Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1272

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1272 tat-30 ta’ Lulju 2021 li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-iffaċilitar tad-dritt tal-moviment ħieles fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/5785

    ĠU L 277, 2.8.2021, p. 148–150 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1272/oj

    2.8.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 277/148


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1272

    tat-30 ta’ Lulju 2021

    li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-iffaċilitar tad-dritt tal-moviment ħieles fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) 2021/953 jippermetti l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom meta l-Kummissjoni ssib li dawn iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu skont standards li jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dan ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri jridu japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom u li huma intitolati jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe sejba ta’ ekwivalenza stabbilita f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika għaċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 maħruġa mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. B’mod simili, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) 2021/954, tali sejbiet ta’ ekwivalenza japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 maħruġa mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

    (3)

    Wara talba mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan, fid-29 ta’ Ġunju 2021 il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 maħruġa mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan f’konformità mas-sistema tagħha “VA-EUDCC-GW” huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/953, li jippermetti l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità tagħhom. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 maħruġa mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan f’konformità mas-sistema “VA-EUDCC-GW” fihom id-data meħtieġa.

    (4)

    Fid-9 ta’ Lulju 2021, l-Istat tal-Belt tal-Vatikan ipprovda informazzjoni dettaljata lill-Kummissjoni dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati interoperabbli tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 skont is-sistema bl-isem “VA-EUDCC-GW”. L-Istat tal-Belt tal-Vatikan informa lill-Kummissjoni li huwa jqis li ċ-ċertifikati tiegħu tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 qed jinħarġu f’konformità ma’ sistema standard u teknoloġika li huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, l-Istat tal-Belt tal-Vatikan informa lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati tat-tilqim kontra l-COVID-19 maħruġa mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan f’konformità mas-sistema “VA-EUDCC-GW” fihom id-data msemmija fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953.

    (5)

    Minbarra dan, l-Istat tal-Belt tal-Vatikan informa lill-Kummissjoni li se joħroġ ċertifikati tal-vaċċinazzjoni interoperabbli għall-vaċċin kontra l-COVID-19 Comirnaty.

    (6)

    L-Istat tal-Belt tal-Vatikan informa wkoll lill-Kummissjoni li se jaċċetta ċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni, tat-test u tal-irkupru maħruġa mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953. L-Istat tal-Belt tal-Vatikan informa lill-Kummissjoni li se jaċċetta prova tal-vaċċinazzjoni għall-vaċċini b’awtorizzazzjoni fl-UE kollha (wara opinjoni mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini), vaċċini li ngħataw awtorizzazzjoni temporanja ta’ kummerċjalizzazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-UE u vaċċini li lestew il-proċedura tal-elenkar għall-użu ta’ emerġenza tad-WHO. L-Istat tal-Belt tal-Vatikan informa lill-Kummissjoni wkoll li se jaċċetta ċertifikati tat-test ibbażati fuq in-NAAT (eż. RT-PCR) u testijiet rapidi tal-antiġeni fuq il-lista tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa. L-Istat tal-Belt tal-Vatikan informa lill-Kummissjoni wkoll li se jaċċetta ċertifikati ta’ rkupru bbażati fuq NAAT (eż. RT-PCR).

    (7)

    Fit-22 ta’ Lulju 2021, l-Istat tal-Belt tal-Vatikan informa lill-Kummissjoni wkoll li, meta jivverifika ċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni, tat-testijiet u tal-irkupru maħruġa mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953, id-data personali inkluża fiċ-ċertifikati għandha tiġi pproċessata biss biex jiġu vverifikati l-vaċċinazzjoni, ir-riżultat tat-test jew l-irkupru tad-detentur u mhux se tinżamm wara.

    (8)

    L-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 maħruġa mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan f’konformità mas-sistema “VA-EUDCC-GW” għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

    (9)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li ċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 maħruġa mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan f’konformità mas-sistema “VA-EUDCC-GW” jiġu aċċettati skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2021/953.

    (10)

    Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operattiva, jenħtieġ li l-Istat tal-Belt tal-Vatikan ikun konness mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

    (11)

    Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi jew ittemm din id-Deċiżjoni jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

    (12)

    Fid-dawl tal-ħtieġa li l-Istat tal-Belt tal-Vatikan ikun ikkollegat mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (13)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 2021/953,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Iċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 maħruġa mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan f’konformità mas-sistema “VA-EUDCC-GW” għandhom, għall-fini tal-iffaċilitar tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, jiġu ttrattati bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

    Artikolu 2

    L-Istat tal-Belt tal-Vatikan għandu jkun konness mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).


    Top