This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021D1026
Council Decision (CFSP) 2021/1026 of 21 June 2021 in support of the Cyber Security and Resilience and Information Assurance Programme of the Organisation for the Prohibition of Chemical Weapons (OPCW) in the framework of the implementation of the EU Strategy against Proliferation of Weapons of Mass Destruction
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1026 tal-21 ta’ Ġunju 2021 b’appoġġ għall-Programm dwar iċ-Ċibersigurtà u r-Reżiljenza Ċibernetika u l-Assigurazzjoni tal-Informazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1026 tal-21 ta’ Ġunju 2021 b’appoġġ għall-Programm dwar iċ-Ċibersigurtà u r-Reżiljenza Ċibernetika u l-Assigurazzjoni tal-Informazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva
ST/8408/2021/INIT
ĠU L 224, 24.6.2021, p. 24–28
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 30/08/2024: This act has been changed. Current consolidated version: 20/07/2023
24.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 224/24 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1026
tal-21 ta’ Ġunju 2021
b’appoġġ għall-Programm dwar iċ-Ċibersigurtà u r-Reżiljenza Ċibernetika u l-Assigurazzjoni tal-Informazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (l-“Istrateġija tal-UE”), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta’ miżuri għall-ġlieda kontra tali proliferazzjoni. |
(2) |
L-Istrateġija tal-UE tissottolinja r-rwol kruċjali tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta’ Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (CWC) u tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-ħolqien ta’ dinja ħielsa minn armi kimiċi. L-objettivi tal-Istrateġija tal-UE huma komplementari għal dawk segwiti mill-OPCW fil-kuntest tar-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni tas-CWC. |
(3) |
Fit-22 ta’ Novembru 2004 il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/797/PESK (1) dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW. Dik l-Azzjoni Konġunta ġiet segwita mal-iskadenza tagħha mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/913/PESK (2), li sussegwentement kienet segwita mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/185/PESK (3). L-Azzjoni Konġunta 2007/185/PESK kienet segwita mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/569/PESK (4), 2012/166/PESK (5), 2013/726/PESK (6), (PESK) 2015/259 (7), (PESK) 2017/2302 (8), (PESK) 2017/2303 (9) u (PESK) 2019/538 (10). |
(4) |
It-tkomplija ta’ assistenza intensiva u mmirata bħal din min-naħa tal-Unjoni għall-OPCW hi meħtieġa fil-kuntest tal-implimentazzjoni attiva tal-Kapitolu III tal-Istrateġija tal-UE. |
(5) |
Jenħtieġ aktar appoġġ mill-Unjoni għall-Programm dwar iċ-Ċibersigurtà u r-Reżiljenza Ċibernetika u l-Assigurazzjoni tal-Informazzjoni tal-OPCW, li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-OPCW biex jinżammu livelli xierqa ta’ ċibersigurtà u reżiljenza ċibernetika fl-indirizzar tal-isfidi attwali u emerġenti relatati maċ-ċibersigurtà, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Bil-għan li ċerti elementi tal-Istrateġija tal-UE jiġu applikati b’mod immedjat u prattiku, l-Unjoni għandha tappoġġa proġett tal-OPCW bl-objettivi li ġejjin:
— |
it-titjib tal-infrastruttura tal-ICT f’konformità mal-qafas tal-kontinwità tal-operat istituzzjonali tal-OPCW, b’enfasi qawwija fuq ir-reżiljenza; u |
— |
l-iżgurar ta’ governanza ta’ aċċess privileġġat, kif ukoll ġestjoni u separazzjoni tal-informazzjoni fiżika, loġika u kriptografika għan-networks strateġiċi u ta’ missjoni kollha tal-OPCW. |
2. Fil-kuntest tal-paragrafu 1, l-attivitajiet appoġġati mill-Unjoni tal-proġett tal-OPCW, li jikkonformaw mal-miżuri stabbiliti fil-Kapitolu III tal-Istrateġija tal-UE, għandhom ikunu dawn li ġejjin:
— |
l-operazzjonalizzazzjoni ta’ ambjent favorevoli għal sforzi li għaddejjin għaċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza ċibernetika f’operazzjonijiet tal-OPCW f’diversi siti; |
— |
it-tfassil ta’ soluzzjonijiet imfassla apposta għall-integrazzjoni u l-konfigurazzjoni ta’ sistemi li huma fuq il-post u bbażati fuq il-cloud ma’ sistemi tal-ICT tal-OPCW u soluzzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ aċċess privileġġat (PAM); u |
— |
il-bidu u l-ittestjar ta’ soluzzjonijiet PAM. |
3. Deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet tal-OPCW appoġġati mill-Unjoni li jissemmew fil-paragrafu 2 tinsab fl-Anness.
