bħala persuni b’inqas opportunitajiet u t-trawwim ta’ approċċ pożittiv għad-diversità; |
(d) |
l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet benefiċjarji fl-istabbiliment ta’ proġetti ta’ kwalità ogħla li jindirizzaw l-inklużjoni u d-diversità, u fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti b’mod aktar inklużiv u divers. |
3. L-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jipprovdi lista mhux eżawrjenti tal-azzjonijiet li l-Kummissjoni ħadet u li se tieħu sabiex tipprovdi gwida dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ inklużjoni fil-Programm Erasmus+ u fil-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
KAPITOLU II
MIŻURI TA’ INKLUŻJONI
Artikolu 3
Formati tal-apprendiment
Il-Programmi għandhom joffru formati ta’ apprendiment flessibbli u aċċessibbli biex jippermettu li jintlaħqu gruppi kbar fil-mira, u b’hekk tiżdied l-integrazzjoni ta’ persuni b’inqas opportunitajiet għal attivitajiet edukattivi u tat-taħriġ u għal attivitajiet għaż-żgħażagħ, sportivi u ta’ solidarjetà.
Artikolu 4
Appoġġ lil parteċipanti b’inqas opportunitajiet
Għandhom ikunu disponibbli u ffinanzjati kif xieraq mekkaniżmi biex il-parteċipanti jitħejjew u jiġu appoġġati b’mod adegwat b’inqas opportunitajiet qabel, matul u wara l-parteċipazzjoni tagħhom fi ħdan il-Programmi, bħal żjarat preparatorji, appoġġ lingwistiku, mentoraġġ u kowċing rinforzat.
Artikolu 5
Appoġġ lill-organizzazzjonijiet
Għandhom jiġu implimentati mekkaniżmi biex:
(a) |
jiġu appoġġati organizzazzjonijiet biex jagħmlu l-inklużjoni realtà, b’mod partikolari f’termini ta’ żvilupp organizzazzjonali, aċċessibbiltà u l-interazzjoni mal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet qabel, matul u wara l-proġett. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ attivitajiet ta’ appoġġ għall-persunal li jaħdem speċifikament f’attivitajiet relatati mal-inklużjoni u mad-diversità fl-organizzazzjonijiet, bħat-taħriġ u l-opportunitajiet ta’ networking tematiku, biex il-persunal jaħdem flimkien biex jappoġġa lin-nies b’inqas opportunitajiet u biex jiżgura proċeduri ta’ għażla inklużivi; |
(b) |
jiġu appoġġati organizzazzjonijiet fir-rwol ewlieni tagħhom biex jilħqu u jżidu s-sensibilizzazzjoni fost il-parteċipanti potenzjali b’inqas opportunitajiet dwar id-diversi opportunitajiet u mekkaniżmi ta’ appoġġ li joffrulhom il-Programmi. |
Artikolu 6
Appoġġ finanzjarju
1. Il-Programmi għandhom jipprovdu livelli adegwati ta’ appoġġ finanzjarju lill-parteċipanti b’inqas opportunitajiet, jikkontribwixxu għat-tneħħija tal-ostakli li jżommuhom lura milli jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Programm bl-istess mod bħall-pari tagħhom. Dan jinkludi l-kunsiderazzjoni tal-aktar mekkaniżmi xierqa għall-għoti ta’ tali appoġġ.
2. Il-Programmi għandhom jipprovdu appoġġ finanzjarju msaħħaħ għall-organizzazzjonijiet li jaħdmu mal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet, filwaqt li jirrikonoxxu l-isforzi addizzjonali fis-seħħ biex dawn il-gruppi fil-mira jiġu involuti b’mod effettiv fl-attivitajiet tal-proġett tagħhom.
Artikolu 7
Il-proċess tal-għażla
Tista’ tingħata prijorità fil-proċess tal-għoti ta’ għotjiet lil proġetti ta’ kwalità li jindirizzaw b’mod attiv l-inklużjoni u l-involviment ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet.
Artikolu 8
Użu faċli tad-dokumenti tal-programm
Il-Programmi għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni u d-dokumenti ta’ referenza jkunu faċli għall-utent u aċċessibbli u disponibbli b’lingwi differenti. Dawk id-dokumenti għandu jkollhom struttura ċara u għandhom jużaw lingwaġġ sempliċi sabiex jappoġġaw il-ħtiġijiet ta’ persuni b’inqas opportunitajiet.
