EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1775

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1775 tal-5 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/789 li tawtorizza lill-Ungerija tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

ST/11645/2021/INIT

ĠU L 360, 11.10.2021, p. 110–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1775/oj

11.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 360/110


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1775

tal-5 ta’ Ottubru 2021

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/789 li tawtorizza lill-Ungerija tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE jipprevedi li kwalunkwe persuna taxxabbli li twettaq provvista taxxabbli ta’ oġġetti jew servizzi, bħala regola ġenerali, hija responsabbli mill-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa.

(2)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/789 (2) awtorizzat lill-Ungerija tintroduċi miżura li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-persuna responsabbli mill-ħlas tal-VAT f’każjiet fejn ċerti provvisti jitwettqu minn persuna taxxabbli soġġetta għal likwidazzjoni jew għal kwalunkwe proċedura oħra li tistabbilixxi l-insolvenza tagħha b’manjiera legali (“il-miżura speċjali”).

(3)

Permezz ta’ ittra irreġistra mal-Kummissjoni fit-18 ta’ Frar 2021, l-Ungerija ressqet talba lill-Kummissjoni biex l-awtorizzazzjoni li tapplika għall-miżura speċjali tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2026 (“it-talba”). Flimkien mat-talba l-Ungerija ppreżentat rapport, inkluż rieżami tal-miżura speċjali.

(4)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni, permezz tal-ittri tddatati 7 ta’ April 2021, bagħtet it-talba lill-Istati Membri l-oħra. Permezz ta’ ittra ddatata 8 ta’ April 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra t-talba.

(5)

L-Ungerija ssostni li l-persuni taxxabbli f’likwidazzjoni jew soġġetti għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ spiss ma jħallsux il-VAT dovuta lill-awtoritajiet tat-taxxa. Fl-istess ħin, ix-xerrej, li huwa persuna taxxabbli bid-dritt għat-tnaqqis, jista’ xorta jnaqqas il-VAT mġarrba, u dan għandu impatt negattiv fuq il-baġit u jippermetti li tiġi ffinanzjata l-likwidazzjoni. L-Ungerija irreġistrat ukoll każijiet ta’ frodi fejn kumpanniji f’likwidazzjoni joħorġu fatturi fittizji lil kumpanniji attivi u jnaqqsu b’mod sostanzjali t-taxxa pagabbli mingħajr kwalunkwe garanzija li l-emittent iħallas il-VAT dovuta.

(6)

Il-punt (g) tal-Artikolu 199(1) tad-Direttiva 2006/112/KE jippermetti li l-Istati Membri jistipulaw li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT tkun il-persuna taxxabbli li lilha ssirilha l-provvista ta’ proprjetà immobbli mibjugħa mid-debitur tas-sentenza fi proċedura ta’ bejgħ obbligatorju (“il-mekkaniżmu tar-reverse charge”). Il-miżura speċjali tippermetti lill-Ungerija testendi l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge għal provvisti oħra minn persuni taxxabbli soġġetti għal proċedimenti ta’ insolvenza, jiġifieri l-provvista ta’ oġġetti kapitali u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi oħra b’valur tas-suq miftuħ li jaqbeż il-HUF 100 000.

(7)

Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mil-Ungerija, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fuq dawk it-tipi ta’ tranżazzjonijiet kienet effettiva biex tissimplifika l-ġbir tat-taxxa u biex tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa. L-implimentazzjoni tal-miżura speċjali llimitat it-telf għad-dħul pubbliku u ġġenerat dħul baġitarju addizzjonali. Barra minn hekk, l-effetti ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jwasslu għal żieda qawwija fl-għadd ta’ likwidazzjonijiet fil-futur qrib, u dan jenfasizza l-ħtieġa li l-miżura speċjali tiġi estiża.

(8)

Id-deroga mitluba jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien iżda xorta waħda għandha tipprovdi lill-amministrazzjoni tat-taxxa bi żmien biex tintroduċi miżuri konvenzjonali oħra, qabel ma l-miżura speċjali tiskadi, biex tindirizza l-problema u tnaqqas it-telf għall-baġit pubbliku, b’mod partikolari dak marbut ma’ prattiki frawdolenti, sabiex b’hekk estensjoni ulterjori ttal-miżura speċjali ssir waħda superfluwa. Id-deroga li tippermetti l-użu tal-mekkaniżmu tar-reverse charge tingħata biss f’każijiet eċċezzjonali għal oqsma frodulenti speċifiċi u tintuża biss bħala l-aħħar alternattiva. Għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni jenħtieġ li tiġi estiża biss sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(9)

Il-miżura speċjali mhi se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.

(10)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/789 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/789, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. ŠIRCELJ


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/789 tal-25 ta’ Mejju 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 134, 31.5.2018, p. 10).


Top