Artikolu 2
1. għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha ssir mis-Segretarjat Tekniku tal-OPCW (is-“Segretarjat Tekniku”). Huwa għandu jwettaq dak il-kompitu taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tar-RGħ. Għal dak il-fini, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat Tekniku.
Artikolu 3
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 2 151 823.
2. L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dak il-fini, hija għandha tikkonkludi l-ftehim neċessarju mas-Segretarjat Tekniku. Dak il-ftehim għandu jistipula li s-Segretarjat Tekniku għandu jiżgura l-viżibilità tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha, u għandu jispeċifika miżuri biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ sinerġiji u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-attivitajiet.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.
Artikolu 4
Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mis-Segretarjat Tekniku. Ir-rapporti tar-RGħ għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi wara sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tagħha jekk dak il-ftehim ma jkunx ġie konkluż sa dak iż-żmien.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/797/PESK tat-22 ta’ Novembru 2004 dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 63).
(2) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/913/PESK tat-12 ta’ Diċembru 2005 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa (ĠU L 331, 17.12.2005, p. 34).
(3) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/185/PESK tad-19 ta’ Marzu 2007 dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Distruzzjoni Massiva (ĠU L 85, 27.3.2007, p. 10).
(4) Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/569/PESK tas-27 ta’ Lulju 2009 dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 197, 29.7.2009, p. 96).
(5) Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/166/PESK tat-23 ta’ Marzu 2012 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 87, 24.3.2012, p. 49).
(6) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/726/PESK tad-9 ta’ Diċembru 2013 b’appoġġ għall-UNSCR 2118 (2013) u l-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/Dec 1, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 329, 10.12.2013, p. 41).
(7) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/259 tas-17 ta’ Frar 2015 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 43, 18.2.2015, p. 14).
(8) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2302 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li tappoġġa l-attivitajiet tal-OPCW għal assistenza fl-operazzjonijiet ta’ tindif ta’ dak li kien is-sit ta’ ħażna tal-armi kimiċi fil-Libja fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 329, 13.12.2017, p. 49).
(9) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2303 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2118 (2013) u d-deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/DEC.1 dwar il-qerda tal-armi kimiċi Sirjani, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva (ĠU L 329, 13.12.2017, p. 55).
(10) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/538 tal-1 ta’ April 2019 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 93, 2.4.2019, p. 3).
A NNESS
DOKUMENT TA’ PROĠETT
1. Kuntest
L-OPCW hija meħtieġa li żżomm infrastruttura li tippermetti s-sovranità tal-informazzjoni b’mod proporzjonat għall-klassifikazzjonijiet tal-aċċess privileġġjat, ir-rutini tal-immaniġġjar xierqa u t-theddid eżistenti filwaqt li tibqa’ kapaċi tiddefendi kontra riskji emerġenti. L-OPCW qed tkompli tiffaċċa b’mod konsistenti riskji serji u emerġenti fir-rigward taċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza ċibernetika. L-OPCW hija fil-mira ta’ atturi b’livell għoli ta’ ħiliet, riżorsi u motivazzjoni. Dawn l-atturi jkomplu jattakkaw il-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni u l-assi infrastrutturali tal-OPCW fuq bażi frekwenti. Bi tweġiba għat-tħassib li l-attakki ċibernetiċi reċenti, il-kunsiderazzjonijiet politiċi attwali u l-kriżi tal-COVID-19 issottolinjaw, u b’kont meħud tar-rekwiżiti uniċi ppreżentati min-natura tal-ħidma tal-OPCW biex jitwettaq il-mandat tas-CWC, huwa ċar li jenħtieġ investiment essenzjali fil-kapaċitajiet tekniċi.