Artikolu 9
Attivitajiet ta’ taħriġ
Jista’ jiġi pprovdut finanzjament taħt il-Programmi biex jiġu offruti attivitajiet ta’ taħriġ immirati lejn l-inklużjoni ta’ persuni b’inqas opportunitajiet għal, fost l-oħrajn, esperti, prattikanti, persunal tal-organizzazzjonijiet u parteċipanti. Dawn l-attivitajiet ta’ taħriġ għandhom ikunu mmirati lejn il-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-iskambju tal-aħjar prattiki, għall-bini ta’ kompetenzi u għall-inkoraġġiment ta’ ideat innovattivi fir-rigward ta’ miżuri ta’ inklużjoni.
Artikolu 10
Approċċ ta’ appoġġ
Il-Programmi għandhom jipprovdu appoġġ kwalitattiv għall-miżuri ta’ inklużjoni permezz tal-aġenziji nazzjonali tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u l-Kultura (EACEA), kif ukoll permezz ta’ strutturi bħall-Appoġġ, Tagħlim Avvanzat u Opportunitajiet ta’ Taħriġ (SALTO) l-Inklużjoni u d-Diversità.
Artikolu 11
Attivitajiet ta’ komunikazzjoni
L-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet offruti mill-Programmi u l-mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-inklużjoni jista’ jkollhom jitwasslu u jiġu adattati għall-kuntest nazzjonali u speċifiku għas-settur tagħhom għal kull kategorija ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet. Sabiex jinkiseb dan, l-organizzazzjonijiet ta’ implimentazzjoni huma mħeġġin jipprovdu materjal ta’ informazzjoni xieraq u aċċessibbli, jistabbilixxu kanali ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni differenti, jikkondividu l-aħjar prattiki, u jimmiraw u jikkuntattjaw b’mod proattiv lill-organizzazzjonijiet attivi fl-oqsma tal-inklużjoni u d-diversità. Dawn il-kompiti għandhom jitwettqu b’mod partikolari mill-aġenziji nazzjonali tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ dawn il-kompiti, l-uffiċjali tal-inklużjoni u tad-diversità għandhom jinħatru fl-aġenziji nazzjonali.
KAPITOLU III
MONITORAĠĠ U RAPPORTAR
Artikolu 12
Attivitajiet ta’ monitoraġġ
1. Għandha tinġabar data rilevanti, b’mod partikolari mill-Kummissjoni u mill-aġenziji nazzjonali tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u mill-EACEA, matul il-ħajja tal-Programmi permezz ta’ taħlita ta’ sorsi, bħall-għodod tal-IT li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Programmi jew l-istħarriġiet tal-parteċipanti.
2. Il-kompiti ta’ monitoraġġ se jitwettqu mill-Kummissjoni bl-għajnuna tal-aġenziji nazzjonali tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u tal-EACEA, u permezz ta’ analiżi ad hoc, filwaqt li jiġu rispettati r-regoli u l-proċeduri applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data għall-ipproċessar ta’ data personali sensittiva.
Artikolu 13
Pjanijiet ta’ azzjoni ta’ inklużjoni
1. Bħala parti integrali mill-programmi ta’ ħidma tagħhom, l-aġenziji nazzjonali tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għandhom jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni ta’ inklużjoni, ibbażati fuq dan il-qafas ta’ miżuri ta’ inklużjoni, u b’attenzjoni partikolari għall-isfidi speċifiċi għall-aċċess tal-programmi fi ħdan il-kuntesti nazzjonali. Huma għandhom jirrapportaw fuq bażi regolari lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-inklużjoni tagħhom.
2. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet ta’ azzjoni għall-inklużjoni fuq bażi regolari.
3. Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tipprovdi rakkomandazzjonijiet u osservazzjonijiet lill-aġenziji nazzjonali fir-rigward tal-pjanijiet ta’ azzjoni ta’ inklużjoni tagħhom, bil-għan li jittejjeb it-tfassil, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-kontenut ta’ dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni.
Artikolu 14
Rappurtar
Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapporti fuq bażi regolari dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ inklużjoni, b’mod partikolari permezz tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programmi u l-attivitajiet ta’ rapportar annwali.
Artikolu 15
Komplementarjetà u sinerġiji
1. Fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ inklużjoni, l-aġenziji nazzjonali jistgħu jiżguraw il-komplementarjetà ma’ miżuri nazzjonali eżistenti oħrajn għall-inklużjoni, sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt ta’ dawn l-isforzi għall-parteċipanti b’inqas opportunitajiet.
2. Għandhom jiġu mfittxija sinerġiji ma’ fondi oħrajn tal-Unjoni u ma’ fondi nazzjonali, sabiex ikun hemm impatt akbar u appoġġ imsaħħaħ għal persuni b’inqas opportunitajiet.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 16
Kokreazzjoni
1. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri biex il-Programmi jkunu magħmulin aktar inklużivi u diversi għandha titwettaq abbażi ta’ spirtu ta’ kokreazzjoni, fi djalogu kostanti mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet u n-networks internazzjonali u nazzjonali attivi fil-qasam tal-inklużjoni u d-diversità, l-esperti, il-prattikanti u l-parteċipanti nfushom, l-aġenziji nazzjonali tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, l-EACEA, iċ-Ċentri tar-Riżorsi ta’ SALTO, il-Kumitat Erasmus+, u r-rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni.