Taħt il-Fond Speċjali tal-OPCW għaċ-Ċibersigurtà, il-Kontinwità tal-Operat u s-Sigurtà tal-Infrastruttura Fiżika, l-OPCW fasslet il-Programm tagħha dwar iċ-Ċibersigurtà u r-Reżiljenza Ċibernetika u l-Assigurazzjoni tal-Informazzjoni (Programm tal-OPCW) b’47 attività biex tindirizza l-isfidi taċ-ċibersigurtà li ġew esperjenzati fiż-żminijiet reċenti. Il-programm tal-OPCW huwa allinjat mal-aħjar prattika kif promossa minn entitajiet bħall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) jew bl-użu ta’ kunċetti relatati mad-Direttiva Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni (NIS) li jappartjenu għat-Telekomunikazzjoni u d-Difiża. Kollettivament, il-Programm tal-OPCW ikopri l-oqsma tematiċi li ġejjin: networks klassifikati u mhux klassifikati; politika u governanza; detezzjoni u rispons; operazzjonijiet u manutenzjoni; u telekomunikazzjoni. Fundamentalment, il-Programm tal-OPCW huwa mfassal biex jippermetti lill-OPCW tnaqqas l-opportunitajiet għal attakkanti b’riżorsi tajbin u/jew sponsorjati mill-istat li jilħqu l-għanijiet tagħhom, u biex itaffi r-riskji kemm minn theddid estern kif ukoll minn theddid minn ġewwa kemm minn perspettiva umana kif ukoll minn dik teknika. L-appoġġ tal-Unjoni huwa strutturat bħala Proġett b’tliet attivitajiet li jikkorrispondu ma’ żewġ attivitajiet mis-47 tal-Programm tal-OPCW.
2. Għan tal-Proġett
L-għan ġenerali tal-Proġett huwa li jiżgura li s-Segretarjat tal-OPCW ikollu l-kapaċità li jżomm livell xieraq ta’ ċibersigurtà u reżiljenza ċibernetika fl-indirizzar tal-isfidi rikorrenti u emerġenti taċ-ċibersigurtà fil-kwartieri ġenerali tal-OPCW u l-faċilitajiet awżiljarji, biex jippermetti t-twettiq tal-mandat tal-OPCW u l-implimentazzjoni effettiva tas-CWC.
3. Objettivi
— |
It-titjib tal-infrastruttura tal-ICT f’konformità mal-qafas istituzzjonali tal-kontinwità tal-operat tal-OPCW, b’enfasi qawwija fuq ir-reżiljenza ċibernetika; |
— |
L-iżgurar ta’ governanza ta’ aċċess privileġġat, kif ukoll il-ġestjoni u s-separazzjoni tal-informazzjoni fiżika, loġika u kriptografika għan-networks strateġiċi u tal-missjonijiet kollha. |
4. Riżultati
Ir-riżultati mistennija li l-Proġett ser jikkontribwixxi għalihom huma kif ġej:
— |
Il-provvediment min-naħa tat-tagħmir u s-servizzi tal-ICT ta’ affidabbiltà robusta tas-sistema (ridondanza ibrida/ġeografika) u l-faċilitazzjoni ta’ disponibbiltà akbar ta’ sistemi u servizzi tal-ICT b’appoġġ għall-kontinwità tal-operat; |
— |
Il-minimizzazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ kwalunkwe fattur jew persuna li jkollha impatt negattiv fuq il-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni jew tas-sistemi fl-OPCW. |
5. Attivitajiet
5.1. Attività 1 – L-operazzjonalizzazzjoni ta’ ambjent favorevoli għal sforzi li għaddejjin għaċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza ċibernetika f’operazzjonijiet tal-OPCW f’diversi siti;
Din l-attività tfittex li tiżgura ambjent favorevoli għall-introduzzjoni bla xkiel tal-ippjanar tal-kontinwità tal-operat tal-OPCW f’dak li għandu x’jaqsam maċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza ċibernetika. Dan ser jinkiseb billi jiġu indirizzati l-aġġornamenti tal-infrastruttura – l-arkitettura mill-ġdid u/jew l-arkivju għall-kontinwità tal-operat tal-OPCW f’operazzjonijiet f’diversi siti. Kif ukoll billi tiġi ffaċilitata u promossa aktar l-integrazzjoni ta’ governanza tal-aċċess privileġġat fl-ippjanar tal-kontinwità tal-operat u l-proċessi ta’ rispons.
5.2. Attività 2 – It-tfassil ta’ soluzzjoni mfassla apposta għall-integrazzjoni u l-konfigurazzjoni ta’ sistemi li huma fuq il-post u bbażati fuq il-cloud ma’ sistemi tal-ICT tal-OPCW u soluzzjonijiet ta’ Ġestjoni ta’ Aċċess Privileġġat (PAM)
Din l-attività tiffoka fuq it-trasformazzjoni tal-ambjent favorevoli fi tfassil apposta għall-integrazzjoni u l-konfigurazzjoni ta’ sistemi li huma fuq il-post u bbażati fuq il-cloud ma’ sistemi tal-ICT tal-OPCW u soluzzjonijiet PAM. Dan mistenni li jżid l-effiċjenza tal-infrastruttura tas-sistemi tal-ICT u jwassal għat-tfassil ta’ sistema integrata ta’ PAM għal assi kritiċi, li tista’ tiskoraġġixxi, tidentifika, u hija konformi ma’ kapaċitajiet proporzjonati ta’ tfittix ta’ theddid.
5.3. Attività 3 – Il-bidu u l-ittestjar ta’ soluzzjonijiet PAM
Din l-attività tibni fuq l-infrastruttura implimentata u s-soluzzjonijiet PAM imfassla biex it-teorija dwar l-integrazzjoni u l-konfigurazzjoni tissarraf f’prattika. Is-sistemi għandhom jiġu mmappjati, profilati, u inkorporati f’sistemi eżistenti filwaqt li jitqiesu l-politika assoċjata u l-fatturi umani. Wara dan, ittestjar bir-reqqa jivverifika u jiżgura r-robustezza tas-sistema (is-sistemi l-ġodda kollha għandhom awtentikazzjoni qawwija għall-utenti u l-apparati, klassifikazzjoni u protezzjoni xierqa tal-informazzjoni, u prevenzjoni avvanzata tat-telf tad-data) fl-implimentazzjoni u maż-żmien, u dan ser jippermetti lis-Segretarjat tal-OPCW jidentifika u jindirizza l-lakuni sa fejn ikun possibbli.
6. Tul ta’ żmien
It-tul ta’ żmien totali stmat tal-implimentazzjoni ffinanzjata permezz ta’ dan il-proġett huwa mistenni li jseħħ u jintemm fuq perijodu ta’ 24 xahar.
7. Benefiċjarji
Il-benefiċjarji tal-proġett ser ikunu l-persunal tas-Segretarjat Tekniku tal-OPCW, l-organi tat-tfassil tal-politika, il-korpi sussidjarji u l-partijiet ikkonċernati tas-CWC inkluż l-Istati Partijiet.
8. Viżibilità tal-UE
L-OPCW għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha, b’kunsiderazzjonijiet raġonevoli ta’ sigurtà, biex tippubbliċizza l-fatt li dan il-proġett ġie ffinanzjat mill-Unjoni.