2. Dan id-djalogu jista’ jsir f’firxa wiesgħa ta’ kuntesti, li jvarjaw minn avvenimenti Ewropej għal gruppi ta’ ħidma ad hoc, konsultazzjonijiet immirati u opportunitajiet ta’ taħriġ u networking – jew jista’ jseħħ fiżikament, online jew b’mod ibridu.
Artikolu 17
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Ottubru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 189, 28.5.2021, p. 1. Minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament dwar Erasmus+”.
(2) ĠU L 202, 8.6.2021, p. 32. Minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament dwar il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.” Il-Programm Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se ssir referenza għalihom ukoll, b’mod konġunt, minn hawn ’il quddiem, bħala “il-Programmi”.
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 1).
(5) Ir-Regolament dwar Erasmus+ jiddefinixxi “persuni b’inqas opportunitajiet” fl-Artikolu 2(25), u r-Regolament dwar il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jiddefinixxi “żgħażagħ b’inqas opportunitajiet” fl-Artikolu 2(4), fil-biċċa l-kbira b’mod identiku. F’din id-Deċiżjoni, dawn se jissejħu wkoll “parteċipanti b’inqas opportunitajiet”.
(6) Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).
(7) Minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Karta”.
ANNESS
Gwida għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ inklużjoni tal-Programmi tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà
Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, tista’ tkompli tiżviluppa d-dettalji għall-miżuri ta’ inklużjoni stabbiliti f’din id-Deċiżjoni fil-linji gwida ta’ implimentazzjoni, sabiex jiġu elaborati u aġġornati matul il-ħajja tal-programmi tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2021–2027.
Il-gwida li ġejja tista’ tiġi żviluppata u rfinata progressivament, bħala parti miċ-ċiklu tal-ħajja regolari tal-programm:
1. |
Dokumenti ta’ referenza tal-programm: il-Kummissjoni tista’ tipprovdi gwida lill-partijiet ikkonċernati dwar il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-miżuri ta’ inklużjoni u diversità f’dokumenti bħas-sejħa għall-proposti u l-gwidi tal-programmi, fil-gwida għall-esperti li jevalwaw il-proposti tal-proġetti, kif ukoll fil-formoli tal-applikazzjoni, u f’dokumenti tekniċi oħra, bħall-Istrateġija għall-Inklużjoni u d-Diversità (1). |
2. |
L-attivitajiet fil-qafas tal-ġestjoni tal-aġenziji nazzjonali tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà: Bħala parti mill-proċess ta’ valutazzjoni perjodika tagħhom, l-aġenziji nazzjonali għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-impatt tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-inklużjoni u d-diversità u kif dawn jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali tal-inklużjoni u diversità tal-Programmi fil-livell Ewropew. |
3. |
Materjali ta’ Komunikazzjoni u linji gwida strateġiċi: Minbarra d-dokumenti ta’ referenza tal-programm, il-Kummissjoni tista’ tiżviluppa dokumenti ta’ gwida ulterjuri b’rakkomandazzjonijiet utli, stejjer li jkunu rnexxew u prattiki tajbin indirizzati għall-aġenziji nazzjonali tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u lill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni (EACEA), organizzazzjonijiet benefiċjarji u lill-parteċipanti potenzjali b’inqas opportunitajiet biex tappoġġa b’mod kwalitattiv l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ inklużjoni u diversità, u biex tqajjem kuxjenza dwar l-opportunitajiet differenti disponibbli. Dawn il-materjali u l-linji gwida għandhom jiġu żviluppati bħala kokreazzjoni flimkien mal-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-qasam. |
Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-istrutturi ta’ implimentazzjoni rilevanti, għandha tiżgura firxa wiesgħa ta’ materjali msemmija fil-punt 3 tat-tieni subparagrafu. Dan għandu jsir permezz tas-siti web iddedikati, kanali tal-media soċjali u forom oħra ta’ komunikazzjoni, bil-mira li tiġi żgurata viżibbiltà u titqajjem kuxjenza fost il-benefiċjarji u l-parteċipanti potenzjali b’inqas opportunitajiet, kif ukoll biex jiġi promoss l-involviment attiv ta’ dawk il-benefiċjarji u l-parteċipanti potenzjali b’inqas opportunitajiet fil-proċess ta’ kokreazzjoni ta’ programmi tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà aktar inklużivi u diversi.
(1) https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/implementation-guidelines-erasmus-and-european-solidarity-corps-inclusion-and-diversity_